IL-KTIEB TA' GĦANJA TAL-GĦANJIET

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

Titlu u daħla

 

1.  [Għan:1:1] L-Għanja ta' l-Għanjiet ta' Salamun.

 

L-għarusa

 

[Għan:1:2] Ħa jiġi jbusni bil-bewsiet ta' fommu.

Mħabbtek hija oħla mill-inbid;

[Għan:1:3] fwiħatek fihom għaxqa għar-riħa tagħhom,

ismek żejt li jitferragħ,

għalhekk iħobbuk, lilek, ix-xebbiet.

[Għan:1:4] Iġbidni wrajk, ejja niġru!

Lili s-sultan daħħalni ġewwa,

fil-kmamar tiegħu;

ejjew nifirħu, ej' nithennew bik.

Bil-ferħ infakkru mħabbtek

wisq aktar mill-inbid.

Iva, għandhom raġun iħobbuk!

 

L-ewwel taqsima ta l-għanja

 

L-għarusa

 

[Għan:1:5] Jien samra, imma sbejħa,

bniet ta' Ġerusalemm,

bħat-tined ta' Kedar,

bħall-purtieri ta' Salma.

[Għan:1:6] Oh! La tqisux il-lewn samrani tiegħi:

dak għax ħarqitni x-xemx.

L-ulied ta' ommi xegħlu wisq għalija,

ġew iqegħduni għassa fuq id-dwieli,

lili, li d-dielja tiegħi, li hi tiegħi,

għassa tagħha ma qgħadtx!

[Għan:1:7] Inti, li qalbi tħobbok, fittex għidli:

fejn tmur biex tirgħa l-merħla,

fejn, f'nofsinhar, teħodha biex tistrieħ?

Biex ma negħjiex niġġerra

wara l-merħliet ta' sħabek!

 

Il-kor

 

[Għan:1:8] Jekk dan int ma tafux,

l-isbaħ fost in-nisa,

mur mnejn għaddiet il-merħla,

u irgħa l-gidjien tiegħek

ħdejn l-għerejjex  tar-rgħajja.

 

L-għarus

 

[Għan:1:9] Lid-debba tiegħi f'karru tal-Fargħun

                                                                     marbuta

nxebbhek jiena, maħbuba tiegħi.

[Għan:1:10] Ħelwin huma ħaddejk bejn dawk

                                                                   l-imsielet,

għonqok bil-ġiżirani.

[Għan:1:11] Ħnienaq tad-deheb nagħmlulek,

u wkoll żibeġ tal-fidda.

 

Djalogu bejn l-għarajjes

 

[Għan:1:12] Waqt li s-sultan fuq id-divan kien

                                                                     qiegħed,

l-ispika tiegħi tat il-fwieħa tagħha.

[Għan:1:13] Il-maħbub tiegħi borża mirra għalija,

bejn ħobbejja mqiegħda.

[Għan:1:14] Il-maħbuba tiegħi għanqud ward tal-

                                                                         ħenna

fid-dwieli ta' Għajn-geddi.

[Għan:1:15] Kemm int sabiħa, maħbuba tiegħi,

kemm int sabiħa!

Għajnejk qishom ħamiema.

[Għan:1:16] U int, kemm int sabiħ, maħbub tiegħi,

int ħelu tabilħaqq! Tassew, sodditna l-ħdura.

[Għan:1:17] It-travi tad-dar tagħna huma taċ-ċedru,

bis-saqaf taċ-ċipress.

 

2. [Għan:2:1] Jiena r-ranġisa ta' Saron,

il-ġilju tal-widien.

[Għan:2:2] Bħal ġilju qalb ix-xewk,

hekk hi l-maħbuba tiegħi fost ix-xebbiet.

 

[Għan:2:3] Tuffieħa qalb is-siġar tal-foresta

hekk huwa l-maħbub tiegħi qalb iż-żgħażagħ.

Kollni mixtieqa qgħadt bilqiegħda f'dellu,

u ħelu hu l-frott tiegħu għal togħomti.

[Għan:2:4] Daħħalni fil-kantini ta' l-inbid,

l-istendard tiegħu fuqi hi l-imħabba.

[Għan:2:5] Ejjew għinuni bil-ftajjar taż-żbib,

aħjuni bit-tuffieħ,

għax imradt bl-imħabba.

