Kelma tal-Ħajja APRIL 2014

  

Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13,34).

Forsi tixtieq tkun taf meta Ġesù qal dan il-kliem. Mela, hu qalu qabel ma bdiet il-passjoni tiegħu. Infatti dan il-kliem hu parti mill-aħħar diskors li għamel Ġesù, diskors li fih hu ħallielna t-Testment tiegħu.

Mela tista’ taħseb kemm hu importanti! Jekk il-kliem li jgħid missier ma jintesa qatt, kemm aktar il-kliem ta’ Ġesù li hu Alla? Għalhekk irridu neħduh bl-akbar serjetà u rridu nfittxu li lkoll flimkien nifhmuh sew.

“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”.

Ġesù wasal biex imut u kliemu minn qabel jixhed x’kien qed iħoss. Kien  meħtieġ li qabel ma jħalli din id-dinja jsib tarf problema. X’seta’ jagħmel biex jibqa’ ma’ niesu biex b’hekk il-Knisja tkun tista’ timxi ’l quddiem?

Kif taf, Ġesù jinsab preżenti fl-atti sagramentali: waqt il-quddies hu jkun fostna  fl-Ewkaristija. Tajjeb ħafna! Imma hu jinsab magħna wkoll fejn il-bnedmin iħobbu lil xulxin. Infatti hu qal: “Fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi (u dan iseħħ meta nħobbu lil xulxin) hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18, 20).

Ġesù jista’ jibqa’ preżenti b’mod qawwi fil-komunità meta l-ħajja tkun tassew mibnija fuq l-imħabba ta’ bejnietna. Permezz tal-komunità jista’ jkompli juri lilu nnifsu lid-dinja u jinfluwenzaha.

Ma taħsibx li din hi ħaġa mill-isbaħ? Ma tiġikx ix-xewqa li mill-aktar fis tibda tgħix inti wkoll din l-imħabba, flimkien ma’ dawk l-insara li jgħixu fil-qrib?

San Ġwann, li kiteb dan il-kliem li aħna qed nippruvaw nifhmu sew, fl-imħabba ta’ bejnietna jara l-aqwa kmandament tal-Knisja li hi msejħa biex tagħmilna lkoll ħaġa waħda, li nkunu magħqudin ilkoll flimkien.

“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”.

Kif temm jgħid dan il-kliem, Ġesù kompla jgħid: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35).

Mela, jekk trid tkun taf is-sinjal tal-veri dixxipli ta’ Kristu, u minn x’hiex tagħrafhom, dan għandek issibu fl-imħabba li huma jgħixu bejniethom. L-insara jingħarfu mill-imħabba lejn xulxin. Issa, jekk din tkun nieqsa, id-dinja ma ssibx aktar lil Ġesù fil-Knisja tiegħu.

“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”.

L-imħabba ta’ bejnietna ġġib l-għaqda. Issa x’tagħmel din l-għaqda? Ġesù jgħid: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen...” (Ġw 17,21). L-għaqda, li hija xhieda tal-preżenza ta’ Kristu, tkaxkar id-dinja għal warajha u meta d-dinja tara l-għaqda u l-imħabba bejn il-bnedmin, hi temmen fiH.

“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”.

Fl-istess diskors tal-aħħar, Ġesù jsejjaħ dan il-Kmandament “tiegħu”. Huwa tiegħu, u hu għal qalbu ħafna. 

Ma rridux nifhmuh sempliċement bħala liġi, jew kmandament bħall-oħrajn. Bih Ġesù jrid jurik il-mod kif għandek tgħix u kif għandek tmexxi lil ħajtek. Infatti l-ewwel insara kienu jpoġġu dan il-kmandament bħala l-pedament ta’ ħajjithom. San Pietru jgħid hekk: “Fuq kollox ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin (1 Pt 4,8).

Qabel kull ħaġa li nagħmlu, qabel ix-xogħol, l-istudju, u anki qabel ma mmorru l-Quddies, għandna naraw jekk issaltanx bejnietna l-imħabba. Għax hekk biss kull ma nagħmlu jkun jiswa. Mingħajr dan il-pedament xejn ma jogħġob lil Alla.

“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”.

Ġesù jgħidlek ukoll li dan hu kmandament “ġdid”. “Nagħtikom kmandament ġdid”.

Xi jfisser dan? Tgħid għax dan ma kienx kmandament magħruf?

Le. “Ġdid” ifisser magħmul għal “żminijiet ġodda”. Mela f’hiex jikkonsisti?

Ara ftit: Ġesù miet għalina. Għalhekk hu ħabbna sal-aħħar. Kif kienet imħabbtu? Żgur li ma kinitx bħal tagħna. Imħabbtu kienet imħabba ta’ Alla. Hu jgħid: “Bħalma l-Missier ħabb lili hekk jien ħabbejt lilkom”. Għalhekk hu ħabbna b’dik l-istess imħabba li biha l-Missier u l-Iben jinħabbu. Aħna rridu nħobbu lil xulxin b’din l-istess imħabba biex ngħixu l-Kmandament il-ġdid.

Bħala bniedem, imħabbtek mhijiex bħal din. Iżda m’hemmx għalfejn tikkonfondi, għax inti tirċeviha bħala nisrani. Min jagħtihielek? L-Ispirtu s-Santu jnissilha f’qalbek u f’qalb dawk kollha li jemmnu.

Permezz ta’ din l-imħabba divina titnissel għaqda bejn il-Missier, l-Iben u aħna l-insara. Hija din l-imħabba li ddaħħalna fit-Trinità u li tagħmilna wlied Alla.

Din l-imħabba tgħaqqad flimkien is-sema u l-art; twassal il-komunità nisranija għand Alla, fejn dawk li jemmnu jinħabbu bejniethom. Ma taħsibx li din l-imħabba u l-ħajja nisranija huma realtà divina tassew sabiħa?

Chiara Lubich