Frar  2011

 

“Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla” (Rum 8, 14)1.

 

Din il-Kelma nsibuha f’nofs l-innu li fih San Pawl jgħanni dwar is-sbuħija tal-ħajja nisranija, dwar kull ħaġa ġdida li hemm fiha u l-libertà li hi ġġib magħha. Dan kollu hu frott tal-magħmudija u tal-fidi f’Ġesù, li permezz taghhom ningħaqdu bis-sħiħ fih u, permezz tiegħu, fir-realtà tal-ħajja li tinsab fit-Trinità Qaddisa. Meta nsiru ħaġa waħda ma’ Kristu, aħna naqsmu miegħu l-Ispirtu, bl-effetti kollha li dan iġib miegħu, ibda mill-ewwel wieħed: insiru wlied Alla.

 

San Pawl jinqeda bil-kelma “adozzjoni”2, imma dan jagħmlu biss biex jagħżilha mill-pożizzjoni ta’ iben naturali li tapplika biss għall-Iben waħdieni t’Alla.

 

Ir-rabta tagħna mal-Missier mhijiex waħda purament skont kif titlob il-liġi bħalma tkun dik tal-ulied addottati, imma hi rabta kollha sustanza, li tbiddel saħansitra n-natura tagħna, bħal twelid  mill-ġdid. Għax ħajjitna kollha tirċievi l-ħajja minn prinċipju ġdid, minn spirtu ġdid li hu l-istess Spirtu t’Alla.

 

Flimkien ma’ Pawlu, ma nehdew nieqfu qatt inkantaw il-miraklu ta’ mewt u qawmien li l-grazzja tal-magħmudija taħdem fina.

 

“Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla”.

 

Din il-Kelma tgħidilna xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-ħajja tagħna ta’ nsara, li fiha l-Ispirtu ta’ Ġesù jdaħħalna f’dik il-ħeġġa u t-tensjoni li Pawlu jiġbor fi ftit kliem fil-pożizzjoni opposta li hemm bejn il-ġisem u l-ispirtu. Bil-kelma ġisem hu jrid ifisser il-bniedem sħiħ (ġisem u ruħ) bid-dgħufija u l-egoiżmu tiegħu li l-ħin kollu jitqabdu mal-liġi tal-imħabba nnifisha li ssawbet fi qlubna3.

 

Tant hu hekk li dawk kollha li huma mmexxija mill-Ispirtu t’Alla kuljum iridu jħabbtu wiċċhom mat-“taqbida t-tajba tal-fidi”4 biex ikunu jistgħu jxejnu l-ġibdiet kollha għall-ħażen u jgħixu skont l-istqarrija tal-fidi li saret fil-magħmudija.

 

Kif?

 

Ilkoll nafu li biex l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jaħdem, jeħtiġilna nagħmlu l-parti tagħna, u San Pawl, meta kien qed jikteb din il-Kelma, kellu f’moħħu l-aktar id-dmir li għandhom dawk kollha li jimxu wara Kristu: jiċħdu lilhom infushom u jitqabdu kontra l-egoiżmu fil-forom kollha tiegħu.

 

Imma meta mmutu għalina nfusna nieħdu l-ħajja, tant li kull qatgħa, kull żabra, kull darba li ngħidu le għall-jien egoista tagħna, ikollna dawl ġdid, sliem, ferħ, imħabba u ħelsien minna nfusna. Dan kollu hu bieb miftuħ għall-Ispirtu.

 

Meta nħallu l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina b’aktar libertà, Hu jkun jista’ jsawwab fina d-doni tiegħu b’aktar abbundanza u jagħtina direzzjoni tajba fil-mixja tal-ħajja.

 “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla”.

 

Mela kif se ngħixu din il-Kelma?

 

Qabel xejn jeħtiġilna nagħrfu dejjem aktar din il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fina. Fina nfusna aħna nġorru teżor ta’ kobor liema bħalu. Imma qajla nindunaw bih. Għandna rikkezza tal-għaġeb; imma din kważi qatt ma nużawha.

 

Imbagħad, biex jirnexxilna nisimgħu u nimxu wara dan il-leħen, irridu ngħidu le għal dak kollu li jmur kontra r-rieda t’Alla u ngħidu iva għal kull ma jrid Hu: le għat-tentazzjonijiet, billi naqtgħu mill-ewwel dawk l-affarijiet li nħossuna miġbudin lejhom; iva għal dawk l-affarijiet li Alla fdalna f’idejna; iva għall-imħabba lejn kull proxxmu; iva għall-provi u d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom...

 

Jekk nagħmlu hekk, l-Ispirtu s-Santu jmexxina u jagħti t-togħma, il-ħeġġa, is-saħħa, u d-dawl lill-ħajja nisranija tagħna li ma jistax ikun li ma jkollniex jekk ħajjjitna tkun waħda awtentika.

 

Għalhekk anki min ikun qrib tagħna jinduna li aħna m’aħniex biss ulied tal-familja tagħna tal-bnedmin, imma wlied Alla.

 

Chiara Lubich

 

Referenzi

1. Parola di vita, Ġunju 2000, ippubblikata fuq Città Nuova, 2000/10, p.7.

2. ara Rum 8,15; Gal 4,5.

3. ara Rum 5,5.

4.1 Tm 6, 12.