Awwissu 2010

 

 

“Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1, 45)

Din il-Kelma hi marbuta ma’ ġrajja sempliċi u, fl-istess ħin, importanti ħafna: il-laqgħa bejn żewġ nisa tqal, bejn żewġ ommijiet, li l-għaqda spiritwali u fiżika ma’ wliedhom hija waħda sħiħa. Dawn iż-żewġ nisa huma l-fomm ta’ wliedhom, is-sentimenti tagħhom. Meta tkellmet Maria, it-tarbija ta’ Eliżabetta qabżet fil-ġuf tagħha. Meta tkellmet Eliżabetta bħal qisu l-kliem tqiegħed fuq fommha minn Ġwanni, il-Prekursur ta’ Ġesù. Imma filwaqt li l-ewwel kelmiet tal-innu tagħha ta’ tifħir lil Maria huma indirizzati lil omm il-Mulej, il-kliem tal-aħħar qalitu fit-tielet persuna: “Iva, hienja dik li emmnet”.

B’hekk, “fl-istqarrija ta’ Eliżabetta nsibu verità li tgħodd għal kulħadd: din il-beatitudni (barka) tgħodd għal dawk kollha li jemmnu, għal dawk kollha li jilqgħu l-Kelma t’Alla u jgħixuha u li f’Maria jsibu l-mudell ideali tagħhom”2.

“Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

Din hija l-ewwel beatitudni tal-Vanġelu li għandha x’taqsam ma’ Maria, imma għandha x’taqsam ukoll ma’ dawk kollha li jridu jimxu warajha u jimitawha.

F’Maria hemm rabta mill-qrib bejn fidi u maternità, bħala konsegwenza talli semgħet il-Kelma. U hawnhekk San Luqa qed jissuġġerielna xi ħaġa li għandha x’taqsam magħna wkoll. Iktar ’il quddiem fil-Vanġelu tiegħu Ġesù jgħid: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmlu li jgħid hu”3.

Eliżabetta, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, bħallikieku kienet qed tantiċipa dan il-kliem, tħabbrilna li kull dixxiplu jista’ jsir “omm” il-Mulej, bil-kundizzjoni li jemmen fil-Kelma t’Alla u jgħixha.

“Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

Wara Ġesù, Maria hi dik li bl-aħjar mod u bl-aktar mod perfett għarfet tgħid “iva” lil Alla. F’dan hemm il-qdusija u l-kobor tagħha. U jekk Ġesù huwa l-Verb, il-Kelma li saret bniedem, Maria, permezz tal-fidi tagħha fil-Kelma, hi l-Kelma mgħixha, imma hi kreatura bħalna, daqsna.

Ir-rwol ta’ Maria bħala omm Alla huwa mill-aktar għoli u kbir. Imma Alla ma jsejjaħx biss lill-Verġni biex fiha jitwieled Kristu. Għalkemm b’manjiera differenti, kull nisrani għandu dan id-dmir: li jwelled lil Kristu, b’hekk, bħal San Pawl, ikun jista’ jgħid: “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu”4.

Imma x’għandna nagħmlu biex dan iseħħ?

Irrid ikollna atteġġament bħal dak ta’ Maria, jiġifieri nkunu lesti għal kull ma titlob minna l-Kelma t’Alla. Mela, ma’ Maria, għandna nemmnu li għad iseħħu l-wegħdiet kollha li hemm fil-Kelma ta’ Ġesù u, bħal Maria, jekk ikun meħtieġ, nirriskjaw anki li nagħmlu affarijiet li jidhru bla sens, kif kultant il-Kelma tiegħu titlob minna.

“Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

Affarijiet kbar u żgħar jiġru lil min jemmen fil-Kelma, imma dawn huma dejjem tal-għaġeb. Jistgħu jinkitbu ħafna kotba li jagħtu prova ta’ dan.
 

Min qatt jista’ jinsa meta, fi żmien il-gwerra, aħna li bqajna nemmnu fil-kliem ta’ Ġesù: “Itolbu u jingħatalkom”, tlabna għall-bżonnijiet kollha tal-fqar li kienu jgħixu fil-belt tagħna u rajna jaslu ħafna xkejjer ta’ dqiq, bottijiet tal-ħalib, ġamm, ħatab, ħwejjeġ?

Illum ukoll għadhom jiġru l-istess affarijiet. “Agħtu u jingħatalkom” u l-imħażen tal-karità huma dejjem mimlija, għax il-ħin kollu nbattluhom.

Imma dak li jolqot l-aktar hu li kliem Ġesù hu dejjem u kullimkien veru. U l-għajnuna t’Alla tasal fil-ħin anki f’ċirkustanzi impossibbli, u fl-aktar postijiet imwarrbin tad-dinja, kif ġara ftit taż-żmien ilu lil waħda omm fqira ħafna. Din darba ħasset li kellha tagħti l-aħħar ftit flus li kellha lil xi ħadd ifqar minnha. Hi kienet temmen fil-kliem tal-Vanġelu: “Agħtu u jingħatalkom”. U ħasset paċi kbira f’qalbha. Ftit tal-ħin wara waslet bintha ż-żgħira li wrietha rigal li kienet għadha kif qalgħet mingħand wieħed anzjan li jiġi minnhom li, b’kumbinazzjoni, kien għaddej minn dawk l-inħawi. F’idha ċ-ċkejkna kellha d-doppju tal-flus li l-omm kienet għadha kif tat.

Esperjenza “żgħira” bħal din tħeġġiġna biex nemmnu fil-Vanġelu. U kull wieħed minna jista’ jħoss dak il-ferħ, dik il-beatitudni li tiġi milli tara l-wegħdiet ta’ Ġesù jseħħu.

Meta, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna u naqraw il-Kotba Mqaddsa niltaqgħu mal-Kelma t’Alla, ejjew niftħu qalbna u nisimgħu, b’dik il-fidi li dak kollu li Ġesù jitlobna u jwegħedna għad iseħħ. Ma ndumux ma nintebħu li, bħal Maria u bħal dik il-mara, Hu jżomm il-wegħdiet tiegħu.
 


Chiara Lubich


ĊENTRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI: www.focolare.org

‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara Tel: 2138 5801 • focolaremt@waldonet.net.mt

‘Vita Nuova’, Triq Agius de Soldanis, Sta. Venera Tel: 2148 6112 • vitanuova@waldonet.net.mt