Jannar 2011

 

“Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien” (Atti 4: 32)1.

 

Permezz ta’ din il-Kelma, l-awtur tal-Atti tal-Appostli jurina xena mill-ewwel komunità nisranija ta’ Ġerusalemm (ara wkoll 2, 42; 5, 12-16). Kwalitajiet ewlenin tagħha kienu l-freskezza u l-ħeġġa spiritwali, it-talb u x-xhieda, imma fuq kollox l-għaqda kbira li kien hemm fi ħdanha. Din Ġesù ried li tingħata importanza kbira għax minnha toħroġ u tinfirex il-Knisja tiegħu.

 

L-Ispirtu s-Santu, li huwa spirtu ta’ mħabba u għaqda, kien jingħata fil-Magħmudija lil dawk kollha li kienu jilqgħu kliem Ġesù, u kien jgħaqqadhom ħaġa waħda ma’ Ġesù Rxoxt u b’hekk kienu jegħlbu d-differenzi kollha ta’ razza, kultura u klassi soċjali.

 

 “Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien”

 

Imma ejjew naraw fid-dettall l-aspetti ta’ din l-għaqda.

L-Ispirtu s-Santu kien qabel xejn jgħaqqad flimkien lil dawk li jemmnu u jagħmilhom qalb waħda u moħħ wieħed. Hu kien jgħinhom jegħlbu dawk l-affarijiet li kienu jtellfu 'l din l-għaqda fir-rabtiet ta’ bejniethom bħala aħwa ta’ xulxin.

 

Infatti l-aktar ħaġa li tfixkel l-għaqda hi l-individwaliżmu tagħna; hi meta nintrabtu mal-ideat tagħna, ma’ kif inħarsu lejn l-affarijiet u mal-gosti personali. Bl-egoiżmu tagħna aħna nibnu ħitan li bihom ninqatgħu għalina u naqtgħu barra 'l min hu differenti minna.

 

“Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien”

 

Imbagħad, l-għaqda li kien iġib l-Ispirtu s-Santu, kienet bilfors tirrifletti fuq il-ħajja ta’ dawk li kienu jemmnu. L-għaqda tal-ħsieb u tal-qalb kienet titwieled u tintwera f’solidarjetà konkreta billi kienu jaqsmu ġidhom flimkien ma’ dawk ħuthom li kienu fil-bżonn. U peress li kienet għaqda vera, ma kienx permess li fi ħdan il-komunità jkun hemm min jgħix fil-ġid filwaqt li oħrajn kienu jkunu neqsin mill-affarijiet meħtieġa għall-ħajja.

 

“Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien”.

 

Mela dan ix-xahar kif se ngħixuha din il-Kelma tal-ħajja? Hi tisħaq fuq l-importanza

tal-komunjoni u l-għaqda li Ġesù tant xtaq u li biex din isseħħ Hu tana l-Ispirtu tiegħu.

 

Għandna nfittxu mela li nisimgħu leħen l-Ispirtu s-Santu, biex nikbru f’din il-komunjoni fil-livelli kollha. Qabel xejn fil-livell spiritwali billi negħlbu l-firda li nġorru ġewwa fina. Biex nagħti eżempju, tkun ħaġa li ma tagħmilx sens li tkun trid tingħaqad ma’ Ġesù u fl-istess ħin ikun hemm il-firdiet bejnietna billi nġibu ruħna b’mod individwalista, u kulħadd jimxi għal rasu, u billi noqogħdu niġġudikaw lil xulxin u forsi nwarrbu 'l xulxin. Għalhekk jeħtieġ li niġġeddu u nikkonvertu għaliex Alla jridna nkunu magħqudin ħaġa waħda bejnietna.

 

Barra minn hekk, din il-Kelma tgħinna nifhmu dejjem aħjar il-kontradizzjoni li hemm bejn it-twemmin nisrani u l-użu egoistiku tal-ġid materjali. Hi tgħinna nwettqu solidarjetà vera ma’ kull min jinsab fil-bżonn, dejjem skont kemm inkunu nistgħu.

 

Peress li ninsabu fix-xahar li fih niċċelebraw il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara, din il-Kelma timbuttana biex nitolbu u nsaħħu r-rabtiet tagħna ta’ għaqda u mħabba ma’ ħutna nsara ta’ Knejjes oħra, li magħhom tgħaqqadna l-fidi ta’ bejnietna u l-ispirtu waħdieni ta’ Kristu, li rċevejna fil-Magħmudija.

 

Chiara Lubich