IL-KTIEB TA' ĠOEL

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1.  [Ġoel:1:1] Il-kelma tal-Mulej, li ġiet lil Ġoel bin Petwel.

 

Swied il-qalb għall-qerda tal-pajjiż

 

[Ġoel:1:2] Isimgħu dan, xjuħ,

agħtu widen, intom ilkoll li tgħammru  fil-pajjiż!

Ġrat xi ħaġa hekk fi żmienkom,

jew fi żmien missirijietkom?

[Ġoel:1:3] Għiduha lil uliedkom,

u wliedkom lil uliedhom,        

u wliedhom lin-nisel ta' warajhom.

[Ġoel:1:4] Dak li ħalla l-ġrad qattiegħ,

kielu l-ġrad gerriem.

Dak li ħalla l-ġrad gerriem

kielu l-ġrad qabbież.

Dak li ħalla l-ġrad qabbież

kielu l-ġrad qerried.

[Ġoel:1:5] Qumu mir-rqad, ja sakranazzi, u ibku!

Intom li tixorbu l-inbid, newwħu lkoll

għall-inbid ġdid, li twarrbilkom minn ma' fommkom!

[Ġoel:1:6] Għaliex għall-pajjiż tiegħi tela' poplu,

qawwi u bla għadd;

snienu, snien ta' ljun,    

u għandu d-dras ta' ljunessa.

[Ġoel:1:7] Il-qasam tad-dwieli tiegħi għamlu ħerba,

is-siġar tiegħi tat-tin tertaqhom;

qaxqaxhom għalkollox  u rmiehom,

il-friegħi tagħhom bjadu.

[Ġoel:1:8] Olfoq, kif tagħmel xebba liebsa x-xkejjer,

għall-għarus ta' żgħożitha!

[Ġoel:1:9] L-offerta ta' l-ikel u tax-xorb inqatgħet

minn dar il-Mulej.

Kollhom niket il-qassisin,

qaddejja tal-Mulej.

[Ġoel:1:10] Mħassar ir-raba',

l-art tbikkik.

Għax inqered il-qamħ,

l-inbid ġdid nixef,

għosfor iż-żejt frisk.

[Ġoel:1:11] Infixlu, ħaddiema,

intom li tieħdu ħsieb id-dwieli,

newwħu għall-qamħ u x-xgħir,

għax intilef il-ħsad tar-raba'.

[Ġoel:1:12] Il-qasam tad-dwieli sfar,

u s-siġar tat-tin dbielu;

is-siġar tar-rummien, tal-palm u tat-tuffieħ,

u s-siġar kollha tar-raba' nixfu.

Kif għeb il-ferħ minn fost il-bnedmin!

 

Sejħa għall-indiema u għat-talb

 

[Ġoel:1:13] Ilbsu x-xkejjer, qassisin, u olfqu,

ixhru, qaddejja ta' l-artal!

Ejjew, orqdu bl-ixkejjer fuqkom,

qaddejja ta' Alla tiegħi!

Għax miżmuma mid-dar ta' Alla tagħkom

l-offerta ta' l-ikel u tax-xorb.

[Ġoel:1:14] Ordnaw sawma;

sejjħu laqgħa mqaddsa;

morru iġbru x-xjuħ,

u n-nies kollha tal-pajjiż

fid-dar tal-Mulej Alla tagħkom.

Għajjtu  lill-Mulej:

[Ġoel:1:15] "Ah, x'jum dan!

Għax fil-qrib jum il-Mulej,

jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj."

[Ġoel:1:16] Forsi m'hux quddiem għajnejna

naqas l-ikel,

l-hena u l-ferħ

mid-dar ta' Alla tagħna?

[Ġoel:1:17] Il-qamħ miżrugħ tħassar

taħt it-tub tiegħu;

il-matmuriet saru ħerba waħda,                   

l-imħażen tal-qamħ iġġarrfu,

għax il-qamħ nixef.

[Ġoel:1:18] X'jokorbu  l-bhejjem!

Il-baqar jiġġerrew mifxula,

għax m'għandhomx fejn jirgħu.

Sa l-imrieħel tan-nagħaġ u l-mogħoż inqerdu.

[Ġoel:1:19] Jien ngħajjat lilek, Mulej!

Għax in-nar qered il-ħdura tar-raba',

ilsna tan-nar ħarqu s-siġar kollha ta' l-għelieqi.

[Ġoel:1:20] Sa l-bhejjem tar-raba' mxennqin għalik,

għax nixfu n-nixxigħat ta' l-ilma,

għax in-nar qered il-ħdura tal-kampanja.

 

2. Jum il-Mulej

 

[Ġoel:2:1] Doqqu t-tromba f'Sijon,

semmgħu l-aħbar minn fuq  il-muntanja mqaddsa

                                                                        tiegħi!

Ħa jitriegħdu dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż,

għax Jum il-Mulej wasal,

għax hu fil-qrib!

[Ġoel:2:2] Jum ta' dlam u ta' swied,

jum ta' sħab u ta' ċpar magħqud.

Fuq il-muntanji jinfirex bħal sħaba sewda

poplu kotran u qawwi,

li bħalu ma kien hemm qatt fl-imgħoddi,

lanqas ma jkun hemm warajh

saż-żminijiet l-aktar imbiegħda.

 

L-armata ta' l-invażjoni

 

[Ġoel:2:3] Quddiemu jiekol in-nar,

warajh iserrpu l-ilsna tan-nar,

quddiemu l-pajjiż qisu l-ġnien ta' l-Għeden,

warajh ikun deżert bla ħajja.

Xejn ma jkun hemm li jaħrablu.

[Ġoel:2:4] Id-dehra tiegħu bħal dehra ta' żwiemel;

u bħal żwiemel tal-ġiri, hekk ilebbtu.

[Ġoel:2:5] Bħal ħsejjes ta' karrijiet

jaqbżu fuq qċaċet il-muntanji,

bħat-tfaqqigħ ta' lsien in-nar

iqabbad il-qasbija,

bħal armata qawwija mqassma għall-battalja.

[Ġoel:2:6] Għad-dehra tagħha l-popli jitkexkxu,

l-uċuħ kollha jisfaru.

[Ġoel:2:7] Huma jinxteħtu bħal nies qalbiena,

jixxabbtu mas-swar bħal suldati.

Kull wieħed minnhom iżomm triqtu,

ħadd minnhom ma jitlifha.

[Ġoel:2:8] Ebda wieħed minnhom ma jross fuq ta'

                                                                        ħdejh,

kull wieħed iżomm il-passi tiegħu;

u jinxteħtu qalb l-armi

bla ma jwarrbu minn posthom.

[Ġoel:2:9] Jintefgħu għal fuq is-swar,

jixxabbtu mal-ħitan tad-djar,

jidħlu mit-twieqi,

qishom ħallelin.

 

Dehra ta' Jum il-Mulej

 

[Ġoel:2:10] Quddiemhom l-art titriegħed,

is-smewwiet jitqanqlu!                  

Ix-xemx u l-qamar jiddallmu,

u l-kwiekeb jitilfu dijiethom!

[Ġoel:2:11] U l-Mulej isamma' leħnu f'ras it-truppi

                                                                       tiegħu.

Għax bla għadd qtajjietu,

għax hu qawwi dak li jagħmel l-ordni tiegħu,

għax Jum il-Mulej hu kbir,

tal-biża' wisq, u min jiflaħ għalih?

 

Sejħa għall-indiema

 

[Ġoel:2:12] "Iżda mqar issa, oraklu tal-Mulej,

erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha,

bis-sawm, bil-biki u bl-ilfiq.

[Ġoel:2:13] ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom,

u erġgħu duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom,

għax hu twajjeb u ħanin,

tqil biex jinkorla, u kollu tjieba;

u jisgħobbih  għall-ħażen.

[Ġoel:2:14] Min jaf jerġax jibdielu u jisgħobbih,

u jħalli barka wrajh,

offerta ta' l-ikel u tax-xorb

lill-Mulej, Alla tagħkom?

[Ġoel:2:15] Doqqu t-tromba f'Sijon!

Ordnaw sawma,

sejjħu laqgħa mqaddsa;

[Ġoel:2:16] iġbru l-poplu,

qaddsu l-ġemgħa

għajjtu x-xjuħ,

iġbru t-tfal,

u t-trabi tal-ħalib!

 Ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu

u l-għarusa mill-kmajra tagħha!

[Ġoel:2:17] Bejn il-portiku u bejn l-artal ħa jibku

l-qassisin, qaddejja tal-Mulej!

U ħa jgħidu:

"Ħenn għall-poplu tiegħek, Mulej,

u la tħallix il-wirt tiegħek jaqa' għaż-żebliħ,

u jiġi fi lsien il-ġnus!

L-għala għandu jingħad fost il-popli:

"Fejn hu Alla tagħhom?"

 

Tmiem il-kastig u l-bidu tal-ħelsien

 

[Ġoel:2:18] U l-Mulej ġietu għira għall-art tiegħu,

għader il-poplu tiegħu.

[Ġoel:2:19] Il-Mulej wieġeb u qal lill-poplu tiegħu:

"Ara, jiena se nibagħtilkom

il-qamħ u l-inbid ġdid u ż-żejt,

u jkollkom minnhom bix-xaba'.

U ma nħallikomx iżjed

taqgħu għaż-żebliħ  tal-ġnus.

[Ġoel:2:20] Nbiegħed minnkom lil tat-tramuntana

u nixħtu f'post niexef u d-deżert,

il-quddiemi tiegħu lejn il-baħar tal-lvant,

u  l-warrani lejn il-baħar tal-punent.

U titla' minnu ntiena,

riħa tinten titla' minnu

għax għamel ħsara kbira."

 

Jidher ġid bil-kotra

 

[Ġoel:2:21] Tibżax, art,

ifraħ u thenna,

għax ħwejjeġ kbar għamel  il-Mulej!

[Ġoel:2:22] La tibżgħux, bhejjem tar-raba'!

Għax il-ħdura tal-kampanja reġgħet nibtet,

is-siġar qed jitqalu bil-frott tagħhom,                  

it-tina u d-dielja qed iroddu l-ġid tagħhom.

[Ġoel:2:23] Ulied Sijon, ifirħu,

thennew fil-Mulej, Alla tagħkom!

Għaliex hu takom ilma bikri kif imiss,

bagħtilkom ix-xita bikrija,

u x-xita mwaħħra, bħal fl-imgħoddi.

[Ġoel:2:24] L-andrijiet jimtlew bil-qmuħ,

l-imgħasar ifuru bi nbid ġdid u żejt.

[Ġoel:2:25] U nerġa' nagħtikom l-annati

li ttieklu mill-ġrad qattiegħ u l-ġrad gerriem,

u mill-ġrad qerried u l-ġrad qabbież,

l-armata kbira tiegħi,

li jien bgħatt kontrikom."

[Ġoel:2:26] U tieklu sewwa u tixbgħu,

u tfaħħru isem il-Mulej, Alla tagħkom,

li jkun għamel għeġubijiet.

Il-poplu tiegħi ma jkollu qatt iżjed mniex jistħi!

[Ġoel:2:27] U tagħrfu li jien ninsab f'nofs Iżrael,

u li jiena l-Mulej, Alla tagħkom, u m'hemmx ħliefi!

U l-poplu tiegħi ma jkollu qatt iżjed mniex jistħi!

 

3.Il-Mulej isawwab l-Ispirtu tiegħu

 

[Ġoel:3:1] "Wara dan, jiġri

li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.

Uliedkom iħabbru, subjien u bniet,

ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,

iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.

[Ġoel:3:2] U mqar fuq il-qaddejja, rġiel u nisa,

nsawwab l-ispirtu tiegħi f'dawk il-jiem.

[Ġoel:3:3] Fis-sema u l-art nuri sinjali,

demm u nar u kolonni ta' duħħan!

[Ġoel:3:4] Ix-xemx tinbidel fi dlam,

u l-qamar f'demm,

qabel ma jasal Jum il-Mulej,

kbir u tal-biża'!

[Ġoel:3:5] U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles,

għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm

                                                           is-salvazzjoni,

kif qal il-Mulej,

u f'Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ.

 

4. Fuqiex isir il-ħaqq

 

[Ġoel:4:1] "Għax, ara, f'dawk il-jiem, f'dak iż-żmien,

li fih inġedded 'il Ġuda u 'l Ġerusalemm,

[Ġoel:4:2] jiena niġbor il-ġnus kollha,

u nniżżilhom fil-Wied ta' Ġosafat;

hemmhekk nagħmel ħaqq minnhom

minħabba f'Iżrael, il-poplu u l-wirt tiegħi,

li huma xerrdu fost il-ġnus,

u għax  il-pajjiż tiegħi qassmuh bejniethom,

[Ġoel:4:3] u tefgħu x-xorti fuq  il-poplu tiegħi;  

'l uliedhom subjien bidluhom man-nisa żienja,

u 'l uliedhom bniet biegħuhom għall-inbid biex

                                                                    xorbuh".

 

Tehdid kontra l-Feniċi u l-Filistej

 

[Ġoel:4:4] "U intom ukoll, Tir u Sidon, x'intom

                                                                      għalija?

U l-inħawi kollha   tal-Filistja?

Se tagħmlu vendetta intom minni?

Imma jekk tagħmlu vendetta intom minni,

fis ngħaġġel inroddhielkom fuq irjuskom!

[Ġoel:4:5] Intom ħtaftu l-fidda u d-deheb tiegħi,

ħadtu l-egħżeż u l-aħjar minn ħwejġi             

għat-tempji tagħkom,

[Ġoel:4:6] intom lil ulied Ġuda u Ġerusalemm

begħtuhom lil ulied il-Griegi,

bl-għan li tbegħduhom minn arthom!

[Ġoel:4:7] Ara, se nqanqalhom minn fejn begħtuhom

                                                                        intom,

u d-deni tagħkom inroddhulkom fuq irjuskom.

[Ġoel:4:8] U lil uliedkom, kemm subjien kemm bniet,

nbigħhom jien f'idejn ulied Ġuda;

u huma jbigħuhom lin-nies ta' Saba,

lil ġens imbiegħed;

hekk tkellem il-Mulej!"

 

Sejħa tal-ġnus

 

[Ġoel:4:9] Xandru dan fost il-ġnus:

Ħejju għall-gwerra qaddisa!

Qajjmu  l-qalbenin!

Ħa jersqu, ħa jitilgħu

l-irġiel kollha tal-gwerra!

[Ġoel:4:10]  Is-sikek tagħkom dewwbuhom fi sjuf,

l-imnieġel tagħkom f'lanez.

Ħa jgħid id-dgħajjef: "Jien qalbieni!"

[Ġoel:4:11] Ħaffu u ejjew,

intom ġnus kollha ta' madwar,

u nġabru hemm!

Niżżel, Mulej, il-qalbenin tiegħek!

[Ġoel:4:12] Ħa jitqanqlu l-ġnus u jmorru

fil-Wied ta' Ġosafat!

Għax hemm se noqgħod biex nagħmel ħaqq

mill-ġnus kollha ta' madwar.

[Ġoel:4:13] Ressqu l-minġel;

għax laħaq il-ħsad!

Ejjew, isħqu b'riġlejkom,

għax mimli l-magħsar;

il-btieti mfawwrin,

għax kbira ħżunithom!

 

Jum il-Mulej

 

[Ġoel:4:14] Rassa bla qjies

f'wied is-sentenza!

Għax Jum il-Mulej fil-qrib

f'wied is-sentenza.

[Ġoel:4:15] Ix-xemx u l-qamar jiddallmu,

u l-kwiekeb jitilfu dijiethom.

[Ġoel:4:16] Il-Mulej iriegħed minn Sijon,

isamma' leħnu minn Ġerusalemm;

u s-smewwiet u l-art jitriegħdu!

Iżda l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn,

ikun fortizza għal ulied Iżrael!

[Ġoel:4:17] "Mbagħad tagħrfu li jien il-Mulej,

                                                            Alla tagħkom,

li ngħammar f'Sijon,  il-muntanja mqaddsa tiegħi!

Ġerusalemm tkun post qaddis,

qatt iżjed ma jgħaddu minnha l-barranin!

 

Żmien l-hena tat-tiġdid ta' Iżrael

 

[Ġoel:4:18] U jiġri dakinhar,

il-muntanji jqattru l-inbid ġdid,

l-għoljiet inixxu l-ħalib,

u l-widien kollha ta' Ġuda

ifuru bl-ilmijiet.

U minn dar il-Mulej tnixxi għajn

Li ssaqqi Wied Sittim.

[Ġoel:4:19] L-Eġittu jsir ħerba waħda,

Edom jinbidel f'deżert li jbikki,

minħabba fil-moħqrija li wrew ma' wlied Ġuda

meta xerrdu demmhom bla ħtija f'arthom.

[Ġoel:4:20] Imma art Ġuda tkum mgħammra għal dejjem,

u Ġerusalemm għal dejjem ta' dejjem.

[Ġoel:4:21] U nitħallas minn demmhom

li s'issa għadni ma tħallastx minnu

u l-Mulej jgħammar f'Sijon."