Kelma tal-Ħajja - April 2012

 

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom” (Ġw 15, 3).

 

Naħseb li meta d-dixxipli semgħu dan il-kliem ċar u ta’ inkuraġġiment mingħand Ġesù, qalbhom qabżet bil-ferħ.

Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku Ġesù jgħid dan il-kliem lilna wkoll!

Mela ejjew nippruvaw nifhmuh biex inkunu denji tiegħu.

Ġesù kien għadu kif għamel it-tixbieha tad-dielja u l-friegħi. Ġesù hu l-vera dielja, il-Missier il-bidwi li jqaċċat kull fergħa li ma tagħmilx frott u l-fergħa li tagħmel frott jiżborha biex tagħmel aktar. Wara li fisser dan, qal:

 

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”.

 

“Intom ġa ndaf...”. Din x’indafa hi li qed jitkellem fuqha?

Qed jitkellem fuq meta aħna nkunu lesti li niftħu qalbna għal Alla, meta ma jkun hemm xejn li jtellef (ngħidu aħna d-dnub), jew li jeħodha kontra l-kuntatt mal-affarijiet sagri, mal-laqgħa tagħna m’Alla.

Biex ikollna din l-indafa neħtieġu l-għajnuna mis-Sema.

Fit-Testment il-Qadim, il-bniedem kien ġa ntebaħ li ma jistax jersaq lejn Alla bil-ħila tiegħu biss. Kien jeħtieġ li Alla jsaffilu qalbu, li jagħtih qalb ġdida. Salm mill-isbaħ jgħid hekk: “... oħloq fija, o Alla qalb safja” (Salm 51 «50», 12).

 

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”.

 

Skont Ġesù hemm mezz biex insiru safjin: il-kelma tiegħu. Dik il-kelma li d-dixxipli kienu semgħu, żammew sħiħ fiha u li kienet issaffihom.

Fil-fatt, il-kelma ta’ Ġesù mhijiex bħal kliem il-bniedem. Fiha hemm Kristu, bħalma jinsab b’mod ieħor fl-Ewkaristija. Biha Kristu jidħol fina. Meta aħna naċċettawha u ngħixuha, inkunu qed inħallu ’l Kristu jitwieled u jikber f’qalbna.

Il-Papa Pawlu VI kien jgħid:

“Ġesù kif ikun preżenti f’qalbna? Ikun preżenti bix-xandir tal-Kelma li biha jasal ħsieb Alla, jasal il-Verb, l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Nistgħu ngħidu li l-Mulej jitwieled fina meta aħna naċċettaw li l-Kelma tiġi tgħammar fina”.

 

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”.

 

Il-Kelma ta’ Ġesù tixbah ukoll lil żerriegħa li tinxteħet fil-fond ta’ qalb il-bniedem li  jemmen. Meta l-bniedem jilqagħha, hi tidħol fih u bħal żerriegħa tiżviluppa, tikber, tagħti l-frott, “tikkristifikah” u tagħtih is-sura tiegħu.

Meta l-Ispirtu s-Santu jqiegħed il-Kelma fil-fond ta’ qalbna, hi jkollha tassew il-qawwa li żżomm l-insara ’l bogħod mill-ħażen: sa ma l-Kelma taħdem fihom, u huma jinħelsu mid-dnub. Għalhekk ikunu safja. Jidneb biss min ma jismax mis-sewwa.

 

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”.

 

Mela kif irridu ngħixu biex ikun jixirqilna dan il-kliem ta’ tifħir ta’ Ġesù?

Irridu ngħixu kull Kelma t’Alla, u nitrejqu biha mument wara l-ieħor, biex ħajjitna hawn fl-art tkun dejjem mibnija fuq il-Vanġelu. Dan biex naslu li jkollna l-istess ħsibijiet u xewqat ta’ Ġesù, biex nerġgħu ngħixu lilu fid-dinja, biex lis-soċjetà, li ħafna drabi hi mħassra bil-ħażen u d-dnub, nuruha s-safa t’Alla, dan id-dawl ċar li joħroġ mill-Vanġelu.

Matul dan ix-xahar, ejjew nippruvaw ngħixu l-aktar dik il-Kelma li turina l-kmandament tal-imħabba lejn xulxin. Nagħmlu hekk jekk nistgħu, jiġifieri jekk hemm oħrajn li jaħsbuha bħalna. Tant hu hekk li San Ġwann l-Evanġelista, li mill-Vanġelu tiegħu ttieħdet din il-Kelma tal-ħajja, jorbotha mal-kmandament il-ġdid.

Skont dan l-Evanġelista, meta aħna ninħabbu bejnietna, inkunu qed ngħixu l-Kelma li tħalli l-effetti tagħha ta’ tisfija, ta’ qdusija, ta’ ħelsien mid-dnub, ta’ grazzji, u hekk nersqu aktar qrib t’Alla.

Wieħed waħdu, maqtugħ mill-oħrajn, ma jkunx jiflaħ iżomm sod għal ħafna żmien quddiem il-ġibdiet tad-dinja. Imma meta jkun hemm l-imħabba bejnietna huwa jsib ambjent b’saħħtu li jkun jista’ jgħinu jħares il-ħajja nisranija ġenwina tiegħu.

 

Chiara Lubich