Kelma tal-Ħajja Diċembru 2014

Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn; u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess” (Lq. 3, 11).

 

          F’dan iż-żmien tal-Avvent, li qed jippreparana għall-Milied, niftakru fil-persuna ta’ Ġwanni l-Battista, li ntbagħat minn Alla biex iħejji t-triq għall-miġja tal-Messija. Hu kien jitlob lil dawk li kienu jmorru għandu biex jibdlu ħajjithom: “Uru l-indiema bl-imġiba tajba tagħkom” (Lq 3, 8); u min kien jistaqsih: “X’għandna nagħmlu?” (Lq 3, 10), kien iweġibhom:

 

Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn; u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”.

 

Għaliex għandi nagħti lill-oħrajn minn dak li hu tiegħi? Il-proxxmu hu maħluq minn Alla,  għalhekk huwa ħija jew oħti. “Ma nistax inweġġgħek bla ma nweġġa’ lili nnifsi”, kien jgħid Gandhi. Alla-Mħabba ħalaqna xbieha tiegħu, bħala rigal għal xulxin. F’demmna hemm miktuba l-liġi divina tal-imħabba. Ġesù, li ġie fostna, uriena dan b’mod ċar meta tana l-kmandament tiegħu: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (ara  Ġw 13, 34). Din hija “l-liġi tas-Sema”, il-ħajja tat-Trinità Qaddisa li niżlet hawn fl-art, il-qalba tal-Vanġelu. Kif fis-Sema l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu jgħixu f’għaqda sħiħa, tant li huma ħaġa waħda (ara Ġw 17,11), l-istess hawn fl-art, aktar ma nkunu ħaġa waħda fl-imħabba, aktar inkunu dak li għandna nkunu. Kif l-Iben jgħid lill-Missier: “Dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi” (Ġw 17, 10), hekk ukoll bejnietna sseħħ l-imħabba fil-milja tagħha kulfejn jinqasam flimkien mhux biss il-ġid spiritwali, imma wkoll dak materjali.

Il-bżonnijiet ta’ wieħed mill-proxxmu tagħna huma l-bżonnijiet ta’ kulħadd. Hemm xi ħadd bla xogħol? Mela anki jien bla xogħol. Hemm min għandu ommu ma tiflaħx? Jiena ngħinha daqs li kieku kienet ommi. Hemm oħrajn bil-ġuħ? Dan hu daqslikieku jien kont bil-ġuħ u nfittex li nġibilhom l-ikel kif kont nagħmel kieku jien kont bil-ġuħ.

Din kienet l-esperjenza tal-ewwel insara ta’ Ġerusalemm: “Kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien” (Atti 4, 32). Qsim tal-ġid li, għalkemm ma kinux obbligati jagħmluh, madankollu kienu jgħixuh b’mod qawwi ħafna bejniethom. Dan ma jfissirx, kif jispjega l-Appostlu San Pawl, li biex tħaffef il-piż minn fuq xi ħadd, dan għandu jaqa’ kollu fuqek, “imma kulħadd indaqs” (2 Kor 8, 13).

San Bażilju minn Ċesarea jgħid: “Il-ħobż li għandek maħżun hu ta’ min hu bil-ġuħ; il-mantell li qiegħed merfugħ hu ta’ min m’għandux ħwejjeġ x’jilbes; il-flus li żżomm moħbija huma ta’ min jinsab fil-bżonn”.

Santu Wistin jgħid: “Dak li ma jeħtiġuhx l-għonja, hu tal-fqar”.

“Il-foqra wkoll iridu jgħinu ruħhom u lil xulxin: wieħed jista’ juża saqajh biex jaqdi lil min hu zopp; ieħor juża għajnejh għal min hu għama biex imexxih; ieħor jista’ jmur iżur il-morda”.

 

Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn; u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”.

 

Illum ukoll nistgħu ngħixu bħall-ewwel insara. Il-Vanġelu mhuwiex xi ktieb mimli ħolm li ma jistax iseħħ. Il-Movimenti ekkleżjali huma xhieda ta’ dan. L-Ispirtu s-Santu qanqalhom fil-Knisja biex min ikun fihom jgħix il-Vanġelu tal-ewwel insara b’mod frisk u radikali, mill-qiegħ; huma tweġiba għall-isfidi tas-soċjetà tallum, fejn l-inġustizzji u l-faqar huma tant qawwija.

Niftakar fl-ewwel żminijiet tal-Moviment tal-Fokolari. Dak iż-żmien din il-grazzja ġdida poġġitilna f’qalbna mħabba partikulari għall-foqra. Meta konna niltaqgħu magħhom fit-triq, konna nieħdu nota u niktbu l-indirizz tagħhom biex imbagħad immorru nżuruhom u ngħinuhom; għalina dawn kienu Ġesù: “Għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Wara li konna nżuruhom fid-djar foqra tagħhom, konna nistidnuhom għall-ikel fi djarna. Konna nħejju l-isbaħ tvalja, l-isbaħ pożati u l-aħjar ikel. Mal-mejda tagħna, fl-ewwel fokolar, kienu joqogħdu bilqiegħda ħdejn xulxin fokolarina u fqir, fokolarina u fqir...

Wasal żmien meta dehrilna li l-Mulej kien qiegħed jitlob propju lilna nsiru foqra biex naqdu l-fqar u lil kulħadd. Għalhekk, f’kamra tal-ewwel fokolar, kull waħda minna poġġiet fin-nofs dak li ħasbet li kien żejjed għaliha: kowt, par ingwanti, kappell, kowt tal-fer... Illum il-Moviment għandu ditti li jagħtu xogħol lill-fqar u parti mill-qliegħ li jagħmlu jgħadduh lilhom!

Imma għad fadal ħafna x’isir għall-“foqra”.

 

Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn; u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”.

 

Għad għandna ħafna għana x’naqsmu mal-oħrajn, anki jekk forsi dan ma narawhx. Irridu nsiru aktar sensittivi għall-ħtiġiet tal-oħrajn, nitgħallmu kif nistgħu ngħinu bil-fatti, biex insibu mod kif naqsmu ħajjitna mal-oħrajn. Qalbna kbira biżżejjed biex tkun ta’ wens għall-oħrajn, fiha hemm sinċerità li rridu nuruha, ferħ li rridu naqsmuh mal-oħrajn. Nistgħu nagħtu mill-ħin tagħna, mit-talb tagħna, mill-għana tagħna f’dawk li huma kwalitajiet li nistgħu naqsmu mal-oħrajn bil-fomm jew bil-kitba. Xi drabi jkollna wkoll affarijiet, basktijiet, pinen, kotba, flus, djar, karozzi li nistgħu nagħtuhom biex jintużaw... Għandu mnejn naħżnu ħafna affarijiet għax naħsbu li xi darba għad ikollna bżonnhom u sadattant ikun hemm min joqgħod maġenbna u jkollu bżonn urġenti tagħhom.

Bħalma x-xtieli jieħdu mill-art l-ilma biss li jeħtieġu, hekk ukoll aħna għandna nfittxu li jkollna biss dak li neħtieġu. Ikun aħjar jekk xi drabi nindunaw li jonqosna xi ħaġa; aħjar jekk inkunu ftit foqra milli  ftit għonja.

San Bażilju kien jgħid: “Li kellna nikkuntentaw ruħna bil-bżonnijiet tagħna u nagħtu miż-żejjed tagħna lil min hu fil-bżonn, ma jibqgħux jeżistu aktar la nies għonja u lanqas fqar”.

Ejjew nippruvaw, ejjew nibdew ngħixu hekk. Żgur li Ġesù ma jonqosx milli jagħtina l-mitt darba iktar; b’hekk nistgħu nkomplu dejjem nagħtu. Fl-aħħar għad jgħidilna li dak li tajna, ikun min ikun dak li jirċevih, inkunu tajnieh Lilu.

 

Chiara Lubich