L-ITTRA TA' SAN ĠUDA

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. Tislima

 

[Ġud:1:1] Ġuda, qaddej ta' Ġesł Kristu u ħu Ġakbu, lil dawk li huma msejjħin, maħbubin minn Alla l-Missier, u mħarsa għal Ġesł Kristu. [Ġud:1:2] Jalla jitkattru fuqkom il-ħniena, is-sliem u l-imħabba.

 

L-għalliema ħżiena u l-ġudizzju

 

[Ġud:1:3] Maħbubin, ħassejt ħerqa tassew kbira biex niktbilkom dwar                      is-salvazzjoni tagħna lkoll, għax rajt li kien meħtieġ nibagħtilkom kelmtejn ħalli nħeġġiġkom għal dik il-fidi li ngħatat darba għal dejjem lill-qaddisin. [Ġud:1:4] Għax fostna ndiehsu xi wħud li sa minn żmien ilu kienu mniżżlin minn qabel għal din il-kundanna, nies ħżiena li jaqilbu l-grazzja ta' Alla tagħna f'żina u jiċħdu lil Ġesł Kristu, is-Sid waħdieni tagħna u l-Mulej tagħna.

 

[Ġud:1:5] Għad li intom ġa sirtu tafu kollox darba għal dejjem, nixtieq iżda nfakkarkom li l-Mulej, wara li salva l-poplu mill-art ta' l-Eġittu, hekk imbagħad qered lil dawk li ma emmnux. [Ġud:1:6] U lil dawk l-anġli li ma beżgħux għal posthom u telqu mnejn kienu jgħammru, huwa żammhom marbuta għal dejjem f'qiegħ id-dlamijiet għall-ħaqq tal-Jum il-kbir. [Ġud:1:7] U hekk ukoll ġralhom Sodoma u Gomorra u l-bliet ta' madwarhom li bħalhom ingħataw għaż-żina u ntelqu wara l-pjaċiri kontra n-natura; huma saru eżempju għal kulħadd billi ħadu l-kastig tan-nar ta' dejjem.                         

 

[Ġud:1:8] Hekk ukoll dawn il-bnedmin fit-thewdin tagħhom xorta waħda qegħdin itebbgħu l-ġisem, jiċħdu l-awtoritą ta' Alla, iżebilħu l-ħlejjaq glorjużi. [Ġud:1:9] L-arkanġlu Mikiel, meta ħadha max-Xitan u beda jħaqqaqha miegħu fuq il-ġisem ta' Mosč, ma wasalx biex ikkundannah bi kliem ta' żebliħ, imma qallu: "Ħa jrażżnek il-Mulej." [Ġud:1:10] Dawn in-nies, imma, iżebilħu saħansitra dawk il-ħwejjeġ li ma jifhmux fihom, u dak kollu li jafuh min-natura bħall-bhejjem bla dehen, jiswielhom għat-telfien. [Ġud:1:11] Ħażin għalihom! Qabdu triq Kajin; għal daqsxejn ta' ħlas intelqu fl-iżball ta' Balgħam, u nqerdu bit-tixwix ta' Koraħ. [Ġud:1:12] Dawn in-nies huma tbajja' għalikom fil-laqgħat tagħkom għall-ikla ta' l-imħabba, jixxalaw flimkien, bla mistħija, ifittxu lilhom infushom, sħab bla xita misjuqa mir-riħ; siġar bla frott fi tmiem il-ħarifa, mejta għal darbtejn, mqaċċta mill-għeruq; [Ġud:1:13] mwieġ qliel tal-baħar jitqallbu fir-ragħwa ta' l-għajb tagħhom; kwiekeb ġerrejja li għalihom hemm merfugħ is-swied tad-dlamijiet ta' dejjem.

 

[Ġud:1:14] Kien għal dawn ukoll li Ħenok, is-seba' wieħed wara Adam, ħabbar u qal: "Ara, il-Mulej ġej, bl-eluf ta' l-anġli qaddisa tiegħu, [Ġud:1:15] biex jagħmel ħaqq minn kulħadd u jikkundanna l-ħżiena kollha għal kull xorta ta' ħażen li għamlu, u għall-kliem iebes kollu li qalu kontra tiegħu l-midinbin ħżiena." [Ġud:1:16] Dawn huma dawk li jgergru, li jisħtu xortihom, jiġru wara l-ġibdiet koroh tagħhom, fommhom mimli ftaħir, u jżiegħlu bin-nies f'wiċċhom ħalli jiksbu xi ħaġa minnhom.

 

Twissijiet u tħeġġiġ

 

[Ġud:1:17] Iżda intom, għeżież, ftakru fil-ħwejjeġ li l-appostli ta' Sidna Ġesł Kristu kienu ħabbrulkom minn qabel. [Ġud:1:18] Huma qalulkom li "fl-aħħar  taż-żminijiet ikun hemm nies żeblieħa li jiġru wara l-ġibdiet ħżiena tagħhom", [Ġud:1:19] nies li jġibu l-firdiet, jgħixu ħajja ta' din l-art, nies li m'għandhomx l-Ispirtu fihom. [Ġud:1:20] Iżda intom, għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu; [Ġud:1:21] żommu rwieħkom fl-imħabba ta' Alla, stennew il-ħniena ta' Sidna Ġesł Kristu għall-ħajja ta' dejjem. [Ġud:1:22] Uru ħniena ma' dawk li għadhom fid-dubju; [Ġud:1:23] salvawhom u aħtfuhom min-nar; l-oħrajn, ħennu għalihom, bil-biża', waqt li tistkerrhu saħansitra l-libsa mċappsa b'ġisimhom.

 

Glorja lil Alla

 

[Ġud:1:24] Lil dak li għandu l-qawwa jħariskom mill-waqgħa, u jqegħedkom bla tebgħa u ferħana quddiem is-sebħ tiegħu, [Ġud:1:25] lil Alla waħdu Salvatur tagħna, permezz ta' Ġesł Kristu Sidna, glorja, kobor, qawwa u setgħa qabel kull żmien, issa, u għal dejjem ta' dejjem. Amen.