IL-KTIEB TA' ĠEREMIJA

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. Dħul

 

[Ġer:1:1] Il-kliem ta' Ġeremija bin Ħilkija, mill-qassisin li kienu f'Għanatot, fl-art ta' Benjamin. [Ġer:1:2] Il-kelma tal-Mulej ġietu fi żmien Ġosija bin Amon, sultan ta' Ġuda, fis-sena tlittax tas-saltna tiegħu; [Ġer:1:3] ġietu wkoll fi żmien Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, sa tmiem is-sena ħdax tas-saltna ta' Sedekija bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, sa meta n-nies ta' Ġerusalemm ġew eżiljati, fil-ħames xahar.

 

Is-sejħa ta' Ġeremija

 

[Ġer:1:4] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:

[Ġer:1:5] "Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;

qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus."

[Ġer:1:6] Jien weġibt:

"Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir."

[Ġer:1:7] U l-Mulej weġibni: "Tgħidx, 'Għadni żgħir'.

Inti tmur kull fejn nibagħtek,

u tgħid kull ma nordnalek.

[Ġer:1:8] La tibżax minnhom, għax jien miegħek

                                                           biex neħilsek,"

oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:1:9] U l-Mulej ħareġ idu u messli fommi, u qalli l-Mulej: "Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok. [Ġer:1:10] Ara, jiena llum qegħedtek fuq il-ġnus u s-saltniet, biex taqla' u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel."

 

[Ġer:1:11] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: "X'inti tara, Ġeremija?" Jien weġibt: "Qiegħed nara fergħa ta' lewża." [Ġer:1:12] U l-Mulej weġibni: "Sewwa rajt, għax jien inħabrek biex kelmti sseħħ."

 

[Ġer:1:13] U reġgħet ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: "X'inti tara?" U jien weġibt: "Qiegħed nara borma tagħli, u d-dehra tagħha min-naħa tat-tramuntana." [Ġer:1:14] U l-Mulej weġibni: "Mit-tramuntana tfur il-ħsara fuq dawk kollha li jgħammru f'din l-art, [Ġer:1:15] għax, ara, jien se nsejjaħ is-saltniet kollha tat-tramuntana, oraklu tal-Mulej.

U jiġu u kull wieħed minnhom iwaqqaf it-tron tiegħu

                            quddiem il-bibien ta' Ġerusalemm,

u quddiem is-swar tagħha dawramejt,

u quddiem il-bliet kollha ta' Ġuda.

[Ġer:1:16] Jien se nagħmel ħaqq kontriehom

għall-ħażen kollu tagħhom, għaliex huma telquni

u ħarqu l-inċens lil allat oħra,

u taw qima lil għemil idejhom.

[Ġer:1:17] U int ħażżem ġenbejk,

qum u għidilhom kull ma nordnalek.

La tibżax minnhom, għax inkella nbeżżgħek jien

                                                            quddiemhom.

[Ġer:1:18] Arani llum se nagħmel minnek belt

                                                                     fortizza,

kolonna tal-ħadid, ħajt tal-bronż,

kontra l-pajjiż kollu,

kontra s-slaten ta' Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu,

kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż.

[Ġer:1:19] Huma jeħduha kontrik, imma ma

                                                        jagħmlulek xejn,

għax jien inkun miegħek, oraklu tal-Mulej,

biex neħilsek minnhom."

 

2. L-infedeltā ta' Iżrael

 

[Ġer:2:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Ġer:2:2] "Mur u għajjat f'widnejn Ġerusalemm, u għidilha:

'Dan jgħid il-Mulej: ftakart fil-ħlewwa ta' żgħożitek, fl-imħabba ta' l-għerusija tiegħek, meta kont tiġri warajja fid-deżert, f'art mhux miżrugħa.

 

[Ġer:2:3] Iżrael kien ikkonsagrat lill-Mulej, l-ewwel frott tiegħu; dawk kollha li kienu jieklu minnu, kienu jiġbdu fuqhom il-kastig:

il-ħsara kienet taqa' fuqhom," oraklu tal-Mulej.

[Ġer:2:4] Isimgħu l-kelma tal-Mulej, dar Ġakobb, u intom                  il-familji kollha tad-dar ta' Iżrael.

[Ġer:2:5] Dan jgħid il-Mulej:

"X'nuqqas sabu fija missirijietkom biex tbiegħdu

                                                                        minni,

u mxew wara l-frugħa, u saru huma stess frugħa?

[Ġer:2:6] Ma qalux: 'Fejn hu l-Mulej

li tellagħna mill-art ta' l-Eġittu,

li mexxiena fid-deżert,

minn art niexfa u maħruqa,

minn art għatxana u mudlama,

minn art li minnha ħadd ma jgħaddi,

u fiha ma jgħammar ħadd?

[Ġer:2:7] Jien ġibtkom f'art qisha ġnien,

biex tieklu l-frott tagħha

u dduqu l-benna tagħha.

Imma ġejtu u tebbajtuli arti,

waqqajtuli l-wirt tiegħi f'għajb.

[Ġer:2:8] Il-qassisin ma staqsewx: 'Fejn hu l-Mulej?'

L-għorrief tal-liġi ma għarfunix;

ir-rgħajja dinbu kontrija;

il-profeti ħabbru f'isem Bagħal,

u marru wara ħwejjeġ fiergħa.

[Ġer:2:9] Għaliex inżid nitlewwem magħkom,

oraklu tal-Mulej,

u ma' wlied uliedkom.

[Ġer:2:10] Baħħru sal-gżejjer ta' Kittim,

ibagħtu staqsu f'Kedar,

u araw jekk qatt saritx ħaġa bħal din.

 

[Ġer:2:11] Hemm xi ġens li qatt biddel l-allat tiegħu?

- U dawn m'humiex allat!

Iżda poplu tiegħi bidel il-glorja tiegħu max-xejn!

[Ġer:2:12] Stagħġbu smewwiet b'dan,

tkexkxu fuq li tkexkxu, oraklu tal-Mulej.

[Ġer:2:13] Għax tnejn huma d-dnubiet tal-poplu

                                                                        tiegħi:

telqu lili, l-għajn ta' l-ilma ġieri,

biex ħaffru bjar għalihom,

bjar miksura li ma jżommux ilma.

 

[Ġer:2:14] Jaqaw Iżrael xi lsir jew qaddej imwieled

                                                                      fid-dar?

Għaliex, mela, waqa' priża,

[Ġer:2:15] li għaliha jgargru frieħ l-iljuni,

u jsemmgħu leħenhom?

Artu għamluhielu ħerba,

blietu ħarquhomlu, u sfaw bla nies.

[Ġer:2:16] Saħansitra ulied Nof u Taħfanħes

                                                       iqaxxrulek rasek.

[Ġer:2:17] Forsi dan ma ġralekx

għax tlaqt lill-Mulej Alla tiegħek,

meta kien qiegħed imexxik fit-triq?

[Ġer:2:18] U issa għalfejn trid tieħu triq l-Eġittu,

biex tixrob l-ilma tan-Nil?

Għalfejn trid taqbad triq l-Assirja,

biex tixrob l-ilma ta' l-Ewfrat?

[Ġer:2:19] Il-ħażen tiegħek, il-kastig tiegħek;

u ċċanfrek l-infedeltā tiegħek.

Kun af u ara kemm hu ħażin u morr,

li int tlaqt il-Mulej Alla tiegħek;

li ma għandekx aktar twerwir minni,

oraklu ta' Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti.

 

[Ġer:2:20] Ilu żmien issa li int kissirt il-madmad

                                                                     tiegħek,

u ħallejt l-irbit tiegħek,

u għedt: 'Ma nagħtix qima.'

Għax tassew, fuq kull għolja mdaqqsa, taħt

                                                         kull siġra ħadra,

inti mteddejt u żnejt,

[Ġer:2:21] għad li kont ħawwiltek bħala dielja tajba,

bħala żarġun mill-aħjar.

Kif inbdiltli f'siġra ħażina, dielja bagħlija?

[Ġer:2:22] U jekk titnaddaf bis-soder u b'ħafna lissija,

quddiemi tibqa' t-tebgħa ta' dnubietek,

oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Ġer:2:23] Kif tista' tgħid: 'Jien ma tħammiġtx,

ma ġrejtx wara l-Bagħalim'?

ra, il-passi tiegħek fil-wied:

agħraf x'għamilt!

Ġemla ħafifa sserrep triqatha!

[Ġer:2:24] Ħmara selvaġġa mdorrija fid-deżert

b'leblieba fuqha xxomm ir-riħ;

min se jżommha fis-saħna tagħha?

Min ifittixha ma jitħabatx biex isibha:

malajr issibha fix-xahar tagħha!

[Ġer:2:25] Ħares riġlejk mill-ħafa, u griżmejk

                                                         mill-għatx!

Imm'int tgħid: 'Ma jimpurtax!

Jien il-barranin inħobb u warajhom irrid immur!"

 

[Ġer:2:26] Bħalma jirgħex il-ħalliel meta jaqbduh,

hekk għad jiregħxu dar Iżrael:

huma, is-slaten tagħhom u prinċpijiethom,

il-qassisin u l-profeti tagħhom.

[Ġer:2:27] Lil biċċa għuda jgħidulha: 'Int missieri!'

u lill-ġebla: 'Int wilidtni!

Għax huma tawni daharhom,

u ma tawnix wiċċhom!

Imma fi żmien hemmhom jgħajjtu:

'Qum u salvana!'

Ġer:2:28] Fejn huma l-allat li int għamilt?

Ħa jqumu jekk għandhom ħila

jsalvawk fi żmien hemmek!

Għax daqs għadd blietek, allatek, ja Ġuda!

 

[Ġer:2:29] "Għaliex toħduha miegħi?

Lkoll qomtu kontrija,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:2:30] Għalxejn jien drabt 'l uliedek,

it-tagħlima ma ħaduhiex;

ix-xabla tagħkom stess qerditilkom il-profeti,

bħalma jeqred l-iljun il-priża.

[Ġer:2:31] Ja nisel li intom, araw il-kelma tal-Mulej.

Jaqaw kont jien xi deżert għal Iżrael?

Jew xi art mgħargħra fid-dlam?

Għax il-poplu tiegħi qalu:

'Issa ħlisna, għandek aktar ma niġux.'

[Ġer:2:32] Forsi x-xbejba tinsa l-ġawhra tagħha?

jew l-għarusa l-faxxa tagħha?

Imma l-poplu tiegħi nsieni

għal żmien bla qjies.

 

[Ġer:2:33] Kemm taf issibha triqtek,

int u tfittex l-imħabba?

Saħansitra lin-nisa ħżiena

għandek ħila tgħallem triqtek.

[Ġer:2:34] Sa fil-kefef ta' lbiesek

jinsab id-demm ta' nies bla ħtija,

minkejja li ma qbadthomx jisirqu.

[Ġer:2:35] Mbagħad tgħid: 'Jiena bla ħtija!

Iva, il-korla tiegħu tbiegħdet minni.'

Arani, se nġibek għall-ħaqq,

talli int għedt: 'Ma dnibtx.'

[Ġer:2:36] Ah! Kemm waqajt fil-baxx

biex biddilt triqtek!

Quddiem l-Eġittu wkoll għad tħammar wiċċek,

bħalma tħammart quddiem l-Assirja!

[Ġer:2:37] Minn hemm ukoll b'idejk fuq rasek

għad terġa' lura,

għax il-Mulej rema 'l dawk

li fihom qegħedt it-tama tiegħek;

fihom ir-riżq ma ssibx.

 

3.  [Ġer:3:1] "Jekk raġel ikeċċi 'l martu,

u din titbiegħed minnu,

u ssir il-mara ta' raġel ieħor,

jaqaw l-ewwel wieħed se jerġa' lura lejha?

M'hijiex forsi mtebbgħa din l-art?

Int li żnejt ma' ħafna ħbieb,

għandek il-ħila terġa' għal għandi?

Oraklu tal-Mulej.

[Ġer:3:2] Erfa' għajnejk lejn l-għoljiet għerja, u ħares:

fejn ma tbahradtx?

Fit-toroq kont tkun bilqiegħda tistenniehom,

bħal Għarbi fid-deżert.

Int ċappast l-art biż-żína u l-ħażen tiegħek.

[Ġer:3:3] Għalhekk inżammet ix-xita,

u xita mwaħħra naqset ukoll.

Ġbinek, ġbin ta' mara żienja,

u l-mistħija ma ridthiex.

[Ġer:3:4] Mhux issa wkoll issejjaħli: 'Missier!

Int il-ħabib ta' żgħożiti!

[Ġer:3:5] Se tibqa' mgħaddab għal dejjem u

                                               mmasħan  sa l-aħħar?'

Hekk titkellem, imma tibqa' tagħmel ħażen kemm

                                                                        tiflaħ."

 

Ġuda, il-mara infidila

 

[Ġer:3:6] U l-Mulej kellimni fi żmien is-sultan Ġosija: "Rajt x'għamlet Iżrael ta' rasha iebsa? Marret fuq kull muntanja għolja u qagħdet tiżni taħt kull siġra ħadra. [Ġer:3:7] U jien għedt:'Wara dan kollu li għamlet għad terġa' lura għal għandi.' Imma hi ma reġgħetx lura, u rat dan kollu oħtha Ġuda, l-infidila. [Ġer:3:8] Rat li, minħabba l-adulterji kollha li waqgħet fihom Iżrael ta' rasha iebsa, jien bgħattha 'l barra u tajtha l-kitba tad-divorzju. Madankollu oħtha, Ġuda l-infidila, ma beżgħetx; telqet u żniet hi wkoll. [Ġer:3:9] Miġbuda minn żinitha ħammġet l-art u żniet  mal-ġebel u l-għewied. [Ġer:3:10] U wara dan kollu Ġuda l-infidila ma reġgħetx lura lejja minn qalbha, imma taparsi," oraklu tal-Mulej.

 

Sejħa għall-konverżjoni

 

[Ġer:3:11] U l-Mulej qalli: "Iżrael, ta' rasha iebsa, ġusta aktar minn Ġuda l-infidila! [Ġer:3:12] Mur u xandar dan il-kliem lejn it-tramuntana u għid:

 

'Erġa' lura, ja Iżrael ta' rasha iebsa, oraklu tal-Mulej.

Ma nħarisx aktar b'wiċċ imqarras lejk,

għax jien ħanin,

oraklu tal-Mulej.

Ma nżommx il-korla għal dejjem.

[Ġer:3:13] Agħraf biss ħżunitek,

għax int qomt kontra l-Mulej, Alla tiegħek,

xerridt imħabbtek mal-barranin

taħt kull siġra tħaddar,

u minn kliemi ma ridtx tisma'!

Oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:3:14] Erġgħu lura, ulied ribelli, oraklu tal-Mulej, għax jiena Sidkom. U neħodkom, wieħed minn belt u tnejn minn kull familja, u ndaħħalkom f'Sijon. [Ġer:3:15] U nagħtikom rgħajja għal qalbi, li jirgħu bl-għerf u l-għaqal.

 

[Ġer:3:16] Meta intom toktru u tnisslu fuq l-art f'dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej, ħadd ma jitkellem aktar fuq l-arka tal-patt tal-Mulej, ma jaħsibx aktar fuqha, u ma jiftakarx fiha, ma jibkuhiex, u ma jagħmlux oħra. [Ġer:3:17] F'dak iż-żmien isejjħu 'l Ġerusalemm: 'It-tron tal-Mulej', u jinġabru fiha l-ġnus kollha għal isem il-Mulej, u ma jimxux aktar ma' l-ebusija ta' qalbhom il-ħażina.

 

[Ġer:3:18] Dak iż-żmien tmur dar Ġuda f'dar Iżrael, u flimkien jiġu mill-art tat-tramuntana fl-art li jien tajt b'wirt lill missirijiethom.

 

[Ġer:3:19] U jien għedt: 'Kemm nixtieq inqiegħdek

                                                                  fost uliedi,                         

u nagħtik art li tgħaxxaq,

l-isbaħ fost l-isbaħ wirt tal-ġnus.'

Jien għedt: 'Missier issejjaħli, u minn warajja

                                                            ma twarrabx.'

[Ġer:3:20] Iżda bħalma mara tqarraq b'seħibha,

hekk intom, dar Iżrael, qarraqtu bija,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:3:21] Fuq l-għoljiet għerja jinstama' leħen,

leħen il-biki u l-krib ta' wlied Iżrael,

għax għawwġu triqithom,

nsew lill-Mulej Alla tagħhom.

[Ġer:3:22] Erġgħu lura, ulied ribelli,

jiena nfejjaqkom mill-ħsara tat-telfa tagħkom.'

 

'Arana ġejjin għandek,

għax int il-Mulej Alla tagħna!

[Ġer:3:23] Tassew qerq huma l-għoljiet,

u t-tbahrid fuq  il-muntanji.

Tassew, fil-Mulej Alla tagħna

hemm is-salvazzjoni ta' Iżrael.

[Ġer:3:24] L-għajb ta' l-allat sa minn żgħożitna

kiel il-frott ta' xogħol missirijietna:

l-imrieħel tagħhom u l-baqar tagħhom,

is-subjien tagħhom u l-bniet tagħhom.

[Ġer:3:25] Ħa nimteddu fl-għajb tagħna, u ninksew

                                                               bil-mistħija,

għax dnibna kontra l-Mulej Alla tagħna,

aħna u missirijietna, sa minn żgħożitna sa llum.

Ma smajniex minn kelmet  il-Mulej, Alla tagħna.'

 

4. [Ġer:4:1] Jekk trid terġa' lura, Iżrael,

oraklu tal-Mulej,

erġa' ejja għandi.

Jekk inti twarrab qżiżijietek minn quddiemi,

ma jkollokx għalfejn titbiegħed minni;

[Ġer:4:2] u jekk taħlef: 'Daqs kemm hu ħaj il-Mulej'

il-veritā, bis-sewwa u bil-ġustizzja,

mbagħad jitbierku bih il-ġnus u bih jiftaħru.

 

[Ġer:4:3] Għax dan jgħid il-Mulej lin-nies ta' Ġuda u lil Ġerusalemm:

'Aħdmu r-raba' mitluq, u tiżirgħux qalb l-għollieq.

[Ġer:4:4] Inħatnu għall-Mulej, neħħu l-ħliefa ħażina ta' qalbkom, nies ta' Ġuda, u intom li tgħammru f'Ġerusalemm li ma toħroġx qillti bħan-nar, u tħeġġeġ bla ma jitfiha ħadd, minħabba l-ħażen ta' għemilkom.'

 

Il-qerried mit-tramuntana: il-Kaldin

 

[Ġer:4:5] Ħabbru f'Ġuda, semmgħu f'Ġerusalemm,

                                                                     u għidu:

Doqqu t-tromba fil-pajjiż,

għajjtu b'kemm għandkom ħila u għidu,

'Inġabru ħalli nidħlu fi bliet bis-swat.'

[Ġer:4:6] Għollu bandiera lejn Sijon,

fittxu l-kenn, la titnikkrux,

għax se nġib il-ħsara mit-tramuntana,

u qerda kbira.

[Ġer:4:7] Qabeż l-iljun mill-masġar tiegħu,

qam il-qerried tal-ġnus u ħareġ mill-bejta tiegħu,

biex minn artek jagħmel ħerba,

jiġġarrfu blietek u jisfaw bla nies.

[Ġer:4:8] Għalhekk tħażżmu bix-xkejjer,

ibku u ixhru,

għax il-qilla ta' għadab il-Mulej

ma warrbitx minn fuqna.

 

[Ġer:4:9] U jiġri dakinhar,

oraklu tal-Mulej,

jaqta' qalbu s-sultan,

jaqtgħu qalbhom il-prinċpijiet,

jibqgħu miblugħa l-qassisin

u mistagħġba l-profeti.

[Ġer:4:10] Jien għedt: "Ah! Sidi Mulej!

Mela inti dħakt b'dan il-poplu u b'Ġerusalemm,

meta int għedtilhom: 'Sliem ikollkom',

waqt li nifditna sa ruħna x-xabla!"

 

[Ġer:4:11] Dak iż-żmien għad jgħidu lil dan il-poplu

u 'l Ġerusalemm:

"Riħ jikwi ġej mill-għoljiet tad-deżert,

lejn bint il-poplu tiegħi,

mhux biex iderri, lanqas biex inaddaf.

[Ġer:4:12] Riħ qawwi jqum għall-kelma tiegħi;

u issa jien ukoll inlissnilkom is-sentenza."

[Ġer:4:13] Arah tiela' bħas-sħab,

bħar-riefnu l-imriekeb tiegħu;

eħfef mill-ajkli ż-żwiemel tiegħu.

Jaħasra għalina għax mitlufin.

[Ġer:4:14] Naddaf, Ġerusalemm, 'il qalbek

                                                                 mill-ħażen,

biex tkun tista' ssalva.

Kemm se jdumu jbejjtu f'qalbek

il-ħsibijiet mgħawwġa tiegħek?

[Ġer:4:15] Għax hemm leħen iħabbar minn Dan,

u jxandar il-ħsara mill-għoljiet ta' Efrajm.

[Ġer:4:16] Għidu lill-ġnus, araw, ħabbru dwar

                                                             Ġerusalemm:

"Minn art imbiegħda ġejjin jaħbtu għalik,

jgħajjtu kontra l-ibliet ta' Ġuda;

[Ġer:4:17] għax bħal għases ir-raba'

dawwruha minn kull naħa

għax qamet kontra tiegħi,"

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:4:18] Mġibtek u għemilek għamlulek dan:

dan hu l-qligħ tal-ħażen tiegħek, kollu mrar;

u nifidlek sa ġo qalbek.

 

[Ġer:4:19] Ajma l-ġewwieni, il-ġewwieni tiegħi!

Ajma l-għeruq ta' qalbi!

Qalbi tħabbat qawwi,

u niskot ma nistax.

Għax leħen it-tromba smajt,

is-sejħa għall-gwerra.

[Ġer:4:20] Qerda fuq qerda jħabbru.

L-art kollha ħerba,

f'waqt wieħed l-għerejjex tiegħi tħarbtu,

f'tebqa ta' għajn it-tined tiegħi.

 

[Ġer:4:21] Kemm se ndum nara l-istendard,

nisma' leħen it-tromba?

[Ġer:4:22] "Tassew bla moħħ il-poplu tiegħi,

lili ma jagħrfunix;

ulied boloh, ulied bla għaqal huma;              

il-ħażen jinqalgħu biex jagħmluh;

jagħmlu t-tajjeb ma jafux."

[Ġer:4:23] Ħarist lejn il-pajjiż,

u arah, taħwid u baħħ;

lejn is-smewwiet,

u ma kienx hemm dawl.

[Ġer:4:24] Ħarist lejn l-iġbla,

u arahom jitheżhżu,

u l-għoljiet kollha jitriegħdu,

[Ġer:4:25] Ħarist, u ara, ebda bniedem ma kien

                                                                       hemm,

u t-tjur tas-sema kollha ħarbu.

[Ġer:4:26] Ħarist, u arah ir-raba' jsir deżert,

u blietha kollha jiġġarrfu,

quddiem il-Mulej,

quddiem is-saħna ta' għadbu.

 

[Ġer:4:27] Għax dan qal il-Mulej:

"Ħerba l-art kollha ssir,

imma għalkollox ma neqridhiex.

[Ġer:4:28] Għalhekk titnikket l-art,

u jiddallmu s-smewwiet fil-għoli,

għax jien tkellimt, u qtajtha,

ma nitbiddilx, ma nerġax lura."

[Ġer:4:29] Mill-għajat tar-rikkieba u l-arċieri,

taħrab kull belt,

jinħbew fl-imsaġar,

u jixxabbtu mal-blat.

Kull belt mitluqa,

m'hemm ħadd li jgħammar fihom.

 

[Ġer:4:30] U int imħarbta x'se tagħmel?

Mqar jekk tilbes l-iskarlatt,

tiżżejjen bid-deheb, tkabbar għajnejk biż-żebgħa,

għal xejn tiżżejjen!

Ħbiebek stmerrewk,

lil ħajtek qegħdin ifittxu.

[Ġer:4:31] Iva, qiegħed nisma' l-krib ta' mara fil-ħlas,

l-għajta ta' mara fl-ewwel ħlas,

l-għajta ta' bint Sijon b'nifisha maqtugħ,

tgħolli dirgħajha: "Jaħasra għalija!

Mifnija qalbi quddiem il-qattiela."

 

5. Il-korruzzjoni tal-poplu

 

[Ġer:5:1] Duru mat-triqat ta' Ġerusalemm,

araw u ifhmu.

Fittxu  fl-imsieraħ tagħha,

araw jekk issibux bniedem,

jekk hemmx min jagħmel is-sewwa,

li jfittex li jkun fidil, u jien naħfrilha.

[Ġer:5:2] Mqar jekk jgħidu: "Daqskemm hu ħaj

                                                                    il-Mulej,"

xorta waħda jaħilfu fil-falz.

[Ġer:5:3]  O Mulej, jaqaw għajnejk mhux is-sewwa

                                                                        jfittxu?

Iva sawwatthom u ma ħassew xejn;

fnejthom u t-tagħlima ma ħaduhiex.

Webbsu wiċċhom aktar mill-blat,

u ma riedu jerġgħu lura b'xejn.

[Ġer:5:4] U jiena ħsibt:

'Huma l-baxxi biss li tbellhu,

għax ma għarfux triq il-Mulej,

id-dritt ta' Alla tagħhom.

[Ġer:5:5] Ħa ndur lejn l-għoljin

u nkellem lilhom.

Għax huma jafu triq il-Mulej,

id-dritt ta' Alla tagħhom.'

 

Imma huma lkoll kissru  l-madmad,

qattgħu l-irbit.

[Ġer:5:6] Għalhekk jidrobhom l-iljun mill-foresta;

jeqridhom il-lupu mid-deżert;

jissajjalhom il-ljupard madwar bliethom,

lil kull min joħroġ minnhom jiżbranah;

għax kotru żżejjed dnubiethom,

u rashom webbsu fit-tixwix tagħhom.

 

[Ġer:5:7] "Għax għandi naħfirlek dan?

Telquni wliedek,

u bdew jaħilfu b'min m'hux Alla.

Tmajthom u żnew,

u bi ħġarhom marru f'dar iż-żienja.

[Ġer:5:8] Saru bħal fħal mitmugħa u mlebilba,

kulħadd jingħi għal mart għajru.

[Ġer:5:9] Għal dan kollu ma nikkastigahomx?

Oraklu tal-Mulej.

Minn poplu bħal dan ma nitħallasx?

[Ġer:5:10] Itilgħu għall-indani tagħha,

ħarbtuhom, iżda mhux għalkollox;

aqilgħu ż-żraġen tagħha,

għax m'humiex tal-Mulej.

[Ġer:5:11] Għax qamu bil-kbir kontrija,

dar Iżrael u dar Ġuda,"

oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:5:12] Gibbdu lill-Mulej u qalu:

"M'hu xejn!

Ebda ħsara ma tilħaqna,

xabla u ġuħ ma narawhomx."

[Ġer:5:13] Riħ huma  l-profeti,

kelma fihom m'hemmx.

Dan għad jiġrilhom!"

 

[Ġer:5:14] Għalhekk dan jgħid il-Mulej,

Alla ta' l-eżerċti:

"Talli għedtu dal-kliem,

arani, se nagħmel nar minn kelmti fuq xufftejk,

u minn dan il-poplu l-ħatab biex jikkunsmah.

 [Ġer:5:15] Arawni, se nġib fuqkom, Dar Iżrael,

ġens mill-bogħod,

oraklu tal-Mulej,

ġens li jibqa', ġens li ilu,

ġens li int ma tafx ilsienu,

u ma tifhimx li jgħid.

[Ġer:5:16] Qabar miftuħ il-barżakka tiegħu,

kollu nies qalbiena.

[Ġer:5:17] U jikollok il-ħsad u l-ħobż,

jikollok is-subjien u l-bniet,

jikollok l-imrieħel u l-baqar

jikollok id-dwieli u  t-tin.

Jeqirdulek bix-xabla l-ibliet imdawwra

li fihom int qegħedt tamietek.

 

[Ġer:5:18] "Imma lanqas f'dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej, ma neqridkom għalkollox. [Ġer:5:19] U meta jistaqsu: 'Għaliex il-Mulej Alla tagħna għamlilna dan kollu,' int tweġibhom: 'Bħalma intom tlaqtuni u qdejtu allat barranin f'artkom, hekk issa intom taqdu l-barranin f'art m'hijiex tagħkom.' "

 

L-agħma spiritwali

 

[Ġer:5:20] Ħabbru dan f'dar Ġakobb,

u semmgħuh f'Ġuda, u għidu:

[Ġer:5:21] "Isimgħu dan, ja poplu iblah u bla moħħ!

Għandhom għajnejn u ma jarawx;

għandhom widnejn u ma jisimgħux.

[Ġer:5:22] Ma tibżgħux minni, oraklu tal-Mulej,

ma titregħdux quddiem wiċċi?

Jien li għamilt ir-ramel b'tarf il-baħar,

barriera għal dejjem li ma jaqbiżhiex;

jitqanqlu l-imwieġ bla ma jegħlbuha

u jgargru l-ħalel bla ma jaqbżuha.

 

[Ġer:5:23] Imma dan poplu stinat, ma jismax,

tawni daharhom u telquni.

[Ġer:5:24] Ma qalux f'qalbhom:

'Ħa nibżgħu mill-Mulej, Alla tagħna,

li jagħtina x-xita f'waqtha,

l-ewwel xita u dik ta' l-aħħar;

li waqqfilna l-ġimgħat tal-ħsad u ħarishomlna.'

[Ġer:5:25] Dan kollu begħduhulkom dnubietkom,

 ħżunijietkom ċaħħdukom minn dan il-ġid.

 [Ġer:5:26] Għax hemm il-ħżiena fost il-poplu tiegħi,

jissajjaw bħal nassâb,

u jqiegħdu n-nassa u n-nies jaqbdu.

 

[Ġer:5:27] Bħal qafas bl-għasafar mimli,

hekk djarhom mimlija serq.

Għalhekk kibru u stagħnew;

[Ġer:5:28] simnu u tlibbsu sabiħ.

Issa għamlu ż-żejjed ħażen;

ma jagħmlux il-ħaqq,

id-dritt ta' l-iltim jisħqu,

u l-kawża tal-fqar ma jaqtgħux.

 

[Ġer:5:29] U għal dan kollu ma nikkastigahomx?

Oraklu tal-Mulej.

U minn poplu bħal dan ma nitħallasx?

[Ġer:5:30] Ħwejjeġ li jkexkxu u jwerwru ġraw fil-pajjiż:

 [Ġer:5:31] Il-profeti jħabbru l-gideb,

u l-qassisin imexxu skond kapriċċihom,

u l-poplu tiegħi hekk iħobb!

X'se tagħmlu meta t-tmiem jasal?

 

6. L-għadu wara l-bieb

 

[Ġer:6:1] Oħorġu għall-kenn lil ulied Benjamin,

minn nofs Ġerusalemm!

Doqqu t-tromba f'Tekugħa,

u fuq Bet-kerem tellgħu sinjal,

għax ġejja  l-ħsara mit-tramuntana,

u l-qerda kbira riesqa.

[Ġer:6:2] Neqridha 'l Bint Sijon,

ix-xbejba mħejjma u sabiħa.

[Ġer:6:3] Jiġu r-rgħajja għaliha bl-imrieħel tagħhom;

kontrieha jwaqqfu l-għerejjex dawramejt,

kull wieħed jirgħa fil-qasam tiegħu.

[Ġer:6:4] "Tħejju għall-battalja kontrieha,

qumu u nitilgħu f'nofsinhar.

Jaħasra għalina, il-jum riesaq lejn tmiemu;

u d-dellijiet ta' filgħaxija twalu.

 

[Ġer:6:5] Qumu u nitilgħu billejl

u neqirdulha l-palazzi!"

[Ġer:6:6] Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:

"Qaċċtu s-siġar tagħha;

tellgħu ħajt madwar Ġerusalemm.

Din il-belt mogħtija għall-kastig;

fiha m'hemmx ħlief moħqrija.

[Ġer:6:7] Bħalma bir ifawwar ilmijietu,

hekk hi tfawwar ħżunietha.

Ma tismax fiha ħlief: 'Vjolenza u moħqrija

quddiemi ma nilmaħx ħlief mard u ġrieħi.'

 

[Ġer:6:8] Tgħallem Ġerusalemm,

li ma tmurx qalbi titbiegħed minnek;

li ma nagħmilx minnek ħerba,

art li ma jgħammar fiha ħadd."

[Ġer:6:9] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:

"Laqqtu, laqqtu bħallikieku minn dielja,

il-fdal ta' Iżrael,

midd idejk fuq il-friegħi bħal min jiġbor l-għeneb."

[Ġer:6:10] Lil min se nkellem?

Lil min inwiddeb li jismagħni?

Bla ħtin widnejhom,

u ma jistgħux jisimgħu.

Araw, il-kelma tal-Mulej żebliħ għalihom,

gost biha ma jeħdux!

 

[Ġer:6:11] Jien nixgħel b'għadab il-Mulej,

ma niflaħx aktar!

"Ferrgħu fuq it-tfal fit-triq,

u fuq iż-żgħażagħ miġbura flimkien,

għax ir-raġel u l-mara jinħatfu f'salt,

ix-xiħ u l-mimli bl-għomor.

[Ġer:6:12] U djarhom jaqgħu f'idejn il-barranin

bir-raba' u n-nisa tagħhom f'daqqa.

Għax immidd idejja

fuq in-nies ta' dal-pajjiż,"

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:6:13] Miż-żgħir sal-kbir,

lkoll ħsiebhom fis-serq,

mill-profeta sal-qassis,

lkoll mogħtija għall-qerq.

[Ġer:6:14] U jippretendu li jdewwu l-ġerħa

                                                         tal-poplu tiegħi

bħallikieku xejn u jgħidu:

"Sliem, Sliem" u m'huwa sliem xejn.

[Ġer:6:15] Forsi stħaw meta għamlu l-qżiżijiet?

Ma stħaw xejn;

lanqas biss jafu jiħmaru.

Għalhekk għad jaqgħu ma' dawk li diġā waqgħu,

jiġġarrfu f'jum kastighom,

jgħid il-Mulej.

[Ġer:6:16] Dan jgħid il-Mulej:

"Ieqfu fit-toroq u ħarsu,

staqsu għall-mogħdijiet ta' dari,

fejn hi t-triq it-tajba u aqbdu lilha,

u hekk issibu l-mistrieħ għal ruħkom!"

Imma huma wieġbu: 'Fiha ma nimxux.'

[Ġer:6:17] Jien qegħedt fuqhom l-għassies u għedtilhom:

Agħtu widen għal leħen it-tromba.'

U huma wieġbu: 'Ma rridux nagħtu widen.'

 

[Ġer:6:18] Għalhekk ħa jisimgħu l-ġnus,

u tifhem il-ġemgħa x'se jiġri fosthom.

[Ġer:6:19] Isma', art!

Arani, se nġib fuq dan il-poplu ħsara,

frott ta' fehmiethom.

Għax ma tawx widen għal kliemi

u l-liġi tiegħi ċaħduha.

[Ġer:6:20] X'jiswieli l-inċens ġej minn Saba?

U l-kannella tfuħ minn art imbiegħda?

Is-sagrifiċċji tal-ħruq tagħkom ma jogħġbunix,

u l-vittmi tagħkom ma jgħaxxqunix.

[Ġer:6:21] Għalhekk dan jgħid il-Mulej:

'Arawni: jien se nqiegħed it-tfixkil għal dan il-poplu,

biex fih jitfixklu żgur,

il-missirijiet u wliedhom flimkien,

il-ġar u sieħbu jinqerdu.'

[Ġer:6:22] Dan jgħid il-Mulej.

Araw! għad jiġi poplu mit-tramuntana,

u ġens kbir jitqanqal minn truf l-art.

[Ġer:6:23] Il-qaws u l-lanza jaqbdu,

qalila u bla ħniena huma;

ħosshom ikarwat bħal baħar,

riekba fuq iż-żwiemel,

lesti għat-taqtigħa

kontrik, Bint Sijon.

[Ġer:6:24] Smajna bil-fama tagħhom,

u idejna ntelqu,

u qabditna d-diqa,

u l-uġigħ ta' mara fil-ħlas.

[Ġer:6:25] Toħorġux fir-raba',

tmorrux fit-triq,

għax hemm ix-xabla ta' l-għadu,

u t-twerwir ma' kullimkien.

[Ġer:6:26] Bint il-poplu tiegħi, ilbes ix-xkora,

u tqalleb fl-irmied.

Agħmel il-luttu bħallikieku għal iben waħdieni,

ibki bl-imrar;

għax għal għarrieda fuqna

ġej il-qerried.

[Ġer:6:27] Jien qegħedtlek bħal ġarrâb fost il-poplu

                                                                        tiegħi,

biex int tistħarreġ u ġġarrab imġibthom,

[Ġer:6:28] lkoll kemm huma ribelli fuq li ribelli,

mhux ħlief ixerrdu l-qlajja'.

Ram u ħadid, lkoll imħassra.

[Ġer:6:29] Jonfoħ bil-qawwa l-minfaħ,

u r-ram jintemm bin-nar;

xejn ma jiswa t-tidwib,

il-ħżiena ma tnaqqewx.

[Ġer:6:30] 'Fidda mormija' jsejjħulhom,

għax irmiehom il-Mulej.

 

7. It-tama fiergħa fit-tempju

 

[Ġer:7:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej: [Ġer:7:2] "Mur oqgħod f'bieb it-tempju tal-Mulej u hemmhekk xandar din il-kelma u għid: 'Isimgħu l-kelma tal-Mulej, nies kollha ta' Ġuda, intom li tidħlu minn dawn il-bibien biex tinxteħtu taduraw il-Mulej. [Ġer:7:3] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Tejjbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u jiena nħallikom tgħixu f'dan il-post. [Ġer:7:4] Isserrħux raskom bi kliem qarrieq, u tgħidu: hawn hu t-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej. [Ġer:7:5] Għax jekk tassew ittejjbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, jekk tassew tagħmlu l-ġustizzja bejn bniedem u sieħbu, [Ġer:7:6] jekk ma taħqrux il-barrani, l-iltim u l-armla, u ma xxerrdux demm bla ħtija f'dan il-post, u ma tmorrux wara allat oħra bi ħsara għalikom stess, [Ġer:7:7] jiena nħallikom tgħixu f'dan il-post, fl-art li tajt lil missirijietkom minn dejjem għal dejjem.

 

[Ġer:7:8] "Imma intom isserrħu raskom bi kliem qarrieq u bla fejda; [Ġer:7:9] tisirqu, toqtlu, taqgħu fiż-żína, taħilfu fil-falz, taħarqu l-inċens quddiem Bagħal, tmorru wara allat oħra li ma tafuhomx, [Ġer:7:10] u mbagħad tiġu u tieqfu quddiemi f'din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, u tgħidu: 'Aħna salvi,' mhux ħlief biex tissuktaw f'dawn l-għemejjel mistkerrha kollha. [Ġer:7:11] Huwa din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, saret xi għar tal-ħallelin f'għajnejkom? Araw, dan rajtu jiena nnifsi, oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:7:12] "Morru fil-post li kelli f'Silo, fejn fil-bidu qegħedt ismi jgħammar fih, araw x'għamiltilha minħabba l-ħażen tal-poplu tiegħi Iżrael! [Ġer:7:13] U issa, għax għamiltu dawn l-għemejjel kollha, oraklu tal-Mulej, u ma ridtux tisimgħu meta ħabrikt biex inkellimkom, u ma weġibtux meta sejjaħtilkom, [Ġer:7:14] jiena se nagħmel ma' dan is-santwarju li jien tajt lilkom u lil missirijietkom, li fuqu ssejjaħ ismi, u li bih isserrħu raskom, dak li għamilt f'Silo. [Ġer:7:15] Nkeċċikom minn quddiemi, kif keċċejt lil ħutkom, in-nisel kollu ta' Efrajm.

 

L-abbużi fit-tempju

 

[Ġer:7:16] "U int titlobx għal dan il-poplu, tgħollix leħnek u titlobx għalihom; tidħolx għalihom quddiemi, għax ma nisimgħekx. [Ġer:7:17] Ma tarax x'inhuma jagħmlu fl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm? [Ġer:7:18] It-tfal jiġbru l-ħatab, il-missirijiet iqabbdu n-nar, u n-nisa jagħġnu biex jagħmlu l-ftajjar għas-sultana tas-sema, u jsawwbu l-libazzjonijiet lil allat oħra biex jinkuni. [Ġer:7:19] Huwa lili li jinku, oraklu tal-Mulej, jew lilhom infushom qegħdin jinku, għall-mistħija tagħhom? [Ġer:7:20] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Araw, il-qilla tiegħi u l-għadab tiegħi jissawwbu fuq dan is-santwarju, fuq in-nies u fuq il-bhejjem, fuq is-siġar tar-raba', u fuq il-frott ta' l-art: jixgħel u ħadd ma jitfih.' "

 

[Ġer:7:21] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Żidu l-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji, kulu wkoll laħamhom. [Ġer:7:22] Dwar sagrifiċċji u vittmi, jien ma għedt xejn lil missirijietkom u lanqas ma ordnajtilhom xejn dakinhar li ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu. [Ġer:7:23] Dan hu l-kmand li tajt lill-poplu tiegħi u għedtilhom: 'Isimgħu minn kliemi, u jiena nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi, u imxu fit-triq kollha li qiegħed nordnalkom, għall-ġid tagħkom.' [Ġer:7:24] Iżda huma ma semgħux, ma tawx widen; mxew skond il-fehmiet tagħhom, skond l-ebusija tal-qalb ħażina tagħhom; marru lura flok 'il quddiem. [Ġer:7:25] Minn mindu missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sa llum, bgħattilhom                 il-qaddejja kollha tiegħi, il-profeti; kuljum ħabrikt li nibgħathomlkom. [Ġer:7:26] B'danakollu qatt ma semgħu minni, qatt ma taw widen, anzi webbsu rashom, għamlu agħar minn missirijiethom. [Ġer:7:27] U int tgħidilhom dan kollu, imma ma jisimgħux minnek; issejjħilhom, iżda ma jweġbukx. [Ġer:7:28] Inti tgħidilhom: 'Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla tiegħu, li ma jilqax il-korrezzjoni. Is-sewwa għab u tbiegħed minn fommhom.'

 

[Ġer:7:29] Aqta' xagħrek u armih!

Għolli leħnek u okrob fuq l-għoljiet!

Għax rema  l-Mulej u nesa

n-nisel li għaddbu.

 

Kastig tal-biża'

 

[Ġer:7:30] "Għax għamlu l-ħażen f'għajnejja wlied Ġuda, oraklu tal-Mulej. Qiegħdu l-allat moqżieża fid-dar li fuqha jissejjaħ ismi biex ikasbruha. [Ġer:7:31] U bnew is-santwarju ta' Tofet li hemm fil-wied ta' Ben Ħinnom, u hemm ħarqu 'l uliedhom subjien u bniet, ħaġa li jiena ma qabbadthomx, u lanqas qatt ma ġiet f'rasi. [Ġer:7:32] Għalhekk, araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, ma jissejjaħx aktar Tofet jew Wied Ben Ħinnom imma Wied il-Qatla. Għad jidfnu f'Tofet, għax ma jkunx hemm post ieħor. [Ġer:7:33] U l-iġsma mejta ta' dan il-poplu jkunu ikel għat-tajr ta' l-ajru u għall-bhejjem ta' l-art, u ma jkunx hemm min igerrixhom. [Ġer:7:34] U jien insikket fl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm għajat il-ferħ u għajat l-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa, għax ħerba ssir mill-pajjiż.

 

8.  [Ġer:8:1] "Dakinhar, oraklu tal-Mulej, jaqilgħu mill-oqbra l-għadam tas-slaten ta' Ġuda, u l-għadam tal-prinċpijiet, u l-għadam tal-qassisin, u l-għadam tal-profeti, u l-għadam tan-nies ta' Ġerusalemm, [Ġer:8:2] u jperrċuh għax-xemx u l-qamar u l-qtajja' kollha tas-smewwiet, li huma ħabbewhom u qdewhom u marru warajhom, u ħadu l-parir tagħhom u qimuhom. Ma jiġbruhomx, u ma jidfnuhomx, imma jħalluhom                   bħad-demel f'wiċċ l-art. [Ġer:8:3] Mbagħad jippreferu l-mewt mill-ħajja n-nies li jibqgħu ħajjin minn dan in-nisel ħażin fil-pajjiżi kollha kull fejn għad inxerridhom, oraklu  tal-Mulej ta' l-eżerċti.

 

Ma jridux jafu

 

[Ġer:8:4] "Inti tgħidilhom, dan jgħid il-Mulej:

Jaqaw jekk xi ħadd jaqa', ma jerġax iqum?

Jew jekk jitlef triqtu, ma jerġax lura?

[Ġer:8:5] Għaliex, mela, dan il-poplu ntilef

b'telfa għal dejjem?

Żammew sħiħ fil-qerq,

ma jridux jerġgħu lura.

[Ġer:8:6] Jien qgħadt attent u smajt,

u huma jgħidu dak li m'hux sewwa.

M'hemmx bniedem niedem minn ħżunitu

u jgħid: 'X'għamilt?'

Lkoll qabdu l-ġirja tagħhom,

bħal żiemel imlebbet għat-taqtigħa.

[Ġer:8:7] Mqar il-laqlâq ta' l-ajru

jagħraf żmienu;                     

il-gamiema, il-ħuttafa, u l-għarnuq

iħarsu ż-żmien tal-passa tagħhom.

Imma l-poplu tiegħi ma jagħrafx id-dritt tal-Mulej.

[Ġer:8:8] Kif tistgħu tgħidu: 'Aħna għorrief

u l-liġi tal-Mulej magħna?'

Għax tassew gidba għamlet minnha

il-pinna giddieba ta' l-iskribi.

[Ġer:8:9] L-għorrief jitħawwdu,

jitħabblu u jinqabdu.

Arawhom, ċaħdu l-kelma tal-Mulej,

u issa x'għerf baqgħalhom?

 

Korruzzjoni kullimkien

 

[Ġer:8:10] "Għalhekk jien nerħi lin-nisa tagħhom

f'idejn ħaddieħor,                 

ir-raba' tagħhom lil sidien oħra;

għax miż-żgħir sal-kbir,

kollha għatxana għas-serq;

mill-profeta sal-qassis

kollhom qerq f'għemilhom.

[Ġer:8:11] Idewwu l-ġerħa ta' bint il-poplu tiegħi

bħallikieku xejn u jgħidu:

"Sliem, Sliem,"  u sliem m'hemmx!

[Ġer:8:12] Imisshom jistħu bil-qżież li għamlu;

imma huma ma jistħux

u anqas wiċċhom ma jafu jħammru.

Għalhekk għad jaqgħu

ma' dawk li diġā waqgħu;

jiġġarrfu f'jum kastighom,

jgħid  il-Mulej.

[Ġer:8:13] Għalkollox intemmhom,

oraklu tal-Mulej,

ma jibqax għeneb fid-dielja,

lanqas tin fit-tina,

sal-weraq jidbiel,

u nibagħtilhom min jgħaffiġhom.

 

[Ġer:8:14] "Għalfejn qegħdin hawn aħna?

Ħa ninġabru u nidħlu fl-ibliet armati,

u nintemmu hemm.

Għax il-Mulej, Alla tagħna,

se jeqridna!

Se jisqina ilma avvelenat,

għax dnibna kontra l-Mulej.

[Ġer:8:15] Stennejna s-sliem,

imma ma sibna ebda riżq;

is-siegħa tal-fejqan,

imma ma sibniex ħlief twerwir!

[Ġer:8:16] Minn Dan jinstema' l-infiħ lehġien;

                                                    taż-żwiemel tiegħu

iż-żehir tal-qawwijin tiegħu

titriegħed l-art kollha kemm hi.

Jiġu u jibilgħu l-art b'kull ma fiha,

lill-belt u n-nies li jgħammru fiha.

[Ġer:8:17] Għax, arawni, sriep velenużi

se nitlaq f'nofskom,

li ebda seħer ma jagħmel bihom,

u għad jigdmukom,"

oraklu tal-Mulej.

 

L-għali tal-Profeta

 

[Ġer:8:18] M'hemmx fejqan għall-għali tiegħi,

qalbi nfniet!

[Ġer:8:19] Isimgħu! L-għajta mbikkija ta' bint

                                                         il-poplu tiegħi,

l-għajta minn art imbiegħda!

"Ma għadux il-Mulej f'Sijon?

M'għadux hemm is-sultan tagħha?"

Għaliex inkewni bl-idoli tagħhom,

bil-frugħat tal-barranin?

[Ġer:8:20] "Għadda żmien il-ħsad,

intemm is-sajf,

u aħna għadna ma ħlisniex."

 

[Ġer:8:21] Minħabba l-ġerħa ta' bint il-poplu tiegħi

jien miġruħ.

Qabadni swied il-qalb,

qabadni t-tkexkix.

[Ġer:8:22] M'hemmx aktar balzmu f'Gilgħad?

Ebda tabib ma hemm?

Għaliex, mela, ma għalqitx

il-ġerħa ta' bint il-poplu tiegħi?

[Ġer:8:23] M'hux li kien xi ħadd jagħmel minn rasi

                                                            għajn ta' ilma,

u min għajnejja nixxiegħa ta' dmugħ,

ħa nibki lejl u nhar

il-maqtulin ta' bint il-poplu tiegħi!

 

9. Poplu mħassar

 

[Ġer:9:1] M'hux li kont insib fejn nistkenn fid-deżert,ħa nħalli l-poplu tiegħi, u nitbiegħed minnhom.

Għax ilkoll kemm huma adulteri,

qatgħa ta' nies ribelli.

[Ġer:9:2] U għamlu minn ilsienhom qaws miġbud.

Il-qerq, u mhux is-sewwa,

isaltan fil-pajjiż.

Għax minn ħażen għal ħażen għaddejjin,

u bija ma jridux jafu,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:9:3] Oqogħdu attenti minn xulxin ilkoll;

u ħadd ma għandu jafda f'ħuh.

Għax l-aħwa jaqilgħu lill-aħwa 'l barra,

u kull ħabib sejjer iqassas.

 [Ġer:9:4] Wieħed iqarraq bl-ieħor

u s-sewwa ma jgħiduh qatt,

għax ilsienhom darrewh fi kliem il-gideb.

Għejew jidinbu, u ma jridu jindmu qatt.

 

[Ġer:9:5] Qalb   il-qerq l-għamara tiegħek,

oraklu tal-Mulej,

u fil-qerq ma jridux jagħrfuni.

[Ġer:9:6] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:

"Arani, jien indewwibhom u nġarrabhom.

Nista' nagħmel mod ieħor

ma' bint il-poplu tiegħi?

[Ġer:9:7] Lsienhom vleġġa misnuna,

ħlief qerq fommhom ma jlissinx.

"Sliem!" jgħid lill-għajru,

u f'qalbu jlestilu n-nasba.

[Ġer:9:8]  U m'għandix nikkastigahom għal dan

                                                                        kollu?

Oraklu tal-Mulej.

U minn poplu bħal dan

m'għandix nitħallas?"

[Ġer:9:9] Ngħolli leħen ta' biki u tinwiħ

                                                          għall-muntanji,

għanja tal-mewt għall-mergħat tad-deżert.

Għax maħruqa huma,

u ħadd ma jgħaddi aktar minnhom,

u ma jisimgħux aktar leħen l-imrieħel;

mit-tajra ta' l-ajru sal-bhejjem,

kollha ħarbu u telqu.

[Ġer:9:10] U nagħmel gozz ġebel minn Ġerusalemm,

u bejta  tax-xakalli;

u ħerba mill-ibliet ta' Ġuda

u ħadd ma jgħammar fihom.

[Ġer:9:11] Min hu l-għaref li jifhem dan?

U jgħid x'qallu fomm  il-Mulej:

Għaliex l-art tħarbtet

u nħarqet bħad-deżert,

u ma jista' jgħaddi minnha ħadd?

 

[Ġer:9:12] U l-Mulej wieġeb: "Għax telqu l-liġi tiegħi, li jien qegħedt quddiemhom, u ma semgħux minn kliemi, u ma mxewx fuqu, [Ġer:9:13] u marru wara l-ebusija ta' qalbhom u wara l-Bagħalim, bħalma għallmuhom missirijiethom."

 

[Ġer:9:14] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Arawni, se nitmagħhom l-absint u nisqihom l-ilma avvelenat. [Ġer:9:15] Nxerridhom qalb ġnus li, la huma u lanqas missirijiethom, qatt ma kienu jafu bihom; u nitlaq għal warajhom ix-xabla sa ma teqridhom."

 

[Ġer:9:16] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:

"Qisu li ssejjħu lill-bekkejja biex jiġu;

ibagħtu l-aħjar fosthom

ħa jgħaġġlu jiġu,

[Ġer:9:17] u jfittxu jgħannulna għanja ta' tinwiħ.

Ħa jgelgel minn għajnejna d-dmugħ,

u minn xfarhom inixxi l-ilma!

[Ġer:9:18] Għax leħen it-tinwiħ

jinstama' minn Sijon:

'Ah! X'rovina ġietna,

x'għajb għalina.

Ikollna nitilqu artna,

u nħallu 'l djarna.'

 

[Ġer:9:19] Iva, isimgħu, nisa, kelmet il-Mulej,

ħa jilqgħu widnejkom kelmet fommu;

għallmuha lil bnietkom it-tinwiħa,

u kull waħda lil seħbitha l-għanja tal-mewt.

[Ġer:9:20] 'Għax telgħet il-mewt mit-twieqi

u daħlet fil-palazzi tagħna.

Qerdet it-tarbija fit-triq,

u ż-żgħażagħ fl-imsieraħ.'

 

[Ġer:9:21] Tkellem: 'Dan jgħid il-Mulej:

L-iġsma tan-nies maqtula

bħad-demel fuq wiċċ ir-raba',

u bħal għamra wara l-ħassad

bla ma ħadd jiġborha.' "

 

[Ġer:9:22] Dan jgħid il-Mulej:

"Ma għandux jiftaħar l-għaref b'għerfu,

u anqas ma għandu jiftaħar il-qalbieni bi qlubitu;

m'għandux jiftaħar l-għani b'ġidu.

[Ġer:9:23] Imma min irid jiftaħar,

b'dan għandu jiftaħar:

li għandu d-dehen biex jagħrafni,

għax jien hu l-Mulej,

li nagħmel it-tjieba, il-ħaqq,

u s-sewwa fuq l-art,

għax b'dawn nitgħaxxaq,

oraklu tal-Mulej.

 

Iċ-ċirkonċiżjoni weħidha ma tiswa xejn

 

[Ġer:9:24] Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien inħallas lil dawk li huma maħtunin biss f'ġisimhom: [Ġer:9:25] lill-Eġittu, lil Ġuda, lil Edom, lill-Għammonin, lill-Mowabin, u lil dawk kollha li jqaxxru xagħar ngħashom, u jgħammru fid-deżert. Għax dawn il-ġnus, għad-dar ta' Iżrael, lkoll huma bla ħtin f'qalbhom.

 

10. Il-bluha ta' l-idolatrija

 

[Ġer:10:1] Isimgħu, dar Iżrael, il-kelma li

jgħidilkom il-Mulej.

[Ġer:10:2] Dan jgħid il-Mulej:

"Drawwiet il-ġnus la titgħallmux,

u la tibżgħux mis-sinjali tas-smewwiet,

il-ġnus jitbeżżgħu minnhom.

[Ġer:10:3] Għax ir-reliġjon tal-popli hija frugħa,

għuda maqtugħa minn ġol-bosk,

xogħol idejn l-imgħallem bl-iskalpell.

[Ġer:10:4] Iżejjinha bid-deheb u l-fidda,

iwaħħluha bl-imsiemer u l-martell,

biex ma titħarrikx.

[Ġer:10:5] Bħan-nuffara f'għalqa ħjar,

l-idoli ma jitkellmux.

Trid terfagħhom, għax ma jimxux.

La tibżgħux minnhom,

għax deni ma jagħmlux,

u riżq ma fihom xejn."

 

[Ġer:10:6] Ħadd m'hu bħalek, Mulej,

int kbir,

u kbir ismek f'qawwitu!

[Ġer:10:7] Min ma jibżax minnek,

Sultan tal-ġnus?

Hekk jistħoqqlok;

għax fost l-għorrief kollha tal-ġnus,

u f'saltniethom kollha,

m'hemm ħadd bħalek.

[Ġer:10:8] Nies boloh u bla moħħ;

tagħlim fieragħ, biċċa għuda.

[Ġer:10:9] Fidda maħduma miġjuba minn Tarsis,

u deheb minn Ofir.

Xogħol l-imgħallem u idejn l-arġentier,

mlibbsa l-vjola u l-iskarlatt;

kollox xogħol in-nies tas-sengħa.

[Ġer:10:10] Imma l-Mulej tassew hu Alla:

Alla ħaj u sultan ta' dejjem.

Għall-għadab tiegħu titriegħed l-art,

u għall-qilla tiegħu l-ġnus ma jifilħux.

 

[Ġer:10:11] Hekk għandkom tgħidulhom: "L-allat li ma għamlux is-smewwiet u l-art għad jgħibu minn fuq l-art u minn taħt is-smewwiet."

 

[Ġer:10:12] Bil-ħila tiegħu għamel l-art,

u d-dinja sejjes b'għerfu,

u bid-dehen tiegħu firex is-smewwiet.

[Ġer:10:13] Iriegħed leħnu, jitqanqlu l-ilmijiet

                                                            tas-smewwiet;

itella' s-sħab minn truf l-art,

iberraq biex tagħmel ix-xita;

u minn ħażnietu jitlaq l-irjieħ.

[Ġer:10:14] Jiblieh kull bniedem u jitlef dehnu;

l-arġentier jistħi mill-idolu tiegħu,

għax gidba hi x-xbieha mdewwba,

u fihom nifs ma hemmx.

[Ġer:10:15] Frugħa huma, xogħol ta' xejn,

fi żmien ħlashom għad jintemmu.

[Ġer:10:16] Mhux hekk sehem Ġakobb,

Hu li għamel kull ma hu,

u t-tribų ta' Iżrael il-wirt tiegħu,

"Jaħweh ta' l-eżerċti" jismu.

 

Lesti għall-eżilju

 

[Ġer:10:17] Iġbor mill-art is-sorra tiegħek,

int, belt assedjata.

[Ġer:10:18] Għax dan jgħid il-Mulej:

"Arani, din id-darba nkeċċi 'l barra bħal bi żbandola,

in-nies li jgħammru fil-pajjiż;

nross fuqhom biex isibuni."

[Ġer:10:19] Ħasra għalija! Jien imġarraf,

il-ġerħa tiegħi bla fejqan.

Imma jien għedt: 'Din il-marda tiegħi,

ikolli nitqanna biha."

[Ġer:10:20] Għarixi tħarbat,

tqattgħu l-ħbula tiegħi.

Uliedi tbiegħdu minni,

u m'għadhomx iżjed.

Ma fadalx min itellagħli għarixi,

u jifrixli t-tined.

[Ġer:10:21] Iva! Ir-rgħajja tilfu rashom,

u l-Mulej ma fittxewhx.

Għalhekk ma kellhomx riżq,

u xterdu l-imrieħel tagħhom.

[Ġer:10:22] Nstama' ħoss riesaq,

u għagħa kbira minn art it-tramuntana,

biex jagħmlu mill-ibliet ta' Ġuda ħerba,

bejta tax-xakalli.

 

Talba ta' Ġeremija

 

[Ġer:10:23] Jien naf, Mulej,

triq il-bniedem m'hijiex f'idejh,

anqas min jimxi ma jista'

jiddirieġi l-passi tiegħu.

[Ġer:10:24] Għakkisni Mulej, imma bil-qjies,

 mhux f'għadbek,

inkella ġġibni fix-xejn.

[Ġer:10:25] Ferragħ għadbek fuq il-ġnus li ma

                                                                  jagħrfukx,

fuq ir-razez li ismek ma jsejjħux.

Għax huma belgħu lil Ġakobb, u kkunsmawh

u għamartu ħarbtuhielu.

 

 11. Il-ksur tal-Patt

 

[Ġer:11:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:11:2] "Isimgħu l-kelma ta' dan il-patt u ħabbruha lin-nies ta' Ġuda u lil dawk li jgħammru f'Ġerusalemm. [Ġer:11:3] Għidilhom: Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Misħut il-bniedem li ma jismax minn kliem dan il-patt, [Ġer:11:4] li jien ordnajt lil missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu, mill-forġa tal-ħadid, u għedtilhom: Isimgħu minn kliemi u għamlu skond ma kkmandajtkom, u tkunu l-poplu tiegħi u jien inkun Alla tagħkom, [Ġer:11:5] biex jien inżomm il-ħalfa li ħlift lil missirijietkom li nagħtihom art tnixxi ħalib u għasel, bħalma taraw illum." U jien weġibt u għedt: "Iva, Mulej."

 

[Ġer:11:6] U l-Mulej qalli: "Xandar dan il-kliem kollu fl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm u għidilhom: 'Isimgħu l-kliem ta' dan il-patt u agħmluh. [Ġer:11:7] Għax jien widdibt fuq li widdibt lil missirijietkom dakinhar li tellajthom mill-art ta' l-Eġittu sa llum stess u għedtilhom: 'Isimgħu minn kliemi!' [Ġer:11:8] Imma huma ma semgħux, u lanqas taw widen; u kull wieħed minnhom ġieb ruħu skond l-ebusija ta' qalbu l-ħażina u ġibt fuqhom it-tehdid kollu ta' dan il-patt, widdibthom li jħarsuh, u huma ma ħarsuhx."

 

[Ġer:11:9] U l-Mulej qalli: "Saret konfoffa qalb in-nies ta' Ġuda u dawk li jgħammru f'Ġerusalemm. [Ġer:11:10] Reġgħu lura għall-ħażen ta' missirijiethom ta' l-imgħoddi, li ma ridux jisimgħu kliemi, u marru wara allat oħra biex iservuhom. Id-dar ta' Iżrael u d-dar ta' Ġuda kisru l-patt li jien għamilt ma' missirijiethom.

 

[Ġer:11:11] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: 'Arawni se nġib fuqhom ħsara, li ma jkunux jistgħu jaħarbuha; għad jgħajjtuli, imma jien ma nismagħhomx. [Ġer:11:12] U jmorru l-ibliet ta' Ġuda u dawk li jgħammru f'Ġerusalemm u jgħajjtu 'l-allat li soltu jmorru jaħarqulhom l-inċens; imma f'jum hemmhom ma jsalvawhomx. [Ġer:11:13] Għaliex daqs kemm huma blietek, daqshekk ieħor huma allatek, Ġuda; u daqs kemm huma triqat Ġerusalemm, daqshekk ieħor huma l-artali li tellajtu lil dak l-għajb, biex taħirqu l-inċens lil Bagħal.

 

[Ġer:11:14] U int la titlobx għal dan il-poplu u tgħollix leħnek u titlobx għalihom, għax jien ma nismax meta jsejjħuli fi żmien hemmhom.

 

[Ġer:11:15] X'tistenna l-maħbuba tiegħi f'dari,

meta għamlet daqshekk ħażen?

Jaqaw il-wegħdi u l-laħam ikkonsagrat

se jbiegħdu minnek il-ħsara,

biex int tkun tista' titferraħ,

malli tisma' bl-invażjoni l-kbira?

[Ġer:11:16] "Żebbuġa tħaddar imżejjna bi frott sabiħ,"

semmiek il-Mulej.

Imma issa se jagħtiha n-nar,

u jinxfu l-friegħi tagħha.

 

[Ġer:11:17] U l-Mulej ta' l-eżerċti li ħawwlek ħabbar il-ħsara għalik minħabba l-ħażen ta' dar Iżrael u dar Ġuda,                 il-ħażen li għamlu biex jinkuni bl-inċens li ħarqu lil Bagħal.

 

Komplott kontra Ġeremija

 

[Ġer:11:18] Il-Mulej għarrafni, u jien sirt naf; inti wrejtni l-għemejjel tagħhom. [Ġer:11:19] U jien bħal ħaruf ġwejjed meħud għall-qatla, ma kontx naf li kienu jgħaddu kontrija u jgħidu: "Ħa noqtlu s-siġra bil-frott tagħha; nqaċċtuh mill-art tal-ħajjin, u ismu ma jiftakruhx aktar."

 

[Ġer:11:20] Int, Mulej ta' l-eżerċti, mħallef ġust li tifli l-qalb u                 l-moħħ, ħallini nara l-vendetta tiegħek minnhom, għaliex f'idejk irħejt il-kawża tiegħi!

 

[Ġer:11:21] Għalhekk dan jgħid il-Mulej lin-nies ta' Għanatot li jfittxulek ħajtek u jgħidu: "La tħabbarx aktar f'isem il-Mulej,        li ma tmutx b'idejna."

 

[Ġer:11:22] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Arani, se nħallashom! Il-fjur tagħhom imutu bix-xabla, uliedhom, subjien u bniet, imutu bil-ġuħ. [Ġer:11:23] Ħadd ma jifdal minnhom, għax inġib l-hemm fuq in-nies ta' Għanatot fis-sena tal-kastig tagħhom."

 

12. L-ilmenti tal-Profeta

 

[Ġer:12:1] Ikollok raġun int, Mulej, meta niddiskuti

                                                                    miegħek;

imma rrid inħaqqaqha miegħek:

Għaliex il-ħżiena jgawdu r-riżq,

u l-ħatjin kollha jgħixu fis-sliem?

[Ġer:12:2] Tħawwilhom u jniżżlu l-għeruq,

jikbru u jagħmlu l-frott.

Int qrib fuq fommhom,

mma 'l bogħod minn qalbhom.

[Ġer:12:3] Int, Mulej, tafni u tarani,

u tiflili qalbi.

Iġbidhom bħal nagħaġ għall-mewt,

żommhom għall-qatla.

[Ġer:12:4] Kemm se ddum tinkedd l-art,

u l-ħaxix jinxef fir-raba'?

Minħabba l-ħażen ta' min jgħammar fiha,

imutu l-bhejjem u t-tjur.

Għax huma jgħidu: "Ma jarax l-imġiba tagħna."

[Ġer:12:5] "Jekk tegħja tiġri ma' rġiel jiġru,

kif se ttellaq maż-żwiemel?

Jekk int tintreħa f'art is-sliem,

x'se tagħmel fil-masġar tal-Ġordan?

[Ġer:12:6] Mqar ħutek, dar missierek,

dawn ukoll iqarrqu bik;

dawn ukoll jgħajjtu warajk bis-sħiħ,

tafdahomx meta jkellmuk bi kliem sabiħ.

[Ġer:12:7] Ħallejt 'il dari, tlaqt 'il wirti,

ħallejt l-għaxqa ta' qalbi f'idejn l-għedewwa tagħha.

[Ġer:12:8] Għax wirti sar għalija bħal iljun fil-masġar:

għolla leħnu għalija u jien għalhekk nobogħdu.

[Ġer:12:9] Għasfur ta' lewn imżewwaq hu wirti għalija,

mdawwar mill-isqra minn kullimkien!

Ejjew inġemgħu, bhejjem kollha tax-xagħri,

ejjew għall-ikla!

[Ġer:12:10] Ħafna rgħajja ħarbtu l-għalqa tad-dwieli

                                                                         tiegħi,

għaffġu fuq il-wirt tiegħi,

għamlu ħerba li twaħħax l-għalqa,

li kienet l-għaxqa tiegħi.

 

 

[Ġer:12:11] Ħartuha u għamluha tbikkik quddiemi;

il-pajjiż kollu sar ħerba u ħadd ma jimpurtah.

[Ġer:12:12] Fuq l-għoljiet għerja kollha tad-deżert

                                                         ġew il-qerrieda,

għax il-Mulej għandu sejf qerriedi;

minn tarf sa tarf ta' l-art

ma hemmx sliem għal ebda ħaj.

 

[Ġer:12:13] Żergħu l-qamħ u ħasdu x-xewk;

tħabtu għal xejn; jistħu mill-ħsad tagħhom,

minħabba l-qilla ta' għadab il-Mulej."

 

[Ġer:12:14] Dan jgħid il-Mulej kontra l-ġirien ħżiena tiegħi, li messew il-wirt li jien tajt lill-poplu tiegħi Iżrael: "Arawni, se naqlagħhom minn arthom u d-dar ta' Ġuda se naqlagħha minn nofshom. [Ġer:12:15] Mbagħad jiġri li wara li nkun qlajthom nerġa' nħenn għalihom, nreġġagħhom lura 'l kull wieħed lejn wirtu, lil kull wieħed lejn artu. [Ġer:12:16] U jiġri li jekk jitgħallmu sewwa d-drawwiet tal-poplu tiegħi u jaħilfu b'ismi, daqskemm hu ħaj il-Mulej, bħalma għallmu l-poplu tiegħi jaħlef b'Bagħal, huma jitrawwmu f'nofs il-poplu tiegħi. [Ġer:12:17] Imma jekk ma jisimgħux, naqla' 'l dan il-poplu, naqilgħu u neqirdu," oraklu tal-Mulej.

 

13. Ix-xbieha tal-ħżiem

 

[Ġer:13:1] Dan qalli l-Mulej: "Mur u ixtri ħżiem ta' l-għażel għal qaddek, u dawwru ma' ġenbejk bla ma xxarrbu bl-ilma." [Ġer:13:2] U jien mort nixtri l-ħżiem bħalma qalli l-Mulej, u dawwartu ma' ġenbejja. [Ġer:13:3] Għat-tieni darba kellimni l-Mulej u qalli: [Ġer:13:4] "Aqbad il-ħżiem li xtrajt, li hemm ma' ġenbejk; qum, mur ħdejn ix-xmara Ewfrat, u aħbih hemm f'xaqq ta' blata." [Ġer:13:5] U jien mort ħbejtu ħdejn l-Ewfrat, kif qalli l-Mulej. [Ġer:13:6] Wara ħafna żmien il-Mulej raġa' kellimni u qalli: "Qum, mur ħdejn l-Ewfrat, u ħu minn hemm il-ħżiem li jien ikkmandajtek taħbi hemm." [Ġer:13:7] U mort ħdejn l-Ewfrat, ħaffirt, u ġbart il-ħżiem minn fejn kont ħbejtu. U l-ħżiem sibtu mherri u ma jiswa għal xejn. [Ġer:13:8] U l-Mulej raġa' kellimni u qalli. [Ġer:13:9] "Dan jgħid il-Mulej: Hekk inxejjen il-kburija ta' Ġuda u l-kburija bla qjies ta' Ġerusalemm. [Ġer:13:10] Dan il-poplu ħażin, li ma jridx jisma' kliemi, li jrid bilfors jimxi ma' l-ebusija ta' qalbu, u mar jaqdi allat oħra u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom, dan il-poplu jiġrilu bħal dan il-ħżiem li ma jiswa għal xejn. [Ġer:13:11] Għax bħalma bniedem jorbot il-ħżiem ma' ġenbejh, hekk jien irbatt miegħi d-dar kollha ta' Iżrael, u d-dar kollha ta' Ġuda, jgħid il-Mulej, biex tkun għalija poplu, isem, foħrija, sebħ; imma ma semgħux."

 

Ix-xbieha tal-ġarra

 

[Ġer:13:12] "U int għidilhom ukoll dan il-kliem: 'Dan jgħid il-Mulej Alla ta' Iżrael: Kull ġarra timtela bl-inbid.' U huma jweġbuk: 'Ma nafux li kull ġarra timtela bl-inbid?' [Ġer:13:13] U int tweġibhom: 'Dan jgħid il-Mulej: Arawni, se nimla bis-sokor in-nies kollha li jgħammru f'din l-art, u s-slaten li qegħdin fuq it-tron ta' David u l-qassisin u l-profeti, u n-nies kollha ta' Ġerusalemm. [Ġer:13:14] Nħabbathom il-wieħed ma' l-ieħor,              il-missirijiet ma' l-ulied, u nkissirhom f'salt wieħed, oraklu tal-Mulej, ma nitħassarhomx, ma nħossx għalihom, ma nħennx għalihom hekk li ma neqridhomx.' "

 

Sejħa għall-indiema

 

[Ġer:13:15] Isimgħu u agħtu widen, la titkabbrux,

għax il-Mulej tkellem.

[Ġer:13:16] Agħtu glorja lill-Mulej,

qabel ma jidlam

u qabel ma jitfixklu riġlejkom

fuq il-muntanji bejn dawl u dlam.

Intom tistennew  id-dawl,

imma hu jibdlu fis-swied,

sa ma jagħmlu dlam.

[Ġer:13:17] Jekk intom ma tisimgħux,

nibki mqar bil-moħbi minħabba kburitkom.

Għajnejnna jiddemmgħu u jxerrdu d-dmugħ,

għax eżiljaw il-merħla tal-Mulej.

 

Tehdid ta' eżilju

 

[Ġer:13:18] Għid lis-sultan u lir-reġina-omm:

"Inżlu u oqogħdu 'l isfel,

għax waqgħet minn fuq raskom,

il-kuruna tal-glorja tagħkom."

[Ġer:13:19] L-ibliet ta' nofsinhar magħluqa,

ma hemmx min jiftaħ.

Ġuda kollu eżiljat,

eżiljat għalkollox.

 

L-għajb ta' Ġerusalemm

 

[Ġer:13:20] Għollu għajnejkom u araw

min ġej mit-tramuntana.

Fejn hi l-merħla li ngħatat lilek,

in-nagħaġ sbieħ tiegħek?

[Ġer:13:21] Xi tgħid meta jqegħdulek fuqek

                                                               b'ħakkiema,

dawk li int stess darrejt għal miegħek?

Ma jaqbdekx uġigħ ta' mara fil-ħlas?

[Ġer:13:22] Int tgħid f'qalbek:

'Għaliex ġrali dan?"

Minħabba l-kobor tal-ħażen tiegħek,

refgħulek djulek u għarqbejk kixfulek.

[Ġer:13:23] Jaqaw ibiddel ġildu  l-Kusi;

jew il-ljupard tbajjietu?

Daqshekk ieħor tistgħu tagħmlu t-tajjeb,

mdorrijin kif intom fil-ħażen.

[Ġer:13:24] Nxerridhom bħall-karfa

mtajjra mir-riħ tad-deżert.

[Ġer:13:25] Din hi xortik, is-sehem li jmissek minni,

oraklu tal-Mulej.

Għax inti nsejtni,

u ttamajt fil-gideb.

[Ġer:13:26] U jien ukoll nerfagħlek

djulek fuq wiċċek,

biex b'hekk għawarek jidher.

[Ġer:13:27] Jien rajt qżiżijietek:

l-adulterji u t-tnegħim tiegħek,             

l-għajb taż-żína tiegħek

fuq l-għoljiet fil-beraħ.

Gwaj għalik Ġerusalemm!

Ma titnaddaf qatt!

Kemm se ddum hekk?

 

14. In-nixfa

 

[Ġer:14:1] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Ġeremija minħabba                         n-nixfa:

[Ġer:14:2] "Ġuda bil-vistu,

u bwiebha bla ħajja.

Niesha lkoll mixħuta fl-art,

u għajta ta' diqa tielgħa minn Ġerusalemm.

[Ġer:14:3] Il-kbarat bagħtu l-qaddejja għall-ilma,

marru sal-ġwiebi, imma ilma ma sabux.

Jerġgħu lura bil-ġarar battala.

Mtlew bil-mistħija;

nfixlu u għattew rashom.

[Ġer:14:4] Ix-xogħol tar-raba' waqaf,

għax xita ma kienx hemm fil-pajjiż.

Il-bdiewa mtlew bil-mistħija,

regħxu u għattew rashom.

[Ġer:14:5] Għax imqar l-għażżiela wildet fir-raba',

u telqet il-wild waħdu,

għax ħdura ma kienx hemm.

[Ġer:14:6] Il-ħmir selvaġġi waqfu fuq il-blat,

jilhġu għan-nifs bħax-xakalli,

b'għajnejhom mejta,

għax ma kienx hemm ħaxix.

[Ġer:14:7] Mqar jekk ħtijietna jixhdu kontrina,

Mulej, minħabba ismek qum,

għax ħafna huma ir-ribelljonijiet tagħna,

kontrik aħna dnibna.

[Ġer:14:8] Tama ta' Iżrael,

Salvatur tiegħu fi żmien il-bżonn!

Għala qisek barrani fl-art,

jew vjaġġatur wieqaf għal-lejl.

[Ġer:14:9] Għala qisek bniedem mibluh,

bħal wieħed qalbieni ma jistax jgħin?

Imma inti f'nofsna Mulej,

u fuqna jissejjaħ ismek.

La titlaqniex!

[Ġer:14:10] Dan jgħid il-Mulej dwar dan il-poplu:

'Iħobbu jiġġerrew 'l hemm u 'l hawn,

f'riġlejhom ma għandhomx kwiet.

Għalhekk il-Mulej ma għoġbuhx.

Issa jiftakar fi ħżunithom,

u jħallashom ta' dnubiethom."

 

[Ġer:14:11] U l-Mulej qalli: "Titlobx għall-ġid ta' dan il-poplu. [Ġer:14:12] Jekk isumu ma nismax it-talb tagħhom, u mqar jekk joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq u jagħmlu l-offerti, ma nilqagħhomx, għax bi ħsiebni neqridhom bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta."

 

[Ġer:14:13] U jien għedtlu: "Ah! Sidi l-Mulej, ara l-profeti qegħdin jgħidulhom: 'Ma tarawx ix-xabla, u ma jkollkomx il-ġuħ, għax sliem sħiħ nagħtikom f'dan il-pajjiż."

 

 [Ġer:14:14] U l-Mulej qalli: "Il-gideb ħabbru f'ismi l-profeti, ma bgħatthomx, ma kkmandajthomx, ma kellimthomx. Viżjonijiet foloz, sħarijiet u tbatbit, u l-ħolma, ta' moħħhom, dan ħabbrulkom."

 

[Ġer:14:15] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: "Il-Profeti li qegħdin iħabbru f'ismi bla ma jien bgħatthom, u qegħdin jgħidu: 'Xabla u ġuħ ma jkunu qatt f'dan il-pajjiż,' dawn il-profeti bix-xabla u bil-ġuħ għad jintemmu. [Ġer:14:16] U n-nies li huma qegħdin iħabbrulhom, ikunu minxura ma' l-art fit-toroq ta' Ġerusalemm minħabba l-ġuħ u x-xabla; u ma jkun hemm ħadd min jidfen lilhom, lin-nisa tagħhom, lil uliedhom, subjien u bniet. Ħżunithom, fuqhom inferragħha.

 

[Ġer:14:17] "U int għidilhom dan il-kliem:

'Għajnejja jxerrdu d-dmugħ,

lejl u nhar bla heda,

għax ix-xebba, bint il-poplu tiegħi,

ħadet daqqa kbira u tfarrket,

ġerħa bla fejqan ġarrbet.

[Ġer:14:18] Jekk noħroġ fir-raba',

hemm insib il-mejtin bix-xabla.

Jekk nidħol fil-belt, nsib il-mifnija bil-ġuħ,

għax imqar il-profeta u l-qassis

jiġġerrew mitlufin fil-pajjiż.' "

[Ġer:14:19] Tlaqt int 'il Ġuda għalkollox?

Stmellejt int 'il Sijon?

Għaliex sawwattna bla ma hemm fejqan għalina?

Stennejna s-sliem u ma għandna ebda riżq;

żmien il-fejqan, u arana mwerwra.

[Ġer:14:20] Aħna nafu, Mulej, bi dnubietna,

bil-ħażen ta' missirijietna,

għax dnibna kontrik.

[Ġer:14:21] Minħabba f'ismek tiċħadniex,

tkasbarx it-tron tal-glorja tiegħek,

ftakar! Tiksirx il-patt li għamilt magħna.

[Ġer:14:22] Hemm xi ħadd fost l-allat

                                                        fiergħa tal-ġnus,

li jista' jibgħat ix-xita?

Jew jistgħu jagħtu weħidhom is-smewwiet

gliegel ta' ilma?

M'hux inti l-Mulej, Alla tagħna?

Fik it-tama tagħna,

għax int għamilt dan kollu."

 

15. It-tweġiba tal-Mulej

 

[Ġer:15:1] Il-Mulej qalli: "Mqar jekk jiġu quddiemi Mosč u Samwel, m'hijiex se ddur qalbi lejn dan il-poplu. Keċċihom minn quddiemi, ħa jitilqu 'l barra! [Ġer:15:2] U jekk jistaqsuk Fejn se mmorru?, għidilhom: Dan jgħid il-Mulej:

 

'Min tmissu l-mewt, għall-mewt;

Min tmissu x-xabla, għax-xabla;

Min imissu l-ġuħ, għall-ġuħ;

Min imissu l-jasar, għall-jasar.'

 

[Ġer:15:3] "Jiena rfajtilhom erba' kastigi, oraklu tal-Mulej,              ix-xabla biex toqtolhom, il-klieb biex ikaxkruhom, it-tajr ta' l-ajru u l-bhejjem ta' l-art biex jikluhom u jeqirduhom. [Ġer:15:4] U nagħmel minnhom waħx għas-saltniet kollha ta' l-art, minħabba Manassi bin Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, għal kull ma għamel f'Ġerusalemm."

 

It-traġedja ta' Ġerusalemm

 

[Ġer:15:5] "Min se jħenn għalik Ġerusalemm?

Min se jsewwed qalbu għalik?

Min se jdur u jistaqsik kif inti,

x'minnek, intix fis-sliem?

[Ġer:15:6] Int ċħadtni, oraklu tal-Mulej,

int inġbidt lura u tlaqt.

U jien erfajt idejja fuqek,

u ġibtek fix-xejn,

għax ma flaħtx iżjed inħenn għalik.

[Ġer:15:7] Derrejthom bil-midra fi bwieb l-art,

neżżajthom mit-tfal, u qridt il-poplu tiegħi,

imma huma ma darux minn triqathom.

[Ġer:15:8] Tkattru r-romol tagħhom aktar mir-ramel

                                                                  tal-baħar;

jien ġibt fuq omm iż-żagħżugħ,                

il-qerried f'nofsinhar;

u niżżilt fuqhom għal għarrieda

diqa u tnehid.

[Ġer:15:9] L-omm ta' seba' wlied infniet,

nifisha nqata'.

Ix-xemx tagħha niżlet,

meta kien għadu l-jum,

stħat u tħawwdet.

U 'l min fadal minnhom nerħih għax-xabla

quddiem l-għedewwa tagħhom,"

oraklu  tal-Mulej.

 

L-ilmenti ta' Ġeremija

 

[Ġer:15:10] Msejken jien, omm! Għaliex ulidtni

bniedem ġellied, li għandu xi jgħid mal-pajjiż kollu?

Jien la slift u lanqas issellift,

u madankollu kulħadd jisħetni'?

[Ġer:15:11] Jgħid il-Mulej,

"Tassew, qdejtek tajjeb!

Tassew, ħbatt l-għedewwa għalik,

fi żmien il-hemm, fi żmien id-dwejjaq!

[Ġer:15:12] Jista' l-ħadid ifarrak il-ħadid u l-bronż

                                                         tat-tramuntana?

[Ġer:15:13] Ġidek u t-teżori tiegħek nagħti bi priża,

                                                             mhux bi ħlas,

għal dnubietek kollha fit-territorju kollu tiegħek.

 

[Ġer:15:14] U nibagħtek fost l-għedewwa tiegħek

f'art li int ma tafx

għaliex xegħel in-nar tal-korla tiegħi

u fuqkom iħeġġeġ.

[Ġer:15:15] Mulej, dan int tafu.

Ftakar fija u ejja żurni;

tħallas minn dawk li jiġru warajja.

Tħallinix ninqered minħabba sabrek.

Kun af li minħabba fik qgħadt għat-tagħjir.

[Ġer:15:16] Jien sibt kliemek, u kiltu;

u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena ta' qalbi;

għax ismek issejjaħ fuqi,

Mulej, Alla ta' l-eżerċti.

[Ġer:15:17] Jien ma mortx fost iż-żufjettużi,

ma fraħtx magħhom;

jien qgħadt għalija waħdi quddiem qawwietek

għax inti mlejtni bil-korla.

[Ġer:15:18] Għaliex għandi nibqa' mnikket għal

                                                                      dejjem,

u l-marda kronika tiegħi ma tfiq qatt?

Se ssir int għalija

bħal nixxiegħa qarrieqa li tinxef?"

 

[Ġer:15:19] Għalhekk dan jgħid il-Mulej:

"Jekk iddur lejja,

nreġġgħek lejja biex tieqaf quddiemi;

jekk tagħżel dak li jiswa minn dak li ma jiswiex,

int tkun bħal fommi.

Jerġgħu lura huma lejk,

u mhux int terġa' lura lejhom.

[Ġer:15:20] Nagħmlek sur qawwi tal-bronż

kontra dan il-poplu;

huma jaħbtu għalik,

iżda ma jkunux jifilħu għalik;

għax jiena miegħek,

biex neħilsek u nsalvak,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:15:21] Neħilsek mill-qawwa tal-ħżiena,

u nifdik minn id it-tiranni."

 

16. Il-ħajja tal-profeta twiddiba għall-poplu

 

[Ġer:16:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:16:2] "La tiżżewwiġx, u ma jkollokx la subjien u lanqas bniet f'dan il-pajjiż. [Ġer:16:3] Għax dan jgħid il-Mulej għas-subjien u l-bniet li jitwieldu f'dan il-post, u dwar ommijiethom li jilduhom u għal missirijiethom li jnissluhom f'dan il-pajjiż: [Ġer:16:4] Għad imutu mifnija bil-mard, u ma jibkuhomx, ma jidfnuhomx, imma jħalluhom bħad-demel f'wiċċ ir-raba'. Jintemmu bix-xabla u bil-ġuħ, u l-iġsma tagħhom ikunu ikel għat-tajr ta' l-ajru u l-bhejjem ta' l-art.

 

[Ġer:16:5] "Għax dan jgħid il-Mulej: 'La tmurx f'dar il-vistu, la tmurx tibkihom, la tħennx għalihom, għax jien warrabt                     il-ħbiberija tiegħi, oraklu tal-Mulej, it-tjieba tiegħi u l-ħniena tiegħi minn dan il-poplu.

 

[Ġer:16:6] "U jmutu l-kbar u ż-żgħar f'dan il-pajjiż; u ma jidfnuhomx, ma jibkuhomx, u ħadd ma jqatta' ġismu u lanqas iqarweż rasu għalihom. [Ġer:16:7] Lanqas ħadd ma jaqsam il-ħobż ma' min hu mnikket biex ifarrġuh minħabba l-mejjet. Lanqas ma jisquh il-kus  tal-faraġ għall-mewt ta' missieru jew ommu. [Ġer:16:8] U la tmurx f'dar il-festa biex toqgħod magħhom tiekol u tixrob.

 

[Ġer:16:9] "Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Arawni! Quddiem għajnejkom u fi żmienkom se nsikket f'dan il-post għajat il-ferħ u għajat il-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa.

 

[Ġer:16:10] "Jiġri li int tgħarraf 'il dan il-poplu b'dan il-kliem u huma jgħidulek: 'Għaliex il-Mulej iħabbrilna din il-ħsara kbira kollha? X'inhija ħżunitna? X'inhuwa dnubna li għamilna kontra                   l-Mulej, Alla tagħna?

 

[Ġer:16:11] "U inti tweġibhom: 'Għaliex missirijietkom ħallewni, oraklu tal-Mulej, u marru wara allat oħra, u qdewhom u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemhom, u lili abbandunawni, u l-liġi tiegħi ma ħarsuhiex. [Ġer:16:12] U intom imbagħad għamiltu agħar minn missirijietkom, u, arakom, kull wieħed minnkom mexa wara  l-ebusija ta' qalbu ħażina u ma semax minni. [Ġer:16:13] Għalhekk inkeċċikom 'il barra minn din l-art f'art oħra li la intom u la missirijietkom ma tafuha, u hemm taqdu allat oħra, lejl u nhar, għax jien ma nurix ħniena magħkom.

 

Il-wegħda tas-salvazzjoni

 

[Ġer:16:14] "Għalhekk għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta ma jgħidux aktar: 'Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li tella' lil ulied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu', [Ġer:16:15] imma daqs kemm hu ħaj il-Mulej li tella' lil ulied Iżrael mill-art tat-tramuntana u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom.' Għax jiena nreġġagħhom lura fl-art li kont tajt lil missirijiethom.

 

Kastig doppju

 

[Ġer:16:16] "Arawni! Jien nibgħat ħafna sajjieda, oraklu tal-Mulej, u jistaduhom. Mbagħad nibgħat ħafna kaċċaturi, u jmorru għalihom fuq kull muntanja u fuq kull għolja u f'kull xaqq blat. [Ġer:16:17] Għax għajnejja fuq triqathom kollha u huma ma jistgħux jinħbew minn quddiemi, u lanqas jinsatar dnubhom minn quddiem għajnejja. [Ġer:16:18] Qabelxejn inħallashom id-doppju għal ħżunithom u dnubhom, talli niġġsuli arti bil-bluhat moqżieża, u mlew 'il wirti bl-għemejjel mistkerrha tagħhom."

 

Il-konverżjoni tal-ġnus

 

[Ġer:16:19] Mulej, qawwa tiegħi, fortizza tiegħi!

kenn tiegħi f'jum l-hemm!

Għandek għad jiġu l-ġnus,

minn truf l-art u jgħidlu:

"Gideb biss wirtu missirijietna,

frugħa bla ebda fejda.

 

[Ġer:16:20] Jista' l-bniedem jagħmel allat għalih

dawk li m'humiex allat?"

[Ġer:16:21] Għalhekk għad nurihom jien,

nurihom din id-darba,

idi u l-qawwa tiegħi,

u jkunu jafu  li ismi hu Jaħweh!"

 

17. L-idolatrija d-dnub ta' Ġuda

 

[Ġer:17:1] "Id-dnub ta' Ġuda miktub

b'pinna tal-bronż,

u b'ponta tad-djamant minqux

fuq it-tavla ta' qalbhom,

u fuq il-qrun ta' l-artali tagħhom.

[Ġer:17:2] Biex jiftakru wliedhom fl-artali tagħhom,

u fl-artali tax-xbihat ta' l-Asera, u s-siġar

iħaddru fuq l-għoljiet għolja

[Ġer:17:3]  u l-muntanji fil-wita.

Ġidek u t-teżori tiegħek kollha

nagħtihom bi priża,

għad-dnub li għamilt fuq għoljietek

mal-medda kollha ta' artek!

[Ġer:17:4] U inti minn jeddek terħi l-wirt li tajtek,

u nġiegħlek taqdi lill-għedewwa tiegħek

f'art li int ma tafx biha.

Għax in-nar tal-korla tiegħi intom xgħeltu,

u jibqa' mqabbad għal dejjem."

 

[Ġer:17:5] Dan jgħid il-Mulej:

"Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin,

li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem,

u titbiegħed qalbu mill-Mulej.

[Ġer:17:6] Ikun bħal siġra ta' l-għargħar fix-xagħri,

li ma tara ebda ġid ġej,

li tgħammar f'art tikwi fid-deżert,

art mielħa fejn ħadd ma jgħammar.

 

[Ġer:17:7] Mbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej,

u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.

[Ġer:17:8] Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawwla,

b'għeruqha mxenxla lejn il-wied;

ma tibżax meta tiġi s-sħana,

il-weraq tagħha jibqa' jħaddar;

fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,

u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.

[Ġer:17:9] Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq

u mħassra. Min jifhimha?

[Ġer:17:10] Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb

u ngħarbel il-ġewwieni,

biex nagħti 'l kull wieħed skond imġibtu,

skond ma jkun jistħoqq għemilu."

 

Alla, it-tama ta' Iżrael

 

[Ġer:17:11] Bħal-ħaġla li tfaqqas il-bajd

li ma tbidx hi;

hekk min jaħżen il-ġid,

imma mhux bis-sewwa;

f'għomru jkollu jħallih,

u fl-aħħar ta' ħajtu jitqies bħall-iblah.

[Ġer:17:12] Tron ta' glorja, fl-għoli sa mill-bidu,

hu  l-post tal-maqdes tagħna.

[Ġer:17:13] It-tama ta' Iżrael int, Mulej,

kull min jabbandunak jitħawwad.

Dawk li jitbiegħdu minnu

fit-trab jinkitbu,

għax telqu l-Mulej, l-għajn ta' l-ilma ġieri.

 

[Ġer:17:14] Fejjaqni int, Mulej, u jien infiq,

salvani, u jien inkun salv,

għax int il-ftaħir tiegħi.

[Ġer:17:15] Ara x'qegħdin jgħiduli huma:

'Fejn hi l-kelma tal-Mulej?

Ħa sseħħ!'

 

[Ġer:17:16] Jien ma qgħadtx inross fuqek għad-deni,

u jum l-hemm qatt ma xtaqtu.

Int taf x'ħareġ minn fommi,

kollox qiegħed quddiemek.

[Ġer:17:17] Tkunx waħx għalija,

int il-kenn tiegħi fi żmien l-hemm.

[Ġer:17:18] Ħa jitħawwdu dawk li jsusu warajja,

u ma nitħawwadx jien!

Ħa jitbeżżgħu huma,

u ma nitbeżżax jien!

Niżżel fuqhom Jum id-deni,

u kissirhom għal darba tnejn.

 

Il-ħarsien tas-Sibt     

 

[Ġer:17:19] "Dan qalli l-Mulej: 'Mur u oqgħod quddiem il-Bieb ta' Benjamin mnejn jidħlu u joħorġu s-slaten ta' Ġuda u f'kull bieb ieħor ta' Ġerusalemm. [Ġer:17:20] U għidilhom: 'Isimgħu l-kelma tal-Mulej, slaten ta' Ġuda u Ġuda kollha u intom ilkoll li tgħammru f'Ġerusalemm u tgħaddu minn dawn il-bwieb.

 

 [Ġer:17:21] "Dan jgħid il-Mulej: 'Qisu, b'riżq ħajjitkom, qisu li ma ġġorru ebda tagħbija nhar ta' Sibt u ddaħħluha minn bwieb Ġerusalemm. [Ġer:17:22] La toħorġux tagħbijiet minn djarkom f'jum is-Sibt, u ma tagħmlu ebda xogħol, imma qaddsu jum is-Sibt, bħalma jien ordnajt lil missirijietkom."

 

[Ġer:17:23] "Imma huma ma ridux jisimgħu u lanqas jagħtu widen, anzi webbsu rashom biex ma jisimgħux u ma jeħdux it-tagħlima.

 

[Ġer:17:24] "Jekk intom tassew tisimgħu minni, oraklu tal-Mulej, u ma ddaħħlu ebda tagħbija minn bwieb dil-belt f'jum is-Sibt, u tqaddsu jum is-Sibt, u ma tagħmlu ebda xogħol fih, [Ġer:17:25] jibqgħu jidħlu minn bwieb din il-belt rekbin fuq il-karrijiet u ż-żwiemel is-slaten u l-prinċpijiet, li joqogħdu fuq it-tron ta' David, huma u n-nies ta' Ġuda u n-nies li jgħammru f'Ġerusalemm. Il-belt tkun mgħammra għal dejjem. [Ġer:17:26] U jiġu mill-bliet ta' Ġuda, u mill-inħawi ta' madwar Ġerusalemm, u mill-art ta' Benjamin, u mis-Sefela u                      mill-muntanji u min-nofsinhar u jġibu magħhom sagrifiċċji tal-ħruq, sagrifiċċji oħra, offerti tal-qmuħ u inċens, u joffru sagrifiċċji ta' radd il-ħajr f'dar il-Mulej.

 

[Ġer:17:27] "Imma jekk ma tisimgħux minni li tqaddsu jum is-Sibt u li ma ġġorrux tagħbijiet u ma tidħlux minn bwieb Ġerusalemm f'jum is-Sibt, jiena nqabbad nar f'dawn il-bwieb, li jibla' l-palazzi ta' Ġerusalemm, nar li ma jintefiex."

 

18. Il-fuħħari u t-tafal

 

[Ġer:18:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:18:2] "Qum u inżel għand il-fuħħari: u hemm jiena nsemmgħek kliemi." [Ġer:18:3] Jiena nżilt għand il-fuħħari, u sibtu qiegħed jaħdem fuq ir-rota. [Ġer:18:4] U hekk kif il-ġarra li kien qed jaħdem ħarġitlu ħażin, kif jiġrilu t-tafal f'idejn il-fuħħari, dan raġa' għamel oħra minnha kif għoġob lilu. [Ġer:18:5] Mbagħad il-Mulej kellimni u qalli: [Ġer:18:6] "Dar Iżrael, jaqaw ma nistax nimxi magħkom bħal dan il-fuħħari?" Oraklu tal-Mulej.

 

“Bħalma hu t-tafal f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja, dar Iżrael. [Ġer:18:7] Hekk jien xi drabi naqtagħha li poplu jew saltna naqlagħha, nġarrafha u neqridha; [Ġer:18:8] jekk imbagħad dan il-ġens jindem mill-ħażen li kontrieh inkun tkellimt, jiena nindem mill-ħsara li nkun qtajt li nagħmillu.

 

[Ġer:18:9] "Drabi oħra naqtagħha li poplu jew saltna nibniha u nħawwilha; [Ġer:18:10] jekk imbagħad dan il-poplu jagħmel il-ħażen li ma jogħġobnix billi ma jismax kliemi, jiena nindem mill-ġid li nkun qtajt li nagħmillu.

 

[Ġer:18:11] "Issa mur kellem lin-nies ta' Ġuda u n-nies li jgħammru f'Ġerusalemm u għidilhom: Dan jgħid                     il-Mulej, 'Arawni, jien qiegħed inħejji ħsara għalikom u nfassal pjan kontrikom. Erġgħu lura, kull wieħed minn triqtu l-ħażina. Sewwu triqatkom u għemilkom!'

 

[Ġer:18:12] "U huma jwieġbu: 'Kollu ta' xejn! Skond fehmietna rridu nimxu, u kull wieħed jimxi skond l-ebusija ta' qalbu l-ħażina.' "

 

Ġuda żnaturat

 

[Ġer:18:13] "Għalhekk dan jgħid il-Mulej:

Stħarrġu fost il-ġnus.

Min qatt sama' bi ħwejjeġ bħal dawn?

Għemil li jkexkex

għamlet ix-xbejba ta' Iżrael!

[Ġer:18:14] Jaqaw jgħib mill-għoli tal-blat,

is-silġ tal-Libanu?

Jinxfu forsi l-ilmijiet kiesħa

li jgelglu 'l isfel mill-muntanji?

[Ġer:18:15] Imma l-poplu tiegħi nsieni,

u marru joffru l-inċens lix-xejn.

Fixkluhom fi triqathom,

il-mogħdijiet ta' dari,

biex qabdu s-sqaqien,

u mhux it-triq imbattma.

[Ġer:18:16] Biex għamlu ħerba minn arthom,

ħaġa taż-żuffjett għal dejjem.

Kull min jgħaddi jistagħġeb,

u jħarrek rasu.

[Ġer:18:17] Bħalma jagħmel ir-riħ mil-lvant,

jien inxerridhom quddiem l-għedewwa.

Nagħtihom dahri minflok wiċċi,

f'jum qerdithom!"

 

Il-komplott kontra l-Profeta

 

[Ġer:18:18] L-għedewwa tiegħi qalu: "Ejjew nonsbu nasba lil Ġeremija, għax il-liġi ma tonqosx lill-qassis, lanqas l-għaqal lill-għaref, jew  il-kelma lill-profeta. Ejjew noqtluh bi lsienna, u ma nagħtux aktar kas ta' kliemu."

 

[Ġer:18:19] Agħtini widen, Mulej,

isma' kliem dawk li huma kontrija.

[Ġer:18:20] Jaqaw il-ġid jitħallas bid-deni?

Għax huma ħaffru ħofra għal ħajti.

Ftakar kif jien waqaft quddiemek,

biex nitkellem għall-ġid tagħhom,

biex twarrab il-korla tiegħek minn fuqhom.

[Ġer:18:21] Għalhekk erħi 'l uliedhom għall-ġuħ,

u itlaqhom f'idejn ix-xabla,

u jkunu bla tfal

u romol in-nisa tagħhom.

Ħa jmutu l-irġiel tagħhom bil-pesta,

u ż-żgħażagħ tagħhom midruba

bix-xabla fit-taqbida.

[Ġer:18:22] Ħa jinstama' t-twerżiq minn djarhom,

meta għal għarrieda tibgħat fuqhom il-ħallelin.

Għax ħaffru ħofra biex jaqbduni,

u nasbu trabokk għal riġlejja.

[Ġer:18:23] U inti taf, Mulej,

fehmiethom kollha biex joqtluni;

la taħfrilhomx ħżunithom,

u la tħassarx 'il dnubhom minn quddiemek.

Ħa jsabbtuhom ma' l-art quddiemek;

agħmel għalihom

fi żmien il-korla tiegħek!

 

19. Il-ġarra tal-fuħħar simbolu tal-poplu  midneb

 

[Ġer:19:1] Dan qal il-Mulej lil Ġeremija "Mur ixtri ġarra tal-fuħħar u ħu lil xi wħud mill-anzjani tal-poplu u mill-anzjani tal-qassisin, [Ġer:19:2] u mur oħroġ fil-wied ta' Benħinnom li hemm biswit Bieb ix-Xaqquf, u hemm xandar il-kliem li se ngħidlek. [Ġer:19:3] Inti tgħid: 'Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom slaten ta' Ġuda u nies ta' Ġerusalemm. Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Arawni se nġib il-ħsara fuq dan il-post, li kull min jisma' biha jżarżru widnejh. [Ġer:19:4] Għax huma telquni u pprofanaw dan il-post billi ħarqu l-inċens lill-allat barranin li, la huma, la missirijiethom, u lanqas is-slaten ta' Ġuda ma kienu jafu bihom. Mlew dan il-post bid-demm ta' l-innoċenti. [Ġer:19:5] Bnew is-santwarji ta' Bagħal, biex jaħarqu bin-nar lil uliedhom b'sagrifiċċji tal-ħruq lil Bagħal. Ħwejjeġ bħal dawn jien qatt ma kkmandajthom jagħmlu, lanqas biss semmejthom, u qatt ma għaddewli minn moħħi.

 

[Ġer:19:6] 'Għalhekk għad jasal żmien, oraklu tal-Mulej, li dan il-post ma jissejjaħx aktar 'Tofet' jew 'Wied Ben-ħinnom', imma 'Wied il-Qatla'. [Ġer:19:7] U hawn f'dan il-post jien inġib fix-xejn fehmiet Ġuda u Ġerusalemm, u nwaqqagħhom bix-xabla quddiem l-għedewwa tagħhom, u b'id dawk li jkunu jfittxulhom ħajjithom, u nħalli l-iġsma tagħhom għall-ikel tat-tjur ta' l-ajru u l-bhejjem ta' l-art. [Ġer:19:8] U nagħmel ħerba minn din il-belt u post għaż-żufjett; u kull min jgħaddi minnha jibqa' mistagħġeb biha u jsaffrilha minħabba l-ġrieħi tagħha. [Ġer:19:9] Nġagħalhom jieklu laħam subjienhom u laħam bniethom, għax għad jieklu laħam xulxin fi żmien               l-assedju u d-diqa li għad iġibu fuqhom l-għedewwa u dawk li għad ifittxulhom ħajjithom.'

 

[Ġer:19:10] "Inti mbagħad tkisser il-ġarra quddiem in-nies li jiġu miegħek, [Ġer:19:11] u tgħidilhom: 'Dan jgħid il-Mulej ta'           l-eżerċti: Hekk għad inkisser dan il-poplu u din il-belt, bħalma titkisser ġarra tal-fuħħar, bla ma tkun tista' tissewwa. U f'Tofet għad jidfnu għax ma jkunx hemm post ieħor fejn. [Ġer:19:12] Dan nagħmel lil dan il-post, oraklu tal-Mulej, u lil min jgħammar fih, u lil din il-belt nagħmilha bħal Tofet. [Ġer:19:13] U djar Ġerusalemm u djar is-slaten ta' Ġuda jitniġġsu bħal Tofet, id-djar kollha li fuq bjuthom kienu jaħarqu l-inċens lill-eżerċti kollha tas-smewwiet u jsawwbu libazzjonijiet lill-allat barranin.' "

 

[Ġer:19:14] U Ġeremija telaq minn Tofet, fejn il-Mulej kien bagħtu jħabbar, u mar fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej u qal lill-poplu kollu: [Ġer:19:15] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Arawni, jien se nġib fuq din il-belt u fuq l-ibliet li jagħmlu minnha l-ħsara kollha li jien ħabbartilha, għax huma webbsu rashom, biex ma jisimgħux kliemi. ' "

 

20. Ġeremija mixħut fil-ħabs

 

[Ġer:20:1] U Pasħur bin Immer, il-qassis, kap ta' l-għassiesa fit-tempju tal-Mulej, sama' lil Ġeremija jħabbar dan kollu. [Ġer:20:2] U Pasħur sawwat lil Ġeremija l-profeta, u tefgħu fiċ-ċipp li hemm fil-bieb l-għoli ta' Benjamin, fit-tempju tal-Mulej. [Ġer:20:3] U l-għada Pasħur ħareġ lil Ġeremija miċ-ċipp, u Ġeremija qallu: "Il-Mulej ma jsemmikx iżjed Pasħur, imma ‘Biża'-minn-kull-naħa.' [Ġer:20:4] Għax dan jgħid il-Mulej: 'Arani se nagħmlek waħx għalik innifsek u għal ħbiebek kollha; għad jaqgħu mejta bix-xabla ta' l-għedewwa tagħhom, u int tarahom b'għajnejk. Jien nitlaq lil Ġuda kollu f'idejn is-sultan ta' Babilonja, u hu jitturufnahom f'Babilonja, u jidrobhom bix-xabla. [Ġer:20:5] U nerħi l-ġid kollu ta' din  il-belt, u l-qligħ kollu tagħha, u l-ħwejjeġ prezzjużi kollha tagħha, u                t-teżori kollha tas-sultan ta' Ġuda, kollox nerħi f'idejn l-għedewwa tagħhom; għad jisirquhom, jeħduhom u jġorruhom f'Babilonja. [Ġer:20:6] U inti, Pasħur, u kull min jgħammar f'darek, tmorru fil-jasar; tmur f'Babilonja, u hemm tmut u hemm tindifen, int u ħbiebek kollha, li lilhom kont tħabbar il-gideb.' "

 

Il-karba tal-Profeta

 

[Ġer:20:7] Qarraqtni, Mulej, u jien tqarraqt:

kont aqwa minni, u għelibtni.

Jien sirt id-daħka ta' kuljum,

kulħadd jiddieħak bija.

[Ġer:20:8] Kull meta niġi biex nitkellem,

                                                             jien ngħajjat,

u nxandar, 'Moħqrija u ħsara!'

Il-kelma tal-Mulej saret għalija

tagħjir u tmaqdir kuljum.

[Ġer:20:9] U jien għedt: 'Ma nsemmihx aktar,

ma nitkellimx aktar f'ismu.'

Iżda f'qalbi hemm bħal nar jaqbad,

magħluq f'għadmi.

Għejejt inżommu magħluq ġo fija,

ma niflaħx aktar għalih.

 

[Ġer:20:10] Ma nismax ħlief taqsis il-kotra;

biża' madwari kollu!

"Ixluh! Ħa nixluh!"

Jgħajjtu saħansitra ħbiebi kollha,

jfittxu l-qerda tiegħi:

"Għandu mnejn jitqarraq u negħlbuh,

ta' kollox nitħallsu minnu!"

 

[Ġer:20:11] Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni,

għalhekk dawk li jagħmlu għalija

jogħtru, ma jagħmlu xejn,

jitħawwdu bis-sħiħ,

għax ħsiebhom ma jseħħx;

għajb għalihom li ma jintesa qatt.

[Ġer:20:12] Int, Mulej ta' l-eżerċti, li ġġarrab il-ġust,

li tara l-ġewwieni u l-qalb,

ħallini nara l-vendetta tiegħek kontriehom,

għax f'idejk ħallejt il-kawża tiegħi.

[Ġer:20:13] Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej,

għaliex ħajjet  l-imsejken ħelisha minn id il-ħżiena.

 

[Ġer:20:14] Saħta fuq il-jum li fih twelidt,

ebda barka fuq il-jum li fih wilditni ommi!

[Ġer:20:15] Saħta fuq ir-raġel li ħabbar lil missieri,

                                                                       u qallu:

"Twelidlek tifel,"

u mlieħ  il-ferħ.

[Ġer:20:16] Ħa jkun dar-raġel bħall-ibliet,

li ġarrafhom il-Mulej bla ma sogħob bih;

ħa jisma' l-għajat fil-għodu u t-twerżiq f'nofsinhar.

 [Ġer:20:17] Għax ma tanix il-mewt f'ġuf ommi?

Kienet tkun ommi l-qabar tiegħi

u jibqa' ġufha bit-tqala għal dejjem.

[Ġer:20:18] Għaliex ħriġt mill-ġuf,

biex nara t-taħbit u t-tbatija,

u ntemm jiemi fl-għajb?

 

21. Ix-xorti ta' Sedekija u Ġerusalemm

 

[Ġer:21:1] Il-kelma li waslet lil Ġeremija mingħand il-Mulej meta s-sultan Sedekija bagħatlu lil Pasħur bin Malkija, u 'l Sefanija bin Magħxija l-qassis, jitolbuh: [Ġer:21:2]  "Stħarreġ il-Mulej għalina, għax Nabukodonosor sar sultan ta' Babilonja, ħabat għalina; għandu mnejn il-Mulej iġib ruħu magħna skond l-għemejjel tiegħu ta' l-għaġeb u dan jitbiegħed minna."

 

[Ġer:21:3] U Ġeremija weġibhom: "Dan għandkom tgħidu lil Sedekija: [Ġer:21:4] 'Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Arawni, sa ndawwar l-armi li għandkom f'idejkom, li bihom qegħdin titqabdu mas-sultan ta' Babilonja, u l-Kaldin li qegħdin jassedjawkom minn barra s-swar, u niġborhom f'nofs din il-belt. [Ġer:21:5] Jiena stess nitqabad kontrikom b'id merfugħa u bi driegħi qawwi, b'għadab, b'saħna u b'qilla kbira. [Ġer:21:6] U nidrob lil min jgħammar f'din il-belt, kemm in-nies u kemm il-bhejjem; imutu b'pesta kbira. [Ġer:21:7] U mbagħad, oraklu              tal-Mulej, jien nitlaq f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u f'idejn l-għedewwa tagħhom, u f'idejn dawk li qegħdin ifittxulhom ħajjithom, lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, u l-qaddejja tiegħu u l-poplu u 'l min jeħles f'din il-belt mill-pesta, mix-xabla u mill-ġuħ, u hu jgħaddihom minn xifer ix-xabla; la jitħassarhom, la jħoss għalihom, u lanqas iħenn għalihom.'

 

[Ġer:21:8] "U lil dan il-poplu għandek tgħidlu: 'Dan jgħid                il-Mulej: Arawni, se nqiegħed quddiemkom it-triq tal-ħajja u t-triq tal-mewt. [Ġer:21:9] In-nies li jifdal f'din il-belt se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta; u min joħroġ u jagħti ruħu lill-Kaldin li qegħdin jassedjawkom jgħix, u jkollu ħajtu bħala priża. [Ġer:21:10] Għax jien dawwart wiċċi fuq din il-belt għad-deni u mhux għall-ġid, oraklu tal-Mulej, għad tingħata f'idejn is-sultan ta' Babilonja u dan jagħtiha n-nar u jaħraqha.'

 

[Ġer:21:11] “ U lid-dar tas-sultan ta' Ġuda għidilha:

'Isimgħu l-kelma tal-Mulej,

[Ġer:21:12] dar David, dan jgħid il-Mulej:

Agħmlu ħaqq sa minn filgħodu,

eħilsu l-maħqur minn id min jgħakksu,

li ma tikbisx qillti bħan-nar,

u tibqa' tħeġġeġ bla ma ħadd jitfiha,

minħabba l-ħażen ta' għemilkom.

[Ġer:21:13] Arani kontrik, int li tgħammar fil-wied,

blata tal-wita, oraklu tal-Mulej.

Intom li tgħidu: 'Min qatt se jinżel għalina,

u min qatt se jidħol ġo djarna?'

[Ġer:21:14] U jien inħallaskom

skond il-frott ta' għemilkom,

oraklu tal-Mulej,

u nkebbes in-nar fil-masġar tagħha,

u jibla' l-inħawi kollha ta' madwarha! ' ”

 

22. Oraklu kontra s-slaten ta' Ġuda

 

[Ġer:22:1] “Dan qalli l-Mulej: 'Inżel id-dar tas-sultan ta' Ġuda u hemm ħabbar dan il-kliem. [Ġer:22:2] Għidlu: 'Isma' l-kelma tal-Mulej, sultan ta' Ġuda, int li qiegħed fuq it-tron ta' David; int u l-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek, li jgħaddu minn dawn il-bwieb.

 

[Ġer:22:3] "Dan jgħid il-Mulej: 'Agħmlu l-ħaqq u s-sewwa u eħilsu l-maħqur minn id  l-oppressuri u l-barrani, l-iltim u l-armla la tgħakksuhomx, la tagħmlulhomx vjolenza. La xxerrdux demm l-innoċenti f'dan  il-post.

 

[Ġer:22:4] 'Għax jekk intom tassew tħarsu dan il-kliem, jibqgħu jidħlu minn dan il-bieb is-slaten, li qegħdin fuq it-tron ta' David, rekbin fuq il-karrijiet u fuq iż-żwiemel, huma u l-qaddejja u l-poplu tagħhom. [Ġer:22:5] Imma jekk ma tisimgħux dan il-kliem, naħlef bija nnifsi, oraklu tal-Mulej, issir ħerba minn din id-dar.

 

[Ġer:22:6] “Għax dan jgħid il-Mulej għad-dar tas-sultan ta' Ġuda:

'Bħal Gilgħad int għalija,

bħall-quċċata tal-Libanu,

imma nagħmel minnek deżert,

belt bla nies.

[Ġer:22:7] Nħejji għalik nies qerrieda,

kull wieħed bl-armi tiegħu,

u jqaċċtu l-aħjar taċ-ċedri tiegħek

u jwaddbu kollox fin-nar.

 

[Ġer:22:8] 'U minn din il-belt għad jgħaddu kotra ta' ġnus u jistaqsu lil xulxin: 'Għala l-Mulej għamlilha hekk lil din il-belt kbira?' [Ġer:22:9] u jweġbuhom: 'Għaliex abbandunaw il-patt tal-Mulej, Alla tagħhom, u niżlu wiċċhom fl-art quddiem allat oħra u qdewhom.' "

 

Is-sultan Sallum

 

[Ġer:22:10] La tibkux il-mejjet,

la tnewwħux għalih,

imma ibku sewwa għal min hu sejjer,

għax ma jerġa' lura qatt,

u lanqas qatt ma jara art twelidu.

 

[Ġer:22:11] Għax dan jgħid il-Mulej lil Sallum bin Ġosija, sultan ta Ġuda, li kien isaltan flok Ġosija missieru, u ħareġ minn dan il-post: "M'hux se jerġa' lura hawn, qatt iżjed. [Ġer:22:12] Għax fil-post fejn eżiljawh, priġunier hemm għad imur. U din l-art ma jaraha qatt iżjed."

 

Ġeħojakim

 

[Ġer:22:13] Gwaj għal min jibni daru fuq il-ħażen,

u l-kmamar ta' fuq bl-inġustizzja;

li jħaddem lil għajru għal xejn,

u ta' xogħlu ma jħallsux;

[Ġer:22:14] li jgħid: 'Ħa nibni dar għalija kbira,

bi kmamar fuq imrewwħa sewwa';

li jiftaħ fiha twieqi kbar,

jiksiha biċ-ċedru u

jiżbogħha bl-aħmar.

[Ġer:22:15] Taħseb int li qiegħed issaltan,

għax miklub għaċ-ċedru?

Jaqaw missierek ma kienx jiekol u jixrob?

Ma kienx jagħmel il-ħaqq u s-sewwa,

u kellu r-riżq?

[Ġer:22:16] Kien jagħmel il-ħaqq  mal-magħkus,

u kellu r-riżq

u mal-fqir;

M'hux dan ifisser tagħraf lili?

Oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:22:17] Ma għandekx għajnejn u qalb

ħlief  għall-qligħ tiegħek diżonest,

u għat-tixrid ta' demm in-nies bla ħtija,

u għat-taqriq u t-tagħkis ta' ħaddieħor.

[Ġer:22:18] Għalhekk dan jgħid il-Mulej

lil Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda;

"Ma jitnehdux għalih u jgħidu:

'Jaħasra ħija!' jew 'Jaħasra oħti!'

Ma jitnehdux għalih u jgħidu:

'Jaħasra sidi!' jew 'Jaħasra l-kobor tiegħu!'

[Ġer:22:19] Difna ta' ħmar jidfnuh,

barra bwieb Ġerusalemm

għad ikaxkruh u jarmuh."

 

Ġerusalemm Imħarbta

 

[Ġer:22:20] Itla' fuq il-Libanu u għajjat,

u għolli leħnek f'Basan;

għajjat minn Għabarim,

għax ħbiebek ilkoll inqerdu.

[Ġer:22:21] Kellimtek meta int kont fir-riżq,

u int għedt: "Ma rridx nisma' ".

Din kienet triqtek sa minn żgħożitek,

għax qatt ma smajt minn kliemi.

[Ġer:22:22] Ir-rgħajja tiegħek kollha jġorrhom ir-riħ,

u ħbiebek kollha jmorru fil-jasar.

Mbagħad tistħi u titħawwad,

minħabba l-ħażen kollu tiegħek.

[Ġer:22:23] U int li tgħammar fil-Libanu,

int li tbejjet fiċ-ċedri,

kemm għad trid tokrob,

 meta jaqbdek l-uġigħ,

l-uġigħ u t-tkagħwiġ ta' mara fil-ħlas.

 

Ġekonija

 

[Ġer:22:24] Daqs kemm jien ħaj, oraklu tal-Mulej, mqar kieku Konija bin Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, kien iċ-ċurkett tas-siġill f'idi l-leminija, minn hemm kont naqilgħek. [Ġer:22:25] Nitilqek f'idejn dawk li qegħdin ifittxulek ħajtek; f'idejn dawk li int tibża' minnhom u f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u f'idejn il-Kaldin. [Ġer:22:26] U jien inwaddab lilek u lil ommok li wilditek, f'art oħra li intom ma twelidtux fiha, u hemm tmutu. [Ġer:22:27] U l-art, li jixtiequ jerġgħu lura fiha, qatt iżjed ma' jerġgħu lura fiha.

 

[Ġer:22:28] X'inhu Konija?

Xi biċċa fuħħar għar-rimi u għat-tkissir?

Xi ħaġa ma togħġob lil ħadd?

Għala hu u nislu mkeċċija,

mitfugħa f'art li biha ma jafux?

 

[Ġer:22:29] O art, art, art,

isimgħu l-kelma tal-Mulej.

[Ġer:22:30] Dan jgħid il-Mulej:

"Iktbu 'l dan  ir-raġel

bħallikieku bla tfal,

bniedem bla riżq f'ħajtu.

Għax ħadd minn nislu ma jirnexxilu

jsib post fuq it-tron ta' David,

u jerġa' jsaltan fuq Ġuda."

 

23. Is-saltna Messjanika

 

[Ġer:23:1] "Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu

l-merħla tal-mergħa tiegħi,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:2] Għalhekk dan jgħid il-Mulej,

Alla ta' Iżrael, lir-rgħajja,

li jirgħu l-poplu tiegħi:

'Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi,

gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom.

Arawni, se naħseb fikom jien

minħabba l-ħażen ta' għemilkom,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:3] U jiena niġbor il-fdal tal-nagħaġ tiegħi

mill-artijiet kollha li xerridthom fihom,

u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom,

u jnisslu u joktru.

[Ġer:23:4] U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom,

u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux;

u ħadd minnhom ma jonqos,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:5] Araw, għad jasal żmien,

oraklu tal-Mulej,

meta nqajjem lil David rimja ġusta,

li jsaltan ta' sultan,

u jmexxi bil-għaqal

u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż.

[Ġer:23:6] Fi żmienu Ġuda jkun salv,

U Iżrael jgħammar fiż-żgur.

U dan hu l-isem li jsejjħulu:

'Il-Mulej  is-Sewwa tagħna.'

[Ġer:23:7] Għalhekk: Arawhom, ġejjin jiem,

oraklu tal-Mulej,

meta ma jgħidux iżjed

'Daqs kemm hu ħaj il-Mulej,

li tella' 'l ulied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu'

[Ġer:23:8] imma: 'Daqs kemm hu ħaj il-Mulej,

li tella' u ħareġ in-nisel ta' dar Iżrael

mill-art tat-tramuntana,

u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom.'

Mbagħad jistgħu jgħammru f'arthom."

 

Orakli kontra l-Profeti

 

[Ġer:23:9] Għall-profeti:

Qalbi nqasmet ġewwa fija;

għadmi kollu mkexkex;

sirt qisni bniedem fis-sakra,

bħal raġel ħadu l-inbid,

minħabba l-Mulej,

u minħabba l-kliem imqaddes tiegħu.

[Ġer:23:10] Għax il-pajjiż miżgħud bl-adulterji;

minħabba fihom l-art tbikkik,

u l-mergħat fid-deżert nixfu.

U l-ġiri tagħhom kollu ħażin,

u saħħithom l-inġustizzja.

[Ġer:23:11] Għax imqar il-profeta u l-qassis,

lkoll midgħajja.

Saħansitra f'dari sibt ħżunithom,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:12] Għalhekk triqthom tkunilhom

mogħdija kollha żliq,

fid-dlam jinxteħtu fiha u jogħtru,

għax inġib fuqhom il-ħsara

fis-sena ta' kastighom,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:13] U fost il-profeti ta' Samarija

rajt ukoll ħwejjeġ li jdardruk:

iħabbru f'isem Bagħal,

u jqarrqu b'Iżrael il-poplu tiegħi.

[Ġer:23:14] Fost il-profeti ta' Ġerusalemm, mbagħad,

rajt ħwejjeġ ikexkxuk:

adulterji u mġiba giddieba;

isaħħu id il-ħżiena, biex ħadd minnhom

ma jerġa' lura minn ħżunitu.

Lkoll għalija qishom Sodoma,

u n-nies tagħha bħal Gomorra.

 

[Ġer:23:15] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti kontra l-profeti:

"Arawni, sa nitmagħhom l-absint,

u nisqihom  l-ilma avvelenat,

għax mingħand il-profeti ta' Ġerusalemm

xtered il-ħażen ma' l-art kollha."

 

[Ġer:23:16] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:           

"La tisimgħux kliem li jħabbrulkom il-profeti

biex jimlewlkom moħħkom bil-frugħat.

Jgħidulkom li jiġihom f'qalbhom,

u mhux li jiġihom minn fomm il-Mulej.

[Ġer:23:17] Qegħdin jgħidulhom lil dawk li jistmerru              

                                                       l-kelma tal-Mulej:

'Ikollkom is-sliem,'

u lil dawk li jagħmlu li jiġihom f'moħħhom

jgħidulhom: 'Ebda deni m'hu se jilħaqkom!"

[Ġer:23:18] Min minnhom qagħad fil-kunsill

                                                                    tal-Mulej,

u ra u sama' kelmtu?

Min ta widen għal kelmtu biex isemmagħha?

[Ġer:23:19] Arawh, ir-riefnu tal-Mulej!

Xegħel għadbu bħal tempesta qawwija,

li se tfaqqa' fuq ras il-ħżiena.

[Ġer:23:20] Għax is-saħna tal-Mulej ma terġax lura,

qabel ma tkun għamlet u temmet

ħsieb moħħu.

Fl-aħħar jiem tifhmuh sewwa.

[Ġer:23:21] Ma bgħatthomx jien dawn il-profeti,

għalkemm huma marru jiġru!

Ma kellimthomx,

għalkemm huma marru jħabbru.

[Ġer:23:22] Kieku qagħdu fil-kunsill tiegħi,

kienu jsemmgħu kelmti lill-poplu tiegħi,

u jreġġgħuhom lura minn triqathom,

u mill-ħażen ta' għemilhom.

 

Il-ħolm u l-qerq tal-profeti foloz

 

[Ġer:23:23] "Jaqaw jien Alla fil-qrib biss,

oraklu tal-Mulej,

m'hux ukoll Alla fil-bogħod?

[Ġer:23:24] Jista' bniedem jistaħba fil-moħbiet,

u jien ma narahx?

Oraklu tal-Mulej.

Ma nimliex jiena

s-sema u l-art?

Oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:23:25] "Jien smajt x'qalu l-profeti li jħabbru l-gideb f'ismi u jgħidulhom: 'Kelli ħolma! Kelli ħolma!' [Ġer:23:26] Kemm se jdum sejjer dan? Jaqaw jien f'qalb il-profeti li jħabbru l-gideb, li jħabbru t-thewdin ta' moħħhom? [Ġer:23:27] Jaħsbu li bil-ħolm tagħhom, li jgħidu wieħed lil ieħor, se jnessu ismi lill-poplu, bħalma nsew ismi missirijiethom minħabba Bagħal? [Ġer:23:28] Ħalli l-profeta li jkollu xi ħolma, jirrakkonta l-ħolm, u min ikollu l-kelma tiegħi, ħa jxandarha bis-sewwa.

X'għandu x'jaqsam it-tiben mal-qamħ?

Oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:23:29] Jaqaw m'hijiex kelmti bħan-nar,

jew bħal imterqa tfarrak il-blat?

Oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:23:30] "Għalhekk jiena kontra l-profeti, Oraklu tal-Mulej, li jisirqu kliemi mingħand xulxin. [Ġer:23:31] Arawni, jien kontra l-profeti, Oraklu tal-Mulej, li jħaddmu lsienhom u jxandru l-orakli. [Ġer:23:32] Arawni, jien kontra l-profeti li jħabbru ħolm giddieb, oraklu tal-Mulej, jirrakkuntaw u jqarrqu bil-poplu tiegħi bil-gideb u l-ftaħir fieragħ tagħhom. Jien ma bgħatthomx u lanqas ordnajtilhom xejn, u m'huma jagħmlu ebda ġid lil dan il-poplu, oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:23:33] "Meta jistaqsik dan il-poplu, jew xi profeta jew xi qassis, u jgħidlek: 'X'inhu l-oraklu tal-Mulej?' int għandek twieġeb: 'Intom it-toqol tal-Mulej! Għalhekk jiena rmejtkom, jgħid il-Mulej.'

 

[Ġer:23:34] "U jekk xi profeta jew xi qassis jew xi ħadd mill-poplu jsemmi 'l-oraklu tal-Mulej', jien nikkastiga 'l dak il-bniedem u l-familja tiegħu.

 

[Ġer:23:35] "Hekk għandkom tistaqsu wieħed lil ieħor bejnietkom: 'X'wieġeb il-Mulej?' jew 'X'qal il-Mulej?' [Ġer:23:36] Imma l-oraklu tal-Mulej m'għandkomx issemmuh aktar, għaliex għal dak li jkun, l-oraklu jkun kliemu stess. Intom qegħdin tgħawwġu l-kliem ta' Alla l-ħaj, il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla tagħna.

 

[Ġer:23:37] Hekk għandkom tistaqsu lill-profeta: 'X'wieġeb                  il-Mulej?' jew 'X'qal il-Mulej?' [Ġer:23:38] Imma jekk tibqgħu tgħidu 'l-oraklu tal-Mulej', allura dan jgħid il-Mulej: 'Talli intom bqajtu tgħidu din il-kelma: 'oraklu tal-Mulej', meta jien għedtilkom biex ma tgħidux: 'oraklu tal-Mulej', [Ġer:23:39] arawni, jien se nerfagħkom bħal toqol u nwaddabkom 'il barra minn quddiemi, lilkom u lill-belt li tajt lilkom u lil missirijietkom, [Ġer:23:40] inniżżel għajb fuqkom għal dejjem u mistħija għal dejjem li qatt ma jintesew.' "

 

24. Il-qfief bit-tin

 

[Ġer:24:1] Il-Mulej urieni żewġt iqfief mimlija tin, quddiem it-tempju tal-Mulej, wara li Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, ħa fl-eżilju minn Ġerusalemm lil Ġekonija bin Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, u l-prinċpijiet ta' Ġuda, u n-nies tas-sengħa u l-ħaddieda, u ħadhom f'Babilonja.

 

[Ġer:24:2] Qoffa waħda kien fiha tin tajjeb ħafna, bħat-tin tal-bikri, u l-qoffa l-oħra kien fiha tin ħażin ħafna, li ma kontx tista' tieklu minħabba ħżunitu.

 

[Ġer:24:3] U l-Mulej qalli: "X'inti tara, Ġeremija?" U jien weġibt: "Tin! It-tin it-tajjeb, tajjeb tassew; u t-tin il-ħażin, ħażin tassew, u ma tistax tieklu minħabba ħżunitu."

 

[Ġer:24:4] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:24:5] "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Bħal dan it-tin tajjeb, jien nitgħaxxaq bl-itturufnati ta' Ġuda, li jien bgħatthom minn dan                   il-pajjiż fl-art tal-Kaldin. [Ġer:24:6] Nixħet għajnejja fuqhom għall-ġid tagħhom, u nreġġagħhom lura f'din l-art, u nibnihom mill-ġdid u ma nħotthomx; nħawwilhom u ma naqlagħhomx. [Ġer:24:7] Nagħtihom qalb li tagħrafni; għax jien il-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, meta jerġgħu lura lejja b'qalbhom kollha.

 

[Ġer:24:8] "U bħat-tin il-ħażin li ma tistax tieklu minħabba ħżunitu, hekk jgħid il-Mulej, hekk nagħmel ma' Sedekija, sultan ta' Ġuda, u mal-prinċpijiet, ma' min fadal mill-poplu ta' Ġerusalemm, li jibqgħu jgħixu fil-pajjiż, u dawk li marru jgħammru fl-Eġittu. [Ġer:24:9] Jien nagħmel minnhom waħx għas-saltniet kollha ta' l-art, għajb u taqbil, daħk u saħta għall-pajjiżi kollha li fihom inkun xerridthom. [Ġer:24:10] U nibgħat f'nofshom ix-xabla, il-ġuħ, il-pesta, sakemm ma ntemmhomx mill-art li jien tajt lilhom u lil missirijiethom."

 

25. Sebgħin sena eżilju

 

[Ġer:25:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija, għall-poplu kollu ta' Ġuda, fir-raba' sena ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, l-ewwel sena ta' Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja - [Ġer:25:2] il-kelma li xandar Ġeremija lill-poplu kollu ta' Ġuda u n-nies kollha li jgħammru f'Ġerusalemm u qalilhom:

 

[Ġer:25:3] "Mis-sena tlittax ta' Ġosija bin Amon, sultan ta' Ġuda, sa dan il-jum għaddew issa tlieta u għoxrin sena minn meta ġietni l-kelma tal-Mulej, u jien kellimtkom bla heda u intom ma smajtux. [Ġer:25:4] U l-Mulej bagħtilkom il-qaddejja tiegħu, il-profeti, bla heda bagħathomlkom, imma intom ma smajtux minnhom, u anqas tajtu widen biex tisimgħu. [Ġer:25:5] Dawn kienu jgħidulkom: 'Erġgħu lura, kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħażen ta' għemilkom, u tibqgħu fl-art li l-Mulej ta lilkom u lil missirijietkom minn dejjem u għal dejjem. [Ġer:25:6] Tmorrux wara allat oħra, taqduhomx, tadurawhomx; u la tinkunix b'għemil idejkom, u jien ma nagħmlilkomx ħsara.' [Ġer:25:7] Imma intom ma smajtux minni, oraklu tal-Mulej, biex inkejtuni b'għemil idejkom bi ħsara għalikom stess."

 

[Ġer:25:8] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 'Talli ma smajtux kelmti, [Ġer:25:9] arawni, se nibgħat inġib il-ġnus kollha tat-tramuntana, oraklu tal-Mulej, u Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, il-qaddej tiegħi, u nġibhom kontra din l-art u kontra min jgħammar fiha u kontra dawn il-ġnus kollha ta' madwarha u nitlaqhom għall-qerda, u nagħmel minnhom waħx, daħk u tħarbit għal dejjem. [Ġer:25:10] Nsikket minn nofshom għajat il-ferħ u għajat il-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa, il-ħoss tal-mitħna u d-dawl tal-musbieħ. [Ġer:25:11] U din l-art kollha tkun ħerba u xagħra; u għal sebgħin sena jibqgħu dawn il-ġnus iservu lis-sultan ta' Babilonja. [Ġer:25:12] U jiġri, mbagħad, li malli jintemmu s-sebgħin sena, jien nikkastiga għal dnubhom is-sultan u l-poplu ta' Babilonja, oraklu tal-Mulej, u l-art tal-Kaldin, u nagħmel minnha tħarbit għal dejjem.

