April 2010

 

Jiena hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11, 25)1.

 

Ġesù qal dan il-kliem fil-mewt ta’ Lażżru minn Betanja, li mbagħad Hu qajmu mill-imwiet fir-raba’ jum.

Lażżru kellu żewġ ħutu bniet: Marta u Maria.

Kif Marta semgħet li kien ġej Ġesù, ħarġet tiġri tilqgħu u qaltlu: “Mulej, li kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut!”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!” Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija ukoll jekk imut jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt”.

 

Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

 

        Ġesù jridna nifhmu Hu min hu għalina l-bnedmin. Ġesù għandu l-akbar ġid li wieħed jista’ jixtieq: il-Ħajja, dik li ma tintemm qatt.

 

        Jekk taqra l-Vanġelu ta’ San Ġwann, issib li Ġesù jgħid ukoll: “Bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu”2.

        U għax Ġesù għandu fih il-Ħajja, hu jista’ jgħaddiha lilna.

 

Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

 

        Marta wkoll temmen fil-qawmien mill-mewt fl-aħħar jum: “Jiena naf li jerġa’ jqum mill-imwiet fl-aħħar jum”.

        Imma meta lissen dak il-kliem mill-isbaħ: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”, Ġesù jridha tifhem li ma hemmx għalfejn tistenna l-futur biex tittama fil-qawmien mill-imwiet. Sa minn issa stess, fil-preżent, għal dawk kollha li jemmnu, huwa Hu dik il-Ħajja divina li ma titfissirx bil-kliem, Ħajja li hi eterna, ma tmut qatt.

 

        Jekk Ġesù jinsab fihom, jekk Hu jinsab fik, inti ma tmutx. Din il-Ħajja f’min jemmen hi ħajja li ġejja mill-istess natura ta’ Ġesù rxoxt. Għalhekk hija differenti ħafna mill-ħajja umana li ninsabu fiha.

 

        U din il-Ħajja straordinarja, li diġà teżisti fik, għad tintwera b’mod sħiħ fl-aħħar jum, meta inti għad tieħu sehem b’mod sħiħ fil-qawmien mill-mewt li għad irid jiġi.

 

Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

 

        B’dan il-kliem Ġesù żgur li mhux qed jgħid li l-mewt tal-ġisem ma teżistix. Imma biha aħna ma nitilfux il-Ħajja vera. Il-mewt, għalik u għal kulħadd, tibqa’ esperjenza ta’ darba, esperjenza qawwija li forsi lilna tbeżżagħna. Imma dan ma jfissirx li l-ħajja tiegħek ma tagħmilx sens, li t-tmiem tiegħek huwa xi ħaġa assurda, ma tfissirx il-falliment tal-ħajja, it-tmiem tiegħek. Għalik, il-mewt ma tibqax tfisser tassew mewt.

 

Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

 

        Meta twieldet fik din il-Ħajja li ma tmut qatt?

        Fil-magħmudija. Dakinhar, għalkemm kont tinsab fil-kundizzjoni ta’ persuna li għad trid tmut, mingħand Kristu inti ħadt il-Ħajja li ma tintemm qatt. Infatti fil-magħmudija int irċevejt l-Ispirtu s-Santu li hu dak li qajjem lil Ġesù mill-mewt.

        Biex tkun tista’ tirċievi dan is-sagrament, int ridt ikollok il-fidi, li inti stqarrejtha permezz tal-parrini tiegħek. Infatti Ġesù, meta qajjem lil Lażżru mill-mewt, lil Marta qalilha: “Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix” (...) “Temmnu inti dan?”3.

 

        Hawnhekk, “temmen” hi xi ħaġa mill-aktar serja, mill-aktar importanti: ma jfissirx biss li inti taċċetta l-veritajiet li qal Ġesù, imma li inti tgħixhom bi sħiħ.

 

        Mela biex ikollok din il-ħajja, lil Kristu trid tgħidlu iva. Dan ifisser li inti trid tilqa’ kliemu, l-ordnijiet tiegħu: li tgħixhom. Dan stqarru Ġesù: “Min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt”4. It-tagħlim kollu ta’ Ġesù hu miġbur fl-imħabba.

 

        Għalhekk int ma tistax ma tkunx ferħan: fik hemm il-Ħajja!

 

Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

 

        F’dawn il-ġranet li fihom qed inħejju ruħna biex niċċelebraw l-Għid, ejjew ngħinu lil xulxin biex kontinwament ikollna l-ħila ndawru t-tmun lejn il-mewt tal-jien tagħna biex Kristu, li qam mill-imwiet, jgħix fina sa minn issa stess.

 


1     Kelma tal-Ħajja, Marzu 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, 25/02/1999, no. 4, p. 45.

2     ara Ġw 5, 26.

3     Ġw 11, 26.

4     Ġw 8, 51


ĊENTRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI: www.focolare.org

‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara Tel: 2138 5801 • focolaremt@waldonet.net.mt

‘Vita Nuova’, Triq Agius de Soldanis, Sta. Venera Tel: 2148 6112 • vitanuova@waldonet.net.mt