[Għan:2:6] - Bi driegħu tax-xellug iwieżen rasi,

u bil-lemin jgħannaqni.

 

[Għan:2:7] Bniet ta' Ġerusalemm, nitlobkom b'ħerqa,

f'ġieħ l-għażżiela jew iċ-ċriev tar-raba',

la tqajjmux, le, la tqajjmux l-imħabba,

qabel ma jogħġob lilha.

 

It-tieni taqsima ta l-għanja

 

L-għarusa

 

[Għan:2:8] Leħen il-maħbub tiegħi:

arah, hu ġej,

aqbeż fuq il-muntanji,

jitqbeż fuq l-għoljiet.

[Għan:2:9] Il-maħbub tiegħi qisu xi għażżiela,

jew ferħ iċ-ċriev.

Hemm huwa, wieqaf,

wara l-ħajt tagħna,

iħares minn ġot-tieqa,

u jgħarrex wara l-gradi tal-ħadid.

[Għan:2:10] Qabad jitkellem hu, il-maħbub tiegħi,

u qiegħed jgħidli:

"Maħbuba tiegħi, qum,

ejja, sabiħa tiegħi!

[Għan:2:11] Għax, ara, għaddiet ix-xitwa,

spiċċat ix-xita, marret.

[Għan:2:12] Fuq l-art ġa deher il-ward,

iż-żmien ta' l-għana wasal,

fuq artna nstama' leħen il-gamiem.

[Għan:2:13] Diġ beda mit-tin ħiereġ il-frott,

n-nwar tad-dwieli jxerred riħa ħelwa.

Maħbuba tiegħi, qum,

ejja, ġmiel tiegħi!

[Għan:2:14] Ħamiema tiegħi ġewwa x-xquq  tal-blat,

moħbija ġo xi rdum,

urini wiċċek,

semmagħli leħnek,

għax leħnek ħlejju,

u sbejjaħ wiċċek.

[Għan:2:15] Aqbdulna l-volpijiet,

il-frieħ tal-volpijiet,

dawk li jeqirdu d-dwieli,

għaliex id-dwieli tagħna ħarġu n-nwar."

[Għan:2:16] Hu tiegħi l-maħbub tiegħi, jiena tiegħu,

li jirgħa qalb il-ġilji.

[Għan:2:17] Qabel ma taqa' s-sirda

u d-dellijiet jaħarbu,

dur 'l hawn ...! Maħbub tiegħi,

kun ixbah lill-għażżiela,

inkella 'l ferħ iċ-ċriev,

fuq il-muntanji ta' Beter.

 

3. [Għan:3:1] Matul il-lejl fuq soddti

jien fittixt lil dak li qalbi tħobb.

Fittixtu; ma sibtux!

[Għan:3:2] "Ħa nqum, għalhekk, u mmur indur

                                                                    mal-belt,

u fit-triqat u l-pjazez

noqgħod infittex il-maħbub ta' qalbi."

Fittixtu; ma sibtux!

[Għan:3:3] Ltaqgħu miegħi mbagħad in-nies ta'

                                                                    l-għassa,

dawk li mal-belt iduru.

Rajtuh xejn lill-maħbub ta' qalbi?

[Għan:3:4] Bilkemm ilħaqt għaddejthom

li ma sibtx lill-maħbub ta' qalbi.

Żammejtu, u le ma nitilqu,

qabel ma nkun daħħaltu fid-dar t'ommi,

fil-kamra wkoll ta' dik illi nisslitni.

 

L-għarus

 

[Għan:3:5] Bniet ta' Ġerusalemm, nitlobkom b'ħerqa,

f'ġieħ l-għażżiela jew iċ-ċriev tar-raba',

la tqajjmux, le, la tqajjmux l-imħabba,

qabel ma jogħġob lilha.

 

It-tielet taqsima ta l-għanja

 

[Għan:3:6] X'inhuwa dan li tiela' mid-deżert,

bħal sħaba ta' duħħan,

mimli bir-riħa tfuħ ta' mirra u inċens,

b'kull fwieħa tal-merkanti?

[Għan:3:7] Ara, l-lettiga, dik ta' Salamun!

Sittin raġel qalbiena hemm madwarha,

magħżula minn fost l-aqwa ta' Iżrael.

