ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 24 ta’ Jannar 1979

 

1. Fil-festa tal-Epifanija qrajna s-silta tal-Vanġelu ta’ San Mattew, li tiddeskrivi l-wasla f’Betlem ta’ xi Maġu mil-Lvant: “Kif daħlu fid-dar raw it-tarbija flimkien ma’ Marija Ommha, u waqt li nxteħtu mal-art adurawha. Imbagħad fetħu l-kaxxetti tagħhom u offrewlha b’rigali deheb, inċens u mirra” (Mt 2,11-12).

F’din is-sedja, jum fost l-oħrajn, diġa tkellimna dwar ir-rgħajja li sabu lit-tarbija, l-imwieled Bin Alla, li kien mimdud f’maxtura (cf. Lq 2,16).

Illum mill-ġdid għal darb’oħra se nduru fuq dawk il-personaġġi li, bħal ma tgħid it-tradizzjoni, kienu tlieta: is-Slaten Maġi. It-test konċiż ta’ San Mattew jirrendi sewwa dak li jagħmel parti mis-sustanza nfisha tal-laqgħa tal-bniedem ma’ Alla: “mixħutin mal-art jadurawh”. Il-bniedem jiltaqà ma’ Alla fl-att tal-qima, tal-adorazzjoni, tal-kult. Ikun tajjeb li ninnutaw li l-kelma “kult” (“cultus”) hija f’relazzjoni stretta mat-terminu “kultura”. Mas-sustanza nfisha tal-kultura umana, tad-diversi kulturi, tappartieni l-ammirazzjoni, il-qima ta’ dak li hu divin, ta’ dak li jgħolli lill-bniedem fil-għoli. Element sekondarju tal-laqgħa tal-bniedem ma’ Alla, enfasizzat fil-Vanġelu, huwa miġbur fil-kliem: “fetħu l-kxiexet tagħhom u  offrewlu f’rigali…”. F’dan il-kliem, San Mattew jindika fattur li jikkaratterizza b’mod profond is-sustanza nfisha tar-reliġjon, mifhumha fl-istess ħin bħala għarfien u laqgħa. Kunċett astratt biss ta’ Alla, ghadu ma jiffurmax din is-sustanza.

Il-bniedem jagħraf lil Alla waqt li jiltaqà miegħu, u viċi-versa jiltaqà miegħu fl-att tal-għarfien. Jiltaqà ma’ Alla meta jinfetaħ quddiemu bid-don intern tal-“jien” tiegħu uman, biex jaċċetta u jibdel mill-ġdid id-don tiegħu.

Is-Slaten Maġi, fil-waqt li fih jippreżentaw ruħhom quddiem it-Tarbija li kienet tinsab f’dirgħajn l-Omm, jaċċettaw fid-dawl tal-Epifanija d-don ta’ Alla Inkarnat, id-dedikazzjoni li bil-kliem ma titfissirx lill-bniedem fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. Fl-istess ħin: “fetħu l-kxiexet tagħhom bir-rigali”; huma doni konkreti dawn li jitkellem dwarhom l-evanġelista, imma   jiftħu b’mod speċjali lilhom infushom quddiemu, bid-don intern ta’ qalbhom propja. Huwa dan it-teżor veru offrut minnhom, li tiegħu d-deheb, l-inċens u l-mirra  jikkostitwixxu biss espressjoni esterna. F’dan id-don jikkonsisti l-frott tal-Epifanija: huma jagħrfu lil Alla u jiltaqgħu miegħu.

2. Meta nimmedita b’dan il-mod, flimkien magħkom miġbura hawn, dak il-kliem tal-Vanġelu ta’ Mattew, jiġu f’moħħi t-testijiet tal-kostituzzjoni Lumen Gentium, li jitkellmu dwar l-universalità tal-Knisja. Jum l-Epifanija huwa l-festa tal-universalità tal-Knisja, tal-missjoni universali tagħha. Iva, fil-Konċilju naqraw: “Fin-nazzjonijiet kollha tal-art huwa mrawwem fil-fond Poplu ta’ Alla wieħed, sabiex f’nofs in-nisel kollu dan jikseb iċ-ċittadini ta’ Saltnatu, mhux terren imma dak ċelesti. U infatti l-fidili kollha mxerrda mad-dinja jikkomunikaw mal-oħrajn fl-Ispirtu Santu, u hekk “min jinsab f’Ruma jaf li l-indi huma membri tiegħu” (Lumen Gentium, 9). Ġaladarba, mela,, is-Saltna ta’ Kristu mhix ta’ din id-dinja (cf. Ġw 18,36), il-Knisja, jiġifieri l-Poplu ta’ Alla, waqt li tintroduċi din is-Saltna, ma twarrab xejn mill-ġid temporali ta’ kwalunkwè poplu, imma għal kuntrarju tiffavorixxi u tilqà l-ħiliet u r-riżorsi u d-drawwiet kollha tal-popli, kemm-il darba jkunu tajbin, u waqt li tilqagħhom tippurifikahom, issaħħaħhom u televahom. Infatti, hija tiftakar sewwa li għandha tilqà ma’ dak is-Sultan, lil min ġew mogħtija b’wirt il-popli (cf. Sal 2,8), u li fil-belt tiegħu jġibu r-rigali u l-offerti tagħhom (cf. Sal 72,10; Iż 60,4-7; Ap 21,24). Dan il-karattru ta’ universalità li jżejjen u jiddistingwi l-Poplu ta’ Alla, huwa don tal-istess Mulej, u miegħu il-Knisja kattolika b’mod effikaċi u mingħajr waqfien  tipprova tiċcentra lill-umanità kollha, bil-ġid kollu tagħha, fi Kristu mexxej, fl-għaqda tal-Ispirtu tiegħu. Bis-saħħa ta’ din il-kattoliċità, il-parijiet singuli jġibu r-rigali tagħhom għall-partijiet l-oħra u għall-Knisja kollha, u hekk il-parijiet kollha u singuli jissaħħu, u waqt li kull waħda tikkomunika mal-oħrajn u b’mod koordinat waqt li taħdem għat-twettiq tal-għaqda. Hekk jiġri li l-Poplu ta’ Alla… jinġabar minn popli differenti” (Lumen Gentium, 13).

Hawn għandna quddiem għajnejna l-istess xbiha preżenti fil-Vanġelu ta’ San Mattew moqri fl-Epifanija; biss huwa ferm iktar imkabbra. L-istess Kristu li f’Betlem, bħala Tarbija, aċċetta r-rigali tas-Slaten Maġi, għadu dejjem dak li quddiemu l-bnedmin u popli sħaħ “jiftħu t-teżori tagħhom”. Ir-rigali tal-ispirtu uman, fl-att ta’ dan il-ftuħ quddiem Alla Inkarnat, jakkwistaw valur partikolari, isiru it-teżori ta’ kulturi differenti, għana spiritwali tal-popli u tan-nazzjonijiet, patrimonju komuni tal-umanità kollha. Dan il-patrimonju jifforma u jwessà ruħu dejjem permezz ta’ dik “il-bidla ta’ rigali”, li dwarha titkellem il-kostituzzjoni Lumen Gentium. Iċ-ċentru ta’ dik il-bidla huwa hu: l-istess wieħed li aċċetta r-rigali tas-Slaten Maġi. Hu stess, li huwa l-Alla viżibbli u nkarnat, jikkawża l-ftuħ tal-erwieħ u dik il-bidla tar-rigali, li permezz tagħha jgħixu mhux biss il-bnedmin individwali, imma wkoll il-popli, in-nazzjonijiet u l-umanità kollha kemm hi.

3. Il-meditazzjoni kollha preċedenti hija sa ċertu punt introduzzjoni u prefazzjoni għal dak li issa rrid ngħid.

Mela, għada, bil-grazzja ta’ Alla, sejjer nibda vjaġġ fil-Messiku, l-ewwel wieħed tal-pontifikat tiegħi. Hawn irrid insegwi lil kbir Papa Pawlu u nkompli t-tradizzjoni minnu mibdija. Se nmur il-Messiku, fi Puebla, fl-okkażjoni tal-Konferenza Episkopali tal-Amerika Latina, li tibda x-xogħlijiet tagħha nhar is-Sibt li ġej bil-konċelebrazzjoni ewkaristika fis-santwarju tal-Madonna ta’ Gwadalupe. Diġa millim qed nesprimi l-gratitudni tiegħi, kemm lill-rappreżentanti tal-Episkopat għall-istedina ndirizzata lili, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Awtoritajiet Messikani, b’mod partikolari lill-President ta’ dik ir-Repubblika, għall-attituni simpatika lejn dan il-vjaġġ, li jippermettili nwettaq dmir pastorali tant importanti.

Qed nirreferi f’dan il-waqt għal-liturġija tal-festa tal-Epifanija kif ukoll għall-kliem tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium, li jippermettulna lilna lkoll biex nagħtu ħarsa dwar dawk id-doni partikolari, li l-Poplu u l-Knisja li hija fil-Messiku għamlu u għadhom ikomplu jagħmlu fit-teżor komuni tal-umanità u tal-Knisja.

Min ghadu almenu ma semax bis-sbuħijiet tal-Messiku antik? Bl-arti tiegħu, bl-għarfien tiegħu fil-qasam tal-astronomija, bil-piramidi u t-tempji tiegħu, li fihom esprima, għalkemm b’mod imperfett u għad mhux illuminat, ix-xewqa tad-divin tiegħu?

U xi ngħidu dwar il-katidrali u l-knejjes, il-palazzi u l-muniċipji, mibnija fil-Messiku u min artiġjani messikani wara l-kristjanizzazzjinu? Tali bini huwa espressjoni elokwenti tas.simbjożi meraviljuża li l-poplu messikan għaraf jopera bejn l-aħjar elementi tal-imgħoddi tiegħu u dawk tal-futur kristjan tiegħu li  kien allura dieħel fih.

Imma l-Messiku ghamel progressi kbar ukoll fl-era iktar riċenti. Maġemb il-kostruzzjonijiet famużi ta’ stil imsejjaħ kolonjali, illum hemm l-iskaiskrapers, il-toroq il-kbar, il-bini pubbliku mpresjonanti, l-istabilimenti ndustrijali tal-Messiku modern. Però – u hawn jinsab mertu ieħor tiegħu – f’nofs il-progress politiku, tekniku u ċivili modern, ir-ruħ messikana turi b’mod ċar li trid tkun u tibqà nisranija: saħansitra fil-mużika popolari tipika tiegħu, il-messikan ikanta wkoll in-nostalġija tiegħu eterna għal Alla u d-devozzjoni tiegħu lejn il-Verġni Santissima. U fi żminijiet diffiċli tal-imgħoddi, issa faċilment megħluba, il-messikan  wera mhux biss sentimenti reliġjużi tajbin, imma qawwa u fermezza ta’ fidi mhux indifferenti, anzi kultant erojka, bħal ma bosta għadhom jiftakru.

Jiena konvint li quddiem Kristu u Ommu wieħed jistà mill-ġdid iwettaq dak il-“ftuħ u bidla tar-rigali”, li għalih l-Episkopat tal-Amerka Latina, jien stess, u l-Knisja kollha hekk ngħaqqdu tamiet kbar għall-futur.

4. Nerġgħu mill-ġdid lura għal darb’oħra għad-deskrizzjoni ta’ San Mattew. Il-Vanġelu jgħid li dak il-“ftuħ tar-rigali” tas-Slaten Maġi ġo Betlem twettaq quddiem it-Tarbija u Ommha.

Inżidu li din is-sitwazzjoni tkompli tiġgedded u tirrepeti ruħha propju hekk. Ma turix dan forsi l-istorja tal-Messiku u l-istorja tal-Knisja fuq din l-art? Waqt li nmur hemm, nieħu gost b’mod partikolari bil-fatt li nkun qed insib ruħi fuq il-passi ta’ bosta pellegrini, li mill-Amerka kollha, speċjalment l-Amerka Latina, jerħulha fuq triqthom lejn is-santwarju tal-Omma’ Alla fi Gwadalupe.

Jiena stess ġej minn art u nazzjon, li qalbu tħabbat – kif ukoll il-qalb ta’ popli qrib – fis-santwarji kbar marjani, b’mod speċjali fis-santwarju ta’ Jasna Gora. Irrid mill-ġdid għal darb’oħra, bħal fil-jum tal-inawgurazzjoni tal-pontifikat, intenni l-kliem tal-okbar poeta Pollakk: “Verġni Mqaddsa, li tiddefendi liċ-ċara Czestochowa, u tiddi fil-Bieb Akut...”.

Dan jippermettili nifhem il-Poplu, il-Popli, il-Knisja, il-Kontinent,li qalbu tħabbat fis-santwarju tal-Omm ta’ Alla fi Gwadalupe.

Nittama wkoll li dan jiftaħli t-triq għall-qalb ta’ dik il-Knisja, ta’ dak il-Poplu u ta’ dak il-Kontinent.

 

Miġjub għall-Malti it-Taljan minn Emanuel Zarb