IL-KTIEB TAL-PROFETA GĦABDIJA

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. Il-qerda ta' Edom

 

[Għab:1:1] Il-viżjoni ta' Għabdija.

Hekk jgħid Sidi l-Mulej dwar Edom:

Smajna b'aħbar li ġiet mingħand il-Mulej,

u fost il-popli messaġġier intbagħat:

"Qumu! Ejjew inqumu kontrieh!

Għall-gwerra!"

[Għab:1:2] Ara, jien nagħmlek ċkejken fost il-ġnus,

għad tkun imżeblaħ ħafna!

[Għab:1:3] Il-qalb imkabbra tiegħek qarrqet bik,

inti li tgħammar fl-għerien tal-blat,

li għandek l-għamara tiegħek fl-għoli,

inti li f'qalbek tgħid:

"Min se jniżżilni fl-art?"

[Għab:1:4] Mqar jekk tibqa' togħla 'l fuq daqs ajkla,

u fost il-kwiekeb tpoġġi l-bejta tiegħek,

minn hemm ukoll inġarrfek,

oraklu   tal-Mulej.

[Għab:1:5] Jekk jiġu l-ħallelin u jidħlu fuqek,

jew jersqu lejk billejl xi nies ħalliela,

ma kinux forsi lilek jisirqulek

dak biss illi għalihom hu biżżejjed?

Jekk jiġu għandek dawk li jaqtgħu l-għeneb,

m'humiex se jħallu xi tilqit warajhom?

Kif ġejt fix-xejn!

[Għab:1:6] Kemm qallbuh sewwa ta' taħt fuq

                                                                  'l Għesaw,

fittxewlu b'reqqa l-ġid li kellu moħbi!

[Għab:1:7] Qalgħuk 'il barranett, sa tarf pajjiżek,

kull min għamel patt miegħek daħak bik,

ħbiebek għelbuk,

u min kien jiekol miegħek  il-ħobż tiegħek

nasablek xibka taħtek.

M'hemmx għaqal fih!

[Għab:1:8]   U jiena, dakinhar,

oraklu tal-Mulej,

ma neqridhomx l-għorrief minn ġo Edom;

u l-għaqal mill-muntanja ta' Għesaw?

[Għab:1:9] Mbagħad il-qalbenin tiegħek, Teman,

jitwerwru lkoll bil-biża',

għaliex kulħadd jintemm

mill-muntanja ta' Għesaw.

Talli biċċirt [Għab:1:10] u ħqart lil ħuk Ġakobb,

għad tkun miksi bl-għajb,

għal dejjem għad tintemm.

[Għab:1:11] Għax dakinhar inti kont bqajt biered,

xħin ġidu ġarrewhulu l-barranin,

u nies stranġieri bdew deħlin minn bwiebu

u tellgħu x-xorti għal Ġerusalemm;

kont qisek inti nnifsek wieħed minnhom.

[Għab:1:12] Imma tifraħx bil-Jum li ġie fuq ħuk,

Jum l-hemm tiegħu;

u xejn la turi hena b'ulied Ġuda

f'Jum il-qerda tagħhom;

lanqas m'għandek tiftaħar f'Jum id-dwejjaq.

[Għab:1:13] U la tgħaddix minn bieb il-poplu tiegħi

f'Jum l-għawġ tagħhom;

xejn tifraħ int ukoll bi ħsaratu

f'Jum l-għawġ tiegħu;

tmiddx idek fuq ġidu

f'Jum l-għawġ tiegħu;

[Għab:1:14] tiqafx f'salib it-toroq

ħa teqred il-maħrub minnu;              

la terħihomx f'idejn l-għedewwa tagħhom

lil dawk li jibqgħu fih

f'Jum id-dwejjaq.

[Għab:1:15] Għax qrib Jum il-Mulej għall-popli

                                                                       kollha!

Kif għamilt inti, hekk għad jagħmlu lilek,

fuq rasek stess għad jaqa' għemilek.

[Għab:1:16] Għaliex kif mill-muntanja mqaddsa

                                                                         tiegħi

mortu tixorbu intom,

hekk għad jixorbu dejjem il-ġnus kollha:

jixorbu u jlegilgu,

mbagħad ikunu qishom qatt ma kienu.

[Għab:1:17] Iżda fuq il-muntanja ta' Sijon

jibqgħu xi meħlusin,

u hi tkun post qaddis;

u dar Ġakobb tfaqqar lil min faqqarha!

[Għab:1:18] U dar Ġakobb tkun nar,

u dar Ġużeppi tkun xrara,

u dar Għesaw tkun tiben,

u jaħarquhom, iva, jibilgħuhom,

ebda meħlus ma jibqa' f'dar Għesaw:

għax tkellem il-Mulej!

[Għab:1:19] In-nies tan-Negeb jieħdu f'idejhom

il-muntanja ta' Għesaw;

u dawk ta' Sefela,

pajjiż il-Filistin;

il-wita ta' Efrajm taqa' f'idejhom,

u jieħdu dik ta' Samarija wkoll;

u Benjamin jieħu Gilgħad għalih.

[Għab:1:20] L-eżiljati ta' Ħalah, dawn ulied Iżrael,

jieħdu Kangħan għalihom, sa Sarefta;

l-itturufnati ta' Ġerusalemm,

li qegħdin f'Sefarad,

jieħdu l-ibliet tan-Negeb.

[Għab:1:21] U, meħlusin mill-eżilju,

fuq il-muntanja ta' Sijon jitilgħu

biex mill-muntanja ta' Għesaw jagħmlu l-ħaqq.

U tkun imbagħad is-saltna tal-Mulej.