[Għan:3:8] Lkoll kemm huma jħaddmuh sewwa s-sejf

mħarrġin sew fil-gwerra.

Kull wieħed minnhom għandu s-sejf fuq ġenbu,

għall-biża' ta' xi ħasda tul il-lejl.

[Għan:3:9] Is-sultan Salamun għalih innifsu

tron għamel mill-injam tal-Libanu.

[Għan:3:10] Tal-fidda għamilhom il-kolonni tiegħu,

id-dahar u l-ġnub tad-deheb,

is-siġġu ksieh bil-porpra,

l-isfond intarsjat bl-ebbanu ġo fih.

[Għan:3:11] Ejjew, bniet ta' Ġerusalemm, ejjew,

araw, bniet ta' Sijon,

is-sultan Salamun,

b'dik il-kuruna li xidditlu ommu nhar

l-għerusija tiegħu,

fil-jum tal-ferħ ta' qalbu.

 

L-għarus

 

4. [Għan:4:1] Kemm int sabiħa, maħbuba tiegħi,

kemm int sabiħa!

Għajnejk qishom ħamiem

minn wara l-istar tiegħek.

Dak xagħrek merħla mogħoż

imewwġu mal-muntanji ta' Gilgħad.

[Għan:4:2] Dawk snienek qishom merħla nagħaġ

                                                                      imġiżża

telgħin wara l-ħasil.

Kull waħda minnhom hemm tewmija magħha,

ma hemm mingħajrha ebda waħda minnhom.

[Għan:4:3] Ħajta ħamra dagħmiena huma xufftejk,

id-diskors tiegħek ħelu.

Ħaddejk biċċtejn rummien

minn wara l-istar tiegħek.

[Għan:4:4] Għonqok, torri ta' David,

li nbena ħalli fih jintrefgħu l-armi.

Elf tarka hemm fih imdendla,

tarkiet tal-qalbenin, lkoll kemm huma.

[Għan:4:5] Jixbah lil żewġt ifrieħ taċ-ċerva sidrek,

ulied tewmin t'għażżiela,

li jirgħu qalb il-ġilji.

[Għan:4:6] Qabel ma taqa' s-sirda

u d-dellijiet jaħarbu,

lejn il-muntanja rrid immur tal-mirra,

lejn ta' l-inċens l-għoljiet.

 

 

[Għan:4:7] Kollok sabiħa, maħbuba tiegħi,

u tebgħa fik ma hemmx!

 

[Għan:4:8] Ejja minn fuq il-Libanu, għarusa tiegħi,

ejja mil-Libanu għad-daħla tiegħek.

Ħares minn fuq il-qċaċet ta' Amana,

minn fuq dawk ta' Senir u ta' Ħermon,

minn dawk l-għerien tal-ljuni,

muntanji tal-ljupardi.

 

[Għan:4:9] Inti sraqtli lil qalbi, għarusa tiegħi,

inti sraqtli lil qalbi, oħti,

sa b'ħarsa waħda tiegħek,

sa b'waħda biss mill-ġawhar ta' fuq għonqok!

[Għan:4:10] Mħabbtek kemm hi ħelwa,

oħti, għarusa,

kemm hi aħjar imħabbtek mill-inbid!

Riħet fwiħatek oħla minn kull balzmu!

[Għan:4:11] Xufftejk, għarusa tiegħi, iqattru għasel

                                                                            safi,

u taħt ilsienek għasel u ħalib.

Riħet l-ilbiesi tiegħek bħal dik tal-Libanu.

[Għan:4:12] Ġnien magħluq tajjeb int, oħti, għarusa

                                                                         tiegħi,

 ġnien magħluq tajjeb, għajn issiġillata.

[Għan:4:13] Jinbet ġnien tar-rummien minn ilmijietek,

flimkien ma' l-ogħla ħxejjex:

il-ward  tal-ħenna, u l-ispika,

[Għan:4:14] spika u żagħfran,

qasab ifuħ, kannella,

kull siġra ta' l-inċens,

mirra, sabbara,

u l-aqwa balzmi kollha.

[Għan:4:15] Int għajn tal-ġonna,

int ġiebja t'ilma ġieri,

nieżel mil-Libanu!

 

L-għarusa

 

[Għan:4:16] Qum, tramuntana,

riħ isfel, ejja,

onfoħ fuq il-ġnien tiegħi,

ħalli s-siġar tal-balzmu tiegħu jqattru!

