Ir-ritratt juri l-grupp ta’ Maltin fuq il-bajja ta’ Capocabana, f’ Rio de Janeiro, l-Brażil, fejn qed jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-grupp kollu huwa ffurmat minn madwar mitt persuna, bejn żgħażagħ li telgħu minn Malta, u dawk li jinsabu l-Brażil għall-volontarjat. Id-delegazzjoni Maltija qed tiġi koordinata mill-Kummissjoni Djocesana Żgħażagħ (KDŻ) u qed titmexxa mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Charles J. Scicluna.

Wara li llejla jattendu għall-velja ta’ talb, matul il-lejl li ġej iż-żgħażagħ Maltin ser jikkampjaw fuq il-bajja ta’ Capocabana biex jilħqu post għall-Quddiesa li ser jiċċelebra għada l-Papa Franġisku. Din il-Quddiesa ser ġġib fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċċjali tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, u għaliha mistennija jattendu madwar żewġ miljun ruħ.

Mill-Uffiċcju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

 

27 ta' Lulju 2013.