Stampa t-test tal-Katekeżi tal-Papa ...

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 8 ta’ Novembru 1978

 

Il-Ġustizzja

 

Ġħeżież Ħuti.

1. Matul dawn l-ewwel udjenzi li fihom kelli l-fortuna li niltaqà magħkom, li tiġu hawn Ruma, mill-Italja u minn tant pajjiżi oħra, bħal ma diġa għidna fil-25 ta’ Ottubru, nixtieq inkompli niżvolġi t-temi stabbiliti mill-Predeċessur tiegħi, Ġwanni Pawlu I. Dan ried jitkellem mhux biss dwar it-tliet virtujiet tejologali; fidi, tama u karità, imma wkoll dwar l-erbà virtujiet kardinali: prudenza, ġustizzja, qawwa u emperanza. Kien jara fihom kollha flimkien bħal sebà msiebaħ tal-ħajja nisranija. Billi l-Mulej sejjaħlu għall-eternità, setà biss jitkellem dwar it-tlieta ewlenin: il-fidi, it-tama u l-karità, li jdawlu l-ħajja tal-insara kollha. Is-Suċċessur mhux dehen tiegħu, fil-laqgħat magħkom biex jirrifletti, fl-ispirtu tal-mibki Predeċessur, dwar il-virtujiet kardinali, irid jixgħel, biex ngħidu hekk, l-imsiebaħ l-oħra maġemb qabru.

2. Illum imissni nitkellem dwar il-ġustizzja. Huwa forsi sewwa li din tkun it-tema tal-ewwel katekeżi fix-xahar ta’ Novembru. Infatti, dan ix-xahar iwassalna biex niffissaw ħarsitna fuq il-ħajja ta’ kull bniedem, u fl-istess ħin fuq il-ħajja tal-umanità kollha, fil-prospettiva tal-ġustizzja finali. Ilkoll, b’xi mod, nafu sewwa li fit-tranżitorjetà  ta’ din id-dinja, mhuwiex possibbli li nwettqu l-qies sħiħ tal-ġustizzja. Jistà jkun li l-kliem mismugħ tant drabi: “Mhemmx ġustizzja f’din id-dinja” huwa frott ta’ sempliċiżmu ferm faċli. Però, hemm fih xorta waħda prinċipju ta’ verità profonda. Il-ġustizzja hija, b’xi mod, ikbar mill-bniedem, mid-dimensjonijiet tal-ħajja tiegħu terrena, mill-possibiltà li jistabilixxi f’din il-ħajja rapporti ġusti għal kollox bejn il-bnedmin, l-ambjenti, is-soċjetà u gruppi soċjali, in-nazzjonijiet u l-bqija. Kull bniedem jgħix u jmut b’ċerta sensazzjoni ta’ insazjabiltà ta’ ġustizzja, minħabba li d-dinja mhix fi stat li tissodisfa għal kollox esseri maħluq xbiha ta’ Alla, la fil-profondità tal-persuna tiegħu, linqas fl-aspetti diversi tal-ħajja umana tiegħu. U hekk, permezz ta’ dan il-ġuħ ta’ ġustizzja, il-bniedem jinfetaħ lejn Alla li “huwa l-istess ġustizzja”. Ġesù fid-diskors tal-muntanja dan esprimieh b’mod tassew ċar u konċiż, meta qal: “Imberkin dawk li għandhom ġuħ u għatx tal-ġustizzja, għaliex ikunu mxebbgħin” (Mt 5,6).

3. Waqt li għandna quddiem għajnejna dan is-sens evanġeliku tal-ġustizzja, jeħtiġilna nikkonsidrawha fl-istess ħin bħala dimensjoni fundamentali tal-ħajja umana fuq din l-art: tal-bniedem, tas-soċjetà, tal-umanità. Din hija d-dimensjoni etika. Il-ġustizzja hija Prinċipju fundamentali tal-eżistenza u tal koeżistenza tal-bnedmin, kif ukoll tal-komunitajiet umani, tas-soċjetajiet u tal-popli. Barra minn dan, il-ġustizzja hija l-bidu tal-eżistenza tal-Knisja, bħala Poplu ta’ Alla, u bidu tal-koeżistenza tal-Knisja u tad-diversi strutturi soċjali, b’mod partikulari tal-Istat, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. F’dan il-qasam wiesà u differenti l-bniedem u l-umanità jfittxu kontinwament il-ġustizzja: dan huwa process perenni u huwa dmir ta’ importanza suprema.

Skont id-diversi relazzjonijiet u d-diversi aspetti, il-ġustizzja kisbet, matul is-sekli, definizzjonijiet iktar xierqa. Minn hawn il-kunċett tal-ġustizzja komunikattiva, distributtiva, legali u soċjali. Dan kollu jixhed kemm il-ġustizzja għandha sinifikat fundamentali għall-ordni morali bejn il-bnedmin, fir-relazzjonijiet soċjali u internazzjonali. Wieħed jistà jgħid li l-istess sens tal-eżistenza tal-bniedem fuq l-art huwa marbut mal-ġustizzja. Li jkun definit b’mod korrett “kemm huwa dovut” lil kull wieħed minn kulħadd u fl-istess ħin lil kulħadd minn kull wieħed,  “dak li huwa dovut” (“debitum”) lill-bniedem mill-bniedem f’diversi sistemi u relazzjonijiet – jiddefinixxi, u fuq kollox iwettaq! – hija ħaġa kbira, li għaliha kull bniedem jgħix u, grazzi għal-liema, ħajtu għandha sens  .

Għalhekk jibqà tul is-sekli tal-eżistenza umana fuq l-art, sforz kontinwu u lotta kontinwa biex  nordnaw b’ġustizzja it-totalità tal-ħajja soċjali fid-diversi aspetti tagħha. Hemm bżonn li nħarsu b’rispett il-programmi u l-attivitajiet multepliċi, kultant riformatriċi, ta’ diversi tendenzi u sistemi. Hemm bżonn, fl-istess ħin, li nkunu nafu li hawn qabel xejn ma jidħlux biss is-sistemi, imma l-ġustizzja u l-bniedem. M’għandux ikun il-bniedem għas-sistema, imma s-sistema għandha tkun għall-bniedem. Għalhekk hemm bżonn li niddefendu ruħna mill-issikkar tas-sistema. Qed naħseb dwar is-sistemi soċjali, ekonomiċi, politiċi, kulturali li jmisshom ikunu sensibbli għall-bniedem, għall-ġid integrali tiegħu, għandhom ikunu kapaċi li jirriformaw lilhom infushom, l-istrutturi tagħhom propji skont dak li tesiġi l-verità sħiħa dwar il-bniedem. Minn dan il-punt di vista jeħtieġ li nivvalutaw l-isforz kbir ta’ żminijietna, li għandu tendenza li jiddefenixxi u li jikkonsolida “d-drittijiet tal-bniedem” fil-ħajja tal-umanità tallum, tal-popli u tal-Istati.

Il-Knisja tas-seklu tagħna tibqà fi djalogu komntinwu dwar il-front kbir tad-dinja kontemporanja, bħal ma jixhdu l-enċikliki numerużi tal-Papiet u d-duttrina tal-Konċilju Vatikan II. Il-Papa attwali għandu bla dubju jdur diversi drabi fuq dawn l-argumenti. Fl-espożizzjoni qasira tallum jeħtieġ jillimita ruħu biex jindika biss dan il-qasam vast u diversifikat.

4. Huwa meħtieġ mela li kull wieħed u waħda minna nkunu nistgħu ngħixu f’kuntest ta’ ġustizzja u iktar minn hekk li kull wieħed u waħda minna nkunu ġusti u naġixxu b’mod ġust fir-rigward ta’ dawk qribna u dawk bogħod minna, tal-komunitajiet, tas-soċjetajiet li tagħhom inkunu membri… u fir-rigward ta’ Alla.

Il-ġustizzja għandha bosta riferimenti u bosta forom. Hemm ukoll forma tal-ġustizzja li tirrigwarda dak li l-bniedem “għandu jagħti” lil Alla. Din hija tema ewlenija u vasta weħedha biss. Miniex se niżvolġiha issa, għalkemm ma nistax inżomm lili nnifsi milli nindikaha.

Nieqfu ntant fuq il-bnedmin. Kristu ħallielna l-kmandament tal-imħabba tal-proxxmu. F’dan il-kmandament hemm miġbur ukoll dak kollu li jikkonċerna l-ġustizzja. Ma jistax ikun hemm imħabba mingħajr ġustizzja.  L-imħabba “tiddomina” l-ġustizzja, imma, fl-istess ħin, din issib il-verifika tagħha fil-ġustizzja. Saħansitra il-missier u l-omm, waqt li jħobbu lil binhom, għandhom ikunu ġusti miegħu. Jekk il-ġustizzja titriegħed, ukoll l-imħabba ssib ruħha fil-periklu.

Tkun ġust ifisser li tagħti lil kull wieħed u waħda dak li jmissu. Dan jirrigwarda l-ħwejjeġ temporali, ta’ natura materjali. L-aħjar eżempju hawn jistà jkun  il-ħlas għax-xogħol jew l-hekk imsejjaħ dritt tal-frott tax-xogħol propju jew tal-art propja. Però lill-bniedem barra minn dan jixraqlu l-isem tajjeb, ir-rispett, il-konsiderazzjoni, il-fama li jkun immerita. Iktar ma nkunu nafu lill-bniedem, iktar jirrivelaw ruħhom l-personalità tiegħu, il-karattru tiegħu, l-intellett u l-qalb tiegħu. U iktar għandna nagħtu każ – u hemm bżonn li nagħtu każ! – b’liema kriterju “nkejluh” u xi jfisser li nkunu ġusti miegħu.

Għalhekk hemm bżonn li kontinwament napprofondixxu l-għarfien tal-ġustizzja. Din mhijiex xjenza tejorika. Din hija virtù, hija ħila tal-ispirtu uman, tar-rieda umana u wkoll tal-qalb. Hemm bżonn barra minn hekk li nitolbu biex inkunu ġusti u li nkunu nafu nkunu ġusti.

Ma nistgħux ninsew il-Kliem tal-Mulej Tagħna: “Bil-kejl li tkejlu bih tkunu mkejlin” (Mt 7,2).

Bniedem-ġust, bniedem ta’ “kejl ġust”. 
Jalla ilkoll inkunu hekk! 
Jalla lkoll kemm aħna nippruvaw b’mod kostanti li nsiru! 
Lil lkoll il-barka tiegħi. 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb