ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 29 ta’ Novembru 1978

 

1. Avvent ifisser Miġja

 

1. Ukoll jekk iż-żmien tal-Avvent jibda biss nhar il-Ħadd li ġej, nixtieq li sa millum nitkellem dwar dan iċ-ċiklu.

Issa dan it-terminu “avvent”, x’tassew ifisser, imma propju minħabba l-fatt li iffamiljarizzajna ruħna miegħu, jistà jkun li forsi ma nifhmux l-għana kollu li tali kunċett jiġbor fih.

Avvent ifisser “miġja”.

Mela jmissna nistaqsu lilna nfusna: min hu li se jiġi? U għal min se jiġi? Għal din il-mistoqsija dlonk nsibu t-tweġiba. Ukoll it-tfal jafu li hu Ġesù li ġej, għalihom u għall-bnedmin kollha. Se jiġi f’lejl ġewwa Betlem, jitwieled f’għar, li kien iservi ta’ stalla għall-bhejjem.

Dan li jafu t-tfal, jafuh ukoll il-kbar li jieħdu sehem fil-ferħ tat-tfal, u li fil-lejl tal-Milied donnhom isiru tfal ukoll huma. Madankollu bosta huma l-mistoqsijiet li jsiru. Il-bniedem għandu d-dritt, u saħansitra d-dmir, li jistaqsi biex isir jaf. Hemm ukoll dawk li jiddubitaw u, minkejja li jieħdu sehem fil-ferħ tal-Milied, jidhru donnhom barranin għall-verità li dan jiġbor fih..

Propju għalhekk għandna ż-żmien tal-Avvent, b’mod li kull sena mill-ġdid nistgħu nippenetraw f’dn il-verità essenzjali tal-kristjaneżmu.

2. Il-verità tal-kristjaneżmu tikkorrispondi ma’ żewġ realtajiet fondamentali li qatt ma nistgħu nwarrbu minn quddiem għajnejna. It-tnejn li huma huma marbuta bejniethom b’mod strett. Hija propju din ir-rabta, hekk intima li realtà donnha tispjega l-oħra, din hija n-nota karatteristika tal-kristjaneżmu. L-ewwel realtà jisimha “Alla”, it-tieni “il-bniedem”. Il-kristjaneżmu jinbet minn relazzjoni reċiproka partikolari bejn Alla u l-bniedem. Fl-aħħar żminijiet – speċjalment waqt il-Konċilju Vatikan II – ġie diskuss fit-tul, jekk tali relazzjoni kinitx tejoċentrika jew inkella antropoċentrika. Qatt mhu se jkollna tweġiba sodisfaċenti għal din il-mistoqsija, kemm-il darba se nkomplu nikkunsidraw separatament iż-żewġ termini tal-kwistjoni. Infatti il-kristjaneżmu huwa antropoċentriku propju minħabba li huwa għal kollox tejoċentriku; u fl-istess ħin huwa tejoċentriku grazzi għall-antropoċentriżmu singolari tiegħu.

Imma huwa propju l-misteru tal-Inkarnazzjoni li, minnu nfih, jispjega din ir-relazzjoni.

U huwa minħabba f’hekk li l-kristjaneżmu mhuwiex biss “reliġjon ta’ miġja”, imma l-Avvent innifsu.

Il-Kristjaneżmu jgħix il-misteru tal-miġja reali ta’ Alla lejn il-bniedem, u b’din ir-realtà tħabbat u ttektek b’mod kostanti.  Din hija sempliċement il-ħajja nfisha tal-kristjaneżmu. Din hija realtà profonda u fl-istess ħin sempliċi, li hija qrib il-fehim u s-sensibiltà ta’ kull bniedem u speċjalment ta’ min, fl-okkażjoni tal-lejl tal-Milied, jaf jirrendi lilu nnifsu tfajjel.

Mhux ta’ b’xejn Ġesù darba qal: “Jekk ma ssirux bħat-tfal, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet” (Mt 18,3).

3. Biex nifhmu sal-qiegħ nett din ir-realtà doppja li dwarha jħabbat u jtektek kuljum il-kristjaneżmu, kemm inmorru lura għall-bidu nnifsu tar-Rivelazzjoni, anzi kważi għall-bidu tal-ħsieb uman.

Fil-bidu tal-ħsieb uman jistgħu jinstabu konċezzjonijiet differenti, il-ħsieb ta’ kull individwu għandu l-istorja propja tiegħu f’ħajtu, sa mill-infanzja. Bdanakollu waqt li nitkellmu dwar il-“bidu” m’għandniex f’moħħna li nitkellmu dwar l-istorja tal-ħsieb. Irridu iżda  ninnutaw li fis-sies innifsu tal-ħsieb, jiġifieri fis-sors, jinsab il-kunċett ta’ “Alla” u l-kunċett tal-“bniedem” Kultant dawn huma miksija minn strat ta’ kunċetti oħrajn differenti (speċjalment fiċ-ċiviltà tallum ta’ “konfiska materjalistà” u wkoll “teknokratika”), imma dan ma jfissirx li dawk il-kunċetti ma jeżistux jew li ma jinstabux fis-sies ta’ ħsiebna. Ukoll is-sistema ateja l-iktar elaborata għandha sens kemm-il darba wieħed jippresupponi li hu jaf is-sinifikat tal-idea ta’ “theos”, jiġifieri Alla. Għal dan il-għan ġustament tgħallimna l-Kostituzzjoni pastorali tal-Vatikan II, li bosta forom ta’ ateiżmu joħorġu minn-nuqqas ta’ rapport adegwat ma’ dan il-kunċett ta’ Alla. Dawn huma mela, jew għallinqas jistgħu jkunu, ċaħdiet ta’ xi ħaġa, jew pjuttost ta Xi ieħor li ma jikkorrispondix mal-veru Alla.

