IL-KTIEB TA' ĦABAKKUK

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1.  [Ħab:1:1] L-Oraklu li kellu f'dehra l-profeta Ħabakkuk

 

Il-qerda tal-ġustizzja

 

[Ħab:1:2] Mulej, kemm se ndum nokrob

għall-għajnuna u int ma tismax!

Jew ngħajjat: "Vjolenza!"

u int ma ssalvax!

[Ħab:1:3] Għaliex turini l-ħażen,

u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?

Quddiemi qerda u vjolenza,

hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.

[Ħab:1:4] U b'hekk il-liġi sfat mingħajr saħħa,

qatt iżjed ma jsir ħaqq.

Għax il-ħażin idur madwar  il-ġust,

għalhekk il-ħaqq li jsir ikun mgħawweġ.

 

Il-Kaldin bħala kastig ta' Alla

 

[Ħab:1:5] Itfgħu ħarstkom fuq il-ġnus, araw,

stagħġbu, tbikkmu bl-għaġeb:

għaliex fi żmienkom stess għad issir ħaġa

li, jekk tingħad, ma temmnuhiex.

[Ħab:1:6] Għax, ara, jiena nqajjem il-Kaldin,

il-ġens qalil li jaħbat għal kulħadd,

u jaqsam l-art fil-wisa' kollu tagħha,

jaħtaf imkejjen mgħammra m'humiex tiegħu.

[Ħab:1:7] Hu ġens li jwerwer, ta' min jibża' minnu;

il-ħaqq u l-qerda skond kif jidhirlu hu.

[Ħab:1:8] Iż-żwiemel tiegħu eħfef mil-ljupardi,

eħrex mil-lpup ta' filgħaxija.

Ilebbtu r-rikkieba tiegħu,

ġejjin mill-bogħod ir-rikkieba tiegħu,

itiru b'ħeffa t'ajkla tfittex l-ikel.

[Ħab:1:9] Lkoll kemm huma ġejjin għall-vjolenza,

il-biża' ta' dehrithom jasal qabilhom;

il-priġunieri jiġimgħuhom daqs  ir-ramel.

[Ħab:1:10] Dal-ġens iwaqqa' s-slaten għaż-żufjett,

jidħak bil-prinċpijiet,

jiddieħak b'kull fortizza,

u jtalla' gzuz ta' terrapien u lilha jieħu!

[Ħab:1:11] Mbagħad jonfoħ bħar-riħ

u jibqa' għaddej,

dal-ħati li qawwietu alla tiegħu!

 

Il-ħruxija ta' l-għedewwa

 

[Ħab:1:12] Jaqaw m'intix minn dejjem int, Mulej?

M'intix Alla l-Qaddis tiegħi, li ma tmutx?

Mulej, dan minnek sar, biex tagħmel ħaqq,

u sħiħ daqs blata ridtu jkun, b'kastig!

[Ħab:1:13] Int għajnejk safja wisq biex tara l-ħażen,

inti ma tiflaħx tħares lejn id-deni;

l-għala nies mill-agħar tħobb tagħti kashom,

iżżomm is-skiet meta min hu ħażin

jibla' lil min hu aktar minnu ġust?

[Ħab:1:14] Int tagħmel il-bnedmin bħall-ħut tal-baħar,

bħall-bhejjem ta' fuq l-art, bla sid għalihom.

[Ħab:1:15] Huwa jtellagħhom kollha bis-sunnara,

u, wara li jressaqhom bix-xbiek tiegħu,

jiġborhom kollha bil-konz tiegħu:

u b'hekk jithenna u jifraħ.

[Ħab:1:16] Għalhekk lix-xbiek joffrilu sagrifiċċju,

jaħraq l-inċens quddiem il-konz tiegħu;

għax bihom sehmu joktor

u iklu jkun aktar utiq.

[Ħab:1:17] Se jibqa' jferragħ ix-xibka tiegħu

u joqtol il-ġnus bla waqfien?

 

2. Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu

 

[Ħab:2:1] Se noqgħod għassa f'posti,

se nibqa' wieqaf fuq it-torri tiegħi,

nistenna ħalli nara x'sejjer jgħidli,

u kif se jwieġeb għall-ilmenti tiegħi.

[Ħab:2:2] Mbagħad il-Mulej wieġeb:

"Ikteb id-dehra," qalli,

"onqoxha fuq tavlozzi,

hekk li jkun jista' jħaffef min jaqraha.

[Ħab:2:3] Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,

tistenna se ma ttemm, u ma tqarraqx.

Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,

għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!

[Ħab:2:4] Arah jinfena min m'hux ruħu sewwa,

iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu."

 

Is-saħtiet kontra l-għadu

 

[Ħab:2:5] Gwaj għall-bniedem qarrieq,

u ma jkun qatt fis-sliem  il-bniedem kburi,

li jiftaħ ħalqu bħax-Xeol,

u hu bħall-mewt, għaliex ma jixba' qatt;

jiġma' għalih kull poplu,

jiġbor għalih kull ġens!

[Ħab:2:6] Tgħid huma lkoll ma jqabblulux taqbila,

għanja niggieża, kliem joqgħodlu sewwa?

U jgħidulu:

 

L-ewwel saħta

 

"Ħażin għalih min jiġma’

Dak li m’hux tiegħu

(kemm se jdum?)

Min jgħabbi lilu nnifsu b’ħafna djun!"

[Ħab:2:7] M'hux f'daqqa jqum min dejjnek?

Ma jistenbħux dawk li jġagħluk titriegħed,

u ssir il-priża tagħhom?

[Ħab:2:8] Talli ħarbatt il-ġid ta' bosta ġnus,

il-popli l-oħra lkoll iħarbtu lilek;

għad iħallsuk ta' demm in-nies li qridt,

tad-deni li ġibt int fuq il-pajjiż

u fuq il-belt u fuq kull min jgħammar fiha!

 

It-tieni saħta

 

[Ħab:2:9] Ħażin għalih min għal daru jagħmel

xi qligħ miksub ħażin,

biex il-bejta tiegħu jqiegħed fl-għoli,

u hekk ma jħallihiex tintmess mill-ħsara.

[Ħab:2:10] Qerried ta' bosta popli,

b'għemilek stess waqqajt l-għajb fuq darek,

u tlift lilek innifsek.

[Ħab:2:11] Għaliex sal-ġebla minn ġol-ħajt għad

                                                                     tgħajjat,

u travu mbagħad iwieġeb minn mas-saqaf.

 

It-tielet saħta

 

[Ħab:2:12] Ħażin għalih min jibni belt bid-demm,

italla' belt fuq sisien  il-ħażen!

[Ħab:2:13] Jaqaw m'hux mill-Mulej tal-qtajja' ġej,

li l-popli jitgħabbew bix-xogħol għan-nar,

u l-ġnus jaħlu saħħithom għal xejn?

[Ħab:2:14] Għax l-art kollha kemm hi

għad tagħraf sewwa l-glorja tal-Mulej,

bħalma hu miksi l-baħar bl-ilmijiet!

 

Ir-raba' saħta

 

[Ħab:2:15] Ħażin għalih min jisqi l-proxxmu tiegħu,

min iferragħlu s-semm sa jġagħlu jisker,

bil-ħsieb li jħares lejn għawaru!

[Ħab:2:16] Int bl-għajb timtela u tixba', u mhux

                                                                    bil-ġieħ.

Mel'ixrob int ukoll,

ħa turi ruħek bla ħtin!

Għad idur lejk il-kalċi

ta' l-id il-leminija tal-Mulej,

u l-għajb jgħattilek ġieħek.

[Ħab:2:17] Id-deni li għamilt fil-Libanu

għad jgħarraq lilek;

il-qerda li ġibt inti fuq il-bhejjem

għad twerwer lilek;

għad iħallsuk ta' demm in-nies li qridt,

tad-deni li ġibt int fuq il-pajjiż

u fuq  il-belt u fuq kull min jgħammar fiha.

 

Il-ħames saħta

 

[Ħab:2:18] Xbieha minquxa x'fejda jkun hemm fiha

biex min jonqoxha joqgħod isawwarha?

X'tiswa xbieha mdewwba,

u l-ħabbar giddieb,

biex jista' jafda fiha min jagħmilha

u joqgħod jaħdem idoli mbikkmin?

[Ħab:2:19] Ħażin għalih min jgħid lil biċċa għuda:

"Stenbaħ min-ngħas, " jew: "Qum"  lil ġebla siekta!

Dan hu t-tagħlim!

Arah, xogħol intarsjat bid-deheb u l-fidda,

iżd'ebda nifs ta' ħajja m'hemm ġo fih.

[Ħab:2:20] Iżda l-Mulej fit-tempju mqaddes tiegħu;

iskot quddiemu, art, kollok kemm int.

 

3. Sejħa għall-għajnuna tal-Mulej

 

[Ħab:3:1] Talba tal-profeta Ħabakkuk, fuq it-ton

                                                   ta' l-għana ta' niket.

[Ħab:3:2] Mulej, waslet f'widnejja l-fama tiegħek,

mill-għemil tiegħek jiena bżajt, Mulej.

Sa ftit snin oħra ġeddu,

sa ftit snin oħra għarrfu!  

Fil-korla, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.

Ħab:3:3] Alla ġej minn Teman,

mill-muntanja Faran ġej il-Qaddis.

Sebħu jiksi s-smewwiet, foħritu timla l-art.

[Ħab:3:4] Dijietu qisha dawl ix-xemx,

minn idu jleħħu r-raġġi:

hemmhekk tinsab moħbija l-qawwa tiegħu.

[Ħab:3:5] Quddiemu timxi l-pesta,

u wara passih jiġi d-deni,

[Ħab:3:6] Jieqaf, u jriegħed l-art,

iħares, u jkexkex il-ġnus:

mbagħad il-muntanji dejjiema

jitqanqlu minn posthom,

l-għoljiet ta' żmien il-qedem jitbaxxew,

triqatu sa minn dejjem.

[Ħab:3:7] It-tined ta' Kusan rajthom jitbeżżgħu,

rajt l-għerejjex t'art Midjan jirtogħdu.

[Ħab:3:8] Jaqaw tixgħel il-korla tiegħek kontra

                                                                  x-xmajjar

jew kontra l-baħar qilltek,

meta int, Mulej, tirkeb iż-żwiemel tiegħek

u l-karru tar-rebħ tiegħek?

[Ħab:3:9] Terfa' l-qaws tiegħek għeri,

il-watar tiegħek timlieh sew bil-vleġeġ.

Int tofroq l-art bix-xmajjar,

[Ħab:3:10] jilmħuk il-muntanji, u jitheżhżu;

jitqalleb l-ilma b'saħħa kbira u jgħaddi;

jgħajjat l-abbiss u jerfa' idejh fl-għoli.

[Ħab:3:11] Ix-xemx u l-qamar waqfu f'posthom,

ħarbu kif raw ileħħu l-vleġeġ tiegħek,

u l-lanza tiegħek toħroġ dawl li jgħammex.

[Ħab:3:12] Int b'korla fuqek tgħaddi minn nofs l-art,

u tgħaffeġ b'saħna l-ġnus.

[Ħab:3:13] Int ħriġt sabiex issalva l-poplu tiegħek,

issalva l-midluk tiegħek.

Dar il-ħażin ġarraftha mill-quċċata,

kxiftilha l-pedament sa deher il-blat.

[Ħab:3:14] Nfidt bix-xettru tiegħek

ras il-gwerriera tiegħu,

li nxteħtu fuqi b'ferħ biex jeqirduni,

bħalkieku biex jibilgħu 'l min hu msejken,

f'xi mkien fis-satra,

[Ħab:3:15] Għaddejt biż-żwiemel tiegħek fuq

                                                                    il-baħar,

fuq  it-tqalligħ ta' l-ilmijiet kotrana.

[Ħab:3:16] Jien smajt, u ħassejt fija rogħda kbira,

għal dan il-ħoss xufftejja bdew jirtogħdu;

ħassejt għadmi jitmermer,

passija bdew jitriegħdu taħti.

Noqgħod bil-kwiet nistenna Jum l-għawġ

li għad ifeġġ għall-ġens li qed jisħaqna.

[Ħab:3:17] U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina,

u xejn ma jagħtu d-dwieli

u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq,

u r-raba' xejn ma jibqa' jrodd għall-ikel,

u l-merħla tgħib mill-mandra,

u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom,

[Ħab:3:18] jien xorta waħda nifraħ fil-Mulej,

nithenna f'Alla, is-salvazzjoni tiegħi!

[Ħab:3:19] Il-Mulej Sidi huwa l-qawwa tiegħi;

riġlejja jagħmilhomli bħal taċ-ċriev

u fuq l-għoljiet jeħodni.

Lill-mexxej tal-kor; bid-daqq tal-kordi.