DISKORS TA’ MERĦBA LILL-QT PAPA BENEDITTU XVI
MINN MONS MARIO GRECH, ISQOF TA’ GĦAWDEX
VALLETTA WATERFRONT, MALTA
IL-ĦADD, 18 TA’ APRIL 2010
 
Santità,

Nagħtik merħba f’isem dawn iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li huma l-għożża tagħna bħala Knisja u bħala Nazzjon! Huma l-aqwa riżorsa li għandna għax huma l-preżent u l-ġejjieni tagħna. Il-preżenza numeruża tagħhom hawnhekk illejla timliena bit-tama, imma fl-istess ħin tfakkarna x’responsabilità għandna lejhom, għax tkun tassew ħasra jekk il-mistoqsijiet li hemm fi qlubhom ma jiġux indirizzati tajjeb.

Il-preżenza ta’ tant żgħażagħ għal din il-laqgħa speċjali miegħek bħala l-Vigarju ta’ Kristu fid-dinja hija konferma li f’qalbhom hemm mistoqsija reliġjuża: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” (Mk 10,17).

Għalkemm għal ħafna f’pajjiżna l-eredità patrimonjali hija materja ta’ importanza massima, tant li taf tkun kawża ta’ ħafna tensjonijiet fil-familji, żgur li m’għadux iż-żmien li l-fidi Nisranija tgħaddi b’mod awtomatiku minn ġenerazzjoni għal oħra. Anke jekk it-trażmissjoni tal-fidi mill-ġenituri għall-ulied jew minn komunità ekkleżjali għal oħra jibqalha l-valur tagħha, huwa fatt pożittiv li kull ma jmur l-għażla favur Alla qed tkun frott ta’ tfittxija u għażla personali.

Huwa fatt li f’din it-tfittxija reliġjuża, xi wħud miż-żgħażagħ tagħna sabu ruħhom fi proċess ta’ “migrazzjoni spiritwali” kontinwa. L-għatx tagħhom għal Alla jwassalhom biex jgħaddu minn esperjenza spiritwali għal oħra, li għalkemm tista’ toffrilhom emozzjonijiet ġodda, xorta ma taqtalhomx dan il-għatx! Barra minn hekk, fenomenu ieħor f’din it-tfittxija reliġjuża taż-żgħażagħ hu l-firda bejn reliġjożità u etika – donnu qed tissaħħaħ l-fehma li t-twemmin reliġjuż huwa biss sentiment biex wieħed iħossu sewwa u mhux vjaġġ interjuri, spiritwali u etiku, li jwassal biex il-bniedem jagħmel lilu nnifsu aħjar f’relazzjoni m’Alla u ma’ ħutu l-bnedmin!
 
Għalhekk, illum, aktar minn qatt qabel, hija f’postha l-mistoqsija li jagħmel iż-żgħażugħ għani tal-Vanġelu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”

Santità, filwaqt li nassigurak li din il-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha attitudni pożittiva lejn il-ħajja bħal dik murija mir-raġel għani li resaq quddiem Ġesù, u li l-mistoqsijiet tagħhom huma ġenwini, jista’ jkun li xi wħud miż-żgħażagħ jeħtiegu support u akkumpanjament aktar minn oħrajn, għaliex:
 
 bħaż-żagħżugħ għani, jista’ jkun li xi wħud qed iserrħu rashom għax huma osservanti tal-liġi u r-regoli ritwali u mhumiex lesti li jħobbu lill-proxxmu u lil Alla anke jekk dan jiswilhom prezz għoli. F’każijiet bħal dawn, hemm ir-riskju li t-twemmin aktar ixaqleb lejn reliġjożità vojta, kultura u tradizzjoni milli bħala għażla ta’ ħajja;
 
 bħaż-żagħżugħ għani, maħkuma mill-kultura materjalista u mill-pressjoni li qed toħloq is-sistema ekonomika ta’ żminijietna, xi wħud qed ikollhom diffikultà jagħmlu għażliet li jassigurawlhom “teżor fis-sema”;
 
 bħaż-żagħżugħ għani, peress li l-bniedem huwa mimli bih innifsu u jaħseb li bil-ħiliet tiegħu biss kapaċi jfendi għal rasu, xi wħud mhux lakemm jifhmu li għandhom iħallu lil Alla jitfa’ l-ħarsa ta’ mħabbtu fuqhom, jintelqu f’idejH, jafdaw fiH u bħal San Pawl jistqarru li l-imħabba t’Alla ssuqhom.
 
“Mgħallem tajjeb” [Santità], minkejja kollox dawn iż-żgħażagħ, mimlija bil-ħajja, jixtiequ minn għandek kelma li tgħinhom jgħixu ħajja tassew dinjituża. Sfortunatament ġieli jqegħidu l-fiduċja tagħhom f’għalliema oħra, għax jemmnu li dawn jistgħu joffrulhom ir-riċetta ta’ ħajja sabiħa; imma ħafna drabi jiġu mqarrqin.

Għalkemm huwa evidenti li hemm min għandu interess li jisirqilna l-fiduċja li għandna fik, Santità, aħna nemmnu li inti għandek “il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”, għax int tlaqqagħna mal-“Kelma” li saret laħam – ma’ Ġesù Kristu li lest jitfa’ ħarsa ta’ mħabba fuqna lkoll. Kif inti tgħid fl-ewwel enċiklika li tajtna, “being Christian is not the result of an ethical choice or a lofty idea, but the encounter with an event, a person, which gives life a new horizon and a decisive direction” (Deus caritas est, n.1).

Mgħallem tajjeb, x’għandna nagħmlu biex nirtu l-ħajja ta’ dejjem?