4. L-Avvent – bħala żmien liturġiku tas-sena tal-Knisja – jeħodna lura għall-bidu tar-Rivelazzjoni. U propju fil-bidu niltaqgħu minnufih mar-rabta fundamentali ta’ dawn iż-żewġ realtajiet: Alla u l-bniedem.

Waqt li nieħdu f’idejna l-ewwel ktieb tal-Iskrittura Mqaddsa, jiġifieri il-Ġenesi, nibdew il-qari tal-kliem: “Beresit bara!: Fil-bidu ħalaq...”. Isegwi mbagħad l-isem ta’ Alla, li f’dan it-test bibbliku jdoqq “Elohim”. Fil-bidu ħalaq, u dak li ħalaq huwa Alla. Dawn it-tliet kelmiet jikkostitwixxu kważi l-għatba tar-Rivelazzjoni. Alla fil-fidu tal-ktieb tal-Ġenesi mhuwiex iddefinit biss bl-isem ta’ “Elohim”; f’partijiet oħra ta’ dan il-ktieb nużaw ukoll l-isem “Jaħwè”. B’mod iktar ċar ikompli jitkellem dwaru il-verb “ħalaq”. Dan il-verb infatti jirrivela lil Alla, min hu Alla. Jesprimi s-sustanza tiegħu mhux tant fiha nfisha, daqskemm f’rapport mad-dinja, jiġifieri mal-flimkien tal-krejaturi suġġetti għal-liġi taż-żmien u tal-ispazju. L-addizzjoni ċirkustanzjali “fil-bidu” tindika lil Alla bħala Dak li huwa qabel dan il-bidu, li mhux limitat la miż-żmien u linqas mill-ispazju, u li “joħloq”, jiġifieri li “jagħti bidu” għal dak kollu li mhux Alla, dak li jikkostitwixxi id-dinja viżibbli u inviżibbli (skont il-Ġenesi: is-sema u l-art). F’dan il-kuntest  il-verb “ħalaq” jgħid dwar Alla qabel xejn li hu nnifsu jeżisti, li hu, li hu il-milja tal-esseri, li tali milja turi ruħha bħala Omnipotenza u fl-istess ħin Għerf u Mħabba. Daqstant tgħid dwar Alla din l-ewwel sentenza tal-Iskrittura Mqaddsa. B’tali mod jifforma ruħu fl-intellett tagħna l-kunċett ta’ “Alla”, kemm-il darba nirreferu rwieħna għall-bidu tar-Rivelazzjoni.

Ikun sinifikattiv li neżaminaw f’liema rapport jinsab il-kunċett ta’ “Alla”, hekk bħal ma nsibu fil-bidu tar-Rivelazzjoni, ma’ dak li nsibu fis-sies tal-ħsieb uman (saħansitra fil-każ taċ-ċaħda ta’ Alla, jiġifieri tal-ateiżmu). Illum, iżda, mhux beħsiebna niżviluppaw dan l-argument.

5. Iżda rridu ninnutaw li fil-bidu tar-Rivelazzjoni – fl-istess ktieb tal-Ġenesi – u dan diġa fl-ewwel kapitolu, insibu l-verità fundamentali dwar il-bniedem, li Alla (“Elohim”) joħloq “xbiha u xebħ” tiegħu. Infatti naqraw: “Alla qal: nagħmlu l-bniedem xbiha tagħna, xbiha tagħna” (Ġen 1,26), u wara: “Alla ħalaq l-bniedem xbiha tiegħu; xbiha ta’ Alla ħalqu; maskju u femmina ħalqu” (Ġen 1,27).

Dwar il-problema tal-bniedem nerġgħu lura l-Erbgħa li ġejjin. Imma diġa llum irridu nissenjalaw din ir-relazzjoni partikolari bejn Alla u x-xbiha tiegħu, jiġifieri l-bniedem.

Din ir-relazzjoni tilluminana dwar s-sisien infushom tal-kristjaneżmu. Tippermettilna wkoll li nagħtu tweġiba fundamentali għal żewġ mistoqsijiet: l-ewwel, xi jfisser l-“Avvent”, it-tieni, għaliex propju l-“Avvent” jagħmel parti mis-sustanza nfisha tal-kristjaneżmu?

Dawn il-mistoqsijiet inħallihom għar-riflessjoni tagħkom. Nerġgħu lura għalihom fil-meditazzjonijiet ġejjiena tagħna u iktar minn darba. Ir-realtà tal-Avvent hija mimlija bil-verità l-iktar profonda dwar Alla u dwar il-bniedem.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb