1. “U minn dak il-ħin, id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19, 27).

 

B’dan il-kliem jagħlaq il-Vanġelu tal-lituġija tal-lum li qed niċċelebraw illum ġewwa Fatima. L-isem tad-dixxiplu kien Ġwanni. Kien propju hu, Ġwanni, iben Żebedew, appostlu u evanġelista, li sema’ mill-għoli tas-salib, il-kliem ta’ Kristu: “Hawn hi ommok”. U qabel, Kristu qal lil Ommu: “Mara, hawn hu ibnek”.

 

Dan kien testment tal-għaġeb.

 

Hu u jħalli din id-dinja, Kristu ta lil Ommu raġel li kien għalih qisu iben: Ġwanni. Hu afdah lilha. U, bħala konsegwenza ta’ dan id-don u ta’ din l-għotja b’fiduċja, Marija saret omm Ġwanni. L-Omm ta’ Alla saret omm tal-bniedem.

 

Minn dak il-ħin Ġwanni “ħadha għandu” u sar il-kustodju f’din id-dinja ta’ Omm l-Imgħallem tiegħu; hu, infatti, dritt u dover tal-ulied li jieħdu ħsieb lil ommhom. Fuq kollox, però, Ġwanni sar, skont ir-rieda ta’ Kristu, l-iben ta’ Omm Alla. U fi Ġwanni kull bniedem sar ukoll binha.

 

2. “Hu ħadha għandu”, tista’ tfisser ukoll, litteralment, “Hu ħadha fid-dar tiegħu.”

 

Mod partikulari kif Marija turi l-maternità tagħha lejn il-bnedmin huwa billi Hija tiltaqa’ magħhom f’ċerti postijiet; id-djar fejn Hija tgħix; id-djar fejn wieħed iħoss b’mod partikolari l-preżenza tal-Omm tagħna tas-Sema.

 

Dawn il-postijiet u dawn id-djar huma numerużi ħafna. U huma varji ħafna wkoll: mill-irkejjen tad-djar tagħna jew matul it-toroq tagħna, fejn tiddi x-xbieha ta’ Omm Alla, sal-kappelli u l-knejjes li nbnew ad unur tagħha. Però, hemm ċerti postijiet li fihom, il-bnedmin iħossu ħajja b’mod partikulari l-preżenza tal-Omm. Xi drabi dawn il-postijiet jiddu b’dawl qawwi u jiġbdu lil nies anke mill-bogħod. Id-dija tagħhom tista’ ddawwal djoċesi sħiħa jew nazzjon sħiħ, u xi drabi, aktar minn nazzjon sħiħ u saħansitra kontinenti sħaħ. Dawn il-postijiet huma s-Santwarji Marjani (cioè tal-Madonna).

 

F’dawn il-postijiet kollha jseħħ b’mod tal-għaġeb dak it-testment singulari ta’ Kristu Msallab: il-bniedem iħossu mogħti u afdar lil Marija; il-bniedem jersaq lejha bħala Ommu tassew; il-bniedem jiftaħ qalbu magħha u jkellimha fuq kollox: “jeħodha għandu”, jiġifieri fil-problemi kollha tiegħu, li xi kultant ikunu tassew diffiċli. problemi, tal-familja problemi tas-soċjetajiet, problemi tan-nazzjonijiet, problemi tal-umanità kollha kemm hi.

 

3. Mhux hekk jiġri fis-Santwarju ta’ Lourdes li jinsab qrib tagħna fi Franza? Mhux hekk ukoll jiġri fis-Santwarju ta’ Jasna Gora, fil-Polonja, is-Santwarju tan-nazzjon tiegħi, li din is-sena qed jiċċelebra l-Ġublew ta’ għeluq is-sitt mitt sena minn mindu nbena?

 

Jidher li anke hemmhekk, bħalma jiġri f’ħafna Santwarji oħra Marjani li huma mxerrda mad-dinja, bħala qawwa ta’ awtentiċità partikulari jerġgħu jinstemgħu l-kelmiet tal-liturġija tal-lum:

“Int unur kollu dija tal-poplu tagħna” (Ġuditta 15, 10), u anke ta’ popli oħra: “Quddiem l-umiljazzjonijiet li sofra l-poplu tagħna/ ... int serraħtna fit-tbatija tagħna / waqt li ġibt ruħek bil-qdusija quddiem Alla” (Ġuditta 13, 20).

