ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 27 ta’ Diċembru 1978

 

UMANITÀ LI QED IŻURHA ALLA

 

1. Qegħdin niltaqgħu fiż-żmien liturġiku tal-Milied. Għalhekk nixtieq li l-kliem, li llum se ngħaddi lilkom, jikkorrispondi mal-ferħ ta’ din il-festa u ta’ din l-ottava. Barra minn hekk nixtieq li jikkorrispondi ma’ dik is-sempliċità u fl-istess ħin il-profondità li l-Milied iferrex fuq kulħadd. Tfiġġ spontanja f’moħħi t-tifkira tas-sentimenti tiegħi u tal-ġrajjiet tiegħi, waqt li nibda mis-snin taċ-ċkunija tiegħi f’dar missieri, tul is-snin diffiċli ta’ żgħożiti, il-perijodu tat-tieni gwerra, il-gwerra dinjija . Jalla din ma tirrepeti ruħha qatt fl-istorja tal-Ewropa u tad-dinja!  Bdanakollu, saħansitra fl-agħar snin, il-Milied dejjem ġab miegħu xi raġġ. U dan ir-raġġ kien jippenetra wkoll fl-iktar esperjenzi iebsin ta’ disprezz tal-bniedem, ta’ anjentament tad-dinjità tiegħu, ta’ krudeltà. Biżżejjed, biex  inqisu kollox, li naqbdu t-tifkiriet tal-bnedmin li għaddew mill-ħabsijiet jew mill-kampijiet tal-konċentrament, mill-linji quddiema tal-gwerra u mill-interrogatorji u l-proċessi.

Dan ir-raġġ tal-Lejl tal-Milied, raġġ tat-twelid ta’ Alla, mhuwiex biss tifkira tad-dwal tas-siġra, maġemb il-presepju fid-djar, fil-familja jew fil-knisja parrokkjali, imma huwa xiħaġa iktar. Dan huwa x-xrara profonda tal-umanità li qed iżurha Alla, l-umanità mill-ġdid milqugħa u meħudha lura minn Alla nnifsu; meħudha lura fl-Iben ta’ Marija fl-għaqda tal-Persuna divina: L-Iben-Verb. Natura umana assunta b’mod mistiku mill-Iben ta’ Alla f’kull wieħed u waħda minna, li ġejna addottati fl-għaqda ġdida mal-Missier. L-irradjazzjoni ta’ dan il-misteru testendi ruħha ‘l bogħod, ferm ‘il bogħod; tilħaq ukoll dawk il-partijiet u dawk l-isferi tal-eżistenza tal-bnedmin, li fihom kwalunkwè ħsieb dwar Alla ġie kważi fgat, donnu nieqes, bħallikieku  inħaraq u sparixxa għal kollox. U hekk hu, mal-lejl tal-Milied, tfiġġ xrara: forsi minkejja kollox? Ferrieħa din “il-minkejja kollox” din hija diġa xrara ta’ fidi u tama.

2. Fil-festività tal-Milied naqraw dwar ir-rgħajja ta’ Betlem, li kienu l-ewwel imsejħin fil-presepju biex jaraw l-Imwieled ġdid: “Marru mela mingħajr telf ta’ żmien u sabu lil Marija u lil Ġużeppi u lit-tarbija minduda fil-maxtura” (Lq 2,16).

Nieqfu fuq dik is-“sabu”. Din il-kelma tindika tiftix. Infatti, ir-rgħajja ta’ Betlem, waqt li kienu jistrieħu mal-merħliet tagħhom, ma kinux jafu li kien wasal iż-żmien, li fih kellu jiġi dak imħabbar minn sekli qabel mill-profeti ta’ dak il-Poplu, li huma kienu jagħmlu parti minnu, u li kellu jseħħ propju f’dak il-lejl; u li kellu jseħh fil-viċinanzi tal-post fejn huma kienu/ Ukoll wara l-qawmien mill-irqad li fih kienu mitlufin, huma ma kinux jafu la dak li kien seħħ u linqas fejn kien seħh. Il-wasla tagħhom fil-għar tat-Twelid kien ir-riżultat tat-tiftix tagħħom. Imma fl-istess ħin huma kienu ġew imwassla hemm, kienu – bħal ma naqraw – immexxijin mil-leħen u mid-dawl. U jekk inmorru iktar lura fl-imgħoddi, narawhom iggwidati mit-tradizzjoni tal-Poplu tagħhom, mill-istennija tiegħu. Nafu li Iżrael kien kiseb il-wegħda tal-Messija.

