Kelma tal-Ħajja Ġunju 2012

 

“Tħabtu mhux għall-ikel li jintemm iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom” (Ġw 6, 27).

 

Wara li tema lill-kotra bil-miraklu tal-ħobż qrib il-baħar ta’ Tiberija, Ġesù qasam bil-moħbi għax-xatt l-ieħor qrib Kafarnahum biex iwarrab min-nies li ridu jagħmluh sultan. Ħafna minnhom xorta waħda bdew ifittxuh u sa fl-aħħar sabu fejn kien qiegħed. Iżda ’l Ġesù ma għoġbitux il-ħeġġa li kienet imqanqla minn interess persunali. Huma kienu għadhom kemm kielu mill-ħobż tal-miraklu, u kienu qed jaraw biss li kisbu l-ikel materjali mingħajr ma fehmu t-tifsira kbira ta’ dak il-ħobż. Dak il-ħobż juri li Ġesù hu l-mibgħut mill-Missier biex jagħti l-ħajja vera lid-dinja. F’Ġesù raw biss wieħed li jagħmel il-mirakli, Messija ta’ din id-dinja, li jaf jipprovdilhom ħafna ikel mingħajr tbatija ta’ xejn. Ġesù ħeġġeġ lil dawn in-nies billi qalilhom:

 

“Tħabtu mhux għall-ikel li jintemm iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom”.

 

“L-ikel li ma jintemmx” hu l-persuna nnifisha ta’ Ġesù u hu wkoll it-tagħlim tiegħu, għax it-tagħlim ta’ Ġesù u l-persuna tiegħu huma ħaġa waħda. Jekk inkomplu naqraw ftit aktar ’il quddiem, nindunaw li dan il-“ħobż li ma jintemmx” hu l-istess ġisem ewkaristiku ta’ Ġesù. Għalhekk nistgħu ngħidu li “l-ħobż li ma jintemmx” hu Ġesù nnifsu li jagħtina lilu nnifsu fil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija.

 

“Tħabtu mhux għall-ikel li jintemm iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom”.

 

Ix-xbieha tal-ħobż, kif ukoll dik tal-ilma, ta’ sikwit jintużaw fil-Bibbja. Il-ħobż u l-ilma huma meqjusa bħala l-ikel ewlieni li mingħajru l-bniedem ma jistax jgħix. Meta Ġesù xebbah lilu nnifsu mal-ħobż, hu ried ifisser li l-ħajja spiritwali tal-bniedem ma tistax tgħaddi mingħajr il-persuna u t-tagħlim tiegħu, daqskemm il-ħajja tal-ġisem ma tistax tgħaddi mingħajr il-ħobż.

M’għandniex xi ngħidu, il-ħobż li nieklu hu meħtieġ. Ġesù stess kattru b’miraklu għall-folol. Imma mhux biżżejjed il-ħobż waħdu. Il-bniedem, anki forsi mingħajr ma jintebaħ, ġo fih iħoss ġuħ u għatx kbir għall-verità, għall-ġustizzja, għat-tjieba, għall-imħabba, għas-safa, għall-għerf, għall-paċi, għall-ferħ, għall-ħajja li ma tintemmx: ġuħ li l-ebda ħaġa fid-dinja ma tista’ taqta’. Ġesù qed juri li hu biss jista’ jtaffi dan il-ġuħ li hemm f’qalb il-bniedem.

 

“Tħabtu mhux għall-ikel li jintemm iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom”.

 

Meta Ġesù wera lilu nnifsu bħala “ħobż tal-ħajja”, hu ma riedx biss jisħaq kemm hu meħtieġ li nitrejqu bih, li jeħtiġilna nemmnu fi kliemu biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem, imma Ġesù jrid jimbuttana ngħaddu mill-istess esperjenza tiegħu. Fil-fatt, bil-kliem: “Tħabtu għall-ikel li ma jintemmx” qed jagħmlilna stedina ħerqana. Qed jgħidilna li jeħtieġ immiddu jdejna, jiġifieri nagħmlu minn kollox biex niksbu dan l-ikel. Ġesù mhuwiex iġegħelna nagħmlu xi ħaġa ta’ bilfors, imma jridna niskopruh u nduqu l-preżenza tiegħu.

Bla ebda dubju li l-bniedem, bil-ħila tiegħu biss, ma jistax jasal għand Ġesù. Jista’ jasal bi grazzja minn Alla. Madankollu Ġesù l-ħin kollu qed jistieden il-bnedmin biex ikunu lesti jilqgħu r-rigal li jrid jagħtihom: lilu nnifsu. U huwa sewwa sew meta jipprova jgħix kliem Ġesù li l-bniedem jikseb fidi sħiħa fih, u jduq u jara kemm hi tajba l-Kelma tiegħu bħalma jieħu gost b’xi biċċa ħobż friska u bnina.

 

“Tħabtu mhux għall-ikel li jintemm iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom”.

 

Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar ma titkellimx fuq xi punt partikulari mit-tagħlim ta’ Ġesù (per eżempju l-maħfra, jew li ninqatgħu mill-ġid). Din id-darba qed tressaqna lejn il-qalba tal-ħajja nisranija, jiġifieri lejn ir-rabta persunali tagħna ma’ Ġesù.

Jiena nemmen li min beda jgħix Kliemu bis-serjetà jista’ jintebaħ xi ftit li Ġesù hu l-“ħobż” tal-ħajja li għandu l-ħila jissodisfa x-xewqat ta’ qalbu, li hu l-għajn ta’ kull ferħ u dawl tiegħu. Dan speċjalment meta jgħix il-kmandament tal-imħabba tal-proxxmu, li fih jiġbor il-kliem kollu t’Alla u l-kmandamenti kollha tiegħu. Meta tgħix din il-Kelma tista’ tara xi ftit li l-Kelma t’Alla hi t-tweġiba vera għall-problemi tal-bniedem u tad-dinja. Billi Ġesù, “il-ħobż tal-ħajja” jagħti lilu nnifsu għal kollox fl-Ewkaristija, min jgħix Kelmtu, waħdu jħoss il-bżonn li jirċievi l-Ewkaristija bi mħabba u li jagħtiha post importanti f’ħajtu.

Issa jmiss li, min għadda minn din l-esperjenza sabiħa, ikollu l-istess ħeġġa li biha Ġesù jqanqalna biex nakkwistaw il-“ħobż tal-ħajja”. Għalhekk jeħtieġ li ma jżommx dak li sab f’ħajtu għalih, imma jgħaddih lill-oħrajn ħalli ħafna nies oħra jsibu f’Ġesù dak li qalbhom fittxet sa minn dejjem. Dan ikun att kbir ta’ mħabba lejn l-oħrajn biex huma wkoll isiru jafu sa minn din id-dinja xinhi l-vera ħajja u jkollhom il-ħajja li ma tintemmx. U x’tista’ tixtieq aktar minn hekk?

Chiara Lubich