ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 6 ta’ Diċembru 1978

2. L-Avvent u r-Realtà tal-Bniedem

 

Għeżież Ħuti!

Se nmur lura għat-tema tal-Erbgħa li għaddiet.

1. Biex nippenetraw fil-milja bibblika u liturġika tas-sinifikat tal-Avvent, jeħtieġ li nsegwu żewġ direzzjonijiet. Hemm bżonn li “nmorru lura” għall-bidu, u fl-istess ħin “ninżlu” fil-fond. Dan diġa għamilnieh għall-ewwel darba, l-Erbgħa li għadda, meta għażilna bħala temi tal-meditazzjoni tagħna l-ewwel kelmiet tal-ktieb tal-Ġenesi: “Fil-bidu Alla ħalaq” (“Beresit bara Elohim”). Lejn tmiem it-tema svolġuta l-ġimgħa l-oħra, innutajna, fost l-oħrajn, biex nifhmu l-Avvent fil-milja tas-sinifikat tiegħu, hemm bżonn ukoll li nintroduċu rwieħna fit-tema tal-“bniedem”. Il-milja tas-sinifikat tal-Avvent titqanqal mir-riflessjoni dwar ir-Realtà ta’ Alla li joħloq, u waqt li joħloq jirrivela lilu nnifsu (din hija r-rivelazzjoni ewlenija u fundamentali, u wkoll il-verità ewlenija u fundamentali tal-“Kredu” tagħna). Il-milja tas-sinifikat tal-Avvent toħroġ fl-istess ħin mir-riflessjoni profonda dwar ir-realtà tal-bniedem. Għal din it-tieni realtà li hija l-bniedem se noqorbu ftit iktar tul il-meditazzjoni tallum.

2. Ġimgħa ilu waqafna fuq il-kliem tal-ktieb tal-Ġenesi, li fih il-bniedem jiġi definit “xbiha u xebħ ta’ Alla”. Huwa meħtieg li nirriflettu b’iktar qawwa fuq it-testi li jitkellmu dwar dan. Dawn jagħmlu parti mill-ewwel kapitolu tal-ktieb tal-Ġenesi, li fih id-deskrizzjoni tal-ħolqien tad-dinja hija ppreżentata fis-suċċessjoni tas-sebat ijiem. Id-deskrizzjoni tal-ħolqien tal-bniedem, is-sitt jum, huwa ftit jew xejn differenti mid-deskrizzjonijiet preċedenti. F’dawn id-deskrizzjonijiet aħna xhieda biss tal-att tal-ħolqien, espress permezz tal-kliem: “Alla qal…”; hawn iżda l-awtur ispirat irid jenfasizza l-ewwel l-intenzjoni u l-pjan tal-Ħallieq (ta’ Alla-Elohim); infatti hawn naqraw: “U Alla qal: Ejjew nagħmlu l-bniedem xbiha tagħna, xebħ tagħna” (Ġen 1,26). Bħallikieku l-awtur jidħol fih innifsu, bħallikieku, waqt li joħloq, mhux biss isejjaħ mix-xejn għall-eżistenza bil-kelma “ikun”, imma bħallikieku, b’mod partikolari, jaqlà l-bniedem mill-misteru tal-Esseri propju tiegħu. Dan wieħed jifhmu, għaliex  hawn m’għandniex biss l-Esseri, imma wkoll ix-Xbiha. Ix-xbiha trid “tirrispekkja” trid, b’xi mod, kważi tirriproduċi “is-sustanza” tal-Prototipu tagħha.. Il-Ħallieq jgħid, barra minn dan, “xbiha tagħna”.  Huwa ovvju li ma għandniex nifhmuh bħala “ritratt, imma bħala esseri ħaj, li jgħix il-ħajja simili għal dik ta’ Alla.

Huwa biss wara dan il-kliem, li  jixhed, biex ngħidu hekk, il-pjan ta’ Alls-Ħallieq, li l-Bibbja titkellem dwar l-att stess tal-ħolqien tal-bniedem: “Alla ħalaq il-bniedem xbiha tiegħu; xbiha ta’ Alla ħalqu; maskju u femmina ħalqu” (Ġen 1,27).

Din id-deskrizzjoni ssir sħiħa bil-barka. Mela hemm il-pjan, l-att stess tal-ħolqien u l-barka: “Alla berikhom u qalilhom: Kunu fertili u tkattru, imlew l-art; rażżnuha u ddominaw fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tjur tas-sema u fuq kull ħaġa ħajja, li titkaxkar fuq l-art” (Ġen 1,28).

L-aħħar kliem tad-deskrizzjoni: “Alla ra dak li kien għamel, u hekk hu, kienet ħaġa tassew tajba” (Ġen 1,31), dan donnu kien l-eku ta’ din il-barka.

3. Bla dubju t-test tal-Ġenesi huwa fost l-eqdem: skont l-istudjużi tal-Bibbja, dan inkiteb madwar id-IX seklu qabel Kristu. Dak it-test jiġbor il-verità fondamentali tal-fidi tagħna, l-ewwel artikolu tal-“Kredu” apostoliku. Il-parti tat-test, li jippreżenta l-ħolqien tal-bniedem, huwa stupend fis-sempliċità tiegħu u fl-istess ħin fil-profondità tiegħu. L-affermazzjonijiet li hemm fiha jikkorrispondu lill-esperjenza tagħna u lill-għarfien tagħna tal-bniedem. Huwa ċar għal kulħadd, mingħajr distinzjoni ta’ idejoloġija dwar il-konċezzjoni tad-dinja, li l-bniedem, minkejja li jappartjeni għad-dinja viżibbli, għan-natura, jiddifferenzja ruħu b’xi mod minn din l-istess natura. Infatti, id-dinja viżibbli teżisti “għalih” u hu “jeżerċita id-dominju” fuqha. Jiddominaha, mqawwi minn dak li huwa hu, bil-ħiliet u l-fakultajiet tiegħu ta’ ordni spiritwali, li jiddiferenzjawh mid-dinja naturali. Huma propju dawn il-fakultajiet li jikkostitwixxu l-bniedem. Dwar dan il-punt il-ktieb tal-Ġenesi huwa preċiz b’mod straordinarju. Waqt li jiddefenixxi l-bniedem “xbiha ta’ Alla”, jenfasizza dak li għalih il-bniedem huwa bniedem, dak li minħabba fih huwa esseri distint mill-krejaturi l-oħra kollha tad-dinja viżibbli.

Magħrufa huma it-tentattivi numerużi li x-xjenza wettqet – u għadha tagħmel – fl-oqsma differenti, biex turi r-rabtiet tal-bniedem mad-dinja naturali u d-dipendenza tiegħu minnha, bl-iskop li tinserixxih fl-istorja tal-evoluzzjoni tad-diversi speċi. Minkejja r-rispett lejn tali riċerki, ma nistgħux nillimitaw ruħna għalihom. Jekk nanalizzaw il-bniedem fil-profond tal-esseri tiegħu, naraw li huwa jiddifferenzja iktar minn kemm jixbaħ lid-dinja tan-natura. F’dan is-sens jimxu wkoll ‘il quddiem l-antropoloġija u l-filosofija, meta jfittxu li janalizzaw u jifhmu l-intelliġenza, il-libertà, il-koxjenza u l-ispiritwalità tal-bniedem. Il-ktieb tal-Ġenesi donnu li jimxi lejn dawn l-esperjenzi kollha tax-xjenza, u waqt li jitkellem mill-bniedem bħala x-“xbiha ta’ Alla”, itina x’nifhmu li t-tweġiba għall-misteru tal-umanità tiegħu tinsab fit-triq tax-xebħ mad-dinja tan-natura. Il-bniedem jixbah iktar lil Alla, milli lin-natura. F’dan is-sens jgħid is-Salm  82, 6: “Intom allat”, il-kliem li mbagħad jerġà jaqbad Ġesù (cf. Ġw 10,34).

4. Din l-affermazzjoni hija kuraġġuża. Irid ikollna l-fidi biex naċċetawha. Bdanakollu r-raġuni mingħajr preġudizzji, ma topponix ruħha għal tali verità dwar il-bniedem, għal kuntrarju, tara fiha kumpliment għal dak li joħroġ mill-analiżi tar-realtà umana u fuq kollox tal-ispirtu uman.