Ħa jiġi l-maħbub tiegħi fil-ġnien tiegħu

u jiekol mill-frott tiegħu kollu benna!

 

5. L-għarus

 

[Għan:5:1] Jien ġejt fil-ġnien tiegħi,

oħti, għarusa tiegħi,

niġbor il-mirra tiegħu, u l-balzmu wkoll,

niekol ix-xehda tiegħi, u wkoll l-għasel,

nixrob mill-inbid tiegħi, u l-ħalib tiegħi.

Kulu, ħbieb tiegħi,

għeżież, ixorbu u iskru!

 

Ir-raba taqsima ta l-għanja

 

L-għarusa

 

[Għan:5:2] Jiena rieqda, iva, iżda qalbi tishar.

Leħen il-maħbub tiegħi! Qed iħabbat:

"Oħti, ħabiba tiegħi, ejja iftaħli,

ħamiema tiegħi, int bla nuqqas!

Rasi mimlija nida,

in-nokkli bin-nida ta' billejl."

[Għan:5:3] Jien ġa neħħejt minn fuqi l-libsa tiegħi,

kif nerġa' nxiddha?

Jiena ġa ħsilt riġlejja,

u kif nerġa' nħammiġhom?

[Għan:5:4] Mbagħad il-maħbub tiegħi daħħal idu

mir-rewwieħa tal-bieb;

ħassejt tregħid ġo fija minħabba fih.

[Għan:5:5] Qomt jiena stess niftaħ lill-maħbub tiegħi;

u idejja qattru l-mirra

subgħajja l-mirra safja,

fuq maqbad il-lukkett.

[Għan:5:6]  Lill-maħbub tiegħi jiena stess mort ftaħtlu

iżda l-maħbub kien diġ dar u telaq!

Ħassejtni ruħi ħierġa minħabba fih.

Fittixtu, u ma sibtux,

sejjaħtlu, u ma weġibx!

[Għan:5:7] Ltaqgħu miegħi mbagħad in-nies ta'

                                                                     l-għassa,

dawk li mal-belt iduru,

u tawni s-swat, ġerrħuni,

ħaduli sa l-mantell               

l-għassiesa tas-swar.

[Għan:5:8] Bniet ta' Ġerusalemm, nitlobkom b'ħerqa,

jekk intom issibuh il-maħbub tiegħi,

x'sejrin tgħidulu?

Li mradt  bl-imħabba.

 

Il-kor

 

[Għan:5:9] X'inhu aħjar mill-bqija l-maħbub tiegħek,

l-isbaħ fost in-nisa?

X'inhu aħjar mill-bqija l-maħbub tiegħek,

biex inti qed titlobna hekk bil-ħerqa?

 

L-għarusa

 

[Għan:5:10] Il-maħbub tiegħi abjad u ħamrani,

jagħrfuh fost għaxart elef;

[Għan:5:11] rasu hi deheb mill-ifjen,

bħall-palm in-nokkli tiegħu,

u suwed daqs iċ-ċawl.

[Għan:5:12] Għajnejh bħal ħamimiet

maġenb nixxiegħa ilma,

jinħaslu fil-ħalib,

qegħdin ħdejn fawwara.

[Għan:5:13] Ħaddejh ħmiemel tal-balzmu,

mixtliet ta' ħxejjex ifuħu ħafna.

Xufftejh qishom ġilji,

iqattru mirra safja.

[Għan:5:14] Idejh boċċi tad-deheb,

b'ħaġar għani ta' Tarsis imwaħħal fihom.

U ħdanu biċċa avorju

miksi bis-saffiri.

[Għan:5:15] Riġlejh bħal żewġ kolonni tar-rħam

                                                                          abjad,

mqiegħda fuq sisien ta' deheb mill-ifjen.

Is-sura tiegħu bħal tal-Libanu,

maestuża bħaċ-ċedri.

[Għan:5:16] Kliemu kollu ħlewwa;

u kollox jgħaxxqek fih.

Dan huwa l-maħbub tiegħi, dan ħabibi,

bniet ta' Ġerusalemm.

 

6. Il-Kor

 

[Għan:6:1] Fejn mar il-maħbub tiegħek,

l-isbaħ fost in-nisa?

Fejn mar il-maħbub tiegħek,

biex aħna nfittxuh miegħek?

 

L-għarusa

 

[Għan:6:2] Il-maħbub tiegħi niżel fil-ġnien tiegħu,

ħdejn il-ħmiemel tal-balzmu,

ħalli fil-ġonna jirgħa,

u jaqta' l-ġilji.

[Għan:6:3] Jien tal-maħbub, u tiegħi l-maħbub tiegħi

li jirgħa qalb il-ġilji.

 

Il-ħames taqsima ta l-għanja

 

L-għarus

 

[Għan:6:4] Int ħelwa, bħal Tirsa, maħbuba tiegħi,

inti sabiħa, bħal Ġerusalemm.

[Għan:6:5] Dawwar għajnejk minn fuqi,

għax isaħħruni.

Dak xagħrek merħla mogħoż,

imewwġu mal-muntanja ta' Gilgħad.

[Għan:6:6] Dawk snienek merħla nagħaġ

telgħin wara l-ħasil.

Kull waħda minnhom hemm tewmija magħha,

ma hemm mingħajrha ebda waħda minnhom.

[Għan:6:7] Ħaddejk biċċtejn rummien

minn wara l-istar tiegħek.

[Għan:6:8] Rġejjen hemm sittin,

tmenin hemm konkubini,

xebbiet bla għadd.

[Għan:6:9] Imma waħda biss il-ħamiema tiegħi,

waħda l-perfetta tiegħi.

Hi l-waħdanija t'ommha,

hi biss l-għażiża ta' dik li wilditha.

Rawha x-xebbiet, qalulha li hi hienja,

rġejjen, konkubini, lkoll faħħruha:

[Għan:6:10] "Min hija dik li tielgħa bħaż-żerniq,

sabiħa donnha l-qamar,

tiddi bħax-xemx,

tal-biża' bħall-eżerċtu lest għat-taqbida?"

[Għan:6:11] Fil-ġnien tal-ġewż inżilt,

sabiex inħares lejn tal-wied il-ħdura,

biex nara jekk id-dielja hix qed tarmi,

jekk ir-rummien diġ ħariġx in-nwar.

[Għan:6:12] Jien stess ma nafx, imma refgħetni

                                                                        xewqti

għal fuq il-karru flimkien mal-prinċep.

 

7. Il-Kor

 

[Għan:7:1] Erġ'ejja, erġ'ejja, Sulamija,

erġ'ejja, erġ'ejja, ħalli nħarsu lejk!

 

L-għarus

 

Xi tridu tħarsu lejn is-Sulamija

bħal fżifna ta żewġ kori?

[Għan:7:2] Kemm huma sbieħ riġlejk fis-sandli

                                                                      tiegħek,

bint ta' prinċep!

Id-dawra ta' ġenbejk qisha ħannieqa,

xogħol id wieħed tas-sengħa.

[Għan:7:3] Żokortok tazza tonda,

minn fejn l-inbid imħawwar qatt ma jonqos.

Il-ħodon tiegħek qisu għamra qamħ,

bil-ġilji mdawwar.

[Għan:7:4] Jixbah lil żewġt ifrieħ taċ-ċerva sidrek,

ulied tewmin t'għażżiela,

[Għan:7:5] Dak għonqok qisu torri ta' l-avorju.

Għajnejk donnhom l-għadajjar ta' Ħesbon,

f'bieb Bat-rabbim.

Torri tal-Libanu nqisu mnieħrek,

li qiegħed għassa jħares lejn Damasku.

[Għan:7:6] Rasek 'il fuq, xebbahtha lill-Karmel,

xagħar rasek donnu porpra;

sultan baqa' maqbud fin-nokkli.

[Għan:7:7] Kemm int sabiħa u kemm tassew int ħelwa,

mħabba fost l-għaxqiet!

[Għan:7:8] Fis-sura għolja tiegħek qisek palma,

sdierek l-għenieqed tagħha.

[Għan:7:9] U jien għedt: "Ħa mmur nitla' mat-tamra,

naqbad mal-friegħi tagħha.

Ħa jkunu sdierek bħal għenieqed l-għeneb,

u riħet nifsek tkun bħal tat-tuffieħ;

[Għan:7:10] u t-togħma tiegħek bħall-aħjar inbid?"

 

L-għarusa

 

Hu jinżel sewwa lejn il-maħbub tiegħi

filwaqt li jkun iċarċar

Fuq ix-xufftejn ta dawn li jkunu rieqda.

[Għan:7:11] Jiena tal-maħbub tiegħi

u xewqtu tiġbdu lejja.

[Għan:7:12] Maħbub tiegħi, ejja,

nitilqu lejn l-għelieqi!

Nqattgħu l-lejl  fl-irħula;

[Għan:7:13] għada fil-għodu nbakkru lejn id-dwieli,

ħalli naraw ħariġx l-inwar tad-dielja,

u jekk fetaħx iż-żahar;

jekk ir-rummien huwiex qed jarmi l-ward.

Mbagħad nagħtik imħabbti.

[Għan:7:14] Tfewweġ il-mandragora bil-fwieħa

                                                                        tagħha

kull frott mill-aktar bnin għandna fi bwiebna,

ġdid u qadim,

maħbub tiegħi, jiena rfajtu għalik.

 

8. [Għan:8:1] M'hux li kont ħija,

li rdajt minn sider ommi!

Għaliex jekk barra kont niltaqa' miegħek,

kont nista' nbusek bla ma jregħexni ħadd.

[Għan:8:2] U kont inġagħlek tidħol fid-dar t'ommi,

int kont tħarriġni!

U jiena nbid imħawwar kont nisqik,

għasir ir-rummien tiegħi.

[Għan:8:3] - Bi driegħu tax-xellug iwieżen rasi,

u bil-lemin jgħannaqni.

 

L-għarus

 

[Għan:8:4] Bniet ta' Ġerusalemm, nitlobkom b'ħerqa,

la tqajjmux le, la tqajjmux l-imħabba,

qabel ma jogħġob lilha.

 

Għeluq: Ir-Rabta

 

Il-kor

 

[Għan:8:5] Min hija din li tielgħa mid-deżert,

tielgħa mistrieħa fuq il-maħbub tagħha?

 

L-Għarusa

 

Taħt it-tuffieħa jiena ġejt inqajjmek

hemm fejn nisslitek ommok,

hemm fejn batiet bil-ħlas dik li wilditek.

[Għan:8:6] Qegħedni bħal siġill fuq qalbek,

siġill fuq driegħek.

Għaliex bħall-mewt qawwija l-imħabba;

daqs Art l-Imwiet hi kiefra l-għira;

ix-xrar tagħha xrar tan-nar,

nar tal-Mulej.

[Għan:8:7] Ilmijiet kbar m'huma sa jaslu qatt

biex jitfu l-imħabba,

lanqas ix-xmajjar ma jġorruha magħhom.

Il-bniedem li jrid jagħti

l-ġid kollu ta' daru

biex jixtri l-imħabba

tmaqdir isib.

 

Żjieda

 

[Għan:8:8] Oħtna żgħira, u ħobb ma għandhiex.

X'se nagħmlulha lil oħtna dakinhar li jkun hemm

                                                   min jistaqsi għaliha?

[Għan:8:9] Jekk inhi sur, nibnulha rampa tal-fidda;

jekk inhi bieb, nagħmlulha injam taċ-ċedru.

[Għan:8:10] "Jiena sur, u sidri bħal torrijiet;

ġa sirt f'għajnejh bħal waħda li sabet is-sliem."

 

Id-dwieli ta' Salamun

 

[Għan:8:11] Salamun kellu għalqa tad-dwieli

                                                         f'Bagħal-ħamon;

din l-għalqa ħallieha f'idejn l-għassiesa,

u kull wieħed kellu jagħtih il-frott tiegħu:

elf biċċa tal-fidda.

[Għan:8:12] L-għalqa tiegħi tad-dwieli,

li hi tiegħi, tinsab quddiemi:

Salamun, l-elf biċċa għalik,

u mitejn għal dawk

li jgħassu l-frott tagħha.

 

Il-kunsens

 

[Għan:8:13] Inti li tgħammar fil-ġonna,

sħabi qegħdin b'widnejhom

miftuħa għal leħnek:

semmagħhuli!

 

[Għan:8:14] Aħrab, maħbub tiegħi,

kun ixbah lill-għażżiela,

inkella 'l ferħ iċ-ċriev,

fuq il-muntanji kollhom riħa tfuħ.