 

[Ġer:25:13] "U jien nagħmel li jseħħ kliemi li jien lissint kontra tagħha, kull ma hu miktub f'dan il-ktieb, li Ġeremija ħabbar kontra l-ġnus kollha. [Ġer:25:14] Għax għad jaħkmu fuqhom ħafna ġnus u slaten kbar u jien inħallashom skond xogħolhom u għemil idejhom.' "

 

It-tazza ta' għadab il-Mulej

 

[Ġer:25:15] Dan qalli l-Mulej, Alla ta' Iżrael: "Ħu minn idejja din it-tazza nbid, nbid ibaqbaq, u isqiha lill-ġnus li se nibagħtek għandhom. [Ġer:25:16] U huma jixorbu, jitbandlu u jitilfu moħħhom minħabba x-xabla li se nibgħat f'nofshom."

 

[Ġer:25:17] U jien ħadt it-tazza minn idejn il-Mulej, u sqejtha lill-ġnus kollha li għandhom bagħatni l-Mulej: [Ġer:25:18] Ġerusalemm u l-ibliet kollha ta' Ġuda, bis-slaten tagħha, u l-prinċpijiet tagħha, biex nagħmel minnhom ħerba u deżert, daħk u saħta bħalma huma llum; [Ġer:25:19] il-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, u l-qaddejja, u l-prinċpijiet tiegħu, u l-poplu tiegħu kollu; [Ġer:25:20] u t-taħlit ta' popli u s-slaten kollha ta' art Għus; u s-slaten kollha ta' art il-Filistin: Askalon, Gaża, Għekron u l-fdal ta' Asdod; [Ġer:25:21] Edom u Mowab u wlied Għammon; [Ġer:25:22] u s-slaten kollha ta' Tir, u s-slaten kollha ta' Sidon, fil-qrib u s-slaten tal-gżejjer 'il hinn mill-baħar; [Ġer:25:23] u Dedan, u Tema u Buż u 'l dawk kollha li jqaxxru d-dawra ta' rashom; [Ġer:25:24] u s-slaten kollha ta' l-Għarab u s-slaten kollha tal-popli mħallta li jgħammru                          fid-deżert; [Ġer:25:25] u s-slaten kollha ta' Żimri u s-slaten kollha ta' Għelam u s-slaten kollha tal-Medja; [Ġer:25:26] u s-slaten kollha tat-tramuntana, fil-qrib u fil-bogħod, wieħed wara l-ieħor, u s-saltniet kollha fuq wiċċ l-art. U wara dawn kollha jixrob is-sultan ta' Sesak.

 

[Ġer:25:27] "U int tgħidilhom: Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Ixorbu, iskru, tqallgħu, sa ma taqgħu fl-art u ma tqumux iżjed quddiem ix-xabla li se nibgħat f'nofskom.' [Ġer:25:28] U jekk jirruftaw jieħdu t-tazza minn idejk biex jixorbuha, għidilhom: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Tixorbuha żgur! [Ġer:25:29] Għax arawni, jien se nġib                il-ħsara, u se nibda mill-belt li fuqha sejjaħ ismi. U taħsbu intom li se teħilsuha? Ma teħilsuhiex, għax jien se nsejjaħ ix-xabla għal fuq kull min jgħammar fl-art, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.

 

[Ġer:25:30] "U int ħabbrilhom dan kollu u għidilhom:

'Il-Mulej għad jgħajjat mill-għoli;

mill-għamara mqaddsa tiegħu jgħolli leħnu;

jgħajjat bil-qawwi għal fuq il-mergħa tiegħu;

għajat bħal ta' l-għassara jgħajjat,

għal kull min jgħammar fl-art.

[Ġer:25:31] Dan l-għajat jasal sa truf l-art;

għax għandu xi jgħid il-Mulej mal-ġnus,

u se jagħmel ħaqq minn kull bniedem,

u  l-ħżiena se jerħilhom għax-xabla,' "

oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:25:32] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:

"Araw! Il-ħsara tgħaddi minn ġens għal ġens,

u riefnu kbir se jqum minn truf l-art.

[Ġer:25:33] U jkunu l-maqtulin mill-Mulej dakinhar,

mxerrda minn tarf sa tarf ta' l-art.

Ma jibkuhomx, ma jiġbruhomx, ma jidfnuhomx;

u jsiru demel fuq wiċċ l-art.

[Ġer:25:34] Werżqu, rgħajja, u għajjtu,

tmiegħku fit-trab, mexxejja tal-merħla,

jiemkom magħduda għall-qatla,

bħall-aħjar imtaten għad taqgħu mejta.

[Ġer:25:35] U ma jkunx hemm kenn għar-rgħajja,

u anqas ħelsien għall-mexxejja tal-merħla.

[Ġer:25:36] Jidwi l-għajat tar-rgħajja,

u  t-twerżiq tal-mexxejja tal-merħla,

għax iħarbat il-Mulej il-mergħat tagħhom;

[Ġer:25:37] u tħarbtu l-oqsma ħiemda

minħabba s-saħna tal-korla tal-Mulej.

[Ġer:25:38] L-iljun iħalli l-bejta tiegħu,

għax arthom saret ħerba,

minħabba x-xabla qerrieda,

u s-saħna ta' l-għadab tiegħu."

 

26. Id-diskors ta' Ġeremija u l-arrest   tal-Profeta

 

[Ġer:26:1] Fil-bidu tas-saltna ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:26:2] "Hekk jgħid il-Mulej: 'Mur u oqgħod fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej, kellem lill-ibliet kollha ta' Ġuda, li jiġu biex iqimu fit-tempju tal-Mulej; għidilhom il-kliem kollu li ordnajtlek tgħidilhom, bla ma tħalli kelma waħda biss. [Ġer:26:3] Għandhom mnejn jisimgħu, u jerġgħu lura kull wieħed minnhom minn triqtu l-ħażina, u jiena nindem mill-ħsara li bi ħsiebni nagħmlilhom minħabba l-ħażen ta' għemilhom.

 

[Ġer:26:4] "Għidilhom: 'Dan jgħid il-Mulej: Jekk intom ma tisimgħux minni biex timxu fuq il-liġi tiegħi li tajtkom, [Ġer:26:5] jiġifieri, biex tisimgħu l-kliem tal-qaddejja tiegħi               l-profeti li jiena bla heda bgħattilkom, imma li intom ma smajtux minnhom, [Ġer:26:6] jiena nagħmel minn dan it-tempju ħerba bħal Silo, u lil din il-belt nagħmel minnha wirja ta' saħta għall-ġnus kollha tad-dinja.'  "

 

[Ġer:26:7] Il-qassisin, il-profeti u l-poplu kollu semgħu lil Ġeremija jgħid dan il-kliem fit-tempju tal-Mulej. [Ġer:26:8] Malli Ġeremija temm jgħid kull ma l-Mulej kien ordnalu jgħid lill-poplu kollu, il-qassisin u l-profeti u l-poplu kollu, qabduh u bdew jgħajjtu: "Ħaqqu l-mewt. [Ġer:26:9] L-għala ħabbart f'isem il-Mulej u għedt li bħal Silo għad jiġrilu dan it-tempju, u li din il-belt għad issir ħerba bla nies?" U l-poplu kollu nġabar madwar Ġeremija fit-tempju tal-Mulej.

 

[Ġer:26:10] Il-kapijiet ta' Ġuda semgħu b'dan kollu, u telgħu mill-palazz tas-sultan fit-tempju tal-Mulej u ħadu posthom fid-daħla tal-bieb il-ġdid tat-tempju tal-Mulej.

 

[Ġer:26:11] Il-qassisin u l-profeti kellmu lill-kapijiet u lill-poplu kollu, u qalulhom: "Dan ir-raġel ħaqqu l-mewt, għax ħabbar kontra din il-belt, kif smajtuh b'widnejkom intom stess."

 

[Ġer:26:12] Iżda Ġeremija qal lill-qassisin u lill-poplu kollu: "Il-Mulej bagħatni nħabbar kontra dan it-tempju u l-belt il-ħwejjeġ kollha li smajtu. [Ġer:26:13] Issa, mela, sewwu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u agħtu widen għas-sejħa tal-Mulej, Alla tagħkom, u l-Mulej jindem mid-deni li qal kontra tagħkom. [Ġer:26:14] Ngħid għalija, arawni, ninsab f'idejkom: agħmlu bija dak li jidhrilkom tajjeb u sewwa. [Ġer:26:15] Imma kunu afu li, jekk intom toqtluni, tiċċappsu b'demm bla ħtija, intom u din il-belt u min jgħammar fiha, għax hu tassew il-Mulej li bagħatni għandkom biex insemmgħalkom f'widnejkom dawn il- ħwejjeġ kollha."

 

[Ġer:26:16] Mbagħad il-kapijiet u l-poplu kollu qalu lill-qassisin u l-profeti: "Dan ir-raġel ma ħaqqu xejn il-mewt għax hu kellimna f'isem il-Mulej Alla tagħna."

 

[Ġer:26:17] U qamu xi wħud mill-anzjani tal-pajjiż u kellmu lill-ġemgħa kollha tal-poplu u qalulhom: [Ġer:26:18] "Mika l-Morasti li kien ħabbar fi żmien Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, kien kellem lill-poplu kollu ta' Ġuda u qalilhom: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:

 

Sijon bħal għalqa għad tinħarat,

u borġ ġebel għad issir Ġerusalemm,

u l-għolja tat-tempju masġar għoli ssir.'

 

[Ġer:26:19] "Forsi Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, u l-poplu qatgħuhielu għall-mewt? Forsi ma beżgħux mill-Mulej u talbuh il-ħniena tal-Mulej u l-Mulej nidem mill-ħsara li kien heddidhom biha? Imma aħna se nagħmlu d-dnub kbir bi ħsara għalina stess."

 

[Ġer:26:20] U kien hemm bniedem ieħor, li kien ħabbar f'isem il-Mulej, Urija bin Semajja minn Kirjat-jegħarim. U ħabbar kontra din il-belt u kontra din l-art bi kliem ta' Ġeremija. [Ġer:26:21] U sama' kliemu s-sultan Ġeħojakim, u l-qalbiena tiegħu, u l-prinċpijiet kollha, u s-sultan fittex li joqtlu, imma, malli Urija sama', beża', ħarab u mar jistkenn l-Eġittu. [Ġer:26:22] U s-sultan Ġeħojakim bagħat xi nies l-Eġittu, Elnatan bin Għakbor u oħrajn miegħu. [Ġer:26:23] U ħarġu lil Urija mill-Eġittu u ġibuh quddiem is-sultan Ġeħojakim. Dan qatlu bix-xabla u xeħet 'il ġismu mejjet fil-midfna ta' wlied il-poplu.

 

[Ġer:26:24] Iżda id Aħikam bin Safan, kienet ma' Ġeremija biex ma jitilquhx f'idejn il-poplu u joqtluh.

 

27. Il-madmad ta' Babilonja

 

[Ġer:27:1] Fil-bidu tas-saltna ta' Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, ġiet din il-kelma lil Ġeremija mingħand il-Mulej: [Ġer:27:2] "Dan qalli l-Mulej: Agħmel ħbula u madmad, u qegħedhom fuq għonqok. [Ġer:27:3] U ibgħathom b'messaġġ lis-sultan ta' Edom u s-sultan ta' Mowab, u s-sultan ta' wlied Għammon, u s-sultan ta' Tir, u s-sultan ta' Sidon, mal-messaġġiera li ġew Ġerusalemm għand Sedekija, sultan ta' Ġuda. [Ġer:27:4] U ordnalhom dal-messaġġ għal sidienhom: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, dan għandkom tgħidu lis-sidien tagħkom: [Ġer:27:5] Jien huwa li għamilt l-art, il-bniedem u l-bhejjem, li jinsabu fuq wiċċ l-art, bil-qawwa kbira tiegħi u bi driegħi merfugħ, u nagħtiha lil min jogħġobni. [Ġer:27:6] U issa jien tajt dawn l-artijiet kollha f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, il-qaddej tiegħi; u sal-bhejjem tax-xagħri tajtu biex jaqduh. [Ġer:27:7] U l-ġnus kollha għad jaqdu lilu, u lil ibnu u 'l bin ibnu, sakemm jasal żmien pajjiżu wkoll; meta jaħkmuh ħafna slaten qawwija. [Ġer:27:8] U jiġri li xi ġens jew xi saltna ma taqdihx lil Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u ma tmiddx għonqha għall-madmad tas-sultan ta' Babilonja, jien nikkastiga 'l dan il-ġens jew saltna bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta, oraklu tal-Mulej, sa ma ntemmhom b'idejh.

 

[Ġer:27:9] "Mela intom tisimgħux mill-profeti tagħkom,                     mill-bassara tagħkom, mill-ħalliema tagħkom, mill-ħabbara tagħkom u mis-saħħara tagħkom, li qegħdin jgħidulkom dan il-kliem: Ma taqdux is-sultan ta' Babilonja. [Ġer:27:10] Għax dan kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom biex ibegħdukom minn artkom, għax jien inxerridkom, u intom tinqerdu.

 

 [Ġer:27:11] "Imma l-ġens li jmidd għonqu għall-madmad tas-sultan ta' Babilonja u jaqdih, jien inħallih bi kwietu f'artu, oraklu tal-Mulej, biex jaħdimha u jgħammar fiha."

 

 [Ġer:27:12] U lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, kellimtu u għedtlu dan kollu: "Middu għonqkom għall-madmad tas-sultan ta' Babilonja u aqduh, lilu u l-poplu tiegħu, u tgħixu. [Ġer:27:13] Għaliex għandkom tmutu, inti u l-poplu tiegħek, bix-xabla u bil-ġuħ u bil-pesta bħalma hedded il-Mulej lil dak il-poplu li ma jaqdix lis-sultan ta' Babilonja?

 

[Ġer:27:14] "La tisimgħux mill-kliem tal-profeti li qegħdin jgħidulkom: 'Le, ma taqdux is-sultan ta' Babilonja', għax dan kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom. [Ġer:27:15] Għax jien ma bgħatthomx, oraklu tal-Mulej, u qegħdin iħabbru l-gideb f'ismi biex jiena jkolli nxerridkom u tinqerdu intom u l-profeti li qegħdin iħabbrulkom."

 

[Ġer:27:16] U lill-qassisin u lil dan il-poplu kollu kellimthom u għedtilhom: "Dan jgħid il-Mulej: La tisimgħux l-għajdut tal-profeti tagħkom li qegħdin iħabbrulkom u jgħidulkom: 'Araw                    it-tagħmir tal-Mulej, dalwaqt jiġi lura minn Babilonja', għax dan kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom. [Ġer:27:17] La tagħtuhomx widen! Aqdu lis-sultan ta' Babilonja u tgħixu. Għaliex għandha din il-belt issir ħerba? [Ġer:27:18] Jekk inhuma tassew profeti u għandhom il-kelma tal-Mulej magħhom, ħalli jitolbu lill-Mulej ta' l-eżerċti biex it-tagħmir li għad baqa' fit-tempju tal-Mulej u fil-palazz tas-sultan ta' Ġuda u f'Ġerusalemm ma jmorrux f'Babilonja.

 

[Ġer:27:19] "Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti dwar il-kolonni u l-ħawt tal-bronż u l-imqagħad u l-bqija tat-tagħmir li għad baqa' f'din il-belt, [Ġer:27:20] li ma ħax Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, meta ħa lil Ġekonija bin Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, minn Ġerusalemm għal Babilonja, u l-kbarat kollha ta' Ġuda u Ġerusalemm fl-eżilju.

 

[Ġer:27:21] "Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, dwar it-tagħmir li għad fadal fit-tempju tal-Mulej u fil-palazz tas-sultan ta' Ġuda u Ġerusalemm: [Ġer:27:22] 'Kollox għad jittieħed f'Babilonja u hemm jibqgħu saż-żmien meta nfittixhom jien, oraklu tal-Mulej, u ntellagħhom u nġibhom lura f'dan il-post.' "

 

28. Ġeremija u Ħananija l-profeta falz

 

[Ġer:28:1] F'dik is-sena, fil-bidu tas-saltna ta' Sedekija, sultan ta' Ġuda, fil-ħames xahar tar-raba' sena, Ħananija bin Għażżur, profeta minn Gibgħon, ġie fit-tempju tal-Mulej, u taħt għajnejn il-qassisin u l-poplu kollu qalli: [Ġer:28:2] "Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Jien kissirt il-madmad tas-sultan ta' Babilonja. [Ġer:28:3] Sa sentejn oħra, nġib lura f'dan il-post it-tagħmir kollu tat-tempju tal-Mulej li Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja, ħa minn dan il-post u ġarru fil-Babilonja. [Ġer:28:4] u nraġġa' lura wkoll lejn dan il-post lil Ġekonija bin Ġeħojakim, is-sultan ta' Ġuda, u wkoll l-itturufnati kollha ta' Ġuda li marru f'Babilonja, oraklu tal-Mulej, għax se nkisser il-madmad ta' Babilonja."

 

[Ġer:28:5] Mbagħad il-profeta Ġeremija wieġeb lil Ħananija           l-profeta taħt għajnejn il-qassisin u taħt għajnejn il-poplu kollu, li kienu qegħdin fit-tempju tal-Mulej; [Ġer:28:6] u l-profeta Ġeremija qallu: "Sewwa! Jalla l-Mulej jagħmel hekk! Jalla l-Mulej jagħmel li jseħħ dak li għadek kemm ħabbart, u jġib lura f'dan il-post it-tagħmir tat-tempju  tal-Mulej u l-itturufnati kollha minn Babilonja. [Ġer:28:7] Madankollu nitolbok tisma' dan li se ngħidlek f'widnejk u f'widnejn il-poplu kollu. [Ġer:28:8] Il-profeti li ġew qabli u qablek, sa minn żmien ilu, ħabbru gwerra, ġuħ u pesta għal ħafna pajjiżi u saltniet kbar. [Ġer:28:9] Imma l-profeta li jħabbar is-sliem ma jingħarafx li hu profeta mibgħut tassew mill-Mulej, jekk mhux meta sseħħ il-ħaġa li l-profeta jkun ħabbar."

 

[Ġer:28:10] Mbagħad il-profeta Ħananija qabad il-madmad minn fuq għonq il-profeta Ġeremija u kissru, [Ġer:28:11] u qal Ħannanija quddiem il-poplu kollu: "Hekk jgħid il-Mulej: Sa sentejn oħra, hekk se nkisser minn fuq għonq il-ġnus kollha l-madmad ta' Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja."

 

U l-profeta Ġeremija qabad triqtu u telaq.

 

[Ġer:28:12] Wara li Ħananija, il-profeta, kien kisser il-madmad minn fuq għonq il-profeta Ġeremija, il-Mulej kellem lil Ġeremija u qallu: [Ġer:28:13] "Mur kellem lil Ħananija u għidlu: Hekk jgħid il-Mulej: 'Int kissirt madmad tal-ħatab, iżda minfloku għad ikollok madmad tal-ħadid.' [Ġer:28:14] Għax hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Madmad tal-ħadid inqiegħed fuq għonq dawn il-ġnus kollha, ħalli jaqgħu lsiera ta' Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja, u jaqduh; għax jien tajtu saħansitra l-bhejjem tax-xagħri.' "

 

[Ġer:28:15] Il-profeta Ġeremija qal lil Ħananija l-profeta: "Ħananija, ismagħni, nitolbok: ma kienx il-Mulej li bagħtek, imma int ġagħalt lil dan il-poplu jittama f'gidba. [Ġer:28:16] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: 'Ara, se nqaċċtek minn fuq wiċċ l-art, u inti tmut dis-sena stess għax bit-taħbir tiegħek ridt ixxewwex kontra l-Mulej!"

 

[Ġer:28:17] Ħananija l-profeta miet fis-seba' xahar ta' dik is-sena stess.

 

29. Ittra lill-itturufnati

 

[Ġer:29:1] Dan hu l-kliem ta' l-ittra li bagħat Ġeremija l-profeta minn Ġerusalemm lill-bqija ta' l-anzjani fl-eżilju u lill-qassisin u lill-profeti u lill-poplu kollu, li kien ħadhom Nabukodonosor fl-eżilju f'Babilonja minn Ġerusalemm, [Ġer:29:2] wara li kienu ħarġu Ġekonija, is-sultan, u                 r-reġina-omm u l-ewnuki u l-prinċpijiet ta' Ġuda u Ġerusalemm, in-nies tas-sengħa u l-ħaddieda. [Ġer:29:3] L-ittra ntbagħtet permezz ta' Elgħaxa bin Safan, u Ġemarija bin Ħilkija, li kien bagħathom Sedekija, sultan ta' Ġuda, lil Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, f'Babilonja. L-ittra kienet tgħid hekk:

 

[Ġer:29:4] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael,              lill-itturufnati li jien itturufnajt minn Ġerusalemm lejn Babilonja: [Ġer:29:5] 'Ibnu djar u għammru fihom; ħawwlu ġonna u kulu frotthom; [Ġer:29:6] iżżewwġu n-nisa u nisslu subjien u bniet; agħżlu nisa għal uliedkom u żewwġu lill-bniet tagħkom, biex jildu subjien u bniet. Oktru hemm, u tonqsux fl-għadd.

 

[Ġer:29:7] 'Fittxu l-ġid tal-pajjiż li tturufnajtkom fih, u itolbu lill-Mulej għalih, għax il-ġid tiegħu jkun il-ġid tagħkom.'

 

[Ġer:29:8] "Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Tħalluhomx iqarrqu bikom il-profeti li hemm f'nofskom u l-ħabbara tagħkom. Tagħtux widen għall-ħolm li qegħdin joħolmu. [Ġer:29:9] Għax m'hux veru li f'ismi qegħdin iħabbrulkom; jien ma bgħatthomx,' oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:29:10] "Għax dan jgħid il-Mulej: 'Malli jgħaddu s-sebgħin sena minn fuq Babilonja, jien inżurkom u ntemm il-wegħda t-tajba li nreġġagħkom lura lejn dan il-post. [Ġer:29:11] Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta' ġid u mhux ta' ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. [Ġer:29:12] Intom issejjħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom, [Ġer:29:13] tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b'qalbkom kollha, [Ġer:29:14] issibuni, oraklu tal-Mulej, u jiena nbiddel xortikom u niġborkom minn fost il-ġnus u mill-artijiet kollha li xerridtkom fihom, oraklu tal-Mulej, u nreġġagħkom lura lejn il-post li tturufnajtkom minnu.' "

 

[Ġer:29:15] "Billi intom għedtu: 'Qajjmilna l-Mulej profeti f'Babilonja', [Ġer:29:16] dan jgħid il-Mulej lis-sultan li qiegħed fuq it-tron ta' David u l-poplu kollu, li jgħammar f'din il-belt, ħutkom li ma ħarġux magħkom itturufnati. [Ġer:29:17] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Arawni, se nibgħat f'nofshom ix-xabla, il-ġuħ u l-pesta, u nagħmilhom bħat-tin imħassar li ma tiklux, tant kemm hu ħażin. [Ġer:29:18] U nsus għal warajhom bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta u nagħmel minnhom waħx għas-salniet kollha ta' l-art, saħta, tkexkix, daħk u għajb għall-ġnus kollha li fosthom inxerridhom, [Ġer:29:19] minħabba li ma semgħux kliemi, oraklu tal-Mulej, li jien bgħattilhom bla heda permezz tal-qaddejja tiegħi, il-profeti. [Ġer:29:20] Intom, imma, isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom l-itturufnati kollha, li jien bgħattkom minn Ġerusalemm f'Babilonja.

 

[Ġer:29:21] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti Alla ta' Iżrael dwar Aħab bin Kolaja u dwar Sedekija bin Magħxija, li qegħdin iħabbrulkom il-gideb f'ismi: Arawni, se nerħihom f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u joqtolhom quddiemkom. [Ġer:29:22] U mħabba fihom tintuża dis-saħta mill-itturufnati ta' Ġuda fil-Babilonja: 'Jalla l-Mulej jagħmillek bħalma għamel ma' Sedekija u ma' Aħab, li s-sultan ta' Babilonja xwiehom ħajjin bin-nar. [Ġer:29:23] Għax huma għamlu ħwejjeġ moqżieża f'Iżrael: żnew man-nisa ta' għajrhom u xandru kliem il-gideb f'ismi li jien ma kkmandajthomx. Jien nafu u nixhdu, oraklu tal-Mulej.'

 

[Ġer:29:24] "U lil Semajja, in-Neħelami, għidlu: [Ġer:29:25] 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Int bgħatt f'ismek ittra lill-poplu kollu li jgħammar f'Ġerusalemm, u lil Sefanija bin Magħxija, il-qassis, u lill-qassisin kollha u għedtilhom: [Ġer:29:26] 'Il-Mulej għamlek qassis minflok Ġeħojada, il-qassis, biex ikun hemm min jieħu ħsieb f'dar                 il-Mulej ta' kull bniedem miġnun li jħabbar, u torbtu, u tixħtu                       l-ħabs. [Ġer:29:27] Għaliex mela ma ċanfartx lil Ġeremija minn Għanatot, li qiegħed iħabbar fostkom? [Ġer:29:28] Għax bagħat jgħidilna f'Babilonja: 'Il-biċċa ġejja fit-tul. Ibnu djar u għammru fihom, xettlu ġonna u kulu frotthom.' "

 

[Ġer:29:29] Sefanija, il-qassis, qara din l-ittra lil Ġeremija. [Ġer:29:30] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:29:31] "Ibgħat għid lill-itturufnati kollha dan li ġej: 'Dan jgħid il-Mulej għal Semajja, in-Neħelami. Talli ħabbrilkom Semajja bla ma jien bgħattu u ġagħalkom tittamaw f'gidba, [Ġer:29:32] għalhekk dan jgħid il-Mulej: Arani, jien se nieħu ħsieb Semajja, in-Neħelami, u nislu: ma jibqagħlu 'l ħadd minnhom li jgħammar f'nofs dan il-poplu biex jara l-ġid li jien se nagħmel lill-poplu tiegħi, oraklu tal-Mulej, għax hu xandar              it-tixwix kontra l-Mulej."

 

30. Is-salvazzjoni ta' Iżrael

 

[Ġer:30:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej: [Ġer:30:2] "Dan jgħid il-Mulej Alla ta' Iżrael: ikteb fi ktieb il-kliem kollu li għedtlek. [Ġer:30:3] Għax, araw, ġejjin jiem, oraklu tal-Mulej, meta jien inbiddel ix-xorti tal-poplu tiegħi, Iżrael u Ġuda, jgħid il-Mulej, u nreġġagħhom lura lejn l-art li jien tajt lil missirijiethom biex tkun tagħhom."

 

[Ġer:30:4] Dan huwa l-kliem li qal il-Mulej għal Iżrael u għal Ġuda:

 

[Ġer:30:5] Dan jgħid il-Mulej:

"Smajna għajta tkexkxek,

għajta ta' biża', u mhux ta' sliem!

Ġer:30:6] Stħarrġu u taraw,

jekk raġel jistax jiled.

Għala mela rajt l-irġiel b'saħħithom,

kollha b'idejhom fuq ġenbejhom,

bħal mara fil-ħlas?

Għala l-uċuħ kollha sfaru?

[Ġer:30:7] Ah! Għax kbir hu dak il-Jum,

u m'hemmx bħalu!

Żmien ta' diqa jkun għal Ġakobb,

imma minnu joħroġ salv.

 

[Ġer:30:8] "U f'dak il-Jum, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, nkisser                 il-madmad tiegħu minn fuq għonqu u nżarrat l-irbit tiegħu, u ma jżommuhx aktar b'ilsir il-barranin. [Ġer:30:9] Huma jservu lill-Mulej Alla tagħhom u lil David, is-sultan tagħhom, li jien għad inqajjmilhom.

 

[Ġer:30:10] U int, Ġakobb il-qaddej tiegħi, la tibżax,

oraklu tal-Mulej,

u int Iżrael la titrigħedx.

Għax, arani, jien se neħilsek

minn pajjiż 'il bogħod;

u lil nislek minn art jasarhom;

u jerġa' lura Ġakobb, u jgħix fis-sliem,

u jkun fil-kwiet bla biża' ta' xejn.

[Ġer:30:11] Għax jiena miegħek,

oraklu tal-Mulej,

biex insalvak.

Għax nagħmel straġi mill-ġnus kollha,

li f'nofshom jien xerridtek.

Imma minnek ma nagħmilx straġi.

Nikkastigak skond ma ħaqqek;

b'xejn ma nħallikx żgur.

[Ġer:30:12] Għax dan jgħid il-Mulej: Ma hemmx

                                                             fejqan għalik;

il-ġerħa tiegħek ma tiddewwiex.

[Ġer:30:13] Ma hemmx min jieħu f'idejh il-kawża

                                                                     tiegħek;

għal ġerħitek m'għandekx duwa u fejqan.

[Ġer:30:14] Ħbiebek kollha nsewk, m'humiex ifittxuk.

Għax minħabba l-kotra ta' dnubietek

sawwattek bħallikieku kont l-għadu tiegħek,

widdibtek bl-aħrax,

għax kibru qatigħ ħtijietek.

[Ġer:30:15] Għalfejn tgħajjat bil-ġerħa tiegħek?

Ma tfiqx mit-tbenġil tiegħek;

minħabba l-kotra ta' dnubietek;

għax kibru ħtijietek

jien ġibt dan fuqek.

[Ġer:30:16] Għalhekk dawk kollha li belgħuk,

għad jibilgħuhom;

u l-għedewwa tiegħek ilkoll,

għad jispiċċaw fl-eżilju.

Dawk li neżżgħuk

għad ineżżgħuhom;

u dawk li għamlu minnek priża,

għad nagħmel minnhom priża jien.

[Ġer:30:17] U nagħlaqlek ġerħatek,

u nfejjqek mit-tbenġil tiegħek,

oraklu tal-Mulej.

Għax sejjħulek:  "L-abbandunata",

"Dik Sijon, ħadd jfittixha",

[Ġer:30:18] hekk jgħid il-Mulej:

Araw, se nbiddel ix-xorti ta' tined Ġakobb,

se nħenn  għall-għerejjex tiegħu:

il-belt tinbena fuq l-għolja tagħha;

jerġa' jitla' l-palazz fejn kien,

[Ġer:30:19] u minnhom joħroġ għana ta' radd il-ħajr

                                                        u għana ta' ferħ.

 

Nkattarhom, u ma jkunux ftit;

nkabbarhom u ma jiċkinux.

[Ġer:30:20] U wliedhom ikunu bħal qabel,

u quddiemi tinġabar ġemgħathom.

Jien nikkastiga l-għakkiesa tagħhom.

[Ġer:30:21] U l-prinċep tagħhom ikun wieħed

                                                                  minnhom;

u l-mexxej tagħhom joħroġ minn nofshom.

Jien inressqu lejja u hu jersaq lejja;

għax min se jissogra jersaq lejja minn rajh?

Oraklu tal-Mulej.

[Ġer:30:22] U intom tkunu  l-poplu tiegħi,

u jien inkun l-Alla tagħkom.

[Ġer:30:23] Arawh, ir-riefnu tal-Mulej!

Xegħel għadbu bħal tempesta qawwija,

li se tfaqqa' fuq ras il-ħżiena.

[Ġer:30:24] Għax is-saħna tal-Mulej ma terġax lura,

qabel ma tkun għamlet u temmet

ħsieb moħħu.

Fl-aħħar jiem għad tifhmuh sewwa."

 

31. Ir-restawrazzjoni tal-Poplu ta' Iżrael

 

[Ġer:31:1] "F'dak iż-żmien, oraklu tal-Mulej, jien inkun Alla tat-tribujiet kollha ta' Iżrael, u huma jkunu l-poplu tiegħi."

 

[Ġer:31:2] Dan jgħid il-Mulej: "Il-poplu li ħeles mis-sejf sab ħniena fid-deżert: Iżrael terraq lejn il-mistrieħ tiegħu."

 

[Ġer:31:3] Mill-bogħod il-Mulej deherlu: "Bi mħabba ta' dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik. [Ġer:31:4] Jien nerġa' nwaqqfek fuq riġlejk, o xebba ta' Iżrael, u inti tieqaf. Terġa' tiżżejjen bit-tnabar tiegħek, u toħroġ tiżfen ferrieħa. [Ġer:31:5] Terġa' tħawwel id-dwieli fuq il-muntanji tas-Samarija; il-bdiewa tiegħek iħawwlu u jiġbru l-ewwel frott. [Ġer:31:6] Għax jasal jum meta fuq il-muntanja ta' Efrajm l-għassiesa jgħajjtu u jgħidu: 'Qumu, ejjew nitilgħu Sijon għand il-Mulej, Alla tagħna.' "

 

[Ġer:31:7] Għax dan jgħid il-Mulej: "Għannu bil-ferħ għal Ġakobb, sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus. Xandru, faħħru u niedu: 'Il-Mulej salva l-poplu tiegħu, il-fdal ta' Iżrael.' [Ġer:31:8] Arani, se nġibhom minn art it-tramuntana, niġborhom minn truf l-art, lkoll kemm huma, l-għomja u z-zopop, in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas: kotra kbira terġa' lura hawn. [Ġer:31:9] Jiġu bil-biki, imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura. Immexxihom lejn l-ilma ġieri, minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux. Għax jien missier għal Iżrael, u Efrajm hu ibni l-kbir.

 

[Ġer:31:10] "Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,

xandruha 'l bogħod fil-gżejjer:

għidu: 'Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,

u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.'

