Kelma tal-Ħajja Ġunju 2013

 

“Jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla” (1 Pt 2, 20).

 

L-appostlu San Pietru ried juri lill-komunitajiet tiegħu l-ispirtu ġenwin tal-Vanġelu fl-affarijiet konkreti tal-ħajja; b’mod partikulari jitkellem fuq il-kundizzjoni u l-istat ta’ ħajja ta’ kull bniedem.

 

Dan il-kliem San Pietru qalu lil xi lsira nsara u li, bħall-bqija tal-ilsira ta’ żmienu, kienu ttrattati ħażin ħafna. Nistgħu ngħidu wkoll li dan il-kliem jgħodd għal kull min, f’kull żmien u f’kull post, ikollu jbati inġustizzji u jsib li ħutu l-bnedmin ma jifhmuhx.

 

“Jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla”

 

Lil dawn in-nies San Pietru qed jgħidilhom biex ma jċedux għall-istinti tagħhom u jeħduha kontra s-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha, imma biex jimitaw l-imġiba ta’ Ġesù. Anzi, hu jħeġġiġhom biex iwieġbu b’imħabba u f’dawn id-diffikultajiet u nuqqas ta’ ftehim jaraw il-grazzja, li hi okkażjoni li Alla jippermetti biex huma juru tassew il-veru spirtu nisrani.

B’hekk, b’imħabbithom, ikunu jistgħu jressqu lejn Kristu anki ’l min ma jifhimhomx.

 

“Jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla”

 

Issib ’il min jinqeda b’dan il-kliem, jew bi kliem ieħor jixbhu, biex jakkuża r-reliġjon Nisranija li tridna nkunu nies li noqogħdu għal kollox u nsikktu l-kuxjenza tagħna, biex imbagħad ma nkunux nistgħu neħduha kontra l-inġustizzji.

 

Imma dan mhux veru. Jekk Ġesù jitlobna nħobbu wkoll ’il min ma jifhimniex, ’il min jittrattana ħażin, dan ma jagħmlux għax irid li aħna nagħlqu għajnejna għall-inġustizzji. Anzi! Jagħmlu għax Hu jrid jgħallimna kif għandna nibnu soċjetà tassew ġusta. Dan isir billi nxerrdu l-ispirtu tal-imħabba vera u nkunu aħna li nibdew inħobbu l-ewwel.

 

“Jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla”

 

Mela x’għandna nagħmlu biex ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar?

 

Anki fi żminijietna issib ’il min ma jifhmekx jew ’il min jimxi ħażin  miegħek.  Issib ’il min jattakkak ħażin bl-ikrah, ’il min jiġġudikak ħażin, ’il min ma jkunx jafhulek ta’ dak li tkun għamilt miegħu; issib ’il min joffendik u jimxi miegħek b’mod inġust.

 

Anki f’dawn iċ-ċirkustanzi kollha aħna għandna nkunu xhieda tal-imħabba li Ġesù wassal fuq din l-art. Issa dan irridu nagħmluh ma’ kulħadd, anki ma’ min jittrattana ħażin.

 

Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar trid li għalkemm aħna nkunu qed niddefendu l-ġustizzja u s-sewwa b’mod leġittimu, qatt ma rridu ninsew li l-ewwel dmir tagħna bħala nsara hu li nħobbu ’l-oħrajn. Jiġifieri li nġibu ruħna magħhom b’mod ġdid, li nifhmuhom, nilqgħuhom u nħennu għalihom, l-istess kif jagħmel Ġesù magħna. B’hekk, avolja nkunu qed niddefendu r-raġunijiet tagħna, qatt m’għandna naslu li niksruha mal-oħrajn, qatt ma rridu nħallu t-tentazzjoni tegħlibna u nżommu f’qalbna għal xi ħadd jew naslu biex inpattuhielu.

 

Imbagħad, jekk aħna nkunu għodda tal-imħabba ta’ Ġesù u nagħmlu hekk, jirnexxilna wkoll inwasslu ’l ħutna għand Alla.

 

Chiara Lubich