 

Dan il-kliem jidwi hawnhekk ġewwa Fatima bħal eku partikulari tal-esperjenzi mhux biss tan-nazzjon Portugiż, imma wkoll ta’ tant nazzjonijiet u popli oħra li jinsabu fuq il-globu ta’ din id-dinja. Anzi, dan il-kliem huwa l-eku tal-esperjenza tal-umanità kollha ta’ żmienna, tal-familja umana kollha.

 

4. Għalhekk, qed niġi hawn għax propju f’dan il-jum tas-sena l-oħra, fi Pjazza San Pietru f’Ruma, sar l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa, li misterjożament ħabat fl-anniversarju tal-ewwel dehra tal-Madonna f’Fatima, li saret fit-13 ta’ Mejju 1917.

 

Dawn id-dati ltaqgħu flimkien b’mod li fihom ħassejt sejħa speċjali biex niġi hawn. U ekku, illum qiegħed ahwn! Ġejt biex irrodd ħajr lill-Provvidenza ta’ Alla f’dan il-post li jidher li Omm Alla għażlet b’mod tant artikulari. “Misericoriae Domini, quia non sumus consumpti (Lam 3, 22) (“Għax il-ħniena ta’ Alla ma tispiċċa qatt”), nirrepti għal darb’oħra mal-profeta.

 

Ġejt hawn fuq kollox biex nistqarr il-glorja ta’ Alla nnifsu, ”Imbierek il-Mulej Alla li ħalaq is-sema u l-art” (Ġuditta 15,18), nirrepeti mal-kliem tal-Liturġija tal-lum.

U lejn il-Ħallieq tas-sema u tal-art, jien ngħolli l-innu ta’ tifħir lil Alla, li hu hi stess, l-Omm Immakulata (bla tebgħa) tal-Verb Inkarnat, innu li nsibuh fil-ktieb ta’ Ġuditta: “Imbierka int, binti, quddiem il-Mulej u aktar min-nisa l-oħra li jgħixu fid-dinja ...

 

Tassew li l-kuraġġ li sostniek qatt ma se jintesa mill-bnedmin li se jibqgħu jiftakru għal dejjem fis-setgħa ta’ Alla. Jalla l-Mulej jagħti suċċess lil dak li tagħmel ħalli tibqa’ mfaħħra għal dejjem (Ġuditta 13, 18-20).

 

Fuq dan l-innu ta’ tifħir li l-Knisja tgħolli bil-ferħ hawnhekk, “bħalma tagħmel f’tant postijiet oħrajn fid-dinja, il-Knisja tibbaża l-għażla tagħha unika tal-bint magħżula tal-ġeneru uman bħala Omm Alla.

 

U għalhekk, ħa jiġi adorat Alla fuq kollox u fuq kulħadd: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Ħa tkun imbierka u meqjuma Marija, mudell tal-Knisja, li saret “għamara tat-Trinità Qaddisa”.

 

5. Sa mill-mument meta Ġesù Hu u jmut fuq is-salib, qal lil Ġwanni: “Hawn hi Ommok”, minn dak il-mument li “d-dixxiplu ħadha għandu”, il-misteru tal-maternità spiritwali ta’ Marija twettaq fl-istorja tal-bniedem b’wisgħa bla tmiem. Il-maternità tfisser imħabba, interess u impenn lejn il-ħajja tal-iben jew tal-bint. Issa, jekk Marija hija l-omm tal-bnedmin kollha, l-interess u l-impenn tagħha fi u lejn il-ħajja tal-bniedem, jinkludu lill-bnedmin kollha fihom. L-imħabba, l-interess u l-impenn ta’ omm iħaddnu lill-bniedem jew lill-bniedma, binha jew bintha, kollha. Il-maternità ta’ Marija tibda mill-kura materna li tat lil Kristu. Fi Kristu, hija aċċettat lil Ġwanni taħt is-salib, u fih, hija aċċettat lil kull bniedem u lil kull bniedem sħiħ. Marija tħaddan lil kulħadd b’imħabba, interess u impenn ġejjin mill-Ispirtu s-Santu. Infatti huwa Hu, kif nistqarru fil-Kredu, li “jagħti l-ħajja”. U huwa Hu li jagħtina li f’ħajjitna nkunu miftuħin għall-eternità.

 

Għalhekk, il-maternità spiritwali ta’ Marija hija sehem fis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, ta’ Dak li “jagħti l-ħajja”. Din il-maternità hija wkoll is-servizz umli ta’ dik li qalet għaliha nnifisha “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38).

Fid-dawl tal-misteru tal-maternità spiritwali ta’ Marija, ejjew nippruvaw din il-messaġġ straordinarju li beda jidwi fid-dinja minn Fatima mit-3 ta’ Mejju 1917 u li baqa’ sejjer għal ħames xhur sat-13 ta’ Ottubru tal-istess sena.

6. Il-Knisja dejjem għallmet u tkompli xxandar li r-rivelazzjoni ta’ Alla lill-bniedem laħqet il-quċċata tagħha f’Ġesù Kristu, u li “m’għandniex nistennew rivelazzjoni pubblika oħra qabel il-miġja glorjuża tal-Mulej” (Dei Verbum, 4 - Id-Dokument tal-Konċilju Vatikan II). Il-Knisja tivvaluta u tiġġudika r-rivelazzjonijiet privati skont il-kriterju ta’ kemm jaqblu ma’ din l-unika Rivelazzjoni Pubblika.

 

Jekk il-Knisja laqgħet il-messaġġ ta’ Fatima hija għamlet dan fuq kollox għax dan il-messaġġ fih verità u fih sejħa li, fil-bażi tagħhom huma l-verità u s-sejħa tal-Vanġelu stess.

 

“Ikkonvertu (indmu) u emmnu fil-Bxara t-tajba (fl-Evanġelu)” (Mk 1, 15). Dan kien l-ewwel kliem tal-Messija lill-umanità! Il-messaġġ ta’ Fatima huwa fil-qalba tiegħu, sejħa għall-konverżjoni, għall-penitenza, għall-indiema, bħalma nsibu fil-Vanġelu stess. Din is-sejħa saret fil-bidu tas-seklu 20 u saret b’mod speċjali lill-bnedmin għal matul dan (dak) is-seklu. Is-sinjura li tat dan il-messaġġ donnha qrat minn qabel b’mod tassew speċjali “is-sinjali taż-żminijiet”, is-sinjali taż-żminijiet tagħna. (Nota: Hawn irridu niftakru li dan id-diskors/omelija saru fl-1982, jiġifieri fis-seklu 20).

L-appell sabiex aħna nikkonvertu u nindmu minn dnubietna huwa ġej minn Ommna tas-Sema, u huma fl-istess ħin qawwi u deċiż. L-imħabba “tifraħ bil-verità, b’dak li hu veru” (1Kor 13, 6), u taf tkun skjetta, ċara u deċiża. Din is-sejħa għall-konverżjoni, għall-indiema, għall-penitenza, dejjem tingħaqad mas-sejħa għat-talb u skont it-tradizzjoni ħajja fil-Knisja għal bosta sekli, is-Sinjura tal-messaġġ ta’ Fatima turi r-Rużarju, li ġustament nistgħu nsejħulu “t-talba ta’ Marija” bħala t-talba li biha hija tħossha magħquda magħna b’mod sepeċjali. Hi stess titlob magħna. F’din it-talba ninkludu l-problemi tal-Knisja, tas-sede ta’ San Pietru, il-problemi tal-umanità kollha. Brra minn hekk, hija tfakkarna fil-midinbin u tħeġġiġna biex nitolbu għalihom ħalli jikkonvertu u jsalvaw, u tfakkarna wkoll biex nitolbu għall-erwieħ tal-purgatorju.

Il-kliem tal-messaġġ ingħata lil tfal ta’ bejn is-7 u l-10 snin. It-tfal, bħal Bernardetta ta’ Lourdes, huma pprivileġġjati b’mod partikolari b’dawn id-dehriet ta’ Omm Alla.

Minn dan naraw li l-lingwaġġ ta’ dawn id-dehriet huwa wieħed sempliċi, sabiex anke huma (it-tfal) jistgħu jifhmuh. It-tfal ta’ Fatima wasslu l-messaġġ tas-Sinjura tas-Sema u saru anke kollaboraturi tagħha. Waħda minnhom għadha ħajja s’issa. (Hawn il-Papa San Ġwanni Pawlu 2 kien qed jirreferi għal Luċija, Swor Luċija li dak iż-żmien kienet għadha ħajja.)

 

7. Meta Ġesù qal fuq is-salib, “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19, 26), huwa fetaħ b’mod ġdid il-qalb ta’ Ommu, Qalb Bla Tebgħa, u taha dimensjoni ġdida għall-imħabba tagħha u għall-importanza tal-imħabba tagħha, imħabba li għaliha sejħilha l-Ispirtu s-Santu bil-qawwa fis-sagrifiċċju tas-Salib.

Fil-kliem tal-Madonna ġo Fatima nsibu propju d-dimensjoni tal-imħabba materna ta’ Marija, li bir-raġġ tad-dawl tagħha, iddawwal it-triq kollha tal-bniedem lejn Alla: dik it-triq li tgħaddi mid-dinja u dik it-triq li tgħaddi mill-purgatorju, wara t-triq li tgħaddi minn din id-dinja,. L-interess u l-impenn tal-Omm tal-Feddej huma l-interess u l-impenn tagħha biex aħna nsalvaw, jiġifieri għas-salvazzjoni, l-opra li binha ġie fid-dinja biex iwettaq. Huma interess u impenn fis- u lejn is-salvazzjoni, is-salvazzjoni eterna tal-bnedmin kollha. Filwaqt li għaddew 65 sena mit-13 ta’ Mejju 1917, huwa diffiċli li ma nindunawx li din l-imħabba salvifika tal-Omm tħaddan, bir-raġġi tagħha, is-seklu tagħna b’mod partikulari.

Fid-dawl tal-imħabba materna tal-Madonna, aħna nkunu nistgħu nifhmu l-messaġġ kollu tas-Sinjura ta’ Fatima. Dak li jmur b’mod l-aktar dirett kontra l-mixja tal-bniedem lejn Alla huwa d-dnub, li wieħed jibqa’ jgħix fid-dnub, u fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċaħda ta’ Alla nnifsu. Id-dnub ibiegħed l-attività kollha tal-bniedem minn Alla. Permezz tad-dnub, il-bniedem jiċħad lil Alla u jwarrbu minn ħajtu, meta jwarrbu mill-ħsieb tiegħu b’mod ipprogrammat. Meta l-bniedem jiċħad lil Alla.

Fir-realtà, is-salvazzjoni eterna tal-bniedem tista’ ssir biss minn Alla, li jsostni, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ix-xewqa għas-salvazzjoni fil-bniedem. Iċ-ċaħda ta’ Alla mill-bniedem issir definittiva u twassal b’mod loġiku, għaċ-ċaħda tal-bniedem minn Alla stess, jiġifieri d-dannazzjoni (ara Mt. 7, 23; 10, 33).

Tista’ l-Omm, bil-qawwa kollha tal-imħabba tagħha, imħabba mnissla fiha mill-Ispirtu s-Santu u li biha tant tixtieq is-salvazzjoni ta’ kull bniedem, tibqa’ siekta quddiem dak li jhedded il-bażi nnifisha ta’ din is-salvazzjoni? Le, ma tistax.

Għal din ir-raġuni, il-messaġġ tas-Sinjura ta’ Fatima, messaġġ tant matern, hu fl-istess ħin, tant qawwi u deċis. Jidher aħrax. Jidher kif kien jitkellem Ġwanni l-Battista fuq ix-xtut tax-Xmara Ġordan. Jistedinna għall-penitenza. Iwissina. Isejħilna għat-talb. Jirrikkomandalna li ngħidu r-Rużarju.

