ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 13 ta’ Diċembru 1978

3. Għaliex l-Avvent? Għaliex Alla ġej?

 

1.Diġa għat-tielet darba f’dawn il-laqgħat tagħna ta’ nhar t’Erbgħa, se nerġà naqbad it-tema tal-Avvent, waqt li nsegwi r-ritmu tal-Liturġija, li fil-mod l-iktar sempliċi u fl-istess ħin l-iktar profond jintroduċina fil-ħajja tal-Knisja. Il-Konċilju Vatikan II, li tana duttrina għanja u universali dwar il-Knisja, ġibed l-attenzjoni tagħna wkoll dwar il-Liturġija. Permezz tagħha nafu mhux biss xinhi l-Knisja, imma nisperimentaw, jum wara jum, dak li bih hija tgħix. Aħna wkoll ngħixu għaliex aħna l-Knisja: “Il-Liturġija… tikkontribwixxi fi grad l-iktar għoli għal dak li l-fidili jesprimu f’ħajjithom u jimmanifestaw lill-oħrajn il-misteru ta’ Kristu u n-natura ġenwina tal-vera Knisja, li għandha l-karatteristika li tkun, fl-istess ħin, umana u divina, viżibbli imma mżejna b’realtajiet inviżibbli, ferventi fl-azzjoni u  ddedikata għall-kontemplazzjoni, preżenti fid-dinja u, bdanakollu, pellegrina” (Sacrosanctum Concilium, 2).

Issa l-Knisja tgħix l-Avvent u għalhekk il-laqgħat tagħna ta’ nhar t’Erbgħa huma ċċentrati fuq tali perijodu liturġiku. L-Avvent ifisser “miġja”. Biex nippenetraw ir-realtà tal-Avvent, s’issa fittixna li nħarsu fid-direzzjoni ta’ min ġej u għal min ġej. Mela allura tkellimna dwar Alla, li waqt li ħalaq id-dinja rrivela lilu nnifsu: dwar Alla Ħallieq. U l-Erbgħa li għaddiet tkellimna dwar il-bniedem. Illum se nkomplu, biex insibu tweġiba iktar sħiħa għall-mistoqsija: għaliex l-“Avvent”? Għaliex Alla ġej? Għaliex irid jiġi għall-bniedem?

Il-liturġija tal-Avvent tissejjes b’mod ewlieni fuq it-testi tal-Profeti tat-Testment il-Qadim. Fiha jitkellem kważi kuljum il-profeta Iżaija. Huwa kien, fl-istorja tal-Poplu ta’ Alla tal-patt il-qadim, “interpretu” parikolari tal-wegħda, li dan il-Poplu kien ilu żmien li kiseb mingħand Alla fil-persuna tal-proġenitur tiegħu: Abram. Bħall-profeti l-oħra kollha, u forsi iktar minn kollha, Iżaija qawwa fin-nies ta’ żmienu l-fidi fil-wegħdi ta’ Alla mwettqa mill-patt f’riġlejn il-muntanja Sinaj. Huwa kien jgħallem b’mod speċjali  l-perseveranza fl-istennija u l-fedeltà: “Poplu ta’ Sijon, il-Mulej se jiġi biex isalva l-ġnus u jagħmel li jsemmà leħnu qawwi għall-ferħ ta’ qlubkom” (cf.  30,19.30).

Meta Kristu kien fid-dinja bosta drabi rrifera għall-kliem ta’ Iżaija. Kien jgħid b’mod ċar: “Illum twettqet din l-Iskrittura li intom smajtu b’widnejkom” (Lq 4,21).

2.Il-Liturġija tal-Avvent hija ta’ karattru storiku. L-istennija tal-miġja tal-Midluk (il-Messija) kien proċess storiku. Hija infatti mliet l-istorja kollha ta’ Iżrael, li kien propju magħżul bl-iskop li jħejji l-miġja tas-Salvatur.

Il-konsiderazzjonijiet tagħna jmorru però, b’xi mod, ‘il hemm mil-liturġija ta’ kuljum tal-Avvent. Nerġgħu lura mela għall-mistoqsija bażilari: għaliex Alla ġej? Għaliex irid jiġi għall-bniedem, għall-umanità? Għal dawn id-domandi se nfittxu tweġibiet adegwati u se nfittxuhom fil-bidu nnifsu, jiġifieri qabel ukoll ma bdiet l-istorja tal-Poplu magħżul. Din is-sena, l-attenzjoni tagħna hija ffokata fuq l-ewwel kapitoli tal-ktieb tal-Ġenesi. L-Avvent “storiku” ma kienx ikun komprensibbli mingħajr qari u analiżi bir-reqqa ta’ dawk il-kapitoli.

Mela, waqt li nfittxu tweġiba għall-mistoqsija: “għaliex” l-Avvent? Imissna għal darb’oħra mill-ġdid naqraw b’mod attent id-deskrizzjoni kollha tal-ħolqien tad-dinja u, b’mod partikolari, tal-ħolqien tal-bniedem. Huwa sinifikattiv (kif diġa kelli okkażjoni li nindika) kif il-jiem singuli tal-ħolqien jintemmu bl-osservanza: “Alla ra li kienet ħaġa tajba”. Tali osservanza, bħal ma diġa għidt il-ġimgħa l-oħra, tingħaqad mal-barka tal-maħluq, u b’mod speċjali mal-barka speċifika tal-bniedem.

F’din id-deskrizzjoni kollha għandna quddiemna Alla li, biex nużaw l-espressjoni ta’ San Pawl, jitgħaxxaq bil-verità, bit-tajjeb (cf. 1Kor 13,6). Hemm fejn hu l-ferħ, li joħrog mit-tajjeb, hemm hemm l-imħabba. U hemm biss fejn hemm l-imħabba, hemm il-ferħ li jiġi mit-tajjeb. Il-ktieb tal-Ġenesi, sa minn l-ewwel kapitoli tiegħu, jirrivelalna Alla li huwa Mħabba (għalkemm b’tali espressjoni jinqeda ħafna iktar tard San Ġwann). Huwa hu Mħabba, għaliex jifraħ bit-tajjeb. Il-ħolqien huwa mela fl-istess ħin donazzjoni awtentika: hemm fejn hemm l-imħabba, hemm don.

Il-ktieb tal-Ġenesi jindika l-bidu tal-eżistenza tad-dinja u tal-bniedem. Waqt li ninterpretawha hemm bżonn bla dubju, bħal ma għamel San Tumas d’Aquino, li nibnu filosofija konsegwenti tal-eżistenza, filosofija li fiha jiġi espress l-ordni nnifsu tal-eżistenza. Bdanakollu l-ktieb tal-Ġenesi jitkellem dwar il-ħolqien bħala don. Alla li joħloq id-dinja viżibbli huwa donatur; u l-bniedem huwa dak li jirċievi d-don. Huwa hu dak li għalih Alla joħloq id-dinja viżibbli, dak li Alla, sa mill-bidu, jintroduċi mhux biss fl-ordni tal-eżistenza, imma wkoll fl-ordni  tad-donazzjoni. Il-fatt li l-bniedem huwa “xbiha u xebħ” ta’ Alla, fost kollox, li huwa kapaċi jirċievi d-don, li huwa sensibbli għal dan id-don, u li huwa kapaċi li jtih lura. Għalhekk propju Alla sa mill-bidu jistabilixxi mill-bidu mal-bniedem, u miegħu biss, il-patt. Il-ktieb tal-Ġenesi jirrivelalna mhux biss l-ordni naturali tal-eżistenza, imma fl-istess ħin, sa mill-bidunett l-ordni soprannaturali tal-grazzja. Dwar il-grazzja nistgħu nitkellmu biss kemm-il darba nammettu r-realtà tad-Don. Niftakru mill-katekiżmu: il-grazzja hija d-don soprannaturali li permezz tiegħu nsiru wlied Alla u eredi tas-sema.

3.Liema rbit għandu dan kollu mal-Avvent? Nistgħu b’mod ġust nistaqsu lilna nfusna. Inwieġeb: L-Avvent deher għall-ewwel darba fuq ix-xefaq tal-istorja tal-istorja tal-bniedem, meta Alla rrivela lilu nnifsu bħala Dak li jieħu gost bil-ġid, li jħobb u li jirregala.

F’dan id-don lill-bniedem Alla ma llimitax ruħu li “jagħtih” id-dinja viżibbli – dan huwa ċar sa mill-bidu – imma waqt li ta lill-bniedem id-dinja viżibbli, Alla jrid jagħtih ukoll Lilu nnifsu, hekk bħal ma l-bniedem huwa kapaċi li jagħti lilu nnifsu, hekk bħal ma  “jirregala lilu nnifsu” lill-bniedem l-ieħor: minn persuna lill-persuna: jiġifieri jagħti Lilu nnifsu lilu, waqt li jdaħħlu fil-parteċipazzjoni fil-misteri tiegħu, anzi għall-parteċipazzjoni ta’ ħajtu. Dan jattwa ruħu b’mod tanġibbli fir-relazzjonijiet bejn familjari:  il-mara-ir-raġel, il-ġenituri-l-ulied. Hawn hu għaliex il-profeti spiss jirreferu għal tali relazzjonijiet, sabiex juru x-xbiha vera ta’ Alla.

L-ordni tal-grazzja huwa possibbli biss “fid-dinja tal-persuni”. Dan jirrigwarda d-don li dejjem ifittex il-formazzjoni u l-komunjoni tal-persuni; infatti il-ktieb tal-Ġenesi jippreżentalna tali donazzjoni. Il-forma ta’ din il-“komunjoni tal-persuni” hija fiha indikata sa mill-bidu. Il-bniedem huwa msejjaħ għall-familjarità ma’ Alla, għall-intimità u l-ħbiberija miegħu. Alla jrid ikunlu qrib. Irid jirrendih parteċipi fil-pjanijiet tiegħu. Irid jirrendih parteċipi ta’ ħajtu. Irid jirrendih kuntent tal-istess kuntentizza tiegħu (tal-Esseri tiegħu stess).

Għal dan kollu hija meħtieġa l-Miġja ta’ Alla, u l-istennija tal-bniedem: id-disponibiltà tal-bniedem. Nafu li l-ewwel bniedem, li kien igawdi l-innoċenza oriġinarja u viċinanza partikolari tal-Ħallieq tiegħu, ma weriex din id-disponibiltà. Dan l-ewwel patt ta’ Alla mal-bniedem kien interrott, imma mhux imwarrba r-rieda ta’ Alla li jsalva l-bniedem. Ma nqatax l-ordni tal-grazzja, u  għalhekk l-Avvent jibqà dejjem.

Ir-realtà tal-Avvent tiġi fost l-oħrajn espressa mill-kliem li ġej ta’ San Pawl: “Alla… irid li l-bnedmin kollha ikunu salvati u jaslu għall-għarfien tal-verità” (1Tm 2,4).

Dak li “Alla jrid” huwa propju l-Avvent, u jinsab fis-sies ta’ kull miġja.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb