Kelma tal-Ħajja Awwissu 2014

  

“Aħfer il-proxxmu d-dnubiet tiegħu, u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek” (Sir 28, 2).

Din il-Kelma tal-ħajja hi meħuda minn wieħed mill-kotba tat-Testment il-Qadim, li nkiteb bejn is-snin 180 u 170 qabel Kristu. L-awtur hu Bin Sirak, raġel għaref u kittieb li kien għalliem f’Ġerusalemm. Hu jgħallem xi ħaġa għal qalb it-tradizzjoni tal-Kotba tal-Għerf tal-Bibbja li jħobbu jitkellmu dwarha: Alla jħenn għall-midneb u aħna rridu nagħmlu bħalu. Il-Mulej jaħfer il-ħtijiet kollha tagħna għax: “Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija” (ara S. 103 [102] 3, 8). Hu jagħlaq għajnejh għad-dnubiet tal-bnedmin biex ma jarahomx aktar (ara Għerf 11, 23), u jinsiehom għax Hu jixħet ħtijietna kollha wara spallejh (ara Is 38, 17). Infatti, ikompli jikteb Bin Sirak, Hu li jaf iċ-ċokon u l-miżerja tagħna, “ikattar il-maħfra tiegħu”. Alla jaħfer għax, bħal kull missier u omm, iħobb lil uliedu u għalhekk dejjem jiskużahom, jgħatti l-iżbalji tagħhom, jagħtihom il-fiduċja u jqawwilhom qalbhom bla ma jgħejja qatt.

Billi hu missier u fl-istess ħin hu wkoll omm, mhux biżżejjed għalih li jħobb u jaħfer lil uliedu. L-akbar xewqa tiegħu hi li huma jistmaw lil xulxin bħal aħwa, jaqblu bejniethom, jixtiequ l-ġid lil xulxin u jinħabbu. L-akbar pjan li Alla għandu għall-bnedmin hu li jkunu lkoll aħwa ta’ xulxin; u din l-imġiba ta’ aħwa għandha tkun aqwa mill-firdiet li bilfors jinqalgħu bejniethom, akbar mit-tensjonijiet u min-nuqqas ta’ maħfra li jinbtu bejn il-bnedmin li jibqgħu jżommu f’qalbhom minħabba n-nuqqas ta’ ftehim u żbalji.

Sikwit jiġri li l-familji jinfirdu għax ma jaslux biex jaħfru ‘l xulxin. Il-mibegħda li ddum snin twal tibqa’ żżomm il-firda bejn qraba, gruppi soċjali u ġnus. Saħansitra ssib lil min jgħallem biex ma ninsewx il-ħtijiet li rċevejna, u b’hekk inrabbu fina xewqa ta’ tpattija... Min jibqa’ jżomm f’qalbu, ikun qed javvelena ruħu u jħassar qalbu.

Hawn min jaħseb li jekk taħfer, mela inti bniedem dgħajjef. Le, il-maħfra hi espressjoni ta’ kuraġġ kbir, hi mħabba vera u awtentika, għaliex hi azzjoni diżinteressata. “Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom?”, jgħid Ġesù, kulħadd jaf jagħmel hekk: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom” (Ara Mt 5, 42-47).

Aħna wkoll imsejħin biex nitgħallmu minnU u jkollna mħabba ta’ missier, imħabba ta’ omm, imħabba kollha ħniena ma’ kull min niltaqgħu miegħu f’ħajjitna, speċjalment ma’ min jiżbalja. Min hu msejjaħ biex jgħix Spiritwalità ta’ Komunjoni, jiġifieri jgħix l-ispiritwalità nisranija, it-Testment il-Ġdid jitlob minna aktar minn hekk: “Aħfru lil xulxin” (ara Kol 3,13). L-imħabba lejn xulxin titlobna kważi nagħmlu patt bejnietna: inkunu dejjem lesti li naħfru ‘l xulxin. B’hekk biss nistgħu nagħtu sehemna biex ilkoll inkunu aħwa ta’ xulxin.

“Aħfer il-proxxmu d-dnubiet tiegħu, u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek”.

Dan il-kliem mhux biss jistedinna naħfru, imma jfakkarna li l-maħfra hi l-kundizzjoni meħtieġa biex lilna wkoll jinħafrulna dnubietna. Alla jismagħna u jaħfrilna tant kemm jirnexxilna naħfru. Ġesù nnifsu jwissina: “Bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati” (Mt 7, 2). “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu l-ħniena” (Mt 5, 7). Infatti jekk qalbna tkun ibbieset bil-mibegħda lanqas ma jkollha l-ħila tagħraf u tilqa’ l-imħabba kollha ħniena t’Alla.

Mela kif irridu ngħixu din il-Kelma tal-ħajja? Ngħixuha żgur jekk naħfru minnufih lil min għadu mifrud minna. Imma dan biss mhux biżżejjed. Jeħtiġilna nfittxu sew fl-irkejjen ta’ qalbna u nneħħu wkoll dik l-indifferenza, in-nuqqas ta’ tjubija, kull imġiba li biha nuru li aħna aqwa mill-oħrajn, u dik it-traskuraġni lejn kull min jgħaddi minn ħdejna.

Jeħtiġilna wkoll noqogħdu attenti u nilqgħu minn qabel. Mela, kull filgħodu rrid inħares b’mod ġdid lejn in-nies li niltaqa’ magħhom, lejn tal-familja tiegħi, lejn sħabi tal-iskola jew tax-xogħol u fil-ħwienet, inkun lest li nagħlaq għajnejja fil-mod kif iġibu ruħhom, ma niġġudikax, nurihom fiduċja, nittama dejjem, nemmen dejjem. Irrid nersaq lejn kull proxxmu b’din il-maħfra sħiħa f’qalbi, b’din il-maħfra lejn kulħadd. Ma nibqax niftakar fid-difetti tagħhom, ngħatti kollox b’imħabbti. U matul il-ġurnata, irrid insewwi kull azzjoni li ma tkunx għal kollox f’postha, kull darba li nitlef is-sabar, u dan billi nitlob maħra jew nagħmel xi ġest ta’ ħbiberija. Kull darba li ma nħossx li rrid nilqa’ lil min jinsab quddiemi, inġib ruħi b’mod li nilqgħu b’mod sħiħ fija, irid ikolli ħniena bla tarf lejh, maħfra sħiħa, irrid naqsam ħajti miegħu, noqgħod attent għal kull ma jeħtieġ.

Jiena wkoll imbagħad, meta ngħolli talbi lejn il-Missier, l-aktar meta nitlob maħfra tal-iżbalji tiegħi, nara li talbi nstema’: b’fiduċja sħiħa nkun nista’ ngħid: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6, 12).

 

Chiara Lubich