Dan il-messaġġ huwa mogħti lil kull bniedem. L-imħabba tal-Omm tal-Feddej tasal kull fejn tasal l-opra tas-salvazzjoni. Hija trid li l-bnedmin kollha ta’ żmienna jsalvaw u hija tara wkoll li s-soċjetajiet, in-nazzjonijiet u l-popli kollha, jsalvaw ukoll. Is-soċjetajiet tad-dinja tal-lum huma mhedda mill-apostasija (iċ-ċaħda ta’ Alla), huma mhedda mid-degradazzjoni morali. Meta tikkrolla l-moralità tikkrolla wkoll is-soċjetà.

8. Kristu qal fuq is-Salib: “Mara, hawn hu ibnek.” B’dan il-kliem, Huwa fetaħ, b’mod ġdid il-Qalb ta’ Ommu. Ftit wara, il-lanza tas-suldat Ruman, nifdet il-kustat ta’ Kristu.

 

Din il-qalb minfuda ta’ Ġesù saret is-sinjal tal-Fidwa mwettqa bil-mewt tal-Ħaruf t’Alla.

Il-Qalb Bla Tebgħa (Immakulata) ta’ Marija miftuħa għall-kliem: “Mara, dan hu ibnek”, tiltaqa’ spiritwalment mal-Qalb tal-Iben, miftuħa mil-lanza ta’ dak is-suldat. Il-Qalb ta’ Marija ġiet miftuħa mill-istess imħabba lejn il-bniedem u lejn id-dinja, dik il-imħabba li biha Kristu ħabb il-bniedem u d-dinja. Hu u joffri lilu nnifsu għalihom fuq is-salib, sa dik id-daqqa tal-lanza ta’ dak is-suldat.

Li nikkonsagraw id-dinja lill-Qalb Immakulata (bl Tebgħa) ta’ Marija jfisser li nersqu ġermezz tal-Omm lejn l-Għajn tal=Ħajja nnifisha, jiġifieri, Ġesù Kristu, li toħroġ mill-Golgota. Din il –għjn hija dejjem nixxiegħa ta’ salvazzjoni u ta’ grazzja. Biha sseħħ bla waqfien it-tbatija għad-dnubiet tal-bnedmin. Hija wkoll bla waqfien għajn ta’ ħajja ġdida u ta’ qdusija

Li nikkonsagraw id-dinja lill-Qalb Immakulata (Bla Tebgħa) ta’ Marija jfisser li nersqu, permezz tal-Omm, lejn l-Għajn tal-ħajja nnifisha, jiġifieri Ġesù Krisu, li toħroġ mill-Golgota. Din l-Għajn hija dejjem nixxiegħa ta’ salvazzjoni u ta’ grazzja. Biha sseħħ bla waqfien it-tpattija għad-dnubiet tal-bnedmin. Hija wkoll bla waqfien, għajn ta’ ħajja ġdida u ta’ qdusija.

Li nikkonsagraw lid-dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, ifisser ukoll li nirritonaw taħt is-Salib ta’ Kristu, tal-Iben. U aktar minn hekk: ifisser ukoll li nikkonsagraw lid-dinja lill-Qalb minfuda tal-Feddej, aħna u nixorbu mill-għajn tal-Fidwa stess. Il-Fidwa hi dejjem akbar mid-dnub tal-bniedem u mid-dnub tad-dinja.

Il-Qalb tal-Omm dan tafu aktar minn kwalunkwe persuna oħra fl-univers, kemm dak li jidher u kemm dak li ma jidhirx, wara, ovvjament, il-Qalb ta’ Binha Ġesù.

U għalhekk, il-Qalb ta’ din l-Omm qed issejħilna.

Qed issejħilna mhux biss għall-konverżjoni, imma ssejħilna biex nitolbuha tgħinna hi, hi li hi l-Omm tagħna, biex nirritornaw lejn is-sors tal-Fidwa.

