L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi

Home  

Ikkuntattjana

 

Mons. Walter Michael Ebejer O.P.  Isqof Malti fil-Brażil

Għalaq 88 sena dan ix-xahar.  L-aħħar sittin sena għexhom f'ħidma missjunarja l-Brażil.  Minkejja li fiż-żona fejn jaħdem m'ghemmx Maltin oħra, jitħaddet b'Malti tajjeb ħafna.  Erbgħin sena ilu nħatar Isqof ta' djoċesi ġdida li isqfijiet oħra ma ridux, iżda hu kattarha b'vokazzjonijiet u ġabha finanzjarjament vijabbli.  Fis-servizz li jmiss insewgu siltiet minn intervista mal-Isqof Malti, Monsinjur Walter Michael Ebejer, fix-xhur li ghaddew waqt l-aħħar żjara li għamel f'Malta. 

 

"Jien wara dan kollu, wara li ddedikajt ħajti għal Kristu, nixtieq narah.  Għalija biżżejjed ikolli daqsxejn ta' daħla żgħira fil-bieb tas-sema."  

Din hi x-xewqa li fadallu l-Isqof Walter Michael Ebejer, wara 60 sena ħidma missjunarja l-Brażil.  Fl-aħħar erbgħin sena hu serva bħala Isqof qabel ghaxar snin ilu rtira bl-eta'.  Imwieled Ħad-Dingli fl-1929, Monsinjur Ebejer jigi ħu l-kittieb Francis Ebejer, u hu membru tal-Ordni tad-Dumnikani.  Jgħid li dejjem xtaq imur il-missjoni, anke għaliex f'Malta kien jara ħafna saċerdoti.  

"Jien għidt irrid immur f'post fejn ma ssibx qassisin oħra. Ma nafx kif għadni niftakar il-Malti! F'60 sena l-Brażil, naħseb tkellimt massimu ta' ġurnata sħiħa bil-Malti!"

Jistqarr li malli wasal il-Brażil ħa  xokk kbir bil-lingwa u bil-kobor tal-pajjiż. Kien jaqdi l-missjoni tiegħu - jiċċelebra l-quddiesa, iqarar u jipprietka billi jivvjaġġa b'debba distanzi twal ħafna.

"Tintilef u ssaqsi.  Ġieli ddum sigħat fil-foresti għax ma tiltaqax ma' ruħ.  Torqod fejn issib.  Ħajja primittiva u ta' faqar."  

Maż-żmien intbagħat fin-nofsinhar tal-Brażil, fejn kien hemm ħafna barranin fosthom Ġermaniżi, Pollakki u Ukreni.

"Kien hemm ħafna xogħol.  Insemmilek biss li f'sena waħda għammidt 1,200 tarbija f'parroċċa waħda. Parroċċa waħda kienet tliet darbiet id-daqs ta' Malta."

Fl-1977 ġie konsagrat Isqof u ngħata  t-tmexxija ta' djoċesi ġdida: Uniao da Vitoria, fl-istat ta' Parana. Id-djoċesi kienet 26 darba d-daqs ta' Malta bi knejjes iżda mingħajr saċerdoti. Bagħtulu 18-il saċerdot, bl-Isqof jgħid li hu stess kien jagħmel xogħol ta' kappillan. 

"Ma stajtx inħalli dawk in-nies kollha bla servizzi ta' xejn.  Jien iżda nemmen li jekk tiżra' tieħu l-frott.  Wara seba' snin Isqof kont diġa' qed nordna l-ewwel patrijiet. L-isbaħ mument hu li rnexxieli nagħmel jiffunzjona Seminarju maġġur, fejn iż-żgħażagħ iħejju ruħhom għas-saċerdozju.  Dan bdejtu mix-xejn.  Ta' sodisfazzjn kien ukoll il-fatt li ħallejt id-djoċesi finanzjarjament vijabbli."  

Issa li hu irtirat, staqsejtu jitħajjarx jirritorna f'art twelidu. 

"Lanqas noħlom li nirtira Malta. Inħobb lil Malta. F'60 sena l-Brażil m'għaddietx ġurnata li ma tlabtx għal Malta, għall-knisja u għad-Dumnikani.  Imma jien bniedem li nħares 'il quddiem.  Issa qed inħares lejn is-seconda patria."

Jittama li Malta tibqa' tgħożż il-fidi u l-valuri biex fi kliemu l-Maltin ma jiddispjaċihomx meta jkun tard wisq għax mhux faċli li treġġa' lura s-sitwazzjoni morali ta' pajjiż.

 

Servizz ta' Mario Micallef

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' TVM