[Ġer:31:11] Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,

ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.

[Ġer:31:12] Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta' Sijon,

u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej;

minħabba l-qamħ, u l-inbid ġdid u ż-żejt,

u l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar;

u huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb,

ma jkunux iżjed mifnija.

 

[Ġer:31:13] "Mbagħad jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,

jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ;

u jiena nbiddel il-vistu tagħhom f'hena,

nfarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom.

[Ġer:31:14] Il-qassisin nimliehom bl-abbundanza,

u l-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu,"

oraklu tal-Mulej.

 

Ir-restawrazzjoni ta' Efrajm

 

[Ġer:31:15] Dan jgħid il-Mulej; "Nstama' leħen f'Rama, lfiq u biki kollu mrar, Rakel titbekka għal uliedha, ma tridx taf b'sabar, għax iżjed m'humiex."

 

[Ġer:31:16] Dan jgħid il-Mulej: "Żomm leħnek 'il bogħod                mill-biki, għajnejk 'il bogħod mid-dmugħ, għax hemm ħlas għal taħbitek, oraklu tal-Mulej, għax huma għad jerġgħu lura minn pajjiż l-għadu. [Ġer:31:17] Hemm tama għall-ġejjieni, oraklu tal-Mulej, uliedek għad jerġgħu lejn arthom.

 

[Ġer:31:18] "Jien smajt tajjeb lil Efrajm jitkarrab: 'Inti kkastigajtni, u jien ħadt il-kastig bħal għoġol bla taħriġ. Reġġagħni lura u jien nerġa' lura, għax inti l-Mulej Alla tiegħi. [Ġer:31:19] Wara li tbigħedt u ndimt, wara li tgħallimt, jien ħabbatt fuq wirki. Jien stħajt u tħawwadt, għax inġib fuqi l-għajb ta' żgħożiti.'

 

[Ġer:31:20] Jaqaw Efrajm l-iben għażiż! Jaqaw it-tfajjel ta' l-għaxqa tiegħi? Għax kull meta nitkellem kontrieh, jien niftakar aktar fih. Għalhekk ġewwenija mqanqla għalih; u żgur li nħenn għalih, oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:31:21] "Waqqaf għalik il-plieri, qiegħed għalik is-sinjali, moħħok hemm fuq il-mogħdija, it-triq li minnha għaddejt. Erġa' lura, xbejba ta' Iżrael, erġa' lura lejn blietek. [Ġer:31:22] Kemm se ddum ittalla' u tniżżel, ja bint xewwiexa? Il-Mulej ħalaq ħaġa ġdida fl-art: il-mara ddawwar ir-raġel."

 

Ir-restawrazzjoni ta' Ġuda

 

 [Ġer:31:23] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Meta jien inkun biddiltilhom xortihom fl-art ta' Ġuda u fi blietha, għad jerġgħu jgħidu dan il-kliem: 'Jalla jbierkek il-Mulej, għamara tas-sewwa, għolja qaddisa!' [Ġer:31:24] U għad jgħammru fiha Ġuda u blietha, il-bdiewa u dawk li jiġġerrew bl-imrieħel.

 

[Ġer:31:25] "Għax jien naħji kull ruħ mifnija, u nxabba' kull ruħ għajjiena. [Ġer:31:26] Għalhekk stenbaħt u ħarist, u ngħasi ħassejtu ħelu.

 

[Ġer:31:27] "Araw, għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta jien niżra' d-dar ta' Iżrael, u d-dar ta' Ġuda, b'żerriegħa                         tal-bniedem u b'żerriegħa tal-bhejjem. [Ġer:31:28] U jiġri li bħalma għassist fuqhom biex naqla' u nkisser, biex inġarraf u neqred, biex nagħmel il-ħsara, hekk ngħasses fuqhom biex nibni u nħawwel, oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:31:29] "F'dawk il-jiem ma jgħidux iżjed: 'il-missirijiet kielu l-għeneb qares, u ddarrsu snien l-ulied.' [Ġer:31:30] Iżda kull wieħed imut għal dnubu; kull min jiekol l-għeneb qares, jiddarrsu snienu."

 

Il-patt il-ġdid

 

[Ġer:31:31] "Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid ma' dar Iżrael u dar Ġuda; [Ġer:31:32] mhux bħall-patt li għamilt ma' missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:31:33] "Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma' dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f'qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. [Ġer:31:34] Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: 'Agħraf il-Mulej', għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx."

 

[Ġer:31:35] Dan jgħid il-Mulej,

li għamel ix-xemx għad-dawl binhar,

il-qamar u l-kwiekeb b'liġijiethom

għad-dawl billejl;

li jqanqal il-baħar u jgargru mwieġu,

Jaħweh ta' l-eżerċti ismu:

[Ġer:31:36] "Daqskemm qatt jistgħu jitwarrbu minn

                                                                    quddiemi

dawn il-liġijiet, oraklu tal-Mulej,

daqshekk nisel Iżrael jieqaf milli jkun

għal dejjem poplu quddiemi."

[Ġer:31:37] Dan jgħid il-Mulej:

"Jekk is-smewwiet fl-għoli jistgħu jitkejjlu,

u jinkixfu s-sisien tad-dinja minn taħt,

jien inwarrab in-nisel kollu ta' Iżrael,

għal kull ma għamlu,"

oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:31:38] "Araw, għad jiġu l-jiem, oraklu tal-Mulej, meta l-belt terġa' tinbena għall-Mulej, mit-torri ta' Ħananel sa Bieb ix-Xewka. [Ġer:31:39] U l-ħabel tal-kejl iwassal aktar 'il quddiem dritt sa l-għolja ta' Gareb u mbagħad idur lejn Gogħa. [Ġer:31:40] U l-wied kollu tal-katavri u l-irmied, u r-raba' kollu sal-wied ta' Kedron sax-xewka ta' Bieb iż-Żwiemel fuq il-lvant ikunu kkonsagrati lill-Mulej, u ma jkunu qatt iżjed imġarrfa jew meqruda."

 

32. Ġeremija jixtri għalqa

 

[Ġer:32:1] Il-kelma li ġiet 'il Ġeremija mingħand il-Mulej fl-għaxar sena ta' Sedekija, sultan ta' Ġuda, it-tmintax-il sena ta' Nabukodonosor. [Ġer:32:2] F'dak iż-żmien l-eżerċtu tas-sultan ta' Babilonja kien qiegħed jassedja 'l Ġerusalemm, u Ġeremija kien magħluq fil-bitħa ta' l-għassa li kien hemm fil-palazz tas-sultan ta' Ġuda. [Ġer:32:3] Kien għalqu Sedekija u qallu: "Għaliex qiegħed tħabbar u tgħid: 'Dan jgħid il-Mulej: Arani, sa nitlaq din il-belt f'idejn is-sultan ta' Babilonja, u hu jaħtafha. [Ġer:32:4] U Sedekija, sultan ta' Ġuda, ma jeħlishiex minn idejn il-Kaldin, għax se jkun mitluq żgur f'idejn is-sultan ta' Babilonja. Għad jitkellmu fomm għal fomm u jaraw lil xulxin wiċċ imb wiċċ. [Ġer:32:5] U Sedekija jiħduh f'Babilonja u jibqa' hemm sa ma nieħu ħsiebu jien, oraklu tal-Mulej. Għax jekk intom titqabdu mal-Kaldin, m'intom se tagħmlu xejn.'?"

 

[Ġer:32:6] U Ġeremija qal: "Ġietni l-kelma  tal-Mulej u qalli: [Ġer:32:7] Ara! Ħanamel bin Sallun, zijuk, ġej għandek biex jgħidlek: 'Ixtri għalik l-għalqa tiegħi li hemm f'Għanatot, għax int għandek id-dritt li tixtriha u tifdiha.' "

 

[Ġer:32:8] U ġie għandi Ħanamel, bin zijuwi, bħalma kien qalli l-Mulej, fil-bitħa ta' l-għassa u qalli: "Ixtri l-għalqa tiegħi li hemm f'Għanatot li tiġi fl-art ta' Benjamin, għax int għandek id-dritt tal-propjetā u tifdiha. Ixtriha!" U għaraft li kienet               il-kelma tal-Mulej.

 

[Ġer:32:9] U xtrajt l-għalqa mingħand Ħanamel, bin zijuwi, li kienet f'Għanatot, u wiżintlu l-flus, sbatax-il xekel                            tal-fidda.

 

[Ġer:32:10] U mbagħad ktibt il-kuntratt u ssiġillajtu, sejjaħt             ix-xhieda u wiżint il-flus fil-miżien. [Ġer:32:11] U ħadt il-kitba tax-xiri ssiġillata li kien fiha l-ftehim u l-kundizzjonijiet, u l-kopja miftuħa. [Ġer:32:12] U tajt dan il-kuntratt tax-xiri lil Bāruk bin Nerija, bin Maħseja, quddiem Ħanamel bin zijuwi, u quddiem ix-xhieda, li kienu ffirmaw dan il-kuntratt tax-xiri, u quddiem il-Lhud kollha li kienu qegħdin fil-bitħa ta' l-għassa. [Ġer:32:13] U ordnajt lil Bāruk quddiemhom u għedtlu: [Ġer:32:14] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Ħu dawn il-kitbiet, dan il-kuntratt tax-xiri, il-kopja ssiġillata u l-kopja l-miftuħa, u qegħedhom f'ġarra tal-fuħħar biex jibqgħu sħaħ għal ħafna żmien. [Ġer:32:15] Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Għad jerġgħu jinxtraw djar, raba' u oqsma tad-dwieli f'dan il-pajjiż.' "

 

It-talba ta' Ġeremija

 

[Ġer:32:16] U wara li tajt il-kuntratt tax-xiri lil Bāruk bin Nerija, tlabt lill-Mulej u għedtlu: [Ġer:32:17] "O Sidi, Mulej, ara, int għamilt is-smewwiet u l-art bil-qawwa kbira tiegħek u bi driegħek merfugħ, xejn m'hu impossibli għalik! [Ġer:32:18] Inti tagħmel il-ħniena għal elf ġenerazzjoni u tħallas il-ħażen tal-missirijiet f'ħoġor uliedhom warajhom. Int Alla kbir u qawwi, Jaħweh ta' l-eżerċti ismek! [Ġer:32:19] Kbir fl-għaqal u setgħan fl-għemil, għajnejk miftuħa fuq it-triqat kollha tal-bnedmin biex tagħti lil kulħadd skond imġibtu u skond frott għemilu. [Ġer:32:20] Int għamilt sinjali u għeġubijiet fl-art ta' l-Eġittu, u sa issa int għamilt isem fost Iżrael u l-bnedmin kollha, kif inhu llum. [Ġer:32:21] Int ħriġt il-poplu tiegħek Iżrael mill-art ta' l-Eġittu b'sinjali u għeġubijiet, u b'id qawwija u bi driegħek merfugħ, u b'biża' kbir. [Ġer:32:22] U inti tajthom din l-art li kont wegħedt u ħlift lil missirijiethom, li tagħtihom art tnixxi ħalib u għasel. [Ġer:32:23] U daħlu fiha, u ħaduha f'idejhom, imma ma semgħux minn kliemek, u ma mxewx skond il-liġi tiegħek, u kull ma int ordnajtilhom li jagħmlu ma għamluhx, u int ġibt fuqhom din il-ħsara kollha. [Ġer:32:24] Ara, issa r-rampi laħqu biex jieħdu l-belt, u l-belt tingħata f'idejn il-Kaldin, li qegħdin jaħbtu għaliha, minħabba x-xabla, il-ġuħ u l-pesta. Kull ma ħabbartilna int, qiegħed iseħħ. [Ġer:32:25] U inti, Sidi l-Mulej, għedtli: 'Ixtri għalik                       l-għalqa bil-flus, sejjaħ ix-xhieda', għax il-belt se tingħata f'idejn il-Kaldin!"

 

It-tweġiba ta' Alla

 

[Ġer:32:26] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:32:27] "Arani! Jien il-Mulej, Alla tal-bnedmin kollha: hemm xi ħaġa li ma tistax tkun għalija? [Ġer:32:28] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: Arani! Jien se nitlaq il-belt f'idejn il-Kaldin u f'idejn Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja, u jaħtfuha. [Ġer:32:29] U jiġu l-Kaldin jaħbtu għal din il-belt, jagħtuha                n-nar, u jaħarqu l-inċens lil Bagħal, u jsawwbu l-libazzjonijiet lil allat oħra biex jinkuni.

 

[Ġer:32:30] "Għax wlied Iżrael u wlied Ġuda m'għamlux ħlief ħażen taħt għajnejja sa minn żgħożithom; tassew, ulied Iżrael m'għamlux ħlief inkewni b'għemil idejhom, oraklu tal-Mulej. [Ġer:32:31] Għax din il-belt sa minn mindu bnewha sa llum kienet il-kaġun ta' l-għadab u l-qilla tiegħi; għalhekk issa jkolli niknisha minn quddiemi [Ġer:32:32] minħabba l-ħażen kollu ta' wlied Iżrael u wlied Ġuda li għamlu biex jinkuni, huma, is-slaten tagħhom, il-prinċpijiet tagħhom, il-qassisin tagħhom, il-profeti tagħhom u n-nies ta' Ġuda u dawk li jgħammru f'Ġerusalemm. [Ġer:32:33] Huma dawwru wiċċhom minni u tawni daharhom. Jien għallimthom bla heda, imma huma ma semgħux, u ma kinux lesti jieħdu l-korrezzjoni. [Ġer:32:34] Anzi waslu saħansitra li jwaqqfu l-qżież ta' l-idoli tagħhom fid-dar fejn jissejjaħ ismi, u jniġġsuha. [Ġer:32:35] U bnew is-santwarji ta' Bagħal f'wied Ben Ħinnom biex jgħaddu min-nar lis-subjien u bniet tagħhom f'ġieħ Molok, ħaġa li jien ma ordnajthilhomx; qatt ma għaddieli minn moħħi li nagħmel ħaġa mistmella bħal din, li nwaqqa' fid-dnub lil Ġuda.

 

[Ġer:32:36] "Issa għalhekk: Dan jgħid il-Mulej Alla ta' Iżrael, dwar din il-belt, li intom qegħdin tgħidu li 'se tintreħa f'idejn is-sultan ta' Babilonja bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta': [Ġer:32:37] Arawni, jien niġborhom mill-artijiet kollha li fihom xerridthom fl-għadab tiegħi, fis-saħna u l-qilla kbira tiegħi, u nġibhom lura f'dan il-post, u nagħmel li jgħammru fiż-żgur b'moħħhom mistrieħ. [Ġer:32:38] U huma jkunu l-poplu tiegħi, u jien inkun Alla tagħhom. [Ġer:32:39] U nagħtihom qalb waħda u nqabbadhom triq waħda, biex dejjem ikollhom il-biża' tiegħi għall-ġid tagħhom u ta' wliedhom warajhom. [Ġer:32:40] U nagħmel magħhom patt għal dejjem li ma niqafx milli nagħmlilhom il-ġid. U nqiegħed il-biża' tiegħi f'qalbhom, biex ma jitbegħdux minni. [Ġer:32:41] L-għaxqa tiegħi tkun li nagħmlilhom il-ġid u nħawwilhom f'din l-art fis-sewwa, b'qalbi kollha u b'ruħi kollha.

 

[Ġer:32:42] "Għax dan jgħid il-Mulej: 'Kif ġibt fuq dan                     il-poplu din il-ħsara kollha, hekk issa għad inġib fuqhom il-ġid kollu li jien wegħedthom. [Ġer:32:43] U jibqa' jinxtara r-raba' f'din l-art li intom qegħdin tgħidu li 'se ssir ħerba, bla nies u bla bhejjem, u tingħata f'idejn il-Kaldin'. [Ġer:32:44] Jinxtara r-raba' bil-flus, jinkitbu l-kuntratti, jissiġillawhom u jissejjħu x-xhieda fl-art ta' Benjamin u fl-inħawi ta' Ġerusalemm, fl-ibliet ta' Ġuda u fl-ibliet tal-muntanji, u fl-ibliet tas-Sefela u fl-ibliet tan-Negeb, għax jien għad inbiddlilhom xortihom,' oraklu tal-Mulej."

 

33. Ir-restawrazzjoni ta' Ġerusalemm

 

[Ġer:33:1] U ġiet il-kelma tal-Mulej għat-tieni darba lil Ġeremija, meta kien għadu magħluq fil-bitħa ta' l-għassa u qallu: [Ġer:33:2] "Dan jgħid il-Mulej, li għamel l-art, sawwarha u wettaqha, Jaħweh ismu: [Ġer:33:3] 'Sejjaħli u jien inwieġbek u ngħidlek bi ħwejjeġ kbar, ħwejjeġ mistura li int ma toħlomhomx.'

 

[Ġer:33:4] "Għax dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael, dwar id-djar ta' din il-belt u d-djar tas-sultan ta' Ġuda mġarrfin minħabba l-assedju u x-xabla. [Ġer:33:5] Il-Kaldin ġejjin biex jissieltu u jimlewhom bl-iġsma mejta ta' nies li jien drabt fl-għadab u l-qilla tas-saħna tiegħi. Jien ħbejt wiċċi minn din il-belt minħabba l-ħażen kollu tagħhom.

 

[Ġer:33:6] "Arawni, jien se nagħlqilhom il-ġerħa; ndewwihom u nfejjaqhom, u nurihom il-kotra tas-sliem sħiħ għal dejjem. [Ġer:33:7] U jien inbiddel ix-xorti ta' Ġuda u x-xorti ta' Iżrael, u nibnihom bħalma kienu fil-bidu. [Ġer:33:8] U nnaddafhom mill-ħażen kollu tagħhom li bih offendewni u naħfrilhom dnubiethom kollha li bihom offendewni u qamu kontrija. [Ġer:33:9] U din il-belt tkun għalija ferħ, tifħir, u glorja fost                   il-popli ta' l-art, li għad jisimgħu bil-ġid li nkun għamilt magħhom. U dawn għad jitbeżżgħu u jitriegħdu minħabba l-ġid kollu u s-sliem li għad nagħmlilhom.

 

[Ġer:33:10] "Dan jgħid il-Mulej: F'dan il-post li intom qegħdin tgħidu: 'Sar ħerba, bla nies li jgħixu fihom u bla bhejjem', u                 bl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm, mħarbtin, bla nies u bla bhejjem, għad jinstema' [Ġer:33:11] l-għajat ta' ferħ u l-għajat ta' hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa, l-għana ta' dawk li jgħidu: 'Faħħru lill-Mulej ta' l-eżerċti, għax tajjeb il-Mulej, u l-ħniena tiegħu għal dejjem', huma u jġibu f'dar il-Mulej l-offerti ta' radd il-ħajr; għax jien inbiddel ix-xorti tal-pajjiż bħalma kien fil-bidu, jgħid il-Mulej.

 

[Ġer:33:12] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Għad ikun hawn f'dan il-post, mħarbat, bla nies u bla bhejjem, u fl-ibliet kollha tiegħu, mergħat fejn ir-rgħajja jserrħu l-imrieħel tagħhom. [Ġer:33:13] Fl-ibliet kollha tal-muntanji, fl-ibliet tas-Sefela, fl-ibliet tan-Negeb, fl-art ta' Benjamin u fl-inħawi ta' madwar Ġerusalemm, fl-ibliet ta' Ġuda, għad jgħaddu l-imrieħel minn taħt idejn min jgħoddhom, jgħid il-Mulej."

 

Restawrazzjoni tal-monarkija

 

[Ġer:33:14] "Ara, għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda l-ġid li wegħedthom. [Ġer:33:15] F'dawk il-jiem u f'dak iż-żmien intalla' min-nisel ta' David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż. [Ġer:33:16] F'dawk il-jiem Ġuda jinħeles u Ġerusalemm tgħammar b'moħħha mistrieħ, u għalhekk isejjħulha: 'Il-Mulej is-sewwa tagħna.'

 

[Ġer:33:17] "Għax dan jgħid il-Mulej; 'Ma jonqos qatt bniedem min-nisel ta' David biex joqgħod fuq it-tron ta' dar Iżrael. [Ġer:33:18] U ma jonqosx bniedem min-nisel tal-qassisin ta' Levi minn quddiemi biex joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq u jaħraq l-offerti u jagħmel is-sagrifiċċji kull jum.' "

 

[Ġer:33:19] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:33:20] "Dan jgħid il-Mulej: Jistax jinkiser il-patt tiegħi mal-jum u l-patt tiegħi mal-lejl, b'mod li ma jkunx hemm jum jew lejl f'waqthom? [Ġer:33:21] Daqshekk ieħor jista' jinkiser il-patt tiegħi ma' David, il-qaddej tiegħi, u ma jkun hemm ħadd minn uliedu li jsaltan fuq it-tron tiegħu, u mal-Leviti, il-qassisin, qaddejja tiegħi. [Ġer:33:22] Għax daqs kemm huma l-qtajja' tas-smewwiet li ma jingħaddux u r-ramel  tal-baħar li ma jitkejjilx, daqshekk ieħor għad inkattar nisel David u                  l-Leviti jservuni."

 

[Ġer:33:23] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:33:24] "Ma rajtx x'inhu jgħid dan il-poplu: 'Il-Mulej warrab iż-żewġ tribujiet li kien għażel?' Hekk qegħdin imaqdru l-poplu tiegħi u ma jqisuhx aktar nazzjon f'għajnejhom.

 

[Ġer:33:25] "Dan jgħid il-Mulej: 'Irid ma jkunx hemm aktar patt bejni u bejn il-jum u l-lejl, irid ma nżommx il-liġijiet tas-sema u l-art, [Ġer:33:26] biex tassew inwarrab nisel Ġakobb u David il-qaddej tiegħi u ma nagħżilx aktar min-nisel tiegħu nies li jsaltnu fuq nisel Abraham, Iżakk u Ġakobb. Għax jien għad inbiddlilhom xortihom u nħenn għalihom.' "

 

34. Ġeremija jwiddeb lil Sedekija

 

[Ġer:34:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej, meta Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, l-eżerċtu tiegħu kollu, is-saltniet kollha ta' l-art taħt il-ħakma ta'idejh, u l-popli kollha kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm u l-ibliet tagħha, u qallu: [Ġer:34:2] "Dan jgħid il-Mulej Alla ta' Iżrael: mur u kellem lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, u għidlu: 'Dan jgħid il-Mulej: Arani se nerħi din il-belt f'idejn is-sultan ta' Babilonja, u dan jaħraqha bin-nar. [Ġer:34:3] U int ma teħlishiex minn idejh, għax jaqbduk żgur u jerħuk f'idejh, u s-sultan ta' Babilonja tarah wiċċ imbwiċċ, u hu jkellmek minn fomm għal fomm. U int tmur Babilonja.

 

[Ġer:34:4] "Imma isma' l-kelma tal-Mulej, inti Sedekija, sultan ta' Ġuda; għax dan jgħidlek il-Mulej: Int ma tmutx bix-xabla! [Ġer:34:5] Tmut fis-sliem, u bħalma ħarqu l-bħur għal missirijietek li kienu qablek sa mill-bidu, hekk għad jaħarqu l-bħur għalik u jitniehdu għalik: 'Jaħasra, sidi!' Għax jien għedt din il-kelma." Oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:34:6] U kellem il-profeta Ġeremija lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, u qallu dan il-kliem kollu f'Ġerusalemm, [Ġer:34:7] meta l-eżerċti tas-sultan ta' Babilonja kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm u għall-bqija kollha ta' l-ibliet ta' Ġuda - Lakis u Għażeka - għax dawn biss kien għad fadal mill-ibliet iffortifikati kollha ta' Ġuda.

 

It-tradiment ta' l-għonja

 

[Ġer:34:8] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej wara li s-sultan Sedekija kien għamel patt mal-poplu li kien f'Ġerusalemm, meta kien nidielhom il-ħelsien, [Ġer:34:9] jiġifieri, li kulħadd jibgħat ħieles l-ilsir tiegħu Lhudi u kull wieħed l-ilsira tiegħu Lhudija, u b'hekk ħadd aktar ma jżomm fil-jasar lil ħutu Lhud. [Ġer:34:10] U l-prinċpijiet u l-poplu li kienu daħlu f'dan il-patt li kull wieħed jibgħat ħieles l-ilsir tiegħu u kull wieħed l-ilsira tiegħu, sabiex ma jżommhomx aktar fil-jasar, semgħu u bagħtuhom ħielsa. [Ġer:34:11] Imma mbagħad reġgħu lura minn kelmthom u reġgħu ħadu lura dawn l-ilsiera, rġiel u nisa, li kienu bagħtuhom ħielsa, u għamlu minnhom ilsiera, rġiel u nisa, mill-ġdid.

 

Kastig għal kulħadd

 

[Ġer:34:12] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:34:13] "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Jien kont dħalt f'patt ma' missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar, u għedtilhom: [Ġer:34:14] 'Fi tmiem is-seba' snin int għandek tibgħat ħieles lil ħuk Lhudi, li jkun inbiegħ lilek; hu jaħdimlek għal sitt snin, mbagħad tibagħtu ħieles minn miegħek!' Imma missirijietkom ma semgħux minni u anqas tawni widen.

 

[Ġer:34:15] "Intom illum indimtu, u għamiltu s-sewwa f'għajnejja, u nidejtu l-ħelsien kull wieħed lil għajru, u għamiltu patt quddiemi fid-dar li fuqha jissejjaħ ismi. [Ġer:34:16] Imma issa rġajtu lura minn kelmtkom, u kasbartu ismi; rġajtu ħadtu lura kull wieħed l-ilsir tiegħu u kull wieħed l-ilsira tiegħu, li kontu bgħattuhom ħielsa b'rajhom f'idejhom u ġegħeltuhom iservukom ta' lsiera, rġiel u nisa.

 

[Ġer:34:17] "Għalhekk dan jgħid il-Mulej: Intom ma smajtux minni li tniedu l-ħelsien, kull wieħed lil ħuh u kull wieħed li għajru. Arawni, issa nnidilkom il-ħelsien, oraklu tal-Mulej. Nerħikom għax-xabla, għall-pesta, u għall-ġuħ, u nagħmel minnkom waħx għas-saltniet kollha ta' l-art. [Ġer:34:18] U dawk li kisru l-patt tiegħi, li ma żammewx il-kelma tal-patt li għamlu quddiemi, nagħmlilhom bħall-għoġol, li qasmu fi tnejn, u għaddew minn bejn il-bċejjeċ tiegħu.

 

[Ġer:34:19] "U l-prinċpijiet ta' Ġuda, u l-prinċpijiet ta' Ġerusalemm, l-uffiċjali u l-qassisin, u l-poplu kollu ta' l-art, li għaddew minn bejn il-bċejjeċ ta' l-għoġol, [Ġer:34:20] lil dawn kollha se nerħihom f'idejn l-għedewwa tagħhom, u f'idejn dawk li qegħdin ifittxulhom ħajjithom, u l-iġsma mejta tagħhom ikunu ikel għat-tajr ta' l-ajru, u l-bhejjem ta' l-art. [Ġer:34:21] Lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu nerħihom f'idejn l-għedewwa tagħhom u f'idejn dawk li qegħdin ifittxulhom ħajjithom, u f'idejn l-eżerċtu tas-         sultan ta' Babilonja, li qegħdin jitbiegħdu minnkom.

 

[Ġer:34:22] "Arawni, se nagħti ordni, oraklu tal-Mulej, u nreġġagħhom lura għal din il-belt, jaħbtu għaliha, jaqbduha f'idejhom, u jaħarquha bin-nar. L-ibliet ta' Ġuda ħerba nagħmel minnhom u ħadd ma jgħammar fihom."

 

35. Ir-Rekabin

 

[Ġer:35:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej fi żmien Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, u qallu: [Ġer:35:2] “Mur fid-dar tar-Rekabin, kellimhom u ġibhom f'dar il-Mulej f'waħda mill-kmamar, u isqihom l-inbid.”

 

 [Ġer:35:3] Jiena għalhekk ħadt lil Ġażanija bin Ġeremija, bin Ħabassinija, u 'l ħuh, u 'l uliedu kollha, u d-dar kollha                            tar-Rekabin, [Ġer:35:4] u daħħalthom fid-dar tal-Mulej fil-kamra ta' wlied Ħanan bin Igdalija, bniedem ta' Alla, li kien qrib il-kamra tal-prinċpijiet fuq il-kamra ta' Magħxija bin Sallum, Għassies l-Għatba.

 

[Ġer:35:5] U jien qegħedt quddiem il-familja tar- Rekabin tazzi u kwies mimlijin bl-inbid u għedtilhom: “Ixorbu l-inbid.” [Ġer:35:6] U huma qaluli: "Ma nixorbux inbid! Għax Ġeħonadab bin Rekab ordnalna u qalilna: La tixorbu qatt inbid, la intom u lanqas uliedkom. [Ġer:35:7] Tibnux djar, u tiżirgħux żerriegħa, ixxettlux dwieli, u ma jkollkom anqas waħda, għaliex intom tgħixu fit-tined għomorkom kollu, biex tgħixu għal ħafna żmien fuq wiċċ l-art li intom fiha nies stranġiera. [Ġer:35:8] Aħna smajna mill-kelma ta' Ġeħonadab bin Rekab, missierna, u qgħadna għal kull ma ordnalna, jiġifieri li ma nixorbux inbid ħajjitna kollha, aħna, niesna, in-nisa tagħna, is-subjien u l-bniet tagħna; [Ġer:35:9] li ma nibnux djar biex ngħammru fihom u li ma jkollniex dwieli, raba' jew għelieqi għaż-żrigħ. [Ġer:35:10] Aħna ngħixu fit-tined u smajna u għamilna kull ma ordnalna Ġeħonadab, missierna. [Ġer:35:11] Meta, mbagħad, Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, tela' għall-pajjiż għedna: Ejjew ħa mmorru Ġerusalemm biex neħilsu mill-eżerċtu tal-Kaldin u mill-eżerċtu ta' l-Aramin; u hekk bqajna ngħammru f'Ġerusalemm."

 

Id-diżubbidjenza ta' Ġuda

 

[Ġer:35:12] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:35:13] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, mur u għid lin-nies ta' Ġuda u n-nies li joqogħdu Ġerusalemm: 'Ma teħdux intom it-tagħlima u tisimgħu minn kliemi? Oraklu tal-Mulej.'

 

[Ġer:35:14] "Kliem Ġeħonadab bin Rekab seħħ, li bih ordna lil uliedu li ma jixorbux inbid; u huma ma xorbuhx sa llum, għax qagħdu għall-ordni ta' missierhom. U jiena kellimtkom fuq li kellimtkom bla heda, u intom ma smajtux minni. [Ġer:35:15] U jien bgħattilkom fuq li bgħattilkom bla heda l-qaddejja tiegħi l-profeti biex jgħidulkom: 'Erġgħu kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina, u tejjbu għemilkom, u la tmorrux wara allat oħra biex isservuhom, u hekk tkunu tistgħu tgħammru fl-art li tajt lilkom u lil missirijietkom’; u intom la tajtuni widen u lanqas smajtu minni.

 

[Ġer:35:16] "Għax tassew żammew ulied Ġeħonadab bin Rekab, l-ordni li tahom missierhom, imma minni dan il-poplu ma semax. [Ġer:35:17] Għalhekk dan jgħid il-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Arawni, se nġib fuq Ġuda u fuq in-nies li jgħammru f'Ġerusalemm il-ħsara kollha li semmejtilhom għax jien kellimthom u huma ma semgħux, sejjaħtilhom u huma ma weġbux.' "

 

[Ġer:35:18] U kellem Ġeremija lid-dar tar-Rekabin: "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Talli intom obdejtu l-ordni ta' Ġeħonadab missierkom, u ħaristu l-preċetti tiegħu, u għamiltu kollox skond ma ordnalkom, [Ġer:35:19] għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Ma jonqos qatt li xi ħadd min-nisel ta' Ġeħonadab bin Rekab ikun dejjem quddiemi.' "

 

36. Il-Profeta jikteb l-orakli tiegħu

 

[Ġer:36:1] U ġara li fir-raba' sena ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, ġiet din il-kelma lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:36:2] "Ħu romblu tal-kitba, u ikteb fuqu l-kliem kollu li jien għedtlek dwar Iżrael, u dwar Ġuda, u dwar il-ġnus kollha minn mindu kellimtek fi żmien Ġosija sa dan il-jum. [Ġer:36:3] Għandu mnejn id-dar ta' Ġuda, meta jisimgħu bil-ħsara li għandi f'rasi li nagħmlilhom, jerġgħu kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina, u jien naħfrilhom ħżunithom u dnubiethom."

 

[Ġer:36:4] U Ġeremija sejjaħ lil Bāruk bin Nerija, u Bāruk beda jikteb minn fomm Ġeremija l-kliem kollu tal-Mulej, li l-Mulej kien qallu, fuq ir-romblu tal-kitba.

 

Il-qari ta' l-orakli fit-tempju

 

[Ġer:36:5] U Ġeremija ordna lil Bāruk u qallu: "Miżmum kif jien, ma nistax immur f'dar il-Mulej. [Ġer:36:6] Mur int u aqra mill-ktieb kull ma ktibt minn fommi, il-kliem tal-Mulej, f'widnejn il-poplu, f'dar il-Mulej, f'jum ta' sawm. Aqrah ukoll f'widnejn in-nies ta' Ġuda li jiġu minn blietha. [Ġer:36:7] Għandu mnejn it-talb tagħhom jasal sa quddiem il-Mulej, u jerġgħu, kull wieħed minnhom, lura minn triqtu l-ħażina għax kbira hija l-korla u s-saħna tal-Mulej li bihom hedded lil dan il-poplu.”                                     

 

[Ġer:36:8] U Bāruk bin Nerija għamel kollox skond ma ordnalu Ġeremija, il-profeta, u qara mill-ktieb il-kliem tal-Mulej f'dar                            il-Mulej.

 

[Ġer:36:9] Ġara li fil-ħames sena ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, fid-disa' xahar, nidew sawma quddiem il-Mulej għan-nies ta' Ġerusalemm, u għall-poplu kollu ta' l-ibliet ta' Ġuda, li kien tela' Ġerusalemm.

 

[Ġer:36:10] U Bāruk qara mill-ktieb f'widnejn il-poplu kollu l-kliem ta' Ġeremija f'dar il-Mulej, fil-kamra ta' Ġemarija bin Safan, il-kittieb, fil-bitħa ta' fuq, fid-daħla ta' Bieb il-Ġdid ta' dar il-Mulej.

 

Il-qari fil-kamra ta' l-iskriba

 

[Ġer:36:11] U sama' Mikija bin Ġemarija, bin Safan, il-kliem kollu  tal-Mulej minn fuq il-ktieb. [Ġer:36:12] U niżel fil-palazz tas-sultan,  fil-kamra tal-kittieb, u kienu hemm il-prinċpijiet kollha: Elisama, il-kittieb, u Delaja bin Samajja, Elnatan bin Għakbor, u Ġemarija bin Safan, u Sedekija bin Ħananija u l-prinċpijiet l-oħra kollha. [Ġer:36:13] U Mikija għarrafhom bil-kliem kollu li kien sama' meta Bāruk kien qiegħed jaqra mill-ktieb f'widnejn il-poplu.

 

[Ġer:36:14] Mbagħad il-ġemgħa tal-prinċpijiet bagħtu lil Ġeħudi bin Netanija, bin Selemija, bin Kusi, għand Bāruk biex jgħidlu: "Aqbad f'idejk il-ktieb li kont taqra minn fuqu f'widnejn il-poplu, u ejja." U Bāruk bin Nerija qabad il-ktieb f'idejh u mar għandhom. [Ġer:36:15] U qalulu: "Oqgħod bilqiegħda u aqra minnu li nisimgħuk." U Bāruk beda jaqra li jisimgħuh. [Ġer:36:16] U ġara li malli semgħu dan il-kliem kollu beżgħu, u bdew iħarsu lejn xulxin, u jgħidu lil Bāruk: "Ikollna ngħarrfu lis-sultan b'dan kollu."

 

[Ġer:36:17] U Bāruk bdew jistħarrġuh u staqsewh: "Għidilna, jekk jogħġbok, kif ktibt dan il-kliem? Minn fommu?" [Ġer:36:18] U Bāruk weġibhom: "Hu beda jgħidli dan                  il-kliem b'fommu, u jiena kont nikteb bil-linka fuq dan                                 il-ktieb." [Ġer:36:19] U l-prinċpijiet wieġbu lil Bāruk: "Mur u nħeba, int u Ġeremija, u ħadd m'għandu jkun jaf fejn intom."

 

Is-sultan jaħraq il-ktieb

 

[Ġer:36:20] Huma mbagħad marru għand is-sultan, f'daru, fil-kamra tiegħu, wara li ħallew ir-romblu fil-kamra ta' Elisama l-kittieb, u għarrfu lis-sultan b'kull ma kien ġara.

 

[Ġer:36:21] U s-sultan bagħat lil Ġeħudi jġib il-ktieb, u dan ħadu mill-kamra ta' Elisama l-kittieb. U Ġeħudi beda jaqrah f'widnejn is-sultan u f'widnejn il-prinċpijiet li kienu ħdejn                     is-sultan. [Ġer:36:22] Is-sultan kien qiegħed fil-palazz tax-xitwa; kien id-disa' xahar, u quddiemu kien hemm kenur imkebbes. [Ġer:36:23] U ġara li kull meta Ġeħudi kien jaqra tlieta jew erba' kolonni, is-sultan kien iqattagħhom b'mus ta' l-iskriba, iwaddabhom fin-nar fil-kenur, sakemm il-ktieb kollu ntemm fin-nar li kien hemm fil-kenur. [Ġer:36:24] U ma beżgħux, u anqas ċarrtu ħwejjiġhom, la s-sultan u lanqas il-qaddejja tiegħu li kienu semgħu dan il-kliem kollu. [Ġer:36:25] Għalkemm Elnatan, Delaja, u Ġemarija għafsu fuq is-sultan biex ma jaħraqx il-ktieb, hu ma semax minnhom. [Ġer:36:26] Anzi s-sultan ordna lil Ġeraħmijel, bin is-sultan, u lil Xeraja bin Għażrijel, u lil Selemija bin Għabdel, li jaqbdu lil Bāruk, il-kittieb, u lil Ġeremija l-profeta; imma l-Mulej kien ħbiehom.

 

It-tieni edizzjoni tal-ktieb

 

[Ġer:36:27] U wara li s-sultan kien ħaraq il-ktieb u l-kliem li kien kiteb Bāruk minn fomm Ġeremija, ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:36:28] "Erġa' ħu romblu ieħor u ikteb fuqu l-kliem kollu ta' qabel li kien hemm fil-ktieb ta' qabel, li ħaraq Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda. [Ġer:36:29] U lis-sultan Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, tgħidlu: 'Dan jgħid il-Mulej: Int ħraqt dan il-ktieb u għedt: Għala ktibt fuqu u għedt: Għad jiġi s-sultan ta' Babilonja u jħarbat dan il-pajjiż u jeqred minnu bnedmin u bhejjem? [Ġer:36:30] Għalhekk dan jgħid il-Mulej dwar Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda: ma jkollu 'l ħadd minn nislu li joqgħod fuq  it-tron ta' David, u l-katavru tiegħu jintrema barra għas-sħana binhar u għall-ksieħ billejl. [Ġer:36:31] Jiena nikkastiga lilu u lil nislu, u l-qaddejja tiegħu għal ħżunithom, u nġib fuqhom u fuq min jgħammar f'Ġerusalemm u fuq in-nies ta' Ġuda, il-ħsara kollha li heddidthom biha, u ma semgħux."

 

[Ġer:36:32] U Ġeremija ħa romblu ieħor u tah lil Bāruk bin Nerija, il-kittieb, u kiteb fuqu minn fomm Ġeremija l-kliem kollu li kien hemm fil-ktieb li kien ħaraq fin-nar Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda; u żied magħhom ħafna kliem ieħor bħal dan.

 

37. Sedekija u l-Profeta

 

[Ġer:37:1] Kien isaltan is-sultan Sedekija bin Ġosija minflok Konija bin Ġeħojakim, li kien għamlu sultan fuq l-art ta' Ġuda Nabukodonosor is-sultan ta' Babilonja. [Ġer:37:2] U ma semgħux minn kliem il-Mulej, li kien qalilhom permezz ta' Ġeremija, la hu, la l-qaddejja tiegħu u lanqas il-poplu tal-pajjiż.

 

[Ġer:37:3] U bagħat is-sultan Sedekija lil Ġeħukal bin Selemija u 'l Sefanija bin Magħxija, il-qassis, għand Ġeremija l-profeta biex jgħidulu: "Itlob għalina l-Mulej, Alla tagħna." [Ġer:37:4] U l-profeta Ġeremija kien dieħel u ħiereġ f'nofs il-poplu, għax kien għadhom ma tefgħuhx il-ħabs. [Ġer:37:5] L-eżerċtu tal-Fargħun kien ħareġ mill-Eġittu, u malli semgħu b'din l-aħbar, il-Kaldin, li kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm, qabdu u telqu minn madwar Ġerusalemm.

 

[Ġer:37:6] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija l-profeta u qallu: [Ġer:37:7] "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Dan għandkom tgħidulu lis-sultan ta' Ġuda, li bagħatkom għandi tistħarrġuni: Ara l-eżerċtu tal-Fargħun, li ħareġ biex jgħinkom, se jerġa' lura lejn pajjiżu fl-Eġittu; [Ġer:37:8] u l-Kaldin jerġgħu lura biex jaħbtu għal din il-belt, u jaħtfuha, u jagħtuha n-nar."

 

[Ġer:37:9] Dan jgħid il-Mulej: "La titqarrqux u tgħidu: 'Jitilqu żgur minn madwarna l-Kaldin', għax ma jitilqux. [Ġer:37:10] Lanqas jekk tkissru l-eżerċtu kollu tal-Kaldin, li qegħdin jaħbtu għalikom, u jibqa' minnhom biss miġruħin, kull wieħed fit-tinda tiegħu, dawn iqumu u 'l din il-belt jagħtuha                       n-nar."

 

[Ġer:37:11] Ġara, mbagħad, li malli l-Kaldin refgħu l-kamp minn madwar Ġerusalemm minħabba l-eżerċtu tal-Fargħun, [Ġer:37:12] Ġeremija ħareġ minn Ġerusalemm biex imur fl-art ta' Benjamin ħalli jaqsam il-wirt ma' niesu. [Ġer:37:13] U kif Ġeremija kien fil-Bieb ta' Benjamin, u kien hemm il-kap ta' l-għassa jismu Irija bin Selemija, bin Ħananija, u dan waqqaf lil Ġeremija l-profeta u qallu: "Int sejjer mal-Kaldin!" [Ġer:37:14] U Ġeremija qallu: "M'hux veru. M'iniex sejjer għand il-Kaldin." Imma dan ma emmnux. Mbagħad Irija qabad lil Ġeremija u ħadu għand il-prinċpijiet. [Ġer:37:15] Dawn xegħlu għal Ġeremija, u ħabtu għalih, u xeħtuh fil-ħabs fid-dar ta' Ġonatan, il-kittieb, li kienu għamluha ħabs. [Ġer:37:16] U lil Ġeremija niżżluh f'ġiebja bil- ħnejjiet, u dam hemm għal ħafna żmien.

 

[Ġer:37:17] U s-sultan Sedekija bagħat iġibu u beda jistħarrġu f'daru bil-moħbi u jgħidlu: "Hemm xi kelma mingħand il-Mulej?" U Ġeremija kien iwieġeb: "Hemm," u qallu: "Int tkun mogħti f'idejn is-sultan ta' Babilonja."

 

[Ġer:37:18] U Ġeremija qal ukoll lis-sultan Sedekija: "Fiex inqast jien kontra tiegħek, jew kontra dan il-poplu, biex xħettuni l-ħabs? [Ġer:37:19] U fejn huma l-profeti tagħkom li kienu jħabbrulkom u jgħidulkom: 'Ma jiġix is-sultan ta' Babilonja għalikom u għal dan il-pajjiż?' [Ġer:37:20] Issa ismagħni, jekk jogħġbok, sultan sidi; ħa tasal għandek it-talba tiegħi; terġax tibgħatni f'dar Ġonatan il-kittieb, li ma mmutx hemm." [Ġer:37:21] Is-sultan Sedekija ta ordni, u lil Ġeremija għalquh fil-bitħa ta' l-għassa; u kienu jagħtuh ħobża kuljum mit-triq tal-furnara, sakemm kien għad fadal ħobż fil-belt. U Ġeremija baqa' fil-bitħa ta' l-għassa.

 

38.Ġeremija mixħut f'bir

 

[Ġer:38:1] U Sefatija bin Mattan, u Gedalija bin Pasħur, u Ġukal bin Selemija u Pasħur bin Malakija semgħu l-kliem li Ġeremija kien jgħid lill-poplu kollu: [Ġer:38:2] "Dan jgħid il-Mulej: 'Min jibqa' f'din il-belt għad imut bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta. U min joħroġ għal mal-Kaldin jgħix u jikseb ħajtu daqs li kieku kienet priża, imma jibqa' ħaj. [Ġer:38:3] Dan jgħid il-Mulej: 'Żgur li din il-belt tingħata f'idejn l-eżerċtu tas-sultan ta' Babilonja u dan jaħtafha f'idejh.' "

 

[Ġer:38:4] Il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: "Ħalli jiġi maqtul dal-bniedem, għax b'dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed jaqta' qalb is-suldati li fadal f'din il-belt u qalb                    il-poplu kollu. Tassew, bniedem bħal dan m'huwiex ifittex il-ġid ta' dan il-poplu, imma l-qerda tiegħu."

 

[Ġer:38:5] U s-sultan Sedekija qalilhom: "Araw, f'idejkom, hu! Għax is-sultan ma jista' jagħmel xejn magħkom!" [Ġer:38:6] U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir ta' Malakija, bin is-sultan, li kien fil-bitħa ta' l-għassa; mbagħad lil Ġeremija niżżluh             bil-ħbula f'dan il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u Ġeremija għodos fil-ħama.

 

Għebed-melek italla' lill-profeta mill-bir

 

[Ġer:38:7] Għebed-melek, il-Kusi, fizzjal, kien qiegħed fil-palazz tas-sultan meta sama' li kienu tefgħu lil Ġeremija fil-bir. Issa s-sultan kien bilqiegħda ħdejn il-Bieb ta' Benjamin. [Ġer:38:8] Għebed-melek ħareġ mill-palazz tas-sultan, mar ikellmu u qallu: [Ġer:38:9] "Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f'kull ma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt."

 

[Ġer:38:10] Is-sultan imbagħad ordna lil Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: "Ħu miegħek tlitt irġiel minn dawn u mur tella' lil Ġeremija,  il-profeta, mill-bir, qabel ma jmut."

 

[Ġer:38:11] U Għebed-melek ħa dawn it-tlieta min-nies miegħu, u mar fil-palazz tas-sultan fil-maħżen                    tal-ħwejjeġ, u minn hemm ħa xi ċraret qodma u lbiesi mqattgħin, u niżżilhom bil-ħbula fil-bir lil Ġeremija.

 

 [Ġer:38:12] U Għebed-melek, il-Kusi, qal lil Ġeremija: "Isa, qiegħed dawn iċ-ċraret qodma taħt abtek minn taħt il-ħbula." U hekk għamel Ġeremija. [Ġer:38:13] U ġibdu lil Ġeremija bil-ħbula u tellgħuh mill-bir. U baqa' Ġeremija fil-bitħa ta'                l-għassa.

 

[Ġer:38:14] Is-sultan Sedekija bagħat iġib għandu lil Ġeremija, il-profeta, fit-tielet daħla li hemm f'dar il-Mulej, u s-sultan qal lil Ġeremija: "Se nistaqsik ħaġa, u taħbili ebda kelma." [Ġer:38:15] U Ġeremija wieġeb lil Sedekija: "Forsi ma tagħtinix il-mewt jekk ngħidlek? U jekk nagħtik parir se tisma' minni?" [Ġer:38:16] U s-sultan Sedekija ħalef lil Ġeremija bil-moħbi u qallu: "Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li ħalqilna din il-ħajja, ma noqtlokx u ma nagħtikx f'idejn in-nies li qegħdin ifittxulek ħajtek."

 

Ġeremija jwiddeb lil Sedekija

 

[Ġer:38:17] U Ġeremija qal lil Sedekija: "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Jekk int toħroġ għal għand il-fizzjali tas-sultan ta' Babilonja, ħajtek tkun salva u din il-belt ma jagħtuhiex in-nar, u tibqa' ħaj, int u darek. [Ġer:38:18] Imma jekk ma toħroġx tilqa' l-fizzjali tas-sultan ta' Babilonja, jien nitlaq din il-belt f'idejh il-Kaldin u jagħtuha n-nar, u int ma teħlishiex minn idejhom. ' "

 

[Ġer:38:19] U s-sultan Sedekija qal lil Ġeremija: "Jiena nibża' mil-Lhud li qalbu għal mal-Kaldin, li ma jmorrux jagħtuni f'idejhom u jżebilħuni." [Ġer:38:20] U Ġeremija wieġeb: Ma jitilqukx! Isma' mill-kelma tal-Mulej li jien qiegħed ngħidlek, u jkollok ir-riżq u ħajtek tibqa' salva. [Ġer:38:21] Jekk int ma tridx toħroġ, dan hu li wrieni l-Mulej: [Ġer:38:22] Ara, in-nisa kollha li jibqgħu f'dar is-sultan ta' Ġuda joħorġuhom għal għand il-fizzjali tas-sultan ta' Babilonja, u l-istess nisa jgħidulek: 'Qarrqu bik u għelbuk il-ħbieb li int kont tafda fihom; issa li riġlek għodos fit-tajn, huma reġgħu lura minnek.'

 

[Ġer:38:23] U n-nisa kollha tiegħek, u wliedek, joħorġuhom għal għand il-Kaldin, u int ma teħlishiex minn taħt idejhom; għad jaqbdek f'idejh is-sultan ta' Babilonja, u din il-belt jagħtuha n-nar."

 

[Ġer:38:24] U Sedekija qal lil Ġeremija: "Qis li ma jkun jaf ħadd b'dan il-kliem, li ma tmutx. [Ġer:38:25] Jekk il-prinċpijiet jisimgħu li jien tkellimt miegħek u jiġu għandek u jistaqsuk: 'X'għedt lis-sultan? Taħbilna xejn, inkella noqtluk. Is-sultan x'qallek?', [Ġer:38:26] għidilhom: 'Ressaqt it-talba tiegħi quddiem is-sultan, biex ma jerġax jibgħatni fid-dar ta' Ġonatan, biex immut hemm.' "

 

[Ġer:38:27] U l-prinċpijiet marru għand Ġeremija u staqsewh, u hu weġibhom sewwasew kif ordnalu s-sultan, u ħallewh bi kwietu, għaliex it-taħdita bejniethom ma kinitx instemgħet. [Ġer:38:28] U Ġeremija baqa' fil-bitħa ta' l-għassa sa dakinhar li nqabdet Ġerusalemm.

 

39. Il-waqgħa u l-qerda ta' Ġerusalemm

 

[Ġer:39:1] Fid-disa' sena ta' Sedekija, sultan ta' Ġuda, fl-għaxar xahar, ġie Nabukodonosor sultan ta' Babilonja, u l-eżerċtu tiegħu għal Ġerusalemm u assedjaha; [Ġer:39:2] u fil-ħdax-il sena ta' Sedekija, fir-raba' xahar, fid-disa' jum tax-xahar, saret tiċrita fis-swar tal-belt.

 

[Ġer:39:3] Meta ttieħdet Ġerusalemm daħlu fiha l-prinċpijiet kollha tas-sultan ta' Babilonja u qagħdu fil-Bieb tan-Nofs: Nergalsarser, prinċep ta' Simmagir, il-fizzjal il-kbir, u Nebusażban, fizzjal għoli, u l-bqija tal-prinċpijiet l-oħra kollha tas-sultan ta' Babilonja.

 

[Ġer:39:4]   U ġara li malli rawhom Sedekija, sultan ta' Ġuda, u n-nies kollha ta' l-eżerċtu, ħarbu u ħarġu billejl mill-belt, mit-triq ta' ġnien is-sultan, mill-bieb ta' bejn iż-żewġ ħitan, u qabdu t-triq ta' l-Għaraba.

 

[Ġer:39:5] Imma l-eżerċtu tal-Kaldin telqulha għal warajhom, u laħqu 'l Sedekija fix-xagħri ta' Ġeriko, qabduh u tellgħuh quddiem Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, f'Ribla, fl-art ta' Ħamat fejn is-sultan qatagħlu  s-sentenza.

 

[Ġer:39:6] U s-sultan ta' Babilonja qatel lil ulied Sedekija f'Ribla taħt għajnejh, u qatel ukoll is-sultan ta' Babilonja l-kbarat kollha ta' Ġuda. [Ġer:39:7] Mbagħad 'il Sedekija qalagħlu għajnejh, u rabtu bil-ktajjen biex jieħdu lejn Babilonja.

 

[Ġer:39:8] U l-palazz tas-sultan u   d-djar tal-poplu, il-Kaldin tawhom in-nar, u s-swar ta' Ġerusalemm ġarrfuhom. [Ġer:39:9] U l-bqija tal-poplu, li kien fadal fil-belt, u dawk li kienu ċedew, u l-bqija tal-poplu li kien fadal, Nebużaradan, kmandant ta' l-għases, ħadhom fl-eżilju f'Babilonja. [Ġer:39:10] U Nebużaradan, il-kmandant ta' l-għases, ħalla fl-art ta' Ġuda l-fqar tal-poplu, li ma kellhom xejn, u dakinhar tahom oqsma tad-dwieli u raba'.

 

[Ġer:39:11] Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, lil Nebużaradan, kmandant ta' l-għases, dwar Ġeremija kien ordnalu u qallu: [Ġer:39:12] "Ħudu u żommu taħt għajnejk, u tagħmillu ebda ħsara, imma agħmel miegħu kif jgħidlek hu." [Ġer:39:13] Għalhekk Nebużaradan, kmandant ta' l-għases, u Nebużardan, fizzjal għoli, u Nergalsareser, il-fizzjal il-kbir, u l-prinċpijiet kollha tas-sultan ta' Babilonja [Ġer:39:14] bagħtu jġibu lil Ġeremija mill-bitħa ta' l-għassa u tawh f'idejn Gedalija bin Aħikam, bin Safan, biex joħorġu u jieħdu f'daru u jibqa' f'nofs il-poplu.

 

[Ġer:39:15] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija, meta kien għadu fil-bitħa ta' l-għassa, u qallu: [Ġer:39:16] "Mur u għid lil Għebed-melek, il-Kusi: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Arani, sa ntemm kliemi fuq din il-belt għall-ħsara tagħha u mhux għar-riżq, u dan se jseħħ taħt għajnejk stess. [Ġer:39:17] Imma jien dakinhar neħilsek, oraklu tal-Mulej, u ma tingħatax f'idejn dawk in-nies li minnhom qiegħed tibża'. [Ġer:39:18] Għax insalvak żgur, ma taqax taħt ix-xabla, tkun għalik ħajtek bi priża, talli int ittamajt fija, oraklu tal-Mulej.' "

 

40. Ġeremija meħlus

 

[Ġer:40:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej wara li Nebużaradan, kmandant ta' l-għases, bagħtu ħieles minn Rama, għax kien sabu marbut bil-ktajjen f'nofs l-eżiljati minn Ġerusalemm u Ġuda, li kienu sejrin fl-eżilju fil-Babilonja.

 

[Ġer:40:2] U l-kmandant ta' l-għases qabad lil Ġeremija u qallu: "Il-Mulej Alla tiegħek kien ħabbar din il-ħsara fuq dan il-post. [Ġer:40:3] U l-Mulej ġiebha u temm kull ma kien ħabbar għax intom dnibtu kontra l-Mulej; u ma smajtux minn kelmtu, u għalhekk ġralkom dan kollu. [Ġer:40:4] U issa, arani, jiena neħilsek mill-ktajjen li għandek ma' idejk. Jekk jogħġbok tiġi Babilonja, ejja, u jien inżomm għajnejja fuqek; jekk ma jogħġbokx tiġi miegħi Babilonja, oqgħod hawn. Ara, l-art kollha quddiemek, ara fejn jogħġbok u jaqbillek tmur, u mur hemm. [Ġer:40:5] Jekk le, erġa' lura u mur oqgħod ma' Gedalija bin Aħikam, bin Safan, li s-sultan ta' Babilonja għamlu gvernatur fuq l-ibliet ta' Ġuda, u oqgħod miegħu f'nofs il-poplu, jonkella mur fejn jidhirlek l-aħjar li għandek tmur." U l-kmandant ta' l-għases tah l-ikel u rigal, u bagħtu.

 

[Ġer:40:6] U Ġeremija mar għand Gedalija bin Aħikam f'Misfa, u baqa' miegħu f'nofs il-poplu li kien baqa' fil-pajjiż.

 

Gedalija gvernatur tal-pajjiż

 

[Ġer:40:7] Il-fizzjali ta' l-eżerċtu li kienu mxerrdin fil-kampanja semgħu, huma u n-nies tagħhom, li s-sultan ta' Babilonja kien qiegħed lil Gedalija bin Aħikam, gvernatur fuq il-pajjiż, u fdalu f'idejh l-irġiel, in-nisa, it-tfal u l-fqar tal-pajjiż, li ma kinux ħaduhom fl-eżilju f'Babilonja. [Ġer:40:8]               U ġew għand Gedalija, f'Mifsa: Ismagħel bin Netanija, u Ġoħanan u Ġonatat ulied Kareħa, u Xeraja bin Tanħumet, u wlied Għefaj in-Netufi, u Ġeżanija bin Magħka, huma u n-nies tagħhom.

 

[Ġer:40:9] U Gedalija bin Aħikam, bin Safan, ħalfilhom, lilhom u lin-nies tagħhom, u qalilhom: "La tibżgħux isservu lill-Kaldin: oqogħdu fil-pajjiż u servu lis-sultan ta' Babilonja, u jkollkom ir-riżq. [Ġer:40:10] U jiena qiegħed f'Misfa biex nidher quddiem il-Kaldin li jiġu għandna. U intom, mela, iġbru l-inbid,  il-frott u ż-żejt, aħżnuhom fil-ġarar, u oqogħdu fl-ibliet li ħadtu f'idejkom."

 

[Ġer:40:11] U l-Lhud kollha li kienu f'Mowab, u fost ulied Għammon, u f'Edom u fl-artijiet l-oħra kollha, semgħu li s-sultan ta' Babilonja kien ħalla xi fdal f'Ġuda, u li kien qiegħed fuqhom lil Gedalija bin Aħikam, bin Safan. [Ġer:40:12] Dawn il-Lhud kollha reġgħu lura minn kull art li fihom kienu mxerrda, u ġew fl-art ta' Ġuda, għand Gedalija f'Misfa, u ġabru kotra kbira ta' nbid u frott.

 

[Ġer:40:13] Ġeħonan bin Kareħa u l-kapijiet ta' l-eżerċtu, li kienu fil-kampanja, marru għand Gedalija f'Misfa [Ġer:40:14] u qalulu: "Għandek tkun taf li Bagħlis, is-sultan ta' wlied Għammon, bagħat lil Ismagħel bin Netanija, biex joqtlok." Imma Gedalija bin Aħikam ma emminhomx.

 

[Ġer:40:15] Ġeħonan bin Kareħa kellem bil-moħbi lil Gedalija f'Misfa u qallu: "Ħalli mmur u noqtol lil Ismagħel bin Netanija, bla ma ħadd ikun jaf. Għala għandu jneħħilek ħajtek, u hekk jixxerrdu l-Lhud kollha li nġabru madwarek, u jinqered dak li fadal minn Ġuda?" [Ġer:40:16] Imma Gedalija bin Aħikam wieġeb lil Ġoħanan bin Kareħa: "La tagħmilx din il-ħaġa għax din hi gidba li qiegħed tgħid fuq Ismagħel."

 

41. Il-qtil ta' Gedalija

 

[Ġer:41:1] U ġara li, fis-seba' xahar, ġie Ismagħel bin Netanija, bin Elisama, minn nisel is-slaten u l-kbarat tas-sultan, u għaxra min-nies miegħu, għand Gedalija bin Aħikma, f'Misfa, u lkoll flimkien kielu l-ħobż f'Mifsa. [Ġer:41:2] U Ismagħel bin Netanija ma' l-għaxra min-nies li kellu miegħu qamu għal Gedalija bin Aħikam, bin Safan, li s-sultan ta' Babilonja kien qiegħed gvernatur fuq il-pajjiż, darbuh bix-xabla, u qatluh.

 

[Ġer:41:3] U Ismagħel qatel ukoll il-Lhud kollha li kienu ma' Gedalija f'Mifsa, u lill-Kaldin li nzertaw hemm, suldati wkoll.

 

[Ġer:41:4] U ġara li fit-tieni jum wara l-qtil ta' Gedalija - u ħadd ma kien għadu jaf - [Ġer:41:5] ġew xi nies minn Sikem, minn Silo u minn Samarija; kienu tmenin raġel, bil-leħja mqaxxra, u b'ilbieshom imċarrat, u b'ġisimhom imqatta', b'offerti u inċens f'idejhom biex jeħduhom f'dar                          il-Mulej.

 

[Ġer:41:6] U Ismagħel bin Netanija ħareġ jilqagħhom minn Misfa; huma kienu resqin u jibku. Malli laħaqhom qalilhom: "Ejjew għand Gedalija bin Aħikam!" [Ġer:41:7] U ġara li malli daħlu f'nofs il-belt, Ismagħel bin Netanija u n-nies li kellu miegħu qatluhom, u xeħtuhom ġo ġiebja; kienet il-ġiebja kbira.

 

[Ġer:41:8] Fosthom kien hemm għaxart irġiel, u dawn qalu lil Ismagħel: "La toqtolniex, għax għandna moħbija fir-raba' ħażniet ta' qamħ, xgħir, żejt u għasel." U hu waqaf u ma qatilhomx ma' ħuthom. [Ġer:41:9] U l-ġiebja, li fiha Ismagħel xeħet l-iġsma mejta tan-nies li qatel, kienet il-ġiebja l-kbira li kien ħaffer s-sultan Asa minħabba Bagħsa, sultan ta' Iżrael. Din il-ġiebja Ismagħel bin Netanija mlieha bil-maqtulin.

 

[Ġer:41:10] Ismagħel imbagħad qabad b'ilsiera n-nies li kien fadal mill-poplu, li kien hemm f'Misfa - il-bniet tas-sultan u l-bqija tal-poplu li kien f'Mifsa, li Nabużaradan, kmandant ta' l-għases, kien ħalla f'idejn Gedalija bin Aħikam.

 

Ismagħel bin Netalija qabadhom b’ilsiera u telaq biex jgħaddi għal għand ulied Għammon.

 

Ġoħanan iħarbat lil Ismagħel

 

[Ġer:41:11] Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjal tan-nies armati li kellu miegħu, semgħu bil-ħsara kollha li kien għamel Ismagħel bin Netanija. [Ġer:41:12] Ġabru n-nies kollha tagħhom, u marru jaħbtu għal Ismagħel bin Netanija, u sabuh ħdejn l-għadira l-kbira ta' Gibgħon. [Ġer:41:13] Ġara li malli n-nies li kienu ma' Ismagħel raw lil Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu miegħu, ferħu. [Ġer:41:14] U n-nies kollha, li Ismagħel kien qabad b'ilsiera minn Misfa, daru u telqu għal ma' Ġoħanan bin Kareħa.

 

[Ġer:41:15] Imma Ismagħel bin Netanija, bi tmienja min-nies li kellu miegħu, ħarab minn idejn Ġoħanan, u mar għal għand ulied Għammon.

 

[Ġer:41:16] U Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu li kellu miegħu, ħadu taħt idejhom il-bqija tan-nies li Ismagħel bin Netanija kien ħa b'ilsiera minn Misfa wara l-qtil ta' Gedalija bin Aħikam, rġiel, nies tal-gwerra, nisa, tfal, uffiċjali - li Ġoħanan kien ġieb lura minn ħdejn Gibgħon. [Ġer:41:17] U telqu u waqfu f'Gerut-kimħam, li taħbat maġenb Betlehem, biex jibqgħu sejrin l-Eġittu [Ġer:41:18] minħabba l-Kaldin; għax bdew jibżgħu minnhom billi Ismagħel bin Netanija kien qatel lil Gedalija bin Aħikam, li s-sultan ta' Babilonja kien qiegħed gvernatur fuq il-pajjiż.

 

42. Il-parir ta' Ġeremija

 

[Ġer:42:1] Mbagħad il-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu u Ġoħanan bin Kareħa, Ġeżanija bin Ħosajja u l-poplu kollu, miż-żgħir sal-kbir, resqu lejn [Ġer:42:2] Ġeremija l-profeta u qalulu: "Ilqa' t-talba tagħna! Idħol għalina u għal dan il-fdal quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, għax, kif tista' tara b'għajnejk, ftit bqajna mill-kotra li konna. [Ġer:42:3] Jalla jurina                      l-Mulej, Alla tiegħek, it-triq li għandna naqbdu, u x'għandna nagħmlu."

 

[Ġer:42:4] U Ġeremija, il-profeta, qalilhom: "Smajtkom u hawn jien se nitlob lill-Mulej Alla tagħkom kif għedtuli u kull ma jweġibkom il-Mulej ngħidulkom; ebda kelma ma naħbilkom." [Ġer:42:5] U huma qalu lil Ġeremija: "Ħa jkun xhud sinċier u fidil il-Mulej kontrina jekk ma nagħmlux kollox skond ma jibagħtek tgħidilna l-Mulej. [Ġer:42:6] Tajjeb u ħażin, aħna noqogħodu għall-kelma tal-Mulej, Alla tagħna, li għandu qegħdin nibagħtuk, sabiex ikollna r-riżq, għax inkunu smajna minn kelmet il-Mulej, Alla tagħna."

 

[Ġer:42:7] Meta kienu għaddew għaxart ijiem ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija. [Ġer:42:8] U dan sejjaħ lil Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali ta' l-eżerċtu li kienu miegħu, u l-poplu kollu, mill-kbir saż-żgħir, [Ġer:42:9] u qalilhom: "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li intom bgħattuni għandu biex nitolbu għalikom. [Ġer:42:10] Jekk intom tibqgħu tgħammru f'dan il-pajjiż, jien nibnikom mill-ġdid u ma nħottkomx; nħawwilkom u ma naqlagħkomx, għax jien indimt  mill-ħsara li għamiltilkom. [Ġer:42:11] La tibżgħux mis-sultan ta' Babilonja li minnu intom imbeżżgħin. La tibżgħux minnu, oraklu tal-Mulej, għax jien magħkom biex insalvakom u neħliskom minn idejh. [Ġer:42:12] U nqanqlu għall-ħniena lejkom u jħenn għalikom, u jħallikom tgħammru f'artkom. [Ġer:42:13] Imma jekk tgħidu ma ngħammrux f'dan il-pajjiż, u hekk ma tisimgħux minn kliem il-Mulej, Alla tagħkom, [Ġer:42:14] u tibdew tgħidu: 'Le, mmorru fl-art ta' l-Eġittu fejn ma narawx gwerer, lanqas nisimgħu d-daqq tat-tromba, u ma mmutux bil-ġuħ minħabba nuqqas ta' ikel, u hemm ngħammru', [Ġer:42:15] issa, mela isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom il-fdal ta' Ġuda: Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Jekk intom tal-fehma soda li tmorru l-Eġittu, u tmorru biex tgħixu hemm, [Ġer:42:16] ix-xabla li minnha qegħdin tibżgħu, tilħaqkom hemm fl-art ta' l-Eġittu, u l-ġuħ li minnu qegħdin titkexkxu jaqbad magħkom hemm fl-Eġittu, u hemm tmutu. [Ġer:42:17] In-nies kollha li għandhom il-fehma li jmorru l-Eġittu biex jgħixu hemm, hemm imutu bix-xabla, bil-ġuħ, bil-pesta u ħadd minnhom ma jibqa' ħaj jew jeħles mill-ħsara li jien inġib fuqhom.' [Ġer:42:18] Għax dan jgħid  il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Bħalma l-għadab u s-saħna tiegħi ferrajthom fuq in-nies li kienu jgħammru f'Ġerusalemm, hekk is-saħna tiegħi titferragħ fuqkom jekk tmorru l-Eġittu. Intom issiru dagħa u waħx, saħta u għajb, u ma taraw qatt iżjed dan il-post.'

 

[Ġer:42:19] "Il-Mulej kellimkom, lilkom il-fdal ta' Ġuda: 'La tmorrux l-Eġittu. Intom tafu ben tajjeb li jien xhud kontrikom illum. [Ġer:42:20] Għax intom lgħabtu b'ħajjitkom meta intom bgħattuni għand il-Mulej Alla tagħkom u għedtuli: 'Itlob lill-Mulej, Alla tagħna, għalina u kull ma jgħid il-Mulej, Alla tagħna, ħabbarhulna u aħna nagħmluh.' [Ġer:42:21] Jien ħabbarthulkom illum, u ma smajtux minn kliem il-Mulej, Alla tagħkom, u minn dak kollu li bagħatni ngħidilkom. [Ġer:42:22] Mela issa kunu afu sewwa li bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta għad tmutu fil-pajjiż, fejn ħsibtu li tmorru tgħixu."

 

43. Il-ħarba lejn l-Eġittu

 

[Ġer:43:1] U ġara li malli Ġeremija temm jgħid lill-poplu kollu l-kliem kollu tal-Mulej Alla tagħhom, dan il-kliem kollu li l-Mulej Alla tagħhom bagħtu jgħidilhom [Ġer:43:2] Għażarija bin Ħosagħaja, Ġoħanan bin Kareħa, u n-nies kollha, kburin u xewwiexa, qalu lil Ġeremija: "Int qiegħed tigdbilna! Ma bagħtikx il-Mulej, Alla tagħna, tgħidilna: 'La tmorrux l-Eġittu biex tgħammru hemm.' [Ġer:43:3] Bāruk bin Nerija qiegħed jgħawwik għalina biex jerħina f'idejn il-Kaldin ħalli joqtluna jew jeħduna fl-eżilju f'Babilonja."

 

[Ġer:43:4] U Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu, u l-poplu kollu ma semgħux minn kelmet il-Mulej biex joqogħdu fl-art ta' Ġuda. [Ġer:43:5] Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu, qabdu l-fdal ta' Ġuda, li kienu ġew lura minn fost il-ġnus li xterdu fihom biex jgħammru fl-art ta' Ġuda, [Ġer:43:6] rġiel, nisa, tfal, il-bniet tas-sultan u n-nies kollha, li Nebużaradan, il-kmandant ta' l-għases, kien ħalla ma' Gedalija bin Aħikam, bin Safan, u 'l Ġeremija, il-profeta, u 'l Bāruk bin Nerija; [Ġer:43:7] u marru fl-art ta'              l-Eġittu, għax ma semgħux minn kelmet il-Mulej, u waslu sa fl-inħawi ta' Taħfanħes.

 

Nabukodonosor u l-Eġittu

 

[Ġer:43:8] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija f'Taħfanħes u qallu: [Ġer:43:9] "Ħu f'idejk ġebel kbir u waħħlu fit-tajn fil-misraħ ta' ħdejn bieb id-dar tal-Fargħun f'Taħfanħes, taħt għajnejn  il-Lhud [Ġer:43:10] u għidilhom: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Arawni, jien se nibgħat inġib lil Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, il-qaddej tiegħi. U hu jqiegħed it-tron tiegħu fuq dan il-ġebel li int waħħalt u jifrex il-baldakkin tiegħu fuqu. [Ġer:43:11] U jiġi, u jaħbat għall-art ta' l-Eġittu; u min hu għall-mewt, għall-mewt; min hu għall-eżilju, għall-eżilju; u min hu għax-xabla, għax-xabla.

 

[Ġer:43:12] 'U t-tempji ta' l-allat ta' l-Eġittu jagħtihom in-nar u jaħraqhom; iġorrhom fl-eżilju; u jifli l-art ta' l-Eġittu, bħalma jifli r-ragħaj mantaru, u joħroġ minn hemm rebbieħ. [Ġer:43:13] U jkisser il-plieri ta' Belt ix-Xemx, li hemm fl-art ta' l-Eġittu; u d-djar ta' l-allat ta' l-Eġittu jagħtihom in-nar u jaħraqhom.' "

 

44. L-aħħar parir tal-Profeta

 

[Ġer:44:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija għal-Lhud li kienu jgħammru fl-art ta' l-Eġittu u joqogħdu f'Migdol, f'Taħfanħes, f'Nof, u fl-art ta' Patros u qalilhom: [Ġer:44:2] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Intom rajtu l-ħsara kollha li jiena ġibt fuq Ġerusalemm u fuq l-ibliet kollha ta' Ġuda. Arawhom, illum saru ħerba u ħadd ma hemm jgħammar fihom. [Ġer:44:3] Minħabba l-ħażen tagħhom li għamlu biex jinkuni u jinkurlawni billi marru jaħarqu l-inċens u jservu allat oħra, li ma kinux jafu bihom, la huma u la intom, u lanqas missirijiethom.

 

[Ġer:44:4] "U jien kont nibagħtilkom bla heda l-qaddejja tiegħi l-profeti biex jgħidulkom: 'Isaw, tagħmlux dawn il-ħwejjeġ moqżieża li jien nistkerrah.' [Ġer:44:5] Imma ma semgħux u lanqas taw widen biex jerġgħu lura minn ħżunithom, u ma joffrux aktar inċens lil allat oħra. [Ġer:44:6] U xegħlu               s-saħna u l-għadab tiegħi; xegħlu fuq l-ibliet ta' Ġuda u fuq it- toroq ta' Ġerusalemm, u saret minnhom ħerba u xagħra kif għandhom sa llum.

 

[Ġer:44:7] "U issa dan jgħid il-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: għala qegħdin tagħmlu din il-ħsara kbira lilkom infuskom, billi teqirdu minn nofs Ġuda rġiel u nisa, tfal u trabi, u m'hu se jibqa' ħadd minnkom? [Ġer:44:8] Għala qegħdin tinkuni b'għemil idejkom u taħarqu   l-inċens lil allat oħra fl-art ta' l-Eġittu fejn intom ġejtu tgħammru, biex se tinqerdu, u se tkunu saħta u għajb fost il-ġnus kollha ta' l-art. [Ġer:44:9] Jaqaw insejtu l-ħażen ta' missirijietkom, u l-ħażen tas-slaten ta' Ġuda, u l-ħażen tan-nisa tagħhom, u l-ħażen tagħkom u tan-nisa tagħkom, li għamlu fl-art ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm. [Ġer:44:10] Sa llum għadhom ma nidmux, ma beżgħux, u ma mxewx skond il-liġi tiegħi u l-preċetti li jien qegħedt quddiemkom u quddiem missirijietkom.

 

[Ġer:44:11] "Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Arawni, se ndawwar wiċċi għal fuqkom biex nagħmlilkom il-ħsara u biex neqred 'il Ġuda kollu. [Ġer:44:12] U naqbad il-fdal ta' Ġuda li dawwru wiċċhom biex imorru lejn l-Eġittu u jgħammru hemm. Għad jintemmu lkoll fl-art ta' l-Eġittu; u jmutu bix-xabla u bil-ġuħ; jintemmu miż-żgħir sal-kbir; imutu bix-xabla u bil-ġuħ; u jsiru dagħa u waħx, saħta u għajb. [Ġer:44:13] U għad nikkastiga lil kull min jgħammar fl-art ta' l-Eġittu, bħalma kkastigajt lil Ġerusalemm bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta. [Ġer:44:14] U ma jkun hemm ħadd li jeħles jew jaħrab mill-fdal ta' Ġuda, li ġew jgħammru fl-art ta' l-Eġittu bit-tama li jmorru lura lejn l-art ta' Ġuda, li għaliha mxennqin li jerġgħu lura fiha u jgħammru hemm. Ma jerġgħux lura, ħlief xi maħrubin."

 

[Ġer:44:15] U wieġbu lil Ġeremija l-irġiel kollha, li kienu jafu li n-nisa tagħhom kienu qegħdin jaħarqu l-inċens lil allat oħra, u n-nisa kollha li kienu miġbura f'ġemgħa kbira, u l-poplu kollu li kien jgħammar fl-art ta' l-Eġittu f'Patros u qalulu: [Ġer:44:16] "Dak li għedtilna f'isem il-Mulej, m'aħniex se nisimgħu minnek. [Ġer:44:17] Għax aħna rridu nagħmlu dak li ħareġ minn fommna, u naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet, u nsawwbulha libazzjonijiet bħalma konna nagħmlu, aħna u missirijietna, is-slaten u l-prinċpijiet tagħna, fl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm; u għalhekk konna mxebbgħin bil-ħobż, konna qegħdin tajjeb, u ħsara ma rajniex. [Ġer:44:18] Imma minn mindu waqafna milli naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet, u nsawwbulha l-libazzjonijiet, naqasna kollox, u ntemmejna bix-xabla u l-pesta." [Ġer:44:19] U n-nisa qalulu: "U meta aħna konna naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet u noffrulha l-libazzjonijiet jew meta konna nagħmlulha l-kagħak xbieha tagħha u sawwabnielha l-libazzjonijiet, jaqaw dan konna nagħmluh bla ma kienu jriduna żwieġna?"

 

[Ġer:44:20] U Ġeremija wieġeb lill-poplu kollu, rġiel u nisa, il-kotra kollha, li kienu wieġbu b'dan il-mod u qalilhom: [Ġer:44:21] "Jaqaw il-Mulej ma jiftakarx u ma jiġihx f'moħħu l-inċens li intom kontu taħarqu fl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm, intom u missirijietkom, is-slaten u l-prinċpijiet tagħkom u l-poplu tal-pajjiż? [Ġer:44:22] Il-Mulej ma felaħx iżjed iġerragħkom minħabba l-ħażen ta' għemilkom u l-qżiżijiet li kontu tagħmlu; għalhekk artkom saret ħerba, u xagħri, u saħta bla ma ħadd joqgħod fiha, kif inhi llum. [Ġer:44:23] Għax intom ħraqtu l-inċens, u dnibtu kontra l-Mulej, u ma smajtux minn kliem il-Mulej, u ma mxejtux skond il-liġi, il-preċetti u d-digrieti tiegħu; għalhekk laħqitkom din il-ħsara kollha, kif inhi llum."

 

[Ġer:44:24] U Ġeremija qal lill-poplu kollu, l-aktar lin-nisa: "Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom in-nies ta' Ġuda, lkoll kemm intom, li qegħdin fl-art ta' l-Eġittu: [Ġer:44:25] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Intom u n-nisa tagħkom tgħiduh b'fommkom u tagħmluh b'idejkom, u tgħidu: 'Aħna rridu ntemmu l-wegħdiet tagħna, rridu li naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet u li nsawwbulha l-libazzjonijiet.' Żommu l-għewiedi tagħkom u sawwbu l-libazzjonijiet tagħkom."

 

[Ġer:44:26] Imma isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom ilkoll, nies ta' Ġuda li qegħdin tgħammru fl-Eġittu: 'Arawni, jien naħlef b'ismi l-kbir, jgħid il-Mulej, li qatt iżjed, bl-ebda fomm ta' ħadd min-nies ta' Ġuda, ma jissemma ismi u jgħidu: 'Daqskemm hu ħaj il-Mulej' fl-art kollha ta' l-Eġittu.' [Ġer:44:27] Arawni, jien nixħet għajnejja fuqhom għad-deni u mhux għall-ġid tagħhom. U sa l-inqas wieħed minn Ġuda li hemm fl-art ta' l-Eġittu jintemmu bix-xabla u bil-ġuħ. [Ġer:44:28] U dawk li jeħilsuha mix-xabla u jerġgħu lura mill-art ta' l-Eġittu lejn l-art ta' Ġuda, ikunu ftit fl-għadd. U jkunu jafu l-fdal ta' Ġuda, li ġew biex jgħammru fl-Eġittu, il-kelma ta' min isseħħ, tiegħi jew tagħhom.'

 

[Ġer:44:29] "Dan ikunilkom ta' sinjal, oraklu tal-Mulej, li ser nikkastigakom f'dan il-pajjiż, sabiex tkunu tafu li t-tehdid tiegħi kontrikom iseħħ żgur.

 

[Ġer:44:30] "Dan jgħid il-Mulej: 'Arani, se nerħi lill-Fargħun Ħofra, sultan ta' l-Eġittu, f'idejn l-għedewwa tiegħu u f'idejn dawk li qegħdin ifittxulu ħajtu bħalma jien erħejt lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, l-għadu tiegħu li kien qiegħed ifittixlu ħajtu."

 

45. Kelma lil Bāruk

 

[Ġer:45:1] Il-kelma li qal Ġeremija, il-profeta, lil Bāruk bin Nerija, meta dan kiteb fi ktieb dan il-kliem minn fomm Ġeremija fir-raba' sena tas-sultan Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, u qallu: [Ġer:45:2] "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael lilek, Bāruk. [Ġer:45:3] Inti tgħid: 'Jaħasra għalija, li qiegħed iżidli l-Mulej l-għali man-niket li għandi. Jien għejejt nokrob, u ma nistax insib mistrieħ.' [Ġer:45:4] Hekk tgħidlu: 'Dan jgħid  il-Mulej: Arani, dak li jiena bnejt, nħottu, u dak li jiena ħawwilt, naqilgħu, jiġifieri l-art kollha. [Ġer:45:5] Jaqaw int qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar? Tfittixhomx, għax, arani, se nġib il-ħsara fuq kull bniedem, oraklu tal-Mulej, imma lilek inħallilek ħajtek bħallikieku priża tal-gwerra, kull fejn tmur."

 

46. L-orakli kontra l-ġnus

 

[Ġer:46:1] Il-Kelma tal-Mulej dwar il-ġnus li ġiet lil Ġeremija l-profeta.

 

Oraklu għall-Eġittu

 

[Ġer:46:2] Għall-Eġittu. Dwar l-eżerċtu tal-Fargħun Neko, sultan ta' l-Eġittu li kien biswit ix-xmara Ewfrat ħdejn Karkemis u li kissru Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, fir-raba' sena ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda:

 

[Ġer:46:3] "Ħejju t-tarka l-kbira u ż-żgħira,

u ersqu għat-taqtigħa.

[Ġer:46:4] Xiddu ż-żwiemel, u irkbu,

intom rikkieba!

Ħudu postkom bl-elmu f'raskom,

sinnu l-lanez,

ilbsu l-kurazzi.

[Ġer:46:5] X'qiegħed nara?

Reġgħu lura kollha mwerwrin;

il-qalbiena tagħhom imkissra,

maħruba u mitlufa, ma jħarsux lura,

biża' ma' kullimkien,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:46:6] Ma jaħrabx il-ħafif,

u l-qalbieni ma jeħlishiex.

Lejn it-tramuntana, ħdejn xatt l-Ewfrat,

jitfixklu u jaqgħu.

[Ġer:46:7] Min hu tiela' bħan-Nil,

bħal xmajjar ilmijietu mqanqla.

[Ġer:46:8] L-Eġittu tiela' bħan-Nil,

b'ilmijietu mqanqla bħal xmajjar,

u hu jgħid: 'Jien nitla',

ngħatti l-art,

u neqred il-belt u lil min jgħammar fiha.'

[Ġer:46:9] Itilgħu, żwiemel,

lebbtu 'l quddiem, mriekeb!

Oħorġu, qalbiena!

Nies minn Kus u Put, intom li taqbdu t-tarka,

nies minn Lud, li tħaddmu l-qaws.

[Ġer:46:10] Dak il-Jum għal Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti,

Jum il-vendetta,

ħa jitħallas mill-għedewwa tiegħu.

Ix-xabla għad tibla', għad tixba'

u tisker f'demmhom:

tassew sagrifiċċju għal Sidi l-Mulej,

fl-inħawi tat-tramuntana ħdejn ix-xmara Ewfrat.

[Ġer:46:11] Itla' f'Gilgħad, u ħu  l-balzmu,

xbejba bint l-Eġittu.

Għalxejn tkattar id-dwiet,

m'hemmx fejqan għalik.

[Ġer:46:12] Il-ġnus semgħu b'għajbek,

u l-karba tiegħek dwiet ma' l-art,

għax qalbieni jitfixkel f'qalbieni ieħor,

u t-tnejn flimkien jaqgħu fl-art."

 

Oraklu għal Nabukodonosor

 

[Ġer:46:13] Il-kelma li l-Mulej qal lill-profeta Ġeremija, meta Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, ġie biex jaħbat għall-art ta' l-Eġittu:

 

[Ġer:46:14] "Ħabbru fl-Eġittu,

u semmgħuh f'Migdol,

xandruh f'Nof u Taħfanħes.

Għidulu: 'Qum fuq tiegħek u ħejji ruħek,

għax ix-xabla qiegħda tibla' kollox madwarek.

[Ġer:46:15] Għaliex ħarab Afi?

Għaliex il-gendus tiegħek ma waqafx?

Għax il-Mulej xeħtu ma' l-art.

[Ġer:46:16] Il-kotra tiegħek tfixklet u waqgħet,

u bdew jgħidu lil xulxin:

'Qum, ħa mmorru lura ma' niesna,

u f'art twelidna,

'il bogħod mix-xabla qerrieda.'

[Ġer:46:17] Agħtu dan l-isem lill-Fargħun,

sultan ta' l-Eġittu:

'Ħsejjes waħdu, ħalla ż-żmien jgħaddi!'

 

[Ġer:46:18] Daqs kemm jien ħaj,

oraklu tas-Sultan,

Jaħweh ta' l-eżerċti ismu,

bħat-Tabor fost il-muntanji għad jiġi,

bħall-Karmel fuq il-baħar.

[Ġer:46:19] Lesti s-soror għall-eżilju,

xbejba, li tgħammar f'bint l-Eġittu.

Għax Nof ħerba għad issir,

rmied, mingħajr ħadd ma jgħammar fiha.

[Ġer:46:20] Erħa sabiħa l-Eġittu,

xidja mit-tramuntana ġiet fuqu.

[Ġer:46:21] Sa l-mikrija li għandu f'nofsu

qishom għoġiela għas-simna.

Saħansitra huma

daru u ħarbu lura,

u ma żammewx iebes;

għax jum it-telfien waslilhom,

is-siegħa ta' kastighom.

[Ġer:46:22] Leħnu bħal serp isaffar,

għax ġejjin bil-qawwa ta' l-eżerċtu;

bl-imnajjar ġejjin għalih,

bħal dawk li jqaċċtu s-siġar.

[Ġer:46:23] Iqaċċtulu l-masġar tiegħu,

oraklu tal-Mulej,

għalkemm ma tgħaddix minnu,

għax kotrana huma aktar mill-ġradijiet,

ma jingħaddux.

[Ġer:46:24] Bint l-Eġittu ġiet fl-għajb,

mitluqa f'idejn poplu tat-tramuntana."

 

Oraklu għal Iżrael

 

[Ġer:46:25] Il-kelma tal-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Arawni! Jien nikkastiga lil Amon ta' No, l-Eġittu, lill-allat tiegħu u s-slaten tiegħu, u lill-Fargħun, u 'l dawk li jafdaw fih. [Ġer:46:26] U nerħihom f'idejn dawk li jfittxulhom ħajjithom, u f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u f'idejn il-qaddejja tiegħu, u wara dan l-Eġittu jitgħammar bħal fi żmien il-qedem, oraklu tal-Mulej.

 

[Ġer:46:27] "U int la tibżax, Ġakobb,

il-qaddej tiegħi;

u la titwerwirx, o Iżrael;

għax, arani, jien insalvak mill-bogħod,

u lil nislek minn art l-eżilju tagħhom.

Ġakobb jerġa' lura u jgħix fil-kwiet,

fiż-żgur, bla ħadd ma jbeżżgħu.

[Ġer:46:28] Int, Ġakobb il-qaddej tiegħi,

la tibżax,

oraklu tal-Mulej,

għax miegħek jien;

jien neqred il-ġnus kollha,

li fosthom jien xerridtek;

imma minnek ma nagħmilx qerda;

nikkastigak kemm jistħoqqlok,

bla kastig għalkollox ma nħallikx."

 

47. Oraklu għall-Filistja

 

[Ġer:47:1] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lill-profeta Ġeremija għall-Filistin, qabel ma l-Fargħun kien ħabat għal Gaża:

 

[Ġer:47:2] "Dan jgħid il-Mulej:

Araw, l-ilmijiet telgħin mit-tramuntana

u se jsiru xmara mfawwra.

Se jgħarrqu l-art u kull ma fiha,

il-belt u n-nies li jgħixu fiha.

Jgħajjtu n-nies u jwerżqu,

dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż.

[Ġer:47:3] Għat-tqawqib taż-żwiemel qawwija tiegħu;

għall-ħsejjes kbar tal-karrijiet,

u  l-irbumbjar tar-roti tiegħu,

il-missirijiet ma jdurux lejn uliedhom

minħabba t-telqa ta' idejhom.

[Ġer:47:4] Għax wasal jum il-qerda                    

tal-Filistin ilkoll kemm huma,

biex jinqered għal Tir u għal Sidon,

kull min għad fadal jgħinhom.

Għax il-Mulej se jeqred il-Filistin,

il-bqija  tal-gżira ta' Kaftor.

[Ġer:47:5] Qriegħet Gaża,

ntemmet Askalon.

Int Asdod, fdal l-Għanakin,

kemm se ddum tqatta' ġismek?

[Ġer:47:6] Ah, ix-xabla tal-Mulej,

kemm se ddum ma tieqaf?

Erġa' idħol f'għantek,

strieħ u iskot!

[Ġer:47:7] Kif tista' tieqaf

jekk jikkmandaha l-Mulej?

Askalon u x-xtajta tal-baħar,

għal hemm hu bagħatha?

 

48. Oraklu għal Mowab

 

[Ġer:48:1] Għal Mowab: dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael:

 

"Gwaj għal Nebu, saret ħerba,

waqgħet fl-għajb, nqabdet Kirjatajm;

mgħajjba u mirbuħa l-fortizza.

[Ġer:48:2] Ma għadhiex aktar il-foħrija ta' Mowab,

f'Ħesbon ifasslu l-ħażen kontrieh:

"Ejjew ħa neqirduh minn fost  il-ġnus.'

U int ukoll, Madmčn, għad isikktuk;

għal warajk għad tiġri x-xabla.

[Ġer:48:3] Isma' l-għajat minn Ħoronajm!

Ħerba u tkissir bil-kbir!

[Ġer:48:4] Tfarrak Mowab,

l-għajat jinstama' sa minn Segor.

[Ġer:48:5] Għax it-telgħa ta' Luħit

imbikkija jitilgħuha.

Għax fin-niżla ta' Ħoronajm

jisimgħu l-għajta tal-qerda.

[Ġer:48:6] Aħarbu! Salvaw ħajjitkom,

kunu bħal ħmar selvaġġ fix-xagħri.

[Ġer:48:7] Għax int qegħedt it-tama tiegħek

fix-xogħol ta'idejk u t-teżori tiegħek,

int ukoll għad jaqbduk.

U Kemos jitlaq għall-eżilju

bil-qassisin u l-prinċpijiet tiegħu.

[Ġer:48:8] U l-qerried jilħaq 'il kull belt,

u ebda belt ma teħlisha;

jitħarbat il-wied,

tinqered il-wita,

bħalma qal il-Mulej.

[Ġer:48:9] Agħti l-ġwienaħ lil Mowab ħalli jtir,

għax blietu jsiru ħerba,

u ħadd aktar ma jgħammar fihom.

[Ġer:48:10] Misħut il-bniedem li jagħmel xogħol

                                                 il-Mulej b'nofs kedda;

U misħut hu min iżomm ix-xabla 'l bogħod

                                                                mid-demm.

[Ġer:48:11] Mowab kien bi kwietu sa minn żgħożitu,

u mistrieħ fil-bittija

u qatt ma tferragħ minn ġarra għal ġarra,

u fl-eżilju qatt ma mar.

Għalhekk dejjem baqgħetlu t-togħma tiegħu,

u r-riħa tiegħu qatt ma nbidlet.

[Ġer:48:12] Għalhekk arahom ġejjin jiem,

oraklu tal-Mulej,

meta nibgħat nies li jqallbu l-ġarar,

u jqallbuh, u jferrgħu l-ġarar kollha tiegħu,

u jitħnu l-qolol tagħhom.

 

[Ġer:48:13] U Mowab għad jistħi minn Kemos

                                            bħalma  stħaw dar Iżrael

minn Betel, it-tama tagħhom.

[Ġer:48:14] Kif tistgħu tgħidu:

'Qalbiena aħna u rġiel ta' ħila għall-ġlied'?

[Ġer:48:15] Il-qerried ta' Mowab u blietu tela',

u l-aħjar taż-żgħażagħ tiegħu niżlu għall-qatla,

oraklu tas-Sultan,

Jaħweh ta' l-eżerċti ismu.

[Ġer:48:16] Għoddha waslet il-qerda ta' Mowab,

ġejja bl-għaġla l-ħsara tiegħu.

[Ġer:48:17] Ibkuh intom ilkoll ġirien madwaru,

u intom li tafu b'ismu u għidu:

'Kif tkisser ix-xettru setgħan,

ix-xettru glorjuż!"

[Ġer:48:18] Inżel mill-glorja tiegħek,

oqgħod fuq l-art niexfa,

int li tgħammar f'Dibon,

għax il-qerried ta' Mowab tela' għalik,

ħa jġarraf il-fortizzi tiegħek.

[Ġer:48:19] Oħroġ fit-triq u ħares,

int li tgħammar f'Għarogħer.

Stħarreġ il-maħrub u l-meħlus;

staqsieh: 'X'inhu li ġara?'

[Ġer:48:20] Mowab waqqgħuh fl-għajb,

għax tfarrak.

Ixhru u għajjtu,

xandruha ma' xtut l-Arnon

li tkisser Mowab.

[Ġer:48:21] Wasal  il-ħaqq fuq art il-wita;

fuq Ħolon u fuq Ġaħsa, u fuq Mefagħat,

[Ġer:48:22] fuq Dibon u fuq Nebu,

u fuq Bet-diblatajm;

[Ġer:48:23] fuq Kirjatajm, u fuq Bet-gamul,

u fuq Bel-megħon;

[Ġer:48:24] fuq Kirjot u fuq Bosra,

u fuq kull belt ta' art Mowab,

tal-qrib u tal-bogħod.

[Ġer:48:25] Il-qawwa ta' Mowab tfarrket

u driegħu tkisser,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:48:26] Sakkruh għax tkabbar quddiem il-Mulej;

ħa jitmiegħek fit-taqligħ tiegħu,

 ħa jaqa' għaż-żufjett.

[Ġer:48:27] Ma waqqajtx lil Iżrael għaż-żufjett?

Kien jaqaw maqbud fost il-ħallelin,

biex kull meta kont titkellem fuqu,

ixxejjer rasek?

 

[Ġer:48:28] Ħallu l-ibliet

u morru għammru fil-blat,

intom li tgħammru f'Mowab.

Kunu bħall-ħamiema,

li tbejjet f'xifer l-irdum.

[Ġer:48:29] Smajna bil-kburija ta' Mowab,

mkabbar bil-bosta:

kemm tgħolla, tkabbar u żżarġan!

Kemm intefħet qalbu!

 

[Ġer:48:30] Jien naf tajjeb kburitu,

oraklu tal-Mulej,

bi ftaħiru fil-vojt,

b'għemilu fieragħ.

[Ġer:48:31] Għalhekk jien nixher għal Mowab,

għal Mowab kollu ngħajjat,

għan-nies ta' Kir-ħeres jien nibki.

 

[Ġer:48:32] Nibkik aktar minn Ġagħżer,

ja dielja ta' Sibma!

Feragħtek waslu 'l hemm mill-baħar,

laħqu sa Ġagħżer.

Fuq il-frott u l-ġabra ta' l-għeneb tiegħek

se jinxteħet  il-qerried.

 

[Ġer:48:33] Għelbu l-ferħ u l-hena,

mill-art għammiela ta' Mowab.

Jien nixxift l-inbid mill-magħsar,

l-għassar ma jagħsarx aktar;    

l-għana ferrieħ m'għadux għana ta' ferħ.

 

[Ġer:48:34] L-għajat ta' Ħesbon jasal sa Elgħali,

sa Ġaħas tasal l-għajta tagħhom,

minn Sogħar jinstama' l-għajat tagħhom,

sa Ħoronajm u Għeglat-selisija,

saħansitra l-ilmijiet ta' Nimrin nixfu.

 

[Ġer:48:35] Jiena ntemm minn Mowab,

oraklu tal-Mulej,

lil min joffri s-sagrifiċċji fuq l-għoljiet,

u jaħraq l-inċens lill-allat tiegħu.

 

[Ġer:48:36] Għalhekk qalbi tokrob bħall-flawt għal

                                                                      Mowab;

tingħi qalbi bħall-flawt

għan-nies ta' Kir-ħeres;

għax il-qligħ li għamlu mar fix-xejn.

 

[Ġer:48:37] Kull ras tqarwżet, kull leħja tqaxxret;

u idejhom kollha mqattgħin,

u l-ġenbejn miksija bix-xkora.

[Ġer:48:38] Fuq il-bjut kollha ta' Mowab,

u fil-pjazez kollha,

kullimkien biki,

għax jien kissirt 'il Mowab bħal ġarra li ma

                                                               togħġobnix,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:48:39] "Kif tfarrak! Xi jwerżqu!

Kif dawwar dahru Mowab kollu għajb;

Mowab waqa' għaż-żufjett,

u sar waħx u twerwir għall-ġirien madwaru.

[Ġer:48:40] Għax dan jgħid il-Mulej:

"Araw, bħal ajkla jittajjar,

u jifrex ġwenħajh għal fuq Mowab.

[Ġer:48:41] Jinqabdu l-ibliet,

jintrebħu l-fortizzi.

F'dak il-jum qalb il-qalbiena ta' Mowab,

tkun bħal qalb mara fil-ħlas.

[Ġer:48:42] Ma jibqax poplu Mowab, jinqered,

għax tkabbar kontra l-Mulej.

[Ġer:48:43] Għalik li tgħammar f'Mowab

m'hemmx ħlief biża', ħofra u nassa,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:48:44] Min jaħrab mill-biża'

jaqa' fil-ħofra;

u min jitla' mill-ħofra

jinqabad fin-nassa.

Jien inġib dan kollu fuq Mowab

fis-sena ta' kastighom,

oraklu tal-Mulej.

[Ġer:48:45] Għad-dell ta' Ħesbon jistrieħu

bla saħħa l-maħrubin;

imma nar joħroġ minn Ħesbon,

u ilsna tan-nar mill-palazz ta' Siħon,

u jibilgħu ġbin Mowab

u l-qorriegħa tan-nies imkabbra.

 

[Ġer:48:46] Gwaj għalik Mowab,

ntemm il-poplu ta' Kemos,

għax is-subjien tiegħek ittieħdu fil-jasar,

u bnietek fl-eżilju.

[Ġer:48:47] Imma jien inbiddel ix-xorti ta' Mowab,

fl-aħħar jiem,"

oraklu tal-Mulej.

 

Sa hawn il-ġudizzju fuq Mowab.

 

49. Oraklu għal Għammon

 

[Ġer:49:1] Għal ulied Għammon dan jgħid il-Mulej:

"Ma għandux forsi wliedu Iżrael?

Ma għandux forsi werrieta?

Mela għaliex Milkom wiret lil Gad,

u l-poplu tiegħu jgħammar fi blietu?

[Ġer:49:2] Għalhekk, araw, għad jiġu jiem,

oraklu tal-Mulej,

meta jien insamma' l-għajta tal-gwerra

għal Rabba ta' wlied Għammon,

u ssir borġ ħerba,

u blietha n-nar jaħraqhom,

u Iżrael jiret lil min kien wirtu,