9. Li nikkonsagraw lilna nfusna lil Marija jfisser li nħallu lilna nfusna niġu mgħejjuna minnha biex noffru lilna nfusna lill-umanità lil “Dak li hu Qaddis”, dak li hu Qaddis infinitament; li nikkonsagraw lilna nfusna lil Marija jfisser ukoll li nħalluha tgħina, li nirrikorru lejn il-Qalb tal-Omm, miftuħa taħt is-salib, għall-imħabba lejn kull bniedem, lejn id-dinja kollha - biex noffru lid-dinja, lill-bniedem u lill-umanità u lin-nazzjonijiet kollha, lil Dak li hu infinitament Qaddis. Il-Qdusija ta’ Alla rajnieha fil-fidwa tal-bniedem, tad-dinja, tal-umanità kollha, tan-nazzjonijiet kollha u tal-bnedmin individwali: fidwa li seħħet permezz tas-sagrifiċċju tas-Salib. “Għalihom Jien nikkonsagra lili nnifsi”, qal Ġesù (Ġw 17.9).

Bis-setgħa tal-fidwa, id-dinja u l-bniedem ġew ikkonsagrati. Ġew ikkonsagrati lil Dak li hu infinitament Qaddis. Ġew offruti u afdati lil Dak li hu Mħabba nfisha, Imħabba kollha ħniena.

L-Omm ta’ Kristu ssejħilna u tistedinna, biex ningħaqdu mal-Knisja ta’ Alla ħaj permezz ta’dik il-konsagrazzjoni tad-dinja u permezz tagħha, id-dinja, l-umanità, in-nazzjonijiet u l-bnedmin individwali jiġu offrui lill-Missier Etern il-qawwa tal-Fidwa ta’ Kristu. Ġew offruti fil-Qalb tal-Feddej, minfuda fuq is-Salib.

L-Omm tal-Feddej issejħilna, tistedinna u tgħinna biex nissieħbu f’din il-konsagrazzjoni, konsagrazzjoni li permezz tagħha nafdaw lid-dinja lill-Feddej. Għalhekk, infatti, permezz ta’ din il-konsagrazzjoni, insibu ruħna viċin kemm jista’ jkun lejn il-Qalb ta’ Kristu minfuda fuq is-Salib.

10. Il-kontenut tal-appell tas-Sinjura ta’ Fatima tant fih l-għeruq tiegħu fil-Vanġelu u fit-Tradizzjoni kollha tal-Knisja, b’mod mill-aktar profond, li l-Knisja tħossha impenjata minn dan il-messaġġ.

Hija (il-Knsija) rrispondiet għal dan il-messaġġ permezz tas-Serv t’Alla, il-Papa Piju XII (li ġie ordnat isqof propju fit-13 ta’ Mejju 1917), li ried jikkonsagra lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, lill-ġeneru uman kollu u speċjalment lill-popli tar-Russja. B’din il-konsagrazzjoni forsi ma weġibx tassew tajjeb għall-kontenut evanġeliku qawwi tal-appell ta’ Fatima?

Il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Dommatika fuq il-Knisja “Lumen Gentium” u fil-Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-Dinja tal-lum, “Gaudium et Spes”, tkellem fit-tul u wera b’mod wiesa’ ir-raġunijiet li jgħaqqdu lill-Knisja mad-dinja tal-lum. Fl-istess ħin, it-tagħlim tiegħu fuq il-preżenza speċjali ta’ Marija fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, sabu l-maturazzjoni tagħhom fl-att tal-(Beatu) Papa Pawlu VI li sejjaħ lil Marija anke “Omm il-Knisja”, u wera b’mod mill-aktar profond l-għaqda ta’ Marija mal-Knisja, kif ukoll l-imħabba, l-interess u l-impenn tagħha (tal-Madonna) lejn l-umanità, lejn id-dinja, lejn kull bniedem u lejn in-nazzjonijiet kollha: fi ftit kliem, il-maternità tagħha (tal-Madonna).

B’dan il-mod, ġie approfondit anke aktar is-sens tal-konsagrazzjoni lil Marija, li l-Knisja ġiet imsejħa biex tagħmel hi u tirrikorri għall-għajnuna tal-qalb stess tal-Omm ta’ Kristu u tal-Omm tagħna.