U hekk hu l-Evanġelista jitkellem dwar is-sempliċi, dwar iż-żgħar, dwar il-foqra ta’ Iżrael: dwar ir-rgħajja li kienu l-ewwel li sabuh. Jitkellem, barra minn dan, b’ħafna sempliċità, bħallikieku din kienet ġrajja “esterna”: li fittxew fejn setà kien u fl-aħħar li sabuh. Fl-istess ħin dik is-“sabuh” ta’ Luqa tindika dimensjoni interna: dak li seħħ fil-bnedmin fil-lejl tal-Milied, f’dawk ir-rgħajja sempliċi ta’ Betlem. “Sabu lil Maria u lil Ġużeppi u t-tarbija li kienet minduda fil-maxtura”, u mbagħad: “…marru, jigglorifikaw u jfaħħru lil Alla għal dak kollu li kienu raw u semgħu, bħal ma kien ingħad lilhom” (Lq 2,16-20).

3.“Sabuh” tindika “it-tiftix”.

Il-bniedem huwa esseri li jfittex. Dan tikkonfermah l-istorja kollha tiegħu. Ukoll il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna tixhed dan. Bosta huma l-oqsma li fihom il-bniedem ifittex u jerġà jfittex u mbagħad isib u, kultant, wara li jkun sab, jerġà mill-ġdid jibda jfittex. Fost dawn l-oqsma kollha li bihom il-bniedem jirrivela lilu nnifsu bħala esseri li jfittex, hemm wieħed, l-iktar profond. Dan hu dak li jippenetra b’mod iktar intimu fl-istess umanità tal-esseri uman . U dan hu l-iktar marbut mas-sens tal-ħajja umana kollha.

Il-bniedem huwa esseri li jfittex lil Alla.

Diversi huma t-toroq ta’ din ir-riċerka. Moltepliċi huma l-istejjer tal-erwieħ umani propju fuq dawn it-toroq. Kultant it-toroq donnhom sempliċi ħafna u fil-qrib. Drabi oħra huma diffiċli, kumplikati, imbegħda. Kultant il-bniedem jasal b’mod faċli għall-“heureka” tiegħu: “Sibt!”. Kultant bid-diffikultà, bħallikieku ma jistax jippenetra lilu nnifsu u lid-dinja, u b’mod speċjali bħallikieku ma jistax jifhem il-ħażin li hawn fid-dinja. Iva jaf li saħansitra fil-kuntest tat-Twelid dan il-ħażin wera l-wiċċ heddiedi tiegħu.

Mhumiex ftit il-bnedmin li ddeskrivew ir-riċerka tagħhom fuq Alla fit-toroq tal-istess ħajjithom. Iktar numerużi huma dawk li jisktu, waqt li jikkunsidraw kif il-misteru l-iktar profond u l-iktar intimu tagħhom, dak kollu li huma għexu f’dawn it-toroq: dak li huma sperimentaw, kif fittxew, kif tilfu l-orjentazzjoni u kif din reġgħu sabuha mill-ġdid.

Il-bniedem huwa l-esseri li jfittex lil Alla.

U saħansitra wara li jkun sabu, ikompli jfittxu. U jekk ifittxu bis-sinċerità, diġa sabu; bħal ma, f’silta ċelebri ta’ Pascal, Ġesù jgħid lill-bniedem: “Ikkonsla, inti ma tfittixnix, li kieku mhux diġa sibtni” (Pascal, Pensées, 553: “Il-misteru ta’ Ġesù”).

Din hija l-verità dwar il-bniedem.

Ma jistax jiffalsifikaha. Lanqas ma jistà jeqridha. Lanqas ma jistà jħalliha lill-bniedem għaliex din tiddefinieh.

Xi ngħidu għall-ateiżmu quddiem din il-verità? Hemm bżonn ngħidu bosta ħwejjeġ, iktar minn dak li possibbli niġbru fil-kwadru ta’ dan l-intervent qasir tiegħi. Imma talinqas ħaġa waħda hija meħtieġa li ngħidu: huwa ndispensabbli li napplikaw kriterju, jiġifieri l-kriterju tal-libertà tal-ispirtu uman. Ma jaqbilx ma’ dan il-kriterju – kriterju fundamentali – l-ateiżmu, kemm meta jinnega bil-quddiem li l-bniedem huwa l-esseri li jfittex lil Alla, kif ukoll meta jisfigura b’modi differenti tali riċerka fil-ħajja soċjali, pubblika u kulturali. Tali atteġġjament huwa kuntrarju għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

4.Imma ma rridx nieqaf fuq dan. Jekk qiegħed naċċennalkom, dan nagħmlu biex nuri s-sbuħija u d-dinjità kollha tar-riċerka ta’ Alla.

Dan il-ħsieb kien issuġġerit lili mill-festa tal-Milied.

Kif twieled il-Kristu? Kif ġie fid-dinja? Għaliex ġie fid-dinja? Huwa ġie fid-dinja sabiex ikunu jistgħu jsibuh il-bnedmin; dawk li jfittxuh. Hekk bħal ma sabuh ir-rgħajja fil-għar ta’ Betlem.

Ngħidilkom iktar. Ġesù ġie fid-dinja biex jirrivela d-dinjità u n-nobiltà kollha tat-tiftix ta’ Alla, li huwa l-bżonn l-iktar profond tar-ruħ umana, u biex ikun jistà jistà jiltaqà ma dan it-tiftix.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb