IL-KTIEB TA' HOSEGĦA

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. Il-Profeta sinjal ta' l-imħabba ta' Alla għall-poplu tiegħu

 

[Hos:1:1] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Hosegħa bin Beri, fi żmien Għużżija, Ġotam, Aħaż u Ħeżekija, slaten ta' Ġuda, u fi żmien Ġerobogħam bin Ġowas, sultan ta' Iżrael.

 

[Hos:1:2] Meta fil-bidu l-Mulej tkellem permezz ta' Hosegħa, qallu: "Mur, ħu b'martek mara żienja, ħa jkollok ulied iż-żína, għax l-art żniet billi twarrbu mill-Mulej."

 

[Hos:1:3] U mar u ħa b'martu lil Gomer bint Diblajm, u tqalet u wilditlu tifel. [Hos:1:4] U l-Mulej qallu: "Semmih Ġeżragħel, għaliex ftit ieħor, u jien nitħallas għad-demm ta' Ġeżragħel minn dar Ġeħu, u ntemm is-saltna ta' dar Iżrael: [Hos:1:5] meta jasal il-jum inkisser il-qaws ta' Iżrael fil-wied ta' Ġeżragħel.'

 

[Hos:1:6] U reġgħet tqalet u wildet tifla; u l-Mulej qallu: "Semmiha Lo-ruħama, għaliex m'iniex se nħobb aktar id-dar ta' Iżrael, m'iniex se naħfrilhom aktar. [Hos:1:7] Imma nħobb id-dar ta' Ġuda, u nsalvahom bil-Mulej Alla tagħhom, u mhux bil-qaws, jew bis-sejf, jew bil-lanza, jew biż-żiemel, jew bir-rikkieba. [Hos:1:8] U fatmet 'il dik li kien jisimha Lo-ruħama u reġgħet tqalet, u wildet tifel. [Hos:1:9] U qal il-Mulej: "Semmih Lo-għammi, għax intom m'intomx il-poplu tiegħi u jiena m'iniex Alla tagħkom.

 

2. It-tiġdid tal-poplu

 

[Hos:2:1] U jiġri li l-għadd ta' wlied Iżrael ikun bħar-ramel tal-baħar li ma jitkejjilx u lanqas jingħadd.

U jiġri li fil-post fejn kienu jgħidulhom:

'M'intomx il-poplu tiegħi,'

jibdew jgħidulhom:

'Intom ulied Alla l-ħaj'.

[Hos:2:2] Mbagħad ulied Ġuda

u wlied Iżrael jinġemgħu flimkien,

u jaħtru kap wieħed għalihom

u jitilgħu mill-art:

għax kbir ikun jum Ġeżragħel.

[Hos:2:3] Għidu lil ħutkom subjien, 'Għammi',

u lil ħutkom bniet, 'Ruħama'.

 

Id-dnub ta' Gomer

 

[Hos:2:4] "Tlewwmu ma' ommkom! Tlewwmu magħha!

għax hi m'hijiex marti,

u jien m'iniex żewġha.

Ħa twarrab iż-żína tagħha

minn fuq wiċċha,

u l-adulterji tagħha minn ħobbha.

[Hos:2:5] Li ma nneżżagħhiex għarwiena,

u nagħmilha bħal dakinhar li twieldet,

u nġibha bħad-deżert u nagħmilha bħal art niexfa,

u noqtolha bil-għatx.

[Hos:2:6] Lanqas għal uliedha ma nħenn

għax huma wlied iż-żína;

[Hos:2:7] għax ommhom żniet.

Dik li wildithom waqgħet fl-għajb

għax hi qalet: 'Jiena mmur wara ħbiebi

għax huma tawni l-ikel u l-ilma,

is-suf u l-għażel,

iż-żejt u x-xorb tiegħi.'

[Hos:2:8] Għalhekk nagħlqilha triqitha bix-xewk,

nibnilha ħajt madwarha,

biex ma ssibx mogħdija.

[Hos:2:9] Tmur tiġri wara ħbiebha, u ma tilħaqhomx;

tmur tfittixhom u ma ssibhomx.

U tgħid: 'Nerġa' lura għand l-ewwel żewġi,

għaliex kont aħjar f'dak iż-żmien minn issa.'

[Hos:2:10] Hi ma għarfitx li kont jien

li tajtha l-qamħ u l-inbid u ż-żejt,

u kattartilha l-fidda u d-deheb

li bihom għamlu  'l Bagħal.

[Hos:2:11] "Għalhekk nerġa' nieħu lura

l-qamħ tiegħi f'waqtu,              

l-inbid tiegħi f'waqtu,

nieħu lura s-suf u l-għażel tiegħi

li kienu jgħattu l-għera tagħha;

[Hos:2:12] nikxef l-għajb tagħha quddiem ħbiebha,

u ħadd ma jeħlisha minn idejja.

[Hos:2:13] U ntemm il-ferħ kollu tagħha,  

il-festi, il-qamar ġdid,

is-Sibtijiet u l-btajjel kollha tagħha.

[Hos:2:14] Nagħmel ħerba d-dwieli u t-tin tagħha,

li għalihom qalet: 'Dawn huma l-ħlas li tawni ħbiebi',

nagħmilhom masġar fejn jirgħu l-bhejjem ar-raba'.

[Hos:2:15] Nġegħelha tħallas għall-jiem kollha

li fihom offriet l-inċens quddiem Bagħal,

u żżejjnet bid-deheb u l-ġawhar u ġriet wara ħbiebha;

u lili nsietni," jgħid il-Mulej.

 

Mħabba mill-ġdid

 

[Hos:2:16] "Għalhekk, araw, jiena se niġbidha,

neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem.

[Hos:2:17] Minn hemm nagħtiha lura

l-għelieqi tad-dwieli li kellha,

u wied Għakor ikunilha bieb għat-tama.

 Hemmhekk hi twieġeb bħal fi żmien żgħożitha,

bħal fi żmien ħruġha minn art l-Eġittu.

[Hos:2:18] U jiġri f'dak il-jum,

oraklu tal-Mulej,

li hi ssejjaħli: 'Żewġi';

lili ma ssejjaħlix 'Sidi', iżjed.

[Hos:2:19] Nneħħilha minn fommha isem il-Bagħalim

u isimhom ma ssemmihx aktar.

[Hos:2:20] U f'dak il-jum nagħmel patt għalihom

mal-bhejjem tar-raba' u mat-tjur ta' l-ajru

ma' l-annimali li jitkaxkru ma' l-art,

u nkisser minn fuq l-art

il-qaws, ix-xabla u l-gwerra;

kulħadd jorqod moħħu mistrieħ.

[Hos:2:21] "Għal dejjem ngħarrsek miegħi,

ngħarrsek miegħi fis-sewwa u l-ħaqq, fl-imħabba

                                                               u  l-ħniena,

[Hos:2:22] b'rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi,

u int tagħraf lill-Mulej.

[Hos:2:23] F'dak il-jum, oraklu tal-Mulej,

is-smewwiet ikollhom tweġiba mingħandi,

[Hos:2:24] u l-art ikollha tweġiba mingħandhom;

u l-qamħ u l-inbid u ż-żejt ikollhom tweġiba

                                                                     mill-art,

u Ġeżragħel ikollu tweġiba mingħandhom.

[Hos:2:25] U niżirgħu għalija fl-art,

u nħobb lil 'Lo-ruħama',

u lil 'Lo-għammi' ngħidlu: 'Inti l-poplu tiegħi'

u hu jgħidli: 'Alla tiegħi'."

 

3. Il-maħfra ta' Gomer

 

[Hos:3:1] U qalli l-Mulej: "Erġa' mur, u ħobb il-mara, maħbuba minn żewġha, li ħallietu biex tingħaqad ma' rġiel oħra; l-istess kif il-Mulej iħobb 'l ulied Iżrael, għalkemm huma jduru lejn allat oħra u jħobbu l-ftajjar taż-żbib." [Hos:3:2] U xtrajtha għal ħmistax-il biċċa tal-fidda u xkora u nofs xgħir, [Hos:3:3] u għedtilha: "Int tibqa' miegħi għal żmien twil, ma tiżnix u ma tkunx ta' xi raġel ieħor; u hekk ukoll jien nagħmel miegħek."

 

[Hos:3:4] Għaliex ulied Iżrael jibqgħu għal żmien twil bla sultan u bla prinċep, bla sagrifiċċju u bla plieri, bla efod u bla terafim. [Hos:3:5] Mbagħad ulied Iżrael jerġgħu lura jfittxu lill-Mulej, Alla tagħhom, u lil David, is-sultan tagħhom; jersqu jitriegħdu quddiem il-Mulej, jersqu biex jieħdu l-ġid tal-Mulej fil-jiem li għad iridu jiġu.

 

4. Id-dnubiet ta' Iżrael

 

[Hos:4:1] Isimgħu l-kelma tal-Mulej,

ulied Iżrael.

Għax il-Mulej għandu kawża

man-nies tal-pajjiż.

Għax m'hemmx fedeltŕ u lanqas tjieba;

m'hemmx għarfien ta' Alla fl-art;

[Hos:4:2] ħalf u gideb, qtil u serq;

u kotra ta' adulterji,

vjolenza fil-pajjiż, u delitt fuq ieħor.

[Hos:4:3] Għalhekk il-pajjiż għad jibki,

u jinfena kull min jgħammar fih;

il-bhejjem tax-xagħri,

u t-tajr ta' l-ajru,

u mqar il-ħut ukoll jinqered.

[Hos:4:4] Madankollu ħadd m'għandu jitlewwem,

ħadd m'għandu jipprotesta:                 

il-ġlieda tiegħi miegħek, qassis.

[Hos:4:5] Int togħtor binhar,

u jogħtor miegħek billejl

il-profeta wkoll,

u jien neqridlek 'l ommok.

[Hos:4:6] Jinqered il-poplu tiegħi

minħabba n-nuqqas ta' għarfien.

U billi inti warrabt l-għarfien,

nwarrbek jien milli tkun qassis għalija.

Talli int insejt il-liġi ta' Alla tiegħek,

jien wkoll ninsa lil uliedek.

[Hos:4:7] Aktar ma kotru,

aktar dinbu kontrija.

Imma jien inbiddel il-glorja tagħhom f'għajb.

[Hos:4:8] Jieklu minn fuq dnub il-poplu tiegħi,

mxennqa għal ħżunithom.

[Hos:4:9] Poplu u qassis l-istess jiġrilhom.

Jien nikkastiga mġibtu,

u għemilu nreġġa' għal fuqu.

[Hos:4:10] Għad jieklu, u ma jixbgħux,

jiżnu u ma joktrux.

Għax warrbu lill-Mulej,

biex marru jgħożżu ż-żína.

[Hos:4:11] L-inbid ġdid u l-qadim itellfu l-għaqal.

[Hos:4:12] Il-poplu tiegħi jmur jistħarreġ l-għuda

                                                                       tiegħu,

u l-ħatar tiegħu iħabbarlu;

għax l-ispirtu taż-żína tellifhom it-triq,

u żnew u tbiegħdu minn Alla tagħhom.

[Hos:4:13] Joffru s-sagrifiċċji fuq il-qċaċet

                                                             tal-muntanji,

u jaħarqu l-inċens fuq l-għoljiet,

taħt il-ballut, il-luq u t-terebint,

għax dellhom tajjeb.

Għalhekk bnietkom jiżnu,

u n-nisa ta' wliedkom adulteri.

 

L-adulterji ta' Iżrael

 

[Hos:4:14] Ma nikkastigax 'il bnietkom għax jiżnu, lanqas in-nisa ta' wliedkom għax adulteri. Għax l-irġiel stess iwarrbu man-nisa żienja, u joffru s-sagrifiċċju man-nisa tas-santwarji, u hekk jintemm poplu bla għaqal.

 

[Hos:4:15] Jekk żienja int, Iżrael,

tħallix 'il Ġuda jaqa' fil-ħtija.

La tmorrux Gilgal

u la titilgħux Bet-awen,

u la taħilfux: "Daqs kemm hu ħaj il-Mulej."

[Hos:4:16] Bħal għoġla rasha iebsa,

webbset rasha Iżrael:

Jista' issa jirgħahom il-Mulej,

bħallikieku ħrief fil-mergħat wiesgħa?

[Hos:4:17] Efrajm issieħeb ma' l-allat,

erħilu waħdu.

[Hos:4:18] Legilgu kemm felħu,

u żnew kemm riedu.

Ħabbew l-għajb aktar minn ġieħhom.

[Hos:4:19] Riefnu għad jaħtafhom taħt ġwinħajh,

u huma għad jistħu mill-artali tagħhom.

 

5.  [Hos:5:1] Isimgħu dan, qassisin,

agħtu widen, dar Iżrael;

u isma', dar is-sultan,

għalikom hemm il-ħaqq.

Intom sirtu nasba f'Misfa,

u xibka mifruxa fuq it-Tabor.

[Hos:5:2] U l-midinbin niżlu fil-qiegħ ta' ħżunithom,

imma jien nikkastigahom ilkoll.

[Hos:5:3] Jien naf lil Efrajm,

u Iżrael m'huwiex moħbi minni.

Għax issa Efrajm żena,

u Iżrael tniġġes.

[Hos:5:4] L-għemejjel tagħhom ma jħalluhomx

jerġgħu lura lejn Alla tagħhom.

Għax l-ispirtu taż-żína fihom,

u lill-Mulej ma jagħrfuhx.

[Hos:5:5]  Il-kburija ta' Iżrael tixhed kontrieh,

Efrajm jitfixkel fi ħżunietu;

u magħhom jitfixkel Ġuda wkoll.

[Hos:5:6] Bl-imrieħel u l-baqar imorru

jfittxu  lill-Mulej,

imma ma jsibuhx,

għax warrab minnhom.

[Hos:5:7] Qarrqu bil-Mulej,

għax wildu wlied iż-żína.

Il-qamar ġdid jeqridhom,

u magħhom ir-raba' tagħhom.

[Hos:5:8] Doqqu t-tromba f'Gibgħa,

u t-trumbetta f'Rama.

Agħtu l-allarm lil Bet-awen:

'Ġejjin għalik, Benjamin!'

[Hos:5:9] Efrajm isir ħerba

f'jum il-kastig;

għat-tribujiet ta' Iżrael,

ngħarraf dak li għandu jseħħ.

[Hos:5:10] Il-prinċpijiet ta' Ġuda

saru bħal dawk li jħarrku

s-sinjali tal-miżrugħ fir-raba'.

Fuqhom għad insawwab,

bħall-ilma s-saħna tiegħi.

[Hos:5:11] Efrajm maħqur, jeddu mżeblaħ,

għax mar minn rajh wara x-xejn.

[Hos:5:12] Jien bħall-kamla għal Efrajm;

bħas-susa għal dar Ġuda.

[Hos:5:13] Malli ra Efrajm il-marda tiegħu,

u Ġuda l-ġerħa tiegħu,

Efrajm mar għand l-Assirja,

u Ġuda bagħat għas-sultan il-kbir;

imma dan ma jistax ifejjaqkom,

u lanqas ineħħilkom il-ġerħa.

[Hos:5:14] Għax jien bħal iljun għal Efrajm,

u ferħ ta' ljun għad-dar ta' Ġuda.

Jien, jien li naħtaf il-priża u nitlaq,

naqbadha bla ħadd ma jaħtafhieli.

 

Ndiema u tiġdid

 

[Hos:5:15] Nerġa' lura lejn posti,

sakemm ma jħallsux għal dnubhom,

u ma jfittxux 'il wiċċi,

u fin-niket tagħhom ma jfittxunix

u jgħidu:

 

6.  [Hos:6:1] "Imxi, ħa nerġgħu lura għand il-Mulej,

għax huwa tertaqna, imma se jdewwina,

hu sawwat, imma se jinfaxxalna l-ġrieħi.

[Hos:6:2] Wara jumejn jerġa' jagħtina l-ħajja,

mbagħad fit-tielet jum jerġa' jqajjimna,

sabiex quddiemu ngħixu.

[Hos:6:3] Nagħrfu l-Mulej, u nfittxu nagħrfuh iżjed,

daqs kemm hu żgur is-sebħ, hekk il-ħruġ tiegħu;

hu jiġi bħalma tiġi x-xita fuqna,

bħax-xita mwaħħra illi ssaqqi l-art."

[Hos:6:4] U x'naqbad nagħmel jien bik, Efrajm?

X'se naqbad nagħmel bik, Ġuda?               

It-tjieba tagħkom qisha s-sħab ta' l-għodwa,

tixbah lin-nida li tinxtorob kmieni.

[Hos:6:5] Għalhekk inġarthom jiena bil-profeti,

u bi kliem fommi qtilthom,

u l-ħaqq tiegħi joħroġ qisu dawl.

[Hos:6:6] Għaliex jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju;

li tagħrfu 'l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

[Hos:6:7] Iżda huma bħal Adam kisru l-patt,

u ma baqgħux fidili lejja.

[Hos:6:8] Gilgħad hi belt ta' nies li jagħmlu l-ħażen,

kollha rfis bid-demm.

[Hos:6:9] Bħal ġemgħa ħallelin jistennew bniedem,

qatgħa ta' qassisin miftiehma,

jaqbżu u joqtlu fit-triq ta' Sikem;

għamlu għemil li jkexkex.

[Hos:6:10] F'Betel rajt ħwejjeġ li jwaħħxu,

hemm Efrajm jagħtiha għaż-żína, u Iżrael jitniġġes.

[Hos:6:11] Ġuda, għalik ukoll għad inħejji  l-ħsad.

 

7. Il-ħażen ta' Iżrael

 

Kull meta rrid inraġġa’ x-xorti tal-poplu tiegħi.

[Hos:7:1] Meta rrid infejjaq lil Iżrael,

nsib quddiemi l-ħtija ta' Efrajm,

u l-ħażen ta' Samarija:

qarrieq għemilhom,

bħall-ħallelin jidħlu fid-djar,

u bħall-briganti jisirqu minn barra.

[Hos:7:2] Qatt ma jieqfu jaħsbu li jien naf

                                                      ħżunithom kollha;

għemilhom kollu ta' madwarhom,

kollu quddiem għajnejja.

[Hos:7:3] Bil-ħażen tagħhom iferrħu s-sultan,

u bil-qerq tagħhom il-prinċpijiet.

[Hos:7:4] Lkoll mixgħula bl-għadab,

bħal forn imkebbes

li l-furnar ma jrewwaħlux in-nar,

minn xħin jagħġen sakemm l-għaġna togħla.

[Hos:7:5] F'jum is-sultan tagħna,

il-prinċpijiet tegħlibhom is-saħna ta' l-inbid,

u hu idu jagħti lin-nies qarrieqa.

[Hos:7:6] Qalbhom bħal forn taħraq bit-tnassis;

l-għadab tagħhom billejl jorqod,

u mas-sebħ iħeġġeġ bħal nar ilebleb.

[Hos:7:7] Lkoll mixgħula bħal forn imqabbad,

u jikkunsmaw il-mexxejja tagħhom.

Is-slaten kollha tagħhom waqgħu,

u ħadd minnhom ma sejjaħli.

 

L-alleanzi mal-barranin

 

[Hos:7:8] Efrajm mal-ġnus jitħallat,

Efrajm bħal ftira mhux imqallba.

[Hos:7:9] Il-barranin kilulu saħħtu,

u hu ma ntebaħx.

Ix-xagħar abjad ukoll traxxax fuqu,

u anqas intebaħ bih.

[Hos:7:10] Is-suppervja ta' Iżrael tixhed kontrieh;

imma huma ma jerġgħux lura lejn il-Mulej,

Alla tagħhom;

minkejja dan kollu ma jfittxuhx.

[Hos:7:11] Efrajm sar qisu ħamiema,

belha u bla għaqal;

lill-Eġittu jsejjaħ,

u lejn l-Assirja jmur.

[Hos:7:12] Huma u sejrin,

nifrex ix-xbiek fuqhom,

u bħat-tajr tas-sema nniżżilhom;

nikkastigahom minħabba ħżunithom.

[Hos:7:13] Gwaj għalihom li ħarbu minni,

saħta fuqhom, għax irvellaw kontrija.

Jiena kieku nifdihom,

imma huma m'hux ħlief jigdbu kontrija.

[Hos:7:14] Qatt ma sejjħuli minn qalbhom,

meta joqogħdu jnewwħu fuq friexhom.               

Għall-qamħ u l-inbid iqattgħu ġisimhom,

u jirvellaw kontrija.

[Hos:7:15] Jiena kont li saħħaħtilhom dirgħajhom,

imma huma bdew ifasslu l-ħażen kontrija.

[Hos:7:16] U jduru lejn ix-xejn,

qishom qaws li jfalli.

Taħt ix-xabla għad jaqgħu prinċpijiethom,

minħabba tlaqliq ilsienhom.

Dan ikun l-għajb tagħhom

fl-art ta' l-Eġittu.

 

8. Il-kulti foloz u l-politika ħażina

 

[Hos:8:1] Lejn xufftejk ressaq it-tromba,

int li tgħasses fuq dar il-Mulej.

Għax kisru l-patt tiegħi,

u dinbu kontra l-liġi tiegħi.

[Hos:8:2] Lili jsejjħu u jgħidu:

"Aħna nagħrfuk, Alla ta' Iżrael!"

[Hos:8:3] Iżrael stmerr it-tajjeb,             

l-għadu għad jagħmel għal warajh.

[Hos:8:4] Huma ħatru slaten f'Iżrael,

iżda dan ma kienx ġej minni;

għażlu prinċpijiet, bla ma kont naf jien.           

Il-fidda u d-deheb tagħhom

dewwbuhom f'idoli għall-qerda tagħhom stess.

[Hos:8:5] Nistmerru l-għoġol tiegħek, Samarija.

Il-korla tiegħi xegħlet għalik.

Kemm se jdumu wlied Iżrael,

bla ħila li jissaffew?

[Hos:8:6] Dak għamlu raġel tas-sengħa;

dak m'huwiex Alla.

L-għoġol ta' Samarija għad isir frak.

[Hos:8:7] Ladarba huma jiżirgħu r-riħ,

għad jaħsdu r-riefnu.

Il-qamħ ma jsebbilx,

ma joħroġx dqiq minnu;

u jekk isir, jibilgħuh il-barranin.

[Hos:8:8] Iżrael inbala'!

Issa qegħdin fost il-ġnus

bħal biċċa tagħmir bla ħajr.

[Hos:8:9] Għax huma telgħu l-Assirja,

waħdu bħal ħmar selvaġġ;

Efrajm kera l-ħbieb.

[Hos:8:10] U wkoll jekk isibuhom qalb il-ġnus,

jien dalwaqt niġborhom,

u jieqfu għal ftit milli jidilku

slaten u prinċpijiet.

[Hos:8:11] Efrajm kattar l-artali biex jidneb,

artali biex jidneb saru għalih.

[Hos:8:12] Kieku kelli niktiblu bl-eluf il-liġijiet tiegħi,

kieku jqisuhom liġijiet tal-barranin.

[Hos:8:13] Jistgħu joffru l-vittmi u jieklu l-laħam,

lill-Mulej ma jogħġbuh xejn.

Għad jiftakar fi ħżunithom

u ħtijiethom jikkastigahom.

Lejn l-Eġittu għad jerġgħu jmorru.

[Hos:8:14] Iżrael nesa lil min għamlu,

u bena palazzi;

Ġuda kattar l-ibliet fortizzi.

Imma jien għad nitlaq in-nar fi blietu,

u dan jibla' l-fortizzi tiegħu.

 

9. L-eżilju

 

[Hos:9:1] La tifraħx Iżrael,

la taqbisx bil-ferħ bħall-ġnus.

Inti żnejt u tlaqt lil Alla tiegħek,

ħabbejt ħlas iż-żína fuq kull qiegħa tal-qamħ.

[Hos:9:2]   Il-qiegħa u l-magħsar ma jitimgħuhomx,

u l-inbid ġdid għad jonqoshom.

[Hos:9:3] Ma jibqgħux jgħammru f'art il-Mulej;

imma Efrajm jerġa' jmur lejn l-Eġittu,

u ikel imniġġes jieklu fl-Assirja.

[Hos:9:4] Ma jsawwbux libazzjonijiet ta' l-inbid

                                                           f'ġieħ il-Mulej;

lanqas jogħġbuh is-sagrifiċċji tagħhom.

Ikilhom bħall-ikel tal-vistu,

kull min jiekol minnu jitniġġes,

ħobżhom jaqtgħalhom il-ġuħ

imma ma jidħolx f'dar il-Mulej.

[Hos:9:5] X'se tagħmlu f'jum il-festa,

f'jum għid il-Mulej?

[Hos:9:6] Għax, arahom, meta jaħarbu mill-ħerba;

jiġborhom  l-Eġittu,

u Menfi għad tidfinhom.

Il-ħurrieq għad jiret il-fided għeżież tagħhom,

u l-għollieq jikber fl-għerejjex tagħhom.

[Hos:9:7] Waslu jiem il-kastig,

wasal żmien il-ħlas.

Ħa jkun jaf Iżrael,

jekk hux iblah il-profeta,

jew miġnun il-bniedem tar-ruħ!

Kbira hi ħżunitek,

u bla qjies il-mibegħda tiegħek.

[Hos:9:8] Il-profeta hu l-għassies ta' Efrajm,

il-poplu ta' Alla tiegħi,

imma hemm in-nasba tan-nassab fi triqtu,

u l-mibegħda f'dar Alla tiegħi.

[Hos:9:9] Għoddsu sal-qiegħ fi ħżunithom,

bħal fi żmien Gibgħa.

Imma għad jiftakar fi ħżunithom,

u jikkastiga ħtijiethom.

[Hos:9:10] Bħall-għeneb fid-deżert sibt lil Iżrael;

bħall-bikri tat-tina

fl-ewwel żmien tagħha,

jien rajt lil missirijietkom.

Huma ġew Bagħal-pegħor,

u kkonsagraw ruħhom lil dak il-mistkerraħ,

u sfaw mistkerrha bħal min ħabbew.

[Hos:9:11] Efrajm bħal għasfur, ġieħhom itir,

u jkunu mingħajr wild,

bla tqala, bla tnissil.

[Hos:9:12] U mqar jekk irabbu l-ulied,

nħallihom bla tfal,

sakemm ma jifdal ħadd.

Għax tassew, ħażin għalihom

meta jien inwarrab minnhom.

[Hos:9:13] Efrajm, kif rajtu, kien bħal Tir,

mxettel f'post sabiħ.

Imma Efrajm għad joħroġ 'l uliedu  għall-qatla.

[Hos:9:14] Agħtihom, Mulej,

u x'se tagħtihom?

Agħtihom ġuf bla frott

u isdra niexfa qoxqox.

[Hos:9:15] Ħżunithom kollha f'Gilgal,

u hemm bdejt nistmellhom.

Minħabba l-ħażen ta' għemilhom,

minn dari nkeċċihom.

Ma nħobbhomx aktar,

għax il-prinċpijiet tagħhom kollha rvellaw.

[Hos:9:16] Efrajm midrub,

għeruqhom niexfa,

frott ma jagħmlux.

Mqar jekk jildu,

jien noqtlilhom l-għożża ta' ġufhom.

[Hos:9:17] Ikeċċihom Alla tiegħi,

għax ma semgħux minnu,

u jkunu jiġġerrew fost   il-ġnus.

 

10. Il-qerda ta' l-idolatrija

 

[Hos:10:1] Iżrael dielja kollha friegħi,

tagħmel ħafna frott.

Aktar ma kellu frott,

aktar bena artali.

Aktar ma kienet tagħti l-art,

aktar sebbaħ il-plieri sagri.

[Hos:10:2] Qalbhom mifruda fiha nfisha,

u issa jkollhom ipattu.

Hu Alla li se jkissrilhom l-artali,

u jfarrkilhom il-plieri sagri tagħhom.

[Hos:10:3] Għax issa huma jgħidu:

"M'hemmx sultan għalina.

Aħna ma nibżgħux mill-Mulej.

X'jista' jagħmlilna s-sultan?"

[Hos:10:4] Kollhom tpaċpiċ,

jiffirmaw ftehim bil-ħalf fil-vojt;

u l-ġustizzja tinbet bħal ħaxix morr

fir-raddi tar-raba'.

[Hos:10:5] Għall-għoġol ta' Bet-awen

jitkexkxu n-nies ta' Samarija;

għax għad jibki l-poplu tiegħu,

u jitniehdu l-qassisin tiegħu

għax għab minnu ġmielu.

[Hos:10:6] Lilu wkoll jeħduh fl-Assirja,

bħal offerta lis-sultan il-kbir.

Efrajm jaqa' fl-għajb,

u Iżrael jistħi minn fehmietu.

[Hos:10:7] Ntemmet Samarija;

is-sultan tagħha bħal laqxa f'wiċċ l-ilma.

[Hos:10:8] Jiġġarrfu s-santwarji

fuq l-għoljiet tal-ħażen,

id-dnub ta' Iżrael;

xewk u għollieq għad jinbet

fuq l-artali tagħhom.

Għad jgħidu lill-muntanji: "Għattuna"

u lill-għoljiet: "Ordmuna".

[Hos:10:9] Sa minn żmien Gibgħa dnibt, o Iżrael!

Hemm baqgħu f'dak il-ħażen.

Ma laħqithomx il-gwerra f'Gibgħa,

[Hos:10:10] minħabba wlied il-ħażen?

Jien niġi u nikkastigahom.

Jinġemgħu kontrihom il-ġnus,

biex jikkastigawhom għaż-żewġ dnubiet.

[Hos:10:11] Efrajm kien għoġla mħarrġa,

tħobb id-dris.

Imma jiena għabbejt madmad

fuq għonqha s-sabiħ,

u rbatt lil Efrajm għall-ħrit.

Ġuda għad jaħrat, u Ġakobb ixattab.

[Hos:10:12] Iżirgħu għalikom il-ġustizzja,

u taħsdu l-frott tat-tjieba.

Agħżqu l-art mistrieħa,

għax wasal żmien li tfittxu l-Mulej.

Sakemm jiġi u jibgħat

ix-xita tas-sewwa fuqkom.

[Hos:10:13] Imma intom żrajtu l-ħażen,

u ħsadtu l-għawġ,

u jkollkom tieklu frott il-gideb,

għax int fdajt fl-imriekeb tiegħek,

fil-kotra tal-qalbenin tiegħek.

[Hos:10:14] Tqum għagħa fost il-poplu tiegħek,

u l-fortizzi tiegħek isiru ħerba,

bħalma Salman qered lil Bet-arbel,

f'jum it-taqtigħa,

meta l-omm kienet misħuqa ma' wliedha.

[Hos:10:15] Hekk nagħmlilkom, dar Iżrael,

minħabba kobor ħżunitek.

Mas-sebħ jinqered is-sultan ta' Iżrael.

 

11. Il-ħniena ta' Alla ma tonqos qatt

 

[Hos:11:1] "Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu,

u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.

[Hos:11:2] Imma aktar ma sejjaħtilhom,

aktar tbiegħdu minni;

offrew sagrifiċċji lil Bagħalim,

u baħħru quddiem l-idoli.

[Hos:11:3] Kont jien li  'l Efrajm għallimtu jimxi,

rfajthom fuq dirgħajja,

iżd'huma m'għarfux kemm kont ħadt ħsiebhom!

[Hos:11:4] Bi ħbula ta' bnedmin jien ġbidthom,

b'rabtiet ta' mħabba;

u kont għalihom bħal min jerfa' tarbija ma' ħaddejh,

u lejha mmil nitmagħha.

[Hos:11:5] Ikollhom jerġgħu lura lejn l-Eġittu,

l-Assirja ssaltan fuqhom,

għax ma ridux jerġgħu lura lejja.

[Hos:11:6] Is-sejf jgħaddi bil-qilla mill-ibliet tagħhom,

u jeqred lil uliedhom,

u jagħmel ħerba mill-fortizzi tagħhom.

[Hos:11:7] Il-poplu mġarrab għax tbiegħed minni:

isejjħu 'l Bagħal, u ma jweġibhomx.

[Hos:11:8] Kif! Jien se nwarrbek minni, Efrajm?

Iżrael, se nerħik?

Kif! Jien se nwarrab lilek minni bħal Adma,

nagħmlek bħal Sebojim?

Daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti.

[Hos:11:9] Le, ma nħaddimx il-korla mħeġġa tiegħi;

le, ma nerġax inġib fix-xejn 'l Efrajm,

għax Alla jien, u mhux bniedem,

jien f'nofsok il-Qaddis;

jien ma niġix biex neqred.

[Hos:11:10] Għax jimxu wara l-Mulej,

li bħal iljun jgħajjat;

jgħajjat u wliedu jiġu jiġru mill-punent;

[Hos:11:11] iħaffu mill-Eġittu bħal għasfur,

u bħal ħamiema jgħaġġlu minn art l-Assirja;

u jagħtihom li jgħammru fi djarhom,"

oraklu tal-Mulej.

 

12. L-infedeltŕ ta' Iżrael

 

[Hos:12:1] Dawwarni bil-gideb Efrajm,

u bil-qerq id-dar ta' Iżrael;

u Ġuda għadu jtalla' u jniżżel dwar Alla,

Alla l-Qaddis u l-fidil.

[Hos:12:2] Efrajm jirgħa r-riħ,

u jiġri wara x-xlokk kuljum;

u jżid fil-gideb u l-qerq.

Jagħmel patt ma' l-Assirja

u lejn l-Eġittu jġorr iż-żejt.

[Hos:12:3] Il-Mulej għandu xi jgħid ma' Iżrael

u jikkastiga lil Ġakobb għal imġibtu,

u jroddlu skond għemilu.

[Hos:12:4] F'ġuf ommu qabad għarqub ħuh,

u fl-aqwa tiegħu ssara ma' Alla.

[Hos:12:5] Issara ma' l-anġlu u għelbu,

beka u talbu l-ħniena,

F'Betel sab lil Alla;

u hemm Alla tkellem miegħu,

[Hos:12:6]  il-Mulej, Alla ta' l-eżerċti,

Jaħweh ismu:

[Hos:12:7] "Bil-għajnuna ta' Alla tiegħek,

int terġa' lura fl-għerejjex tiegħek:

ħares it-tjieba u l-ġustizzja,

u ttama dejjem f'Alla tiegħek."

[Hos:12:8] Kangħan għandu f'idu miżien ħażin,

u jħobb iqarraq.

[Hos:12:9] U Efrajm qal: "Isma', jien stagħnejt,

ksibt il-ġid għalija!"

Imma milli daħħal xejn ma jibqagħlu,

minħabba l-ħażen li għamel.

[Hos:12:10] Jiena l-Mulej Alla tiegħek

sa mill-art ta' l-Eġittu.

Nerġa' nqiegħdek tgħammar taħt it-tined

bħal fil-jiem tal-laqgħa.

[Hos:12:11] U kellimt lill-profeti

u kattart id-dehriet;                          

u permezz tal-profeti

nitkellem bil-parabboli.

Hos:12:12] Jekk f'Gilgħad hemm il-ħażen,

żgur għad jiġu fix-xejn.

F'Gilgal imbagħad offrew  il-gniedes.

L-artali tagħhom isiru gzuz tal-ġebel

fir-raddi  tar-raba'.

[Hos:12:13] U Ġakobb ħarab lejn ir-raba' ta' Aram,

u Iżrael ħadem għal mara,

u għal mara għamilha ta' għassies.

[Hos:12:14]  U permezz ta' profeta talla' l-Mulej

lil Iżrael mill-Eġittu,

u permezz ta' profeta kien imħares.

[Hos:12:15] Imma Efrajm lill-Mulej inkorla sewwa,

għalhekk demmu jitwaddab fuqu,

u Sidu jroddlu l-għajb tiegħu.

 

13. Il-kastig ta' Efrajm

 

[Hos:13:1] Meta Efrajm kien jitkellem, kien

                                                           ibażża' n-nies,

għax kien prinċep f'Iżrael:

imma dineb minħabba Bagħal u miet.

[Hos:13:2] U issa baqgħu jidinbu,

u jagħmlu xbihat imdewwba

mill-fided tagħhom;

idoli skond kif ifettlilhom,

kollha xogħol in-nies tas-sengħa.

"Lil dawn," jgħidulhom, "offru s-sagrifiċċju,"

u n-nies ibusu l-għoġiela!

[Hos:13:3] Għalhekk ikunu bħal sħaba fis-sebħ,

u bħan-nida li tgħib malajr;              

bħall-karfa li ttir mill-qiegħa,

u bħad-duħħan ħiereġ mit-tieqa.

[Hos:13:4] U jiena l-Mulej, Alla tiegħek

sa mill-art ta' l-Eġittu.

Int m'għandek ebda Alla ieħor ħliefi,

U m'hemmx għalik salvatur ieħor għajri.

[Hos:13:5] Jiena paxxejtek fid-deżert,

fl-art tan-nixfa.

[Hos:13:6] Imma aktar ma paxxejthom,

aktar ma mtlew u xebgħu,

aktar tkabbret qalbhom,

u lili insewni.

[Hos:13:7] Nkun għalihom bħal iljun,

bħal ljupard fit-triq ngħassilhom.

[Hos:13:8] Nħebb għalihom bħal orsa

misruqa mill-frieħ tagħha,

u niftħilhom il-qafas ta' sidirhom,

u nikolhom fil-post bħal iljun,

u bħall-bhejjem selvaġġi niżbranahom.

[Hos:13:9] Jien neqirdek, Iżrael,

mbagħad min jista' jgħinek?

[Hos:13:10] Fejn hu s-sultan tiegħek biex isalvak?

Fejn huma prinċpijietek biex jaqbżu għalik?

nt kont għedt għalihom:

"Agħtini sultan u prinċpijiet."

[Hos:13:11] Jien nagħtik sultan f'għadbi,

u nneħħihulek fis-saħna tiegħi.

[Hos:13:12] Misrur il-ħażen ta' Efrajm,

merfugħ id-dnub tiegħu.

[Hos:13:13] Uġigħ il-ħlas għad jilħqu,

imma hu iben bla għaqal;

għax meta jasal il-waqt,

ma jersaqx lejn fomm il-ġuf.

[Hos:13:14] Neħlishom jien mill-qawwa tax-Xeol?

Jew mill-mewt nifdihom?

Fejn huma l-flaġelli tiegħek, mewt?

Fejn hija l-qerda tiegħek, Xeol?

Il-mogħdrija nħbiet minn għajnejja.

[Hos:13:15] U għax hu bejn l-aħwa jġib il-firda,

għad jiġih riħ mix-xlokk,

riħ tal-Mulej ġej mid-deżert,

u jnixxiflu l-għajn,

u n-nixxiegħa jixxuttalu.

Jisraqlu t-teżor tal-ħwejjeġ prezzjużi.

 

14. [Hos:14:1] Tpatti, għad tpatti Samarija,

għax qamet kontra Alla tagħha.

Għad jaqgħu taħt ix-xabla,

u jisħqulhom iż-żgħar tagħhom,

u jiftħulhom in-nisa tqal.

 

Sejħa għall-konverżjoni u wegħda ta' fejqan

 

[Hos:14:2] Erġa' dur, Iżrael, lejn il-Mulej Alla tiegħek,

għax int tfixkilt minħabba fi ħżunitek.

Hos:14:3] Ħudu kliem magħkom,

duru mill-ġdid lejn il-Mulej, u għidulu:

"Int tneħħi l-ħażen kollu:

ilqa' t-tajjeb, u nroddu frott xufftejna.

[Hos:14:4] L-Assirja ma ssalvaniex,

fuq żiemel aktar ma nirkbux,

lanqas ma ngħidu iżjed 'Alla tagħna' lil xogħol idejna.

Għandek l-iltim isib il-ħniena."

[Hos:14:5] Naħfrilhom, għad li xxewwxu kontrija;

minn qalbi nħobbhom,

għaliex il-korla tiegħi reġgħet lura minn fuqhom.

[Hos:14:6] Jien għad inkun għal Iżrael bħal nida.

Ħa jiftaħ bħal ġilju,

[Hos:14:7] għeruqu jxenxel bħal siġra tal-luq,

jinfirxu r-rimjiet tiegħu,

sbuħitu ta' siġra taż-żebbuġ,

u jkun ifewwaħ qisu l-Libanu.

[Hos:14:8] U jerġgħu jiġu jgħammru taħt id-dell tiegħi,

isiru qishom ġnien,

jisbieħu qishom dielja,

nbid tal-Libanu tkun tistħajjilhom.

[Hos:14:9] X'għandi x'naqsam ma' l-idoli, Efrajm?

Kont jiena li weġibtek, u jien inħarsek;

għalik jien bħal ċipressa dejjem tħaddar,

minni tikseb il-frott.

[Hos:14:10] Kull min hu għaref, jifhem dawn il-ħwejjeġ;

ħa jagħrafhom kull min hu bil-għaqal,

għax il-Mulej it-triqat tiegħu dritti,

il-ġusti jimxu fihom,

iżda jitfixklu fihom il-midinbin.