11. B’liema twemmin u b’liema emozzjonijiet qiegħed jippreżenta ruħu llum, quddiem omm l-Iben ta’ Alla fis-Santwarju ta’ Fatima, Ġwanni Pawlu II, suċċessur ta’ Pietru, huwa u jġedded dak li għamlu Piju, Ġwanni, Pawlu, li hu werriet speċjali tal-Konċilju Vatikan it-Tieni?

Jippreżenta ruħu billi jġedded bil-qawwa imma wkoll bi swied il-qalb, is-sejħa materna ta’ Marija għall-penitenza u għall-konverżjoni: dak l-appell ferventi tal-Qalb ta’ Marija li dewa f’Fatima 65 sena ilu. Iva, jien inġedded din is-sejħa u dan l-appell bi swied il-qalb għax nara kemm bnedmin u kemm soċjetajiet, kemm Insara, marru u qegħdin imorru fid-direzzjoni opposta għal dik li wriena l-messaġġ ta’ Fatima. Id-dnub tant kiseb “dritt taċ-ċittadinanza” fid-dinja, u ċ-ċaħda ta’ Alla tant hi mxerrda b’mod wiesa’ fl-ideoloġiji, fl-ideat u fil-programmi ta’ azzjoni tal-bnedmin!

Imma propju minħabba dan li l-istedina evanġelika għall-penitenza u għall-konverżjoni li għamlitilna Marija bil-kliem tagħha, hija dejjem attwali. Anzi, aktar attwali minn 65 sena ilu. U anke aktar uġenti. Għalhekk, dan se jkun is-suġġett tas-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss u li se jsir is-sena d-dieħla (iġifieri fl-1983), Sinodu li diġà qegħdin nippreparaw għalih.

Is-suċċessur ta’ Pietru qiegħed jippreżenta ruħu hawnhekk quddiem il-Madonna f’Fatima, anke bħala xhud tat-tbatijiet tal-bniedem, bħala xhud tat-theddida kważi apokalittika tal-qerda li qiegħda tagħfas fuq in-nazzjonijiet tad-dinja u fuq l-umanità. (Hawnhekk, il-Papa kien probabbli qed jirreferi għall-Gwerra l-Bierda bejn is-superotenzi ta’ dak iż-żmien u l-alleajati tagħhom, li kienet għadha għaddejja dak iż-żmien)

Huwa (il-Papa) jipprova jħaddan dawn it-tbatijiet mal-qalb dgħajfa tal-umanità tiegħu, waqt li jqegħedhom quddiem il-misteru tal-Qalb ta’ Marija, tal-Qalb Immakulata Bla Tebgħa ta’ Marija.

Huwa jippreżenta dawn it-tbatijiet, waqt li jaf bil-ħażen u d-deni li qegħdin jeżistu lid-dinja u jheddu lill-bniedem, lin-nazzjonijiet u lill-umanità, is-suċċessur ta’ Pietru qiegħed jippreżenta ruħu hawnhekk b’aktar fidi fil-Fidwa tad-dinja b’aktar fidi f’din l-Imħabba Salvifika, li hi dejjem aktar qawwija u dejjem aktar setgħana minn kull ħażen u deni.

Għalhekk, jekk il-qalb titnikket għad-dnub li hawn fid-dinja u għall-bosta tipi ta’ theddid li hija qiegħda tiffaċċja u li jheddu lill-umanità, din l-istess qalb qiegħda timtela bit-tama billi terġa’ tagħmel għal darboħra dak li diġà għamlu l-predeċessuri tiegħi: li nikkonsagra d-dinja lill-Qalb tal-Omm, li nikkonsagrawlha b’mod speċjali l-popli li għandhom bżonn speċjali ta’ din il-konsagrazzjoni. Dan l-att ta’ konsagrazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar, ifisser li qegħdin nikkonsagraw id-dinja lil Dak li Hu qdusija infinita, jiġifieri lil Alla. Din il-qdusija tfisser Fidwa u tfisser imħabba li hi aktar qawwija u aktar setgħana mill-ħażen.

L-ebda “dnub tad-dinja” ma jista’ qatt jirbaħ lil din l-Imħabba.

Se ngħid għal darb’oħra: l-appell li għamlet Marija m’għamlitux darba biss! Huwa appell miftuħ għall-ġenerazzjonijiet dejjem ġodda tal-umanità, dejjem skont is-sinjali taż-żminijiet. Jeħtieġ li nerġgħu nisimgħu dan l-appell bla waqfien u nirritornaw lejh. Jeħtieġ li dejjem nisimgħuh u nwettquh mill-ġdid.

12. L-Awtur tal-Ktieb tal-Apokalissai kiteb: “Rajt ukoll il-belt qaddisa, il-belt ta’ Ġerusalemm, nieżla mis-sema, nieżla mingħand Alla, lesta bħal għarusa mżejna bi lbies sabiħ biex tiltaqa’ mal-għarus tagħha. Imbagħad, smajt leħen qawwi ħiereġ mit-tron: “Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin! Huwa għad jgħammar magħhom u huma għad ikunu l-poplu tiegħu, u Hu jkun għalihom Alla – magħhom”” (Apok 21, 35).

B’din il-fidi tgħix il-Knisja.

B’din il-fidi jimxi l-Poplu ta’ Alla.

“L-Għamar ta’ Alla mal-bniedem” diġà qiegħda fuq din l-art.

U f’din l-għamara ta’ Alla mal-bniedem hemm il-Qalb tal-Għarusa u tal-Omm, Marija, imżejna, bil-ġojjell tal-Konċepiment Immakulat (tat-Tnissil bla tebgħa) tagħha. Dik il-Qalb li nfetħet taħt is-salib għall-kelma tal-Iben lejn imħabba ġdida u kbira għall-bniedem u għad-dinja: dik il-Qalb li taf bit-tbatijiet kollha tal-bnedmin u tas-soċjetajiet kollha ta’ din l-art.

Il-Poplu t’Alla huwa pellegrin fit-toroq ta’ din id-dinja fid-direzzjoni tal-ħajja ta’ wara din - fid-direzzjoni eskatoloġika. Qiegħed f’pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm tas-Sema u Eterna, lejn l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin”.

Hemmhekk, Alla “jixxotta kull demgħa minn għajnejnhom, ma jkunx hemm aktar mewt, aktar swied il-qalb tagħha, aktar id-dwejjaq u n-nuqqas ta’ tama, għax il-ħwejjeġ ta’ qabel ikunu għaddew” (ara Apok 21, 4).

Imma issa l-ħwejjeġ ta’ qabel għadhom hawn u propju huma jissieħbu magħna f’dan il-pellegrinaġġ tagħna f’din id-dinja.

Għalhekk, ejjew inħarsu lejn “Dak li qiegħed fuq it-Tron li jgħid ‘Ara se nġedded kollox’” (ara Apok 21, 5).

U flimkien mal-evanġelista u mal-appostlu (Ġwanni), aħna nfittxu li naraw bl-għajnejn tal-fidi, “is-sema ġdid, u l-art ġdida ‘għax is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għaddew diġa’”.

Iżda fi żmienna, “is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel” għadhom madwarna u fina. Dan ma nistgħux ninjorawh. Imma dan jgħinna nirrikonoxxu dik il-grazzja immensa li ngħatat lill-bniedem meta, f’nofs dan il-pellegrinaġġ, fuq ix-xefaq tal-fidi ta’ żmienna, tfaċċa dan “is-Sinjal tal-għaġeb: Mara liebsa x-xemx ..,.” (Apok 12, 1)!

Iva, tassew nistgħu nirrepetu: “Imbierka inti, O Bint, quddiem Alla l-Aktar Għoli, aktar min-nisa kollha li jgħixu fuq din l-art!

... int li ġġib ruħek bil-qdusija, quddiem Alla tagħna

.... u serraħtna fit-tbatijiet u l-fallimenti tagħna.”

Tassew! Int imbierek!

Iva, f’din il-Knisja, fil-qalb ta’ kull bniedem u tal-umanità kollha: ħa tkun dejjem imbierka O Marija, o Omm l-aktar ħelwa tagħna!

 

Maqluba għall-Malti mit-Taljan minn Kathleen Bonello