Din hija ħaġa ferm sinifikattiva li diġa l-istess ktieb tal-Ġenesi, fid-deskrizzjoni twila tal-ħolqien tal-bniedem, jobbliga lill-bniedem – l-ewwel bniedem maħluq (Adam) – biex jagħmel analiżi simili. Dak li hemm naqraw jistà “jiskandalizza” lil xi ħadd, minħabba l-mod arkajku ta’ espressjoni, imma li fl-istess ħin huwa mpossibbli li ma jimmeraviljaniex bl-attwalità ta’ dak ir-rakkont, meta wieħed jikkonsidra l-qalba tal-problema.

U hawn hu t-test: “Allura l-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħ f’imnifsejh nifs tal-ħajja u l-bniedem sar esseri ħaj. Imbagħad il-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, fil-Lvant, u hemm qiegħed lill-bniedem li kien sawwar. Il-Mulej Alla għamel li jinbtu mill-art kull xorta ta’ siġar li jferrħu l-għajn u tajbin għall-ikel, fosthom is-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin. Xmara kienet toħroġ mill-Għeden biex issaqqi l-ġnien, imbagħad minn hemm kienet tinqasam u tifforma erbà nixxigħat…

Il-Mulej Alla qabad il-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden, sabiex jikkultivah u jgħassu…

Imbagħad il-Mulej qal: Mhux sew li l-bniedem ikun waħdu: irrid nagħtih għajnuna li tkun tixbħu. Allura l-Mulej Alla sawwar minn l-art kull xorta ta’ bhejjem selvaġġi, u t-tajr kollha tas-sema u ħadhom lill-bniedem, biex jara kif kien se jsejħilhom: b’kull mod li bih kien se jsejjaħ il-bniedem lil kull esseri ħaj, dan kien se jkun ismu. Hekk il-bniedem impona isem fuq il-bhejjem kollha, fuq it-tajr kollha u fuq il-bhejjem selvaġġi kollha, imma l-bniedem ma sabx għajnuna li kienet tixbħu” (Ġen 2,7-20).

Ta xiex aħna xhieda? Hawn hu, l-ewwel “bniedem” iwettaq l-ewwel att fundamentali ta’ għarfien tad-dinja. Fl-istess ħin dan l-att jippermettilu jagħraf u jiddistingwi lilu nnifsu, “il-bniedem”, mill-krejaturi l-oħra kollha, u b’mod speċjali minn dawk li bħala “esseri ħajjin” – mogħnija bil-ħajja veġetattiva u sensittiva – juru b’mod proporzjonali l-ikbar xebħ miegħu, “mal-bniedem”, ukoll hu mogħni b’ħajja veġetattiva u sensittiva.

Wieħed jistà jgħid li dan l-ewwel bniedem jagħmel dak li soltu jagħmel kull bniedem ta’ kwalunkwè żmien; jiġifieri: jirrifletti fuq l-esseri propju tiegħu u jistaqsi lilu nnifsu min huwa hu.

Riżultat ta’ tali proċess konoxxittiv hija l-konstatazzjoni tad-differenza fondamentali u essenzjali: jien differenti. Jiena iktar “differenti” milli “simili”.

Id-deskrizzjoni bibblika tintemm: “il-Bniedem ma sabx għajnuna li kienet tixbħu” (Ġen 2,20).

5. Għalfejn illum qegħdin nitkellmu dwar dan kollu? Dan qegħdin nagħmluh biex nifhmu aħjar il-misteru tal-Avvent – biex nifhmuh sa minn l-istess sisien – u hekk nippenetraw bi profondità ikbar fil-kristjaneżmu tagħna.

L-Avvent ifisser “il-Miġja”.

Jekk Alla “jiġi” għand il-bniedem, dan jagħmlu għaliex fl-esseri uman tiegħu ħejja “dimensjoni ta’ stennija” li permezz tagħha l-bniedem jistà “jilqà” lil Alla, dan hu kapaċi jagħmlu.

Diġa l-ktieb tal-Ġenesi, u b’mod speċjali dan il-kapitolu, jispjega dan meta, waqt li jitkellem dwar il-bniedem, jiddikjara li Alla ħalqu… xbiha tiegħu” (Ġen 1,27).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb