Ġunju 2011

 

 

"Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu, skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu xinhi r-rieda t’Alla, xinhu li jogħġbu, xinhu perfett" (Rm 12,2)1.

 

        Dan il-kliem insibuh fit-tieni parti tal-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani li fiha hemm deskrizzjoni tal-imġiba tan-nisrani bħala espressjoni tal-ħajja ġdida, tal-imħabba vera u tal-ferħ u l-ħelsien veru li tana Kristu. Il-ħajja tan-nisrani trid tkun mod ġdid kif naqdu d-dmirijiet u nħollu l-problemi li nistgħu niltaqgħu magħhom, bid-dawl u l-ħila tal-Ispirtu s-Santu.

Dan il-vers jorbot ma’ dak ta’ qablu. Fih San Pawl jgħid xinhu l-iskop u kif għandha tkun l-imġiba tagħna f’kull sitwazzjoni: ħajjitna trid tkun tifħir lil Alla, att ta’ mħabba mifrux tul iż-żmien. Dan nagħmluh billi nfittxu naraw xinhi r-rieda tiegħu, xinhu dak li l-aktar jogħġob lilu.

 

"Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu, skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu xinhi r-rieda t’Alla, xinhu li jogħġbu, xinhu perfett".

 

        Hi ħaġa ċara li biex tagħmel ir-rieda t’Alla, l-ewwelnett trid tagħrafha. Imma, skont kliem San Pawl, din mhix ħaġa ħafifa. Ma tistax tagħraf sew ir-rieda t’Alla jekk ma jkollokx dawl partikulari li jkun jista’ jgħinek tagħraf dak li Alla jrid minnek fil-ħafna sitwazzjonijiet tal-ħajja, u tevita ħolm u żbalji li faċli taqa’ fihom.

Dan hu don tal-Ispirtu s-Santu li nsejħulu “dixxerniment”. Mingħajru ma nistgħux nibnu fina mentalità tassew nisranija.

 

"Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu, skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu xinhi r-rieda t’Alla, xinhu li jogħġbu, xinhu perfett".

 

        Imma x’nistgħu nagħmlu biex ikollna u niżviluppaw dan id-don hekk importanti? Żgur li dan jitlob minna li nkunu nafu sew it-tagħlim nisrani. Imma dan mhuwiex biżżejjed. Kif jgħid San Pawl, din hi fuq kollox kwistjoni ta’ ħajja; din hi kwistjoni ta’ ġenerożità, ta’ ħeġġa biex ngħixu l-Kelma ta’ Ġesù waqt li nwarrbu l-biża’, l-inċertezzi u l-kalkoli msejkna tagħna. Irridu nkunu disposti u lesti li  nwettqu r-rieda t’Alla. Din hi t-triq li biha jkollna d-dawl tal-Ispirtu s-Santu u nibnu fina mentalità ġdida li Alla qed jitlob minna.

 

"Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu, skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu xinhi r-rieda t’Alla, xinhu li jogħġbu, xinhu perfett".

 

        Mela kif għandna ngħixuha l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Għandna nfittxu li jkollna aħna wkoll dan id-dawl meħtieġ biex nagħmlu r-rieda t’Alla.

Għalhekk irridu nagħrfu dejjem aħjar ir-rieda tiegħu li nsibuha fi Kliemu, fit-tagħlim tal-Knisja, fid-dmirijiet tal-istat tagħna, eċċ.

Imma l-aktar ħaġa importanti hi li ngħixu għax, kif diġà rajna, id-dawl veru joħroġ mill-ħajja, mill-imħabba. Ġesù juri lilu nnifsu lil min iħobbu u jżomm il-kmandamenti tiegħu u jħarishom. (ara Ġw 14, 21).

B’hekk jirnexxilna nagħmlu r-rieda t’Alla u dan ikun l-isbaħ don li nistgħu noffrulu. Dan jogħġbu mhux biss għax b’hekk inkunu qed nuruh imħabbitna, imma wkoll minħabba d-dawl u l-frott ta’ tiġdid nisrani li jqanqal madwarna.

 

1      Parola di vita, Awwissu 1993, ippubblikata fuq ir-rivista Città Nuova, 1993/14, p.34-35.

 

Chiara Lubich