Laikos

 

 

[Ittra tal-Kardinal Jorge Mario Bergoglio, Arċisqof ta’ Buenos Aires, illum il-Papa Franġisku, lis-Sorijiet Karmelitani tal-Arċidjoċesi ta’ Buenos Aires, dwar l-abbozz ta’ liġi maħsuba biex tillegalizza żwieġ u adozzjoni minn persuni omosesswali, 22 ta’ Ġunju 2010.]

L-għira tax-Xitan qed tfittex bil-qerq li teqred

ix-xbieha ta’ Alla: ir-raġel u l-mara.

Għeżież Sorijiet,

Qed nikteb din l-ittra lil kull waħda minnkom fl-erba’ Monasteri ta’ Buenos Aires.  Il-poplu tal-Arġentina jrid iħabbat wiċċu, fi ftit ġimgħat oħra, ma’ sitwazzjoni li r-riżultat tagħha jista’ jaffettwa b’mod gravi lill-familja.  Din hija liġi dwar iż-żwieġ ta’ persuni tal-istess sess.

L-identità tal-familja, u s-sopravivenza tagħha, hawn huma fil-periklu: missier, omm, u tfal.  Tinsab f’riskju l-ħajja ta’ tant tfal, li għad ikunu diskriminati minn qabel u mċaħħda mill-maturità umana li Alla xtaq li huma jiksbu flimkien ma’ missier u ma’ omm.  Qed nersqu lejn ċaħda totali tal-liġi ta’ Alla, li hi mnaqqxa wkoll fi qlubna.

Niftakar frażi ta’ Santa Tereża meta titkellem dwar marda li kellha fi tfulitha.  Tgħid li din kienet minħabba l-għira tax-Xitan li ried jivvendika ruħu mill-familja tagħha minħabba li oħtha l-kbira kienet daħlet Karmelitana.  Hawnhekk ukoll hawn l-għira tax-Xitan, li permezz tiegħu jidħol id-dnub fid-dinja: għira li tfittex bil-qerq biex teqred ix-xbieha ta’ Alla: ir-raġel u l-mara li rċevew il-kmand biex inisslu u joktru u jimlew l-art u jaħkmuha.

Aħna m’aħniex boloh: din mhix sempliċement kwistjoni politika, imma hawn għandna tentattiv biex jeqred il-pjan ta’ Alla.  Mhux biss pjan ta’ liġi (il-liġi hija biss il-mezz), iżda dan huwa pass ta’ missier il-gideb li jipprova jħawwad u jqarraq bl-ulied ta’ Alla.  U Ġesù jgħidilna li biex niddefendu lilna nfusna minn dan l-akkużatur giddieb, Huwa se jibgħatilna l-Ispirtu tal-Verità.

Illum, pajjiżna, f’din is-sitwazzjoni, jeħtieġ l-għajnuna speċjali tal-Ispirtu s-Santu, li f’nofs id-dlam tal-iżball jagħtina d-dawl tal-Verità.  Pajjiżna jeħtieġ dan id-Difensur biex iħarisna mis-seħer ta’ tant argumenti qarrieqa li bihom ifittex li b’kull mezz jiġġustifika dan l-abbozz ta’ liġi, u li bihom iħawwad u jinganna saħansitra anki persuni ta’ rieda tajba.

Għalhekk qed indur fuqkom u nitlob minnkom talb u sagrifiċċji, iż-żewġ armi ta’ Santa Tereżina li ma jintrebħux.  Sejħu lill-Mulej sabiex jibgħat l-Ispirtu tiegħu fuq is-Senaturi li se jkunu qed jivvutaw; biex huma ma jitmexxewx mill-iżball jew minn ċirkustanzi ta’ esiġenzi, imma minn dak li juruhom il-liġi naturali u l-liġi ta’ Alla.  Itolbu għalihom u għall-familji tagħhom biex il-Mulej iżurhom, iqawwihom u jfarraġhom.  Itolbu biex is-Senaturi jagħmlu ġid kbir lil pajjiżna.

Dan l-abbozz ta’ liġi se jkun diskuss fis-Senat wara t-13 ta’ Lulju.  Inħarsu lejn San Ġużepp, lejn Marija u lejn il-Bambin u nitolbuhom b’ħeġġa biex jiddefendu l-familja tal-Arġentina f’dan il-waqt partikolari.  Niftakru dak li Alla nnifsu qal lill-poplu tiegħu f’mument ta’ nkwiet kbir: “Din il-gwerra mhix tagħkom, imma ta’ Alla”.  Ħalli jkunu huma li jgħinuna, jiddefenduna u jakkumpanjawna f’din il-gwerra ta’ Alla.

Grazzi għal kulma se tagħmlu għal pajjiżna f’din il-ġlieda.  U, jekk jogħġobkom, nitlobkom ukoll li titolbu għalija.  Ġesù jberikkom u l-Verġni Mqaddsa tħariskom.

 

Bi mħabba,

 

Jorge Mario Bergoglio sj,

Arċisqof ta’ Buenos Aires.