L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Ġimgħa ta' Talb għall-Għaqda fost l-Insara.  18-25 ta' Jannar 2017

klikkja fuq l-istama

WERREJ

Messaġġ mill-President tal-Kummissjoni Ekumenika. Dun Hector Scerri  


Ħsieb qasir għal kuljum. Sur Carmel Grima


Att Penitenzjali. Dun Aurelio Mulè Stagno S.D.B.


Talbiet tal-Fidili. Sinjorina Anna Caruana Colombo 


Adorazzjoni Ewkaristika. Sinjura Dorianne Buttigieg


L-Appoġġ tal-Arċisqof Mercieca għall-Missjoni Ekumenika tal-Knisja f’Malta. Dun Hector Scerri 


Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda - video

May They All Be One - video


 

 

 

 

 

 

 

Ir-Rikonċiljazzjoni  -  L-Imħabba ta’ Alla ssuqna

(ara 2 Kor 5:14-20)

Kummissjoni Ekumenika Djoċesana

Arċidjoċesi ta’ Malta

2017

  

MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EKUMENIKA

Is-sena 2017 hija waħda importanti għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-missjoni ekumenika li għaliha huma msejħin l-Insara kollha. Matul is-sena 2017 qegħda ssir il-kommemorazzjoni tal-500 sena   mill-bidu tar-Riforma Protestanta minn Martinu Luteru. Aktar milli ċelebrazzjoni – għax aħna qatt ma nistgħu niċċelebraw il-firda – hija okkażjoni ta’ riflessjoni profonda biex nifhmu aktar dak li wassal lil Luteru jagħmel li għamel, u oħrajn miegħu. Huwa importanti li b’ħafna serenità ngħarblu sew il-ġrajjiet tal-1517 u dak kollu li ġie wara. Kemm il-Papa Ġwanni Pawlu II, kif ukoll il-Papa Benedittu XVI żaru  l-Ġermanja, u saħansitra postijiet marbutin mal-memorja ta’ Luteru. Ftit tax-xhur ilu, rajna lill-Papa Franġisku jżur il-belt ta’ Lund, fl-Iżvezja,   fil-bidu tal-kommemorazzjoni tar-Riforma Protestanta.

Ilkoll naqblu li sar ħafna matul l-aħħar 50 sena biex Insara minn Knejjes u Tradizzjonijiet differenti jersqu lejn xulxin. Dan sar kemm fuq livell Universali, kif ukoll fid-djoċesijiet għeżież tagħna ta’ Malta u ta’ Għawdex. Il-ħidma ekumenika hija parti mill-missjoni tal-Knisja.   In-Nisrani veru huwa msejjaħ biex, flimkien ma’ ħutu, jitlob għall-għaqda fost l-Insara u biex jingħelbu weġgħat u firdiet antiki. Il-ħidma ta’ dawk inkarigati biex jagħmlu dan f’Malta u f’Għawdex huwa apprezzat minn ħafna, u ta’ dan ninsabu grati. Huwa ta’ kuraġġ l-interess li juru ħafna Nsara f’pajjiżna għall-ħidma ekumenika. Huwa ta’ pjaċir kbir tiegħi li pubblikament insellem lil Mons. Ġużeppi Attard, Vigarju Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni fid-Djoċesi ta’ Għawdex, li fost il-ħidmiet  fl-uffiċċju pastorali li bih ġie afdat hemm ukoll il-ħidma ekumenika ġewwa Għawdex. Dan jawgura tajjeb għal aktar kollaborazzjoni bejn   iż-żewġ Knejjes Lokali tagħna f’dan il-qasam partikulari.

L-2017 hija sena importanti wkoll għalina fl-Arċidjoċesi ta’ Malta peress li qegħdin infakkru l-40 sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Ekumenika mill-mibki Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca. F’dan il-fuljett, qiegħed nippubblika artiklu qasir dwar il-ħidma ekumenika fi żmien l-Arċisqof Mercieca, anke b’sinjal ta’ apprezzament għat-tifkira ta’ dan ir-Ragħaj. Dan l-artiklu huwa sommarju ta’ studju aktar dettaljat li ppubblikajt fir-rivista tal-Università Kattolika Ġwanni Pawlu II ta’ Lublin fil-Polonja, Roczniki Teologiczne fl-2016, fil-ħarġa ta’ kull sena ddedikata għall-istudji ekumeniċi.

Fil-bidu ta’ Mejju li ġej, se jkun hemm attività pubblika fejn ssir it-tifkira tal-40 sena tal-Kummissjoni Ekumenika. Aktar tagħrif jingħata   fix-xhur li ġejjin.

L-appell tiegħi huwa li nkunu aktar infurmati dwar il-ħidma ekumenika li għaddejja bħalissa. Hemm diversi siti elettroniċi li  jagħtu ħafna tagħrif imprezzabbli, bħall-paġna tal-Kunsill Pontifiċju għall-Għaqda fost l-Insara fis-sit tal-Vatikan, kif ukoll is-sit taċ-Centro Pro Unione, u siti bħal dawk tal-World Concil of Churches, u ċ-Ċentru Ekumeniku ta’ Bossey. L-aħħar appell – u dak li huwa l-aktar importanti – huwa li lkoll nimpenjaw ruħna li nitolbu kuljum għall-għaqda fost  l-Insara.

Dun Hector Scerri

President tal-Kummissjoni Ekumenika, Floriana,

5 ta’ Jannar 2017


 Ħsieb qasir għal kuljum (18-25 ta’ Jannar 2017)

 

Għar-riflessjoni tiegħek, għall-Parroċċa jew Komunità Reliġjuża, jew għall-grupp tiegħek.

Nissuġġerixxu li jinqara fil-bidu tal-Quddiesa, jew waqt mument ieħor ta’ talb, jew fl-assembly tat-tfal tal-iskola.

It-tmien ħsibijiet għall-Ottavarju ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, huma marbutin ma’ modi differenti ta’ mixi.  Jgħinuna naħsbu fuq dimensjonijiet varji ta’ dawk id-dixxipli Nsara awtentiċi li jimxu fit-triq tas-sewwa li twassal għall-ħajja. (Prov 12:28a)

 

L-ewwel jum: L-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2017

Wieħed miet għal kulħadd (2 Korintin 5:14)

Meta Pawlu ikkonverta u sar dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, hu fehem li persuna waħda, l-istess Ġesù, miet għal kulħadd. Ġesù ma mietx biss għall-poplu tiegħu u lanqas għal dawk li ssimpatizzaw mat-tagħlim tiegħu, imma Hu miet għal kulħadd, hu min hu.

Għaliex Ġesù miet għal kulħadd, Huwa jissieħeb fil-ħajja u fil-mewt ta’ kull bniedem. Dan juri li l-ħajja ta’ l-imgħoddi intemmet u ħaddanna eżistenza ġdida. Din hi ħajja ġdida f’Alla li jibqa’ jkollha tifsira anke wara mewtna.

Wara li Pawlu kkonverta, ipprietka dwar ir-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla u kompla jfisser il-messaġġ tal-Evanġelju. Tajjeb li aħna naraw kif nistgħu negħlbu dawk il-firdiet li għadhom jeżistu bejnietna bħala Nsara.

 

 

It-tieni jum: Il-Ħamis 19 ta’ Jannar 2017

Ma jgħixux għalihom infushom (2 Korintin 5:15)

Aħna ngħixu bis-saħħa ta’ Kristu, li għex, miet u rxoxta għalina. Meta nitilfu ħajjitna għalih, aħna nerġgħu nirbħuha lura.

Il-profeti kienu dejjem iffaċċati b’mistoqsijiet fuq kif hija l-aħjar triq ta’ għixien għal min irid ikun fidil lejn Alla. Ir-risposta tal-profeta Mikea kienet ċara għal din il-mistoqsija: “Li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek’ (Mikea 6:8). Dan ma nistgħux nagħmluh waħedna u rridu nitolbu lil Alla għas-saħħa u tmexxija.

L-Insara huma mħeġġa biex jiżviluppaw forom ġodda ta’ ħajja komunitarja fejn isir il-qsim tal-ġid. L-għajta tal-Evanġelju biex ngħixu mhux għalina nfusna imma għal Kristu hija wkoll għajta biex inti tilħaq oħrajn u biex tkisser il-firda tal-iżolament.

Illejla se jsir Servizz Ekumeniku, immexxi minn Monsinjur Arċisqof, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta, fis-6.30 p.m. Kulħadd huwa mistieden li jattendi.

 

It-tielet jum: Il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2017

Aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. (2 Korintin 5:16)

Meta niltaqgħu ma’ Kristu kollox jinqaleb ta’ taħt fuq. Pawlu kellu din l-esperjenza fit-triq għal Damasku. Għall-ewwel darba seta’ jara lil Ġesù bħala dak li veru kien is-Salvatur tad-dinja. L-opinjoni li kellu dwar Ġesù kompletament inbidlet. Hu kellu iwarrab minnu l-ġudizzji umani li kienu trawmu fih maż-żmien.

Il-laqgħa tagħna ma’ Kristu tbiddel ukoll il-perspettiva tagħna. Aħna ta’ sikwit nieqfu fuq dak li għadda u niġġudikaw skond ir-raġunament uman. Ngħidu u nagħmlu affarijiet f’isem il-Mulej imma fil-verità jistgħu jkunu għall-qadi tagħna stess.

Meta aħna nissottomettu ruħna għax-xewqa ta’ Kristu f’dawn iż-żminijiet, aħna msejħin naraw lill-oħrajn kif Alla jarahom, jiġifieri mingħajr suspett u preġudizzju.

 

Ir-raba’ jum: Is-Sibt 21 ta’ Jannar 2017

Dak kollu li hu qadim, għadda. (2 Korintin 5:17)

Kemm-il darba jiġrilna li ngħixu fl-imgħoddi! Meta nħarsu lura dan jista’ jkun ta’ għajnuna, u kultant bżonnjuż għall-fejqan tal-memorji. Imma jista’ wkoll jipparalizzana  u jżommna milli ngħixu fil-preżent. Dan il-messaġġ ta’ San Pawl – li jgħidilna ‘Il-qadim għadda u daħal il-ġdid’ – jeħlisna minn dan.

L-Evanġelju jinkuraġġina biex inżommu l-imgħoddi f’moħħna, biex nieħdu s-saħħa minnu u biex niftakru f’dak kollu li Alla għamel. Imma wkoll jinkuraġġina biex inħallu l-antik, anke dak li kien tajjeb, sabiex inkunu nistgħu nimxu wara Kristu u ngħixu ħajja ġdida fih.

Ejjew inħallu l-Ispirtu s-Santu jwassalna għall-futur ġdid fejn il-firda tal-imgħoddi tintrebaħ u l-Poplu ta’ Alla jsir ħaġa waħda.

 

Il-ħames jum: il-Ħadd 22 ta’ Jannar 2017

Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid. (2 Korintin 5:17)

Pawlu ltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt, u  ġġedded, bħalma jiġri lil kull min jemmen fi Kristu. Din hija realtà tal-fidi. Alla jgħix fina bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu u jippermettilna nissieħbu fil-ħajja tat-Trinità.

B’dan l-att ta’ ħolqien ġdid, il-Waqgħa tal-bidu ntrebħet u dħalna f’relazzjoni ta’ salvazzjoni ma’ Alla. Affarijiet tal-għaġeb jistgħu jingħadu fuqna! San Pawl qal li fi Kristu aħna sirna ħolqien ġdid; permezz tal-Qawmien ta’ Ġesù, il-mewt ġiet mirbuħa; l-ebda persuna jew ħaġa ma tista’ taħtafna minn l-id t’Alla; aħna sirna ħaġa waħda ma’ Kristu u Hu jgħix fina.

Din il-ħajja ġdida ssir viżibbli meta nħalluha tieħu sura u ssir mogħdrija, ħniena, umiltà, ġentilezza u paċenzja. Trid tidher ukoll fir-relazzjonijiet ekumeniċi ta’ bejnietna. Aktar ma nkunu fi Kristu, insiru aktar qrib ta’ xulxin. Din hija konvinzjoni komuni bejn ħafna Knejjes Insara.

 

Illum huwa l-ħdax-il sena mill-Ordinazzjoni Episkopali tal-Isqof Mario Grech. Naħsbu fih fit-talb tagħna.

 

Is-sitt jum: It-Tnejn 23 ta’ Jannar 2017

Alla ħabbibna miegħu. (2 Korintin 5:18)

Ir-rikonċiljazzjoni tistedinna biex nixtiquha: għalina stess, mal-oħrajn, u ma’ dawk ta’ twemmin differenti minn tagħna. Ir-rikonċiljazzjoni tbeżża’ għaliex ikollna bżonn nirrinunċjaw għall-ideat jew għall-pożizzjoni tagħna. Fi Kristu, Alla bl-imħabba kollha li għandu għalina jirrikonċiljana miegħu nnifsu minkejja li aħna konna warrabnieh. Alla jagħmel aktar minn hekk għaliex huwa jirrikonċilja mhux biss l-umanità, imma wkoll jirrikonċilja miegħu stess dak kollu li ġie maħluq minnu.

Il-Knejjes Insara, illum, huma mitluba biex iġibu ’l quddiem ir-riconċiljazzjoni permezz tal-ħbiberija tal-komunitajiet li huma mifrudin u jirreżistu kull forma ta’ mrar bejniethom jew suspett, għaliex aħna lkoll niffurmaw parti mill-patt ta’ Alla mal-bnedmin.

 

Is-seba’ jum: it-Tlieta 24 ta’ Jannar 2017

Il-Ministeru tal-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. (2 Korintin 5:18-19)

Il-ħbiberija bejn Alla u l-bnedmin hija il-qofol tal-fidi Nisranija tagħna. Pawlu kien konvint li l-imħabba ta’ Kristu iġġegħlna nwasslu il-ħbiberija ta’ Alla fl-aspetti kollha ta’ ħajjitna. F’dawn iż-żminijiet dan iwassalna biex neżaminaw il-kuxjenza tagħna fuq id-diviżjonijiet li għadhom jeżistu bejnietna.

Dawk li ħames mitt sena ilu taw sehemhom fir-Riforma bħalma kienu Luteru, Zwingli u Kalvinu u ħafna oħrajn li baqgħu Kattoliċi bħalma kienu Sant’Injazju ta’ Loyola, San Franġisk de Sales u San Karlu Borromeo, għamlu ħilithom biex iwasslu tiġdid fid-dinja tal-punent. Imma dak li kellu jkun grazzja ta’ Alla ġie mħassar bid-dnub uman u minflok seħħet firda fi ħdan il-Poplu ta’ Alla. Mgħejjun bid-dnub u l-gwerer, l-ostilità lejn xulxin u s-suspetti kibru matul is-sekli.

Il-ministeru tal-ħbiberija jinvolvi ħidma kontinwu biex jintrebħu l-firdiet fil- Kristjaneżmu. Illum ħafna Knejjes Insara jaħdmu flimkien b’fiduċja f’xulxin u rispett lejn xulxin.

 

It-tmien jum: l-Erbgħa 25 ta’ Jannar 2017

Il-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu (2 Korintin 5:20)

Min jaf? Min jaf li kieku il-profeziji kollha li hemm fil-Bibbja kellhom iseħħu fil-verità? Min jaf, li kieku l-gwerer bejn in-nies kellhom jieqfu, u dawk l-affarijiet li jagħtu l-ħajja kellhom isiru mill-ġdid mill-materjal użat għall-armi tal-gwerra? Min jaf li kieku l-ġustizzja ta’Alla u l-paċi kellhom jirrenjaw, il-paċi li mhux biss tkun in-nuqqas tal-gwerer? Min jaf jekk l-umanità kollha kellha tingħaqad għal ċelebrazzjoni fejn ħadd ma jkun emarġinat? Min jaf li kieku ma kienx hemm aktar vistu, lanqas dmugħ u lanqas mewt? Din tkun il-quċċata tar-rikonciljazzjoni ma’Alla li ġiet permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kieku din tkun il-vera Ġenna!

Kif nistgħu aħna minn issa stess nagħmlu esperjenza tal-ġenna? Aħna nistgħu niġu mnebbħa biex naqsmu bejnietna aspetti tal-fidi, tal-kultura, poeżiji u kant mit-tradizzjonijiet partikulari tagħna ma’ Nsara oħrajn. Dan il-materjal jista jiftaħ spazju biex nagħmlu esperjenza ta’ fidi komuni waqt li nittamaw fis-Saltna ta’ Alla.

 


ATT PENITENZJALI

(Talbiet tal-maħfra)

Int li tiġborna f’ismek biex nisimgħu l-Kelma
u nissaħħew fil-fidi u l-qdusija: Mulej, ħniena.

 

Int, ta’ qalb ħelwa u umli,
li taf tfejjaq il-ġrieħi tal-firda u l-mibegħda
u tħabbibna ma’ Alla l-Missier: Kristu, ħniena.

 

Int li bl-Ispirtu tiegħek tqanqal il-qlub tal-insara mifrudin
sabiex isiru ambaxxaturi ta’ Kristu
u ministri tar-rikonċiljazzjoni: Mulej, ħniena.

 


TALBIET TAL-FIDILI fil-ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara

 

1. F’din il-ġimgħa dedikata ghall-għaqda fost l-Insara, għinna Mulej nifhmu li inti mitt għal kulħadd, biex lkoll nkunu ħaġa waħda. Nitolbu.

 

2. F’din il-ġimgħa dedikata ghall-għaqda fost l-Insara, għinna Mulej biex noħorġu minna nfusna u nersqu lejn ħutna l-oħrajn fi Kristu, li miet u rxoxta għalina lkoll. Nitolbu.

 

3. Matul din il-ġimgħa, għinna Mulej niftħu qalbna u għajnejna biex inħobbu u naċċettaw lill-Insara kollha u naslu għall-għaqda għall-glorja tiegħek. Nitolbu.

 

4. F’din il-ġimgħa dedikata għall-għaqda fost l-Insara, għinna Mulej biex infejqu il-feriti tal-passat, bierek il-mixja tagħna llum lejn l-għaqda, u mexxina għall-futur, fejn tkun int f’kulħadd. Nitolbu.

 

5. Matul dawn il-jiem ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, għinna Mulej nkissru il-konfini umani tagħna, u niġġeddu b’qalb ġdida biex nirbħu dak kollu li jtellef l-għaqda ta’ bejnietna. Nitolbu.

 


Adorazzjoni Ewkaristika b’tema ekumenika

 

Innu waqt l-Espożizzjoni Ewkaristika

Qarrej 1:

Għażiż Ġesù fl-Ewkaristija, ninsabu miġburin quddiemek biex nagħtuk qima u nadurawk.  Nixtiequ naħsbu fuq il-firdiet fil-Knisja tiegħek, o Ġesù, u nixtiequ nressqu dawn il-ħsibijiet tagħna quddiemek, filwaqt li nitolbuk għall-Insara minn dawn il-Knejjes u Tradizzjonijiet differenti, biex jersqu aktar lejn xulxin, lejn għaqda fl-imħabba.

 

Qarrej 2:

Qari mit-Tieni Ittra lill-Korintin: ( 2 Kor 5, 14-20)

L-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.  Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem.  Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk.  Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.  Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla.  Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.  Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej.

R.  Tifħir lilek Kristu.

 

Issa nagħmlu ftit ħin fis-skiet biex nimmeditaw fuq is-silta li għadna kemm smajna.

 

Silenzju biex nirriflettu, quddiem il-preżenza Ewkaristika ta’ Ġesu Kristu, fuq din is-silta.

 

Qarrej 2:

Ħsieb:  Mulej, aħna u ninsabu quddiemek, nixtiequ nikkontemplaw il-misteru tal-imħabba tiegħek bla tarf.  Inti mitt għall-bnedmin kollha, mhux biss għal dawk li mxew wara t-tagħlim tiegħek.  Aħna, li ma nistgħu noffru xejn, ħlief lilna nfusna, nirringrazzjawk talli tneżżajt minn kollox biex iddaħħal lilna fil-glorja.  Grazzi tal-istedina tiegħek għal sejħa ta’ mod ta’ għajxien ġdid – il-ħajja f’Alla, fejn insibu fiduċja u maħfra.

Skiet

Qarrej 3:

Permezz tal-Qawmien tiegħek mill-imwiet, inti ħlistna mill-jasar tas-suppervja tagħna stess.  Inti, il-Mulej tas-Salvazzjoni (Salm 25, 1), urina t-toroq tiegħek. Urina kif inkunu umli ma’ xulxin.  Urina kif ngħixu f’imħabba ma’ ħutna l-Insara.  Urina kif nuru bil-fatti din l-imħabba tagħna lejn ħutna Nsara.  Għinna niftakru, li ma’ ħutna l-Insara l-oħra, aħna wkoll qegħdin f’pellegrinaġġ fuq din l-art, għalhekk, aħna stess għandna bżonn il-maħfra u l-imħabba.

 

Skiet

 

Jitkanta innu Ewkaristiku.

 

Qarrej 1:

Mulej, inti li ma tħarisx lejn dak li jidher minn barra iżda ġol-qalb, għinna ħalli, bħall-esperjenza li Pawlu kellu fit-triq lejn Damasku, niltaqgħu miegħek aħna wkoll, inkunu kapaċi nibdlu l-perspettiva tagħna, u ninħelsu mill-passat tagħna, minn dak li jagħmilna komdi fil-fidi, mill-mod negattiv kif inħarsu lejn l-Insara ħutna.  Għinna ħalli ninfetħu għall-ħidma tal-Ispirtu ħaj u kreattiv tiegħek.

Skiet

 

Qarrej 2:

Għinna Mulej ħalli nħarsu lejn ommok Marija bħala mudell għalina lkoll.  Għinna ħalli f’din id-dinja mgħaġġla u kompetittiva li qed ngħixu fiha, nkunu kapaċi nirriflettu u niddixxernu dwar il-ħajja tagħna mal-oħrajn, u naraw lilek fihom, qabel kull ħaġa oħra.

Għinna ħalli aħna wkoll nitbattlu minn dak li jxekkilna mill-imħabba vera lejn xulxin: l-egoiżmu, is-suppervja, ir-regħba, ir-rabja, u nilbsu dak li verament isebbaħna: il-virtujiet tal-imħabba, il-mogħdrija, is-sabar.  Fuq kollox, għinna ħalli nkunu verament miftuħin għall-ħniena tiegħek.  B’hekk biss inkunu kapaċi naħfru lil dawk li jonqsuna.  Fuq kollox, għinna ħalli niftakru fl-imħabba bla qjies tiegħek lejna, liema mħabba wasslet biex inti tiċċekken – anzi tixxejjen – għalina, biex treġġagħna lura lejk.  Ta’ min jirrifletti fuq il-kliem mimlija għerf tal-mistika Julian ta’ Norwich: “Alla ħabbna qabel ħalaqna, u l-imħabba tiegħek la qatt naqset, u lanqas qatt mhi ser tonqos.” (Rivelazzjonijiet Divini)

Skiet

Jitkanta innu Ewkaristiku

 

 

Qarrej 1:

Mulej, nitolbuk għall-grazzja tal-fidi fik; fidi li tgħinnna nemmnu fil-maħfra tiegħek lejna. Fiċ-ċokon tagħna, inressqulek dawn it-talbiet tagħna, ċerti li inti tilqagħhom bl-imħabba bla tarf tiegħek.

Nitolbuk, Mulej, għall-Papa Franġisku biex tqawwih bl-Ispirtu Qaddis tiegħek, fil-missjoni tiegħu tar-Ragħaj tal-merħla tiegħek, li b’imħabba kbira, Inti fdajt f’idejh.  Nitolbu.  Ismagħna nitolbuk, Mulej.

Nitolbuk Mulej, għad-dispożizzjoni tagħna biex ninbidlu f’Insara aħjar, biex aħna ma nibżgħux minn dak li ma nafux, iżda bħal Marija ngħidu dejjem “iva” għall-istedina tiegħek.  Nitolbu.  Ismagħna nitolbuk, Mulej.

Mulej, nitolbuk biex aħna nkunu mezz ta’ rikonċiljazzjoni ma’ xulxin, u ma’ ħutna l-Insara.  Fl-istess ħin, għinna biex aħna stess inkunu kapaċi nilqgħu id-don tar-rikonċiljazzjoni tiegħek.  Nitolbu. 

Ismagħna nitolbuk, Mulej.

Nitolbuk Mulej, għall-għaqda fost l-Insara sabiex, filwaqt li jingħelbu il-weġgħat li ħalliet warajhom l-istorja, ikun hemm aktar apprezzament tad-doni speċjali ta’ kull Knisja u tradizzjoni.  Nitolbu. 

Ismagħna nitolbuk, Mulej.

Skiet

Qarrej 2:

Bħala komunità miġbura f’ismek, nitolbuk biex tibgħat fuqna l-Ispirtu s-Santu, biex filwaqt li jġeddidna, inkunu dejjem strumenti tal-glorja tiegħek qalb il-bnedmin stess.  Fawwarna bl-imħabba biex inkunu kapaċi nħobbu lil xulxin, kif għamilt Int stess.  Ammen.

Skiet

Ejjew, issa, inħejju ruħna biex nirċievu l-Barka Ewkaristika.

Innu:  Dal-Misteru ...


L-Appoġġ tal-Arċisqof Mercieca

għall-Missjoni Ekumenika tal-Knisja f’Malta

Dun Hector Scerri

 

Meta ssir valutazzjoni sħiħa tal-Episkopat twil tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, l-emfasi ġustament tmur ġeneralment fuq aspetti li huma magħrufa u, tista’ tgħid fuq fomm kulħadd – ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u l-Istat, il-kwistjonijiet dwar l-isptarijiet, l-iskejjel u l-propjetà tal-Knisja u s-soluzzjonijiet li hu, b’għerf kbir, wasal għalihom, il-lingwaġġ patern tiegħu, is-Sinodu Pastorali, u kemm kien qrib tal-familji, tal-ħaddiema u tal-persuni fi tbatija. Dan, għalhekk, iwassalni biex nitfa’ ħarsti fuq aspetti oħra li ma tantx jissemmew, u li wkoll huma importanti għal valutazzjoni aktar akkurata ta’ episkopat twil. Fost dawn, hemm l-impenn tal-Arċisqof Mercieca għall-ħidma ekumenika.

Inizjattivi konkreti bikrin favur l-ekumeniżmu fl-Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-Moviment Ekumeniku, fuq bażi dinjija, kien ilu ferm li twieled. Iż-żerriegħa ekumenika inizjali ġewwa Malta nżergħet matul l-episkopat tal-Arċisqof Gonzi. Qabel l-episkopat ta’ Monsinjur Mercieca, fil-kamp ekumeniku, sa mill-aħħar tas-snin sittin kien hemm il-ħidma tal-biblisti Mons. Karm Sant (1921-92) u Patri Donat Spiteri O.F.M.Cap. (1922-2011), kif ukoll ta’ Mons. Philip Calleja (1928- ) u l-Kummissjoni Emigranti, u Mons. Charles Vella (1928-  ) u l-Moviment ta’ Kana.

Dak li qabel deher bħala ħidma sporadika, beda jiġi organizzat aħjar, l-aktar bit-twaqqif mill-Arċisqof Mercieca, f’Ottubru 1977, tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana fi ħdan is-Segretarjat għall-Emigrazzjoni u Turiżmu, wieħed mis-sitt Segretarjati Djoċesani li huwa nieda biex tkun organizzata aħjar il-pastorali fl-Arċidjoċesi. Dan huwa indikattiv ta’ kemm l-Arċisqof Mercieca kien jemmen fl-importanza tal-ekumeniżmu: fil-fatt, uffiċjalment waqqaf il-Kummissjoni Ekumenika anqas minn sena wara l-bidu tal-missjoni tiegħu bħala Arċisqof. Bħala l-ewwel Chairman tal-Kummissjoni Ekumenika, l-Arċisqof Mercieca ħatar lil Patri Ugo Cremona O.P. (1936-2014); bħala membri biex jgħinuh, inħatru l-Kan. Ġużepp Debono (1948-  ), Patri Guido Schembri O.F.M. (1923-2012) u Patri Dumink Portelli O.S.A. (1940-2009).

Appena twaqqfet il-Kummissjoni Ekumenika mill-Arċisqof Mercieca, din intefgħet taħdem fuq il-ħolqien ta’ mentalità ekumenika fost il-Kattoliċi Maltin. Matul is-sena 1979, saru diversi laqgħat mill-Kummissjoni Ekumenika mal-ministers Protestanti. Dak iż-żmien saru wkoll bosta taħditiet fuq il-mezzi tax-xandir, u nkitbu xi artikli fil-gazzetti dwar l-ekumeniżmu. Fi tmiem is-snin 70, inbdiet librerija żgħira ta’ riżorsi dwar is-suġġett f’Dar l-Emigrant fil-Belt Valletta. Dik il-ħabta, fil-fatt, Dar l-Emigrant saret iċ-ċentru tal-attività ekumenika fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, tant li saret, “a Christian information centre”.

Kien hemm kuntatti personali pożittivi mal-ministru taċ-Church of Scotland, Rev. Westmarland, kif ukoll ma’ għadd ta’ ministri Anglikani (Strangeways, Evans, Cousins, Woods u Mendel). Kuntatti pożittivi oħrajn li kibru mal-medda taż-żmien kienu dawk bejn il-membri tal-komunità Luterana Evanġelika Ġermaniża.

 

Il-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta (1986-1991)

Kienu diversi l-Pjani Pastorali li saru matul l-episkopat twil tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. F’dak għall-1986-1991, insibu bosta referenzi għall-ekumeniżmu. L-Arċidjoċesi ta’ Malta, fittxet bis-sħiħ u b’impenn qawwi li tpoġġi fis-seħħ dak li l-Konċilju Vatikan II kien qal permezz tad-Digriet Unitatis redintegratio.

Il-Pjan Pastorali daħal f’ħafna dettall fl-oqsma kollha li jittratta. Huwa utli, għall-iskop ta’ dan l-artiklu qasir, li napprezzaw dak li jipproġetta dwar il-missjoni ekumenika tal-Arċidjoċesi. Huwa xhieda wkoll tal-viżjoni pastorali ta’ Monsinjur Mercieca f’dan il-qasam partikulari. Fit-Tieni Kapitlu tal-Pjan, “Riflessjoni Teoloġika-Pastorali fid-Dawl tal-Konsultazzjonijiet”, hemm sezzjoni qasira (3.24) li ġġib l-isem Is-setturi ta’ ħidma pastorali l-aktar urġenti fis-snin li ġejjin. F’rabta ma’ dan, hemm sezzjoni oħra qasira bl-isem Viżjoni universali – spirtu ekumeniku. Hawn naraw il-ħerqa tal-Knisja f’Malta, ftit anqas minn għaxar snin wara li Monsinjur Mercieca beda jmexxi l-Knisja f’Malta, li tkun Knisja estroverta, Knisja li tħares ’il barra u tiddjaloga:

Il-ħerqa missjunarja u l-ispirtu ekumeniku li bihom il-Knisja Maltija tixtieq tagħmel dan kollu ħerġin mill-istess sejħa tagħha bħala Knisja f’għaqda mal-Knisja Universali, is-sejħa li taħdem taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu. (sezz. 3.24)

Huwa impressjonanti d-dettall li fih jidħol il-Pjan dwar il-ħidma ekumenika. Dan jagħmlu fir-Raba’ Kapitlu, dwar it-Tħabbir tal-Kelma. Meta jitkellem dwar il-ħidma ekumenika, jitlaq mill-fatt li l-Maltin ikollhom bosta kuntatti ma’ Nsara li mhumiex Kattoliċi. Dan jiġri jew minħabba s-safar tal-Maltin jew minħabba t-turisti li jżuru pajjiżna. Il-Pjan jisħaq fuq ix-xhieda mogħtija minna l-Maltin (sezz. 5.11).

Id-dokument jisħaq li l-ħidma ekumenika fl-Arċidjoċesi tissaħħaħ u tkun organizzata aħjar. Għaxar snin wara l-ħatra ta’ Monsinjur Mercieca bħala Arċisqof, niltaqgħu, fil-Pjan Pastorali, ma’ lista tal-aktar ħwejjeġ importanti u immedjati quddiem il-Kummissjoni Ekumenika. Dawn l-aspetti huma li l-Kummissjoni:

 

(i)  tagħmel mill-ħidma ekumenika dimensjoni neċessarja tal-katekeżi; l-ekumeniżmu m’għandux jidħol fil-katekeżi, fl-edukazzjoni kattolika u fil-predikazzjoni sempliċement bħala xi referenza ’l hawn u ’l hemm iżda jrid isir tassew ħaġa waħda magħhom;

 

(ii)  iddaħħal enfażi kostanti fuq il-ħtieġa u l-urġenza tal-għaqda tal-insara; il-katekeżi għalhekk trid tnissel fil-Kattoliċi xewqa kbira tal-għaqda tal-insara, xewqa li min-naħa tagħha tnissel sforz ta’ purifikazzjoni fl-umiltà u ħerqa kbira fl-Ispirtu li jitneħħa x-xkiel kollu għall-unità fil-fidi u fl-imħabba;

(iii)  tinteressa l-akbar għadd possibbli ta’ kattoliċi f’ekumeniżmu spiritwali li hu r-ruħ innifisha tal-ekumeniżmu (sezz. 5.12)

F’dan il-programm ta’ ħidma ekumenika, ninnutaw numru ta’ aspetti li jagħtu impronta speċifika lil dan il-qasam fl-episkopat tal-Arċisqof Mercieca. Ninnutaw l-importanza li tingħata lill-katekeżi dwar il-missjoni ekumenika tal-Knisja. Aspett importanti ieħor huwa dak dwar l-ekumeniżmu spiritwali. Huwa pożittiv li l-Pjan jisħaq dwar il-formazzjoni ekumenika tas-saċerdoti u r-reliġjużi ta’ għada (sezz.12.6).

Fiż-żmien wara li daħal fis-seħħ il-Pjan Pastorali 1986-1991, l-Arċisqof Mercieca beda jwaqqaf l-istrutturi kontemplati mill-istess Pjan. Filfatt, huwa ffirma Digriet (fis-16 ta’ Settembru 1988) li permezz tiegħu fformalizza l-ħidma tas-Segretarjat għall-Emigrazzjoni u t-Turiżmu, ħidma li kienet ilha għaddejja snin twal taħt il-kappa tal-Kummissjoni Emigranti sa mis-snin 50. F’dan id-Digriet, insibu dan:

Minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-barranin residenti f’pajjiżna u tat-turisti viżitaturi li jiġu jżuru Malta ma humiex Kattoliċi, u li din il-Kummissjoni jkollha diversi kuntatti mal-Ministri ta’ denominazzjonijiet oħrajn, ma’ din il-Kummissjoni ntrabtu l-ħidmiet għall-Għaqda tal-Knejjes (Ekumeniżmu) u għan-Non-Kristjani.

 

 

Laqgħa Ekumenika waqt iż-Żjara Pastorali tal-Papa Ġwanni Pawlu II

 

Waħda mill-mumenti li jibqgħu mnaqqxin fil-memorja tal-Poplu Malti u Għawdxi hija l-ewwel żjara pastorali li għamel fostna l-Papa Ġwanni Pawlu II f’Mejju 1990. Fl-aħħar jum taż-żjara tiegħu fostna, huwa ħa sehem f’Laqgħa Ekumenika li saret fil-Katidral tal-Imdina.

Dakinhar, saru tliet diskorsi ta’ merħba lill-Papa: dawn saru minn Patri Ugo Cremona O.P., l-Uffiċjal Ekumeniku tal-Arċidjoċesi, Rev. Colin Westmarland, il-ministru ta’ St Andrew’s Scots’ Church, u minn Canon Philip Cousins, il-Kanċillier ta’ St Paul’s Anglican Pro-Cathedral. Fid-diskors tiegħu, Patri Cremona esprima r-realtà tal-esperjenza ekumenika ġewwa Malta. Huwa semma mhux biss il-pożittiv tal-passi li kienu saru, imma wkoll id-diffikultajiet li normalment iqumu, fosthom it-tfixkil minħabba l-preżenza ta’ xi setet.

Dan il-kliem jagħtina stampa ċara tas-sitwazzjoni tal-ekumeniżmu f’Malta fi żmien l- Arċisqof Mercieca. Patri Cremona esprima s-sabiħ tal-progress kbir li kien sar fir-relazzjonijiet bejn il-Knisja Kattolika f’Malta u l-Komunitajiet Protestanti. Interessanti li napprezzaw l-esperjenza tal-aħwa mifrudin. Rev. Westmarland, fil-merħba tiegħu lill-Papa, qal li l-familja ta’ Nsara Presbiterjani u Metodisti kienet ilha preżenti ġewwa Malta għal mija u sittin sena, u li “aħna ma nirċevux ħlief rispett, għożża u għajnuna mill-kleru u l-poplu tal-Knisja ta’ Malta”.

Il-kliem tal-Papa Ġwanni Pawlu II waqt il-laqgħa ekumenika li saret ġewwa l-Imdina fl-aħħar jum taż-żjara pastorali tiegħu ma kienx biss kliem ta’ inkuraġġiment u ta’ viżjoni ekumenika, ħamsa u għoxrin sena wara l-Konċilju, imma wkoll ċertifikat mill-aktar pożittiv għall-missjoni ekumenika tal-Knisja f’Malta waqt l-episkopat tal-Arċisqof Mercieca.

 

 

Is-Snin Disgħin u s-Sinodu Djoċesan ta’ Malta (1999-2003)

 

Avveniment ta’ importanza kbira kienet il-Ħames Laqgħa Internazzjonali ta’ talb għall-paċi li saret ġewwa Malta (8-10 ta’ Ottubru 1991), organizzata mill-Komunità ta’ Sant’Egidio, u li ġabet madwar 300 rapprezentant ta’ reliġjonijiet differenti, kif ukoll membri ta’ Knejjes Insara differenti. Dawn, fl-ispirtu tal-laqgħa ta’ talb għall-paċi msejħa ġewwa Assisi mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1986, iltaqgħu flimkien għall-istess għan. Mill-aspett ekumeniku, kienu numerużi l-mexxejja ta’ Knejjes differenti li ħadu sehem.

Wara ħidma twila fil-kamp ekumeniku, Patri Ugo Cremona O.P. temm dan il-mandat li kien ingħata lilu mill-Arċisqof Mercieca, biex ikun jista’ jiddedika ruħu aħjar għall-ħidmiet oħra pastorali, u għalhekk huwa ħatar, fis-7 ta’ Diċembru 1993, lil Patri Maurice Eminyan S.J. biex ikun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ekumenika. Eminyan li kellu esperjenza twila fid-djalogu ekumeniku, intafa’ b’ruħu u ġismu għal din il-missjoni. Bħall-predeċessur tiegħu, huwa kien jagħti l-pariri meħtieġa lill-Arċisqof Mercieca fir-rigward tal-ekumeniżmu.

Avveniment ieħor ta’ importanza ekumenika, kien meta l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħa sehem fil-Konferenza Ekumenika Internazzjonali fi Graz ġewwa l-Awstrija (23-29 ta’ Ġunju 1997). Għal din il-laqgħa ta’ portata ekumenika straordinarja, Monsinjur Arċisqof kien akkumpanjat minn Eminyan. It-tema tal-laqgħa kienet “Ir-Rikonċiljazzjoni: Don ta’ Alla u Għajn ta’ Ħajja Ġdida”. Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm ir-rikonċiljazzjoni bejn il-Knejjes, il-kulturi, il-popli u r-reliġjonijiet tad-dinja, kif ukoll l-ambjent, id-diversità bijoloġika u l-bidla fil-klima.

L-aħħar snin tal-episkopat tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kienu kkaratterizzati minn ġrajja ekkleżjali ta’ importanza pastorali kbira: is-Sinodu Djoċesan (1999-2003). Hawnhekk, se niffoka fil-qosor fuq xi siltiet mid-Dokumenti tas-Sinodu li jirreferu għall-missjoni ekumenika tal-Knisja.

Id-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan jagħtu direzzjoni pastorali lill-Arċidjoċesi ta’ Malta fil-bidu tal-millennju l-ġdid. Id-Dokument Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni jħeġġeġ lill-membri tal-Knisja f’Malta biex jibnu pontijiet ma’ bnedmin oħra lil hinn minn xtutna. L-istess dokument issuġġerixxa hekk: “Għalhekk biex ngħixu l-komunjoni fuq livell wiesa’ għandna nżommu rabtiet ħajja ma’ Kattoliċi u Nsara oħra barra minn pajjiżna, speċjalment fi gruppi u movimenti internazzjonali” (par.30).

Silta oħra sabiħa mis-Sinodu Djoċesan dwar il-missjoni ekumenika hija dik mid-Dokument Kultura – Soċjetà – Knisja. Din is-silta tfakkarna kemm f’dak li nsibu fil-Pjan Pastorali tal-1986, kif ukoll fid-Diskors li kien għamel il-Papa Ġwanni Pawlu II ġewwa l-Katidral tal-Imdina fl-1990. Il-qofol ta’ dan il-ħsieb huwa r-relazzjonijiet tajbin bejn il-Knisja lokali u Nsara oħrajn, biex tingħata xhieda Nisranija komuni quddiem id-dinja:

 

F’Malta, il-Knisja Kattolika hija l-Knisja tal-maġġoranza, u d-denominazzjonijiet Insara li hawn Malta huma żgħar u l-kongregazzjonijiet tagħhom huma ġeneralment barranin. Flimkien, iżda, irridu nibnu kultura Nisranija. Hemm ħafna modi kif il-Knisja Kattolika tista’ tingħaqad mal-Knejjes u Komunitajiet Insara oħra biex tinħoloq komunità wiesgħa Nisranija u biex dejjem jikber ir-rispett reċiproku. Din tista’ tkun għaqda fil-qima fuq bażi regolari, imma wkoll għaqda mibnija fuq inizjattivi soċjali jew kulturali komuni. Flimkien imbagħad nistgħu nagħtu xhieda ta’ għaqda quddiem reliġjonijiet oħra li mhumiex Insara u quddiem min jistqarr li ma jemmen f’xejn (par.10).

Dan it-test, approvat mill-Arċisqof Mercieca, jitfa dawl fuq ir-relazzjonijiet diġà kordjali bejn il-Kattoliċi Maltin u membri ta’ Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali oħrajn. Ir-rispett reċiproku huwa l-pedament għal mumenti fejn isir talb flimkien, kif ukoll biex isir teaming bejn Insara differenti biex issir djakonija komuni favur il-bniedem fil-bżonn, hu min hu.

 

Konklużjoni

Din il-preżentazzjoni hija xhieda tal-mixja ekumenika li saret f’Malta mis-snin ta’ wara l-Konċilju. Kien matul l-episkopat twil tal-Arċisqof Mercieca li sar ħafna progress fil-qasam ekumeniku. Għalkemm dan sar mingħajr id-daqq ta’ trombi, dan l-artiklu juri kemm saret ħidma, l-aktar minn persuni li kienu konvinti minn dan l-aspett tal-missjoni tal-Knisja post-konċiljari. Għalkemm f’din ir-riċerka ma sibtx diskorsi uffiċjali dokumentati li għamel l-Arċisqof Mercieca dwar l-ekumeniżmu, madankollu huwa dejjem inkuraġġixxa din il-ħidma. L-ospitalità u l-attenzjoni li huwa wera lill-mexxejja ta’ Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali oħra, matul is-snin, huma xhieda mhux biss tal-qalb kbira tiegħu, imma wkoll ta’ kemm kien jemmen fid-djalogu ekumeniku.

 

Ħa Jkunu Lkoll Ħaġa Waħda

Is-Sejħa Ekumenika tal-Knisja – Is-Sejħa Ekumenika Tagħna

May They All Be One

The Church’s Ecumenical Vocation – Our Ecumenical Vocation

DVD ippubblikat mill-Kummissjoni Ekumenika, Malta u

prodott mill-Media Centre, Malta, 2016

Kurja tal-Arċisqof, Floriana