L-ITTRA TA' SAN ĠAKBU

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. Tislima

 

[Ġak:1:1] Ġakbu, qaddej ta' Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, lit-tnax-il tribù mxerrda mad-dinja: sliem.

 

Fidi u għerf

 

[Ġak:1:2] Ħuti, għoddu kollox b'ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma' kull xorta ta' tiġrib, [Ġak:1:3] għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. [Ġak:1:4] Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn. [Ġak:1:5] Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b'id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu. [Ġak:1:6] Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ. [Ġak:1:7] Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqla' xi ħaġa mingħand il-Mulej; [Ġak:1:8] hu bniedem mifxul fih innifsu, u m'huwiex żgur mit-triq li jagħżel.

 

Faqar u għana

 

[Ġak:1:9] Ħa jiftaħar ħuna l-fqir li Alla għollieh, [Ġak:1:10] u l-għani jiftaħar fl-umiljazzjoni tiegħu. Għax dan jgħib bħal ward                               ir-raba'; [Ġak:1:11] titla' x-xemx tisreġ u bis-sħana tnixxef il-ħaxix, u l-fjur tiegħu jaqa' u s-sbuħija ta' surtu tgħib; hekk ukoll jiġrilu l-għani f'kull ma jmidd għonqu għalih.

 

Taħbit u tiġrib

 

[Ġak:1:12] Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqla' l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh. [Ġak:1:13] Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: "Alla qiegħed iġarrabni" għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m'hu se jġarrab lil ħadd. [Ġak:1:14] Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess. [Ġak:1:15] Mbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.

 

[Ġak:1:16] La titqarrqux, aħwa għeżież tiegħi. [Ġak:1:17] Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir. [Ġak:1:18] Għax ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.

 

Nisimgħu l-kelma u nagħmluha

 

[Ġak:1:19] Kunu afu dan, ħuti għeżież. Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jisma', tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla. [Ġak:1:20] Għax bniedem inkurlat ma jagħmilx il-ġustizzja ta' Alla. [Ġak:1:21] Neħħu għalhekk minn fuqkom kull ma hu mniġġes u kull fdal ta' ħażen, u ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawwla fikom, li tista' ssalvalkom ruħkom.

 

[Ġak:1:22] Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. [Ġak:1:23] Għax jekk xi ħadd jisma' l-kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f'mera l-wiċċ li bih twieled: [Ġak:1:24] jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien. [Ġak:1:25] Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma' biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil tiegħu.

 

[Ġak:1:26] Jekk xi ħadd jidhirlu li hu reliġjuż, u lsienu ma jrażżnux u jqarraq b'qalbu, fiergħa hi r-reliġjon tiegħu. [Ġak:1:27] Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwiena u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis 'il bogħod mid-dinja.

 

2. Ma nħarsux lejn l-uċuħ

 

[Ġak:2:1] Ħuti, tħalltux il-fidi f'Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn l-uċuħ. [Ġak:2:2] Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f'subgħajh u bi lbies ilellex, mbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes imċerċer, [Ġak:2:3] u intom idduru ma' dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: "Int oqgħod komdu bilqiegħda" waqt li lill-fqir tgħidulu: "Int oqgħod bil-wieqfa", jew "Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta' riġlejja", [Ġak:2:4] ma jidhrilkomx li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?

 

[Ġak:2:5] Isimgħu, ħuti għeżież: m'hux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja biex jistagħnu  fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li jħobbuh? [Ġak:2:6] Imma intom lill-fqir inqastuh mill-ġieħ. M'humiex l-għonja li jaħqrukom? M'humiex huma li jkaxkrukom lejn il-qrati? [Ġak:2:7] M'humiex huma li jżebilħu dak l-isem ta' ġieħ li ġie msejjaħ fuqkom? [Ġak:2:8] Jekk tħarsu bir-reqqa l-aqwa liġi, skond ma hemm fl-Iskrittura: "Ħobb lil għajrek bħalek innifsek", intom tkunu tagħmlu sewwa; [Ġak:2:9] imma jekk tħarsu lejn l-uċuħ, tidinbu, u l-Liġi tixlikom bħala nies li tkunu ksirtuha. [Ġak:2:10] Għax min il-Liġi jħarisha kollha imma jiksirha f'ħaġa waħda biss, ikun ħati ta' kollox. [Ġak:2:11] Għax dak li qal: "La tagħmilx adulterju", qal ukoll: "La toqtolx." Mela jekk inti ma tagħmilx adulterju, imma toqtol, il-Liġi tkun ksirtha. [Ġak:2:12] Hekk għandkom titkellmu u hekk għandkom iġġibu ruħkom, bħallikieku wasaltu biex isir ħaqq minnkom taħt liġi ta' ħelsien. [Ġak:2:13] Għax il-ħaqq ikun bla ħniena għal min ma jurix ħniena; u l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq.

 

Fidi u opri

 

[Ġak:2:14] X'jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista' ssalvah din il-fidi? [Ġak:2:15] Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x'jilbsu u jonqoshom l-ikel ta' kuljum, [Ġak:2:16] u wieħed minnkom jgħidilhom: "Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu", bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x'jiswa? [Ġak:2:17] Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.

 

 [Ġak:2:18] Imma xi ħadd jista' jgħid: "Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil." Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi. [Ġak:2:19] Inti temmen li Alla huwa wieħed, u tagħmel sew. U dan ix-xjaten ukoll jemmnuh, u jitriegħdu. [Ġak:2:20] Imma kif ma tridx taf, iblah li int, li l-fidi mingħajr għemil hija fiergħa? [Ġak:2:21] Jaqaw Abraham missierna mhux mill-għemil kien iġġustifikat meta offra lil ibnu Iżakk fuq l-artal? [Ġak:2:22] B'hekk tara kif il-fidi ħadmet id f'id ma' l-għemil tiegħu, u kif bil-ħila ta' l-għemil il-fidi laħqet fl-aqwa tagħha [Ġak:2:23] u seħħet l-Iskrittura li tgħid: "Abraham emmen lil Alla u kien dan li ġġustifikah" u għalhekk huwa msejjaħ ħabib ta' Alla. [Ġak:2:24] Taraw, mela, li l-bniedem ikun iġġustifikat bl-għemil, mhux bil-fidi biss. [Ġak:2:25] Hekk ukoll Raħab iż-żienja; jaqaw mhux  bl-għemil kienet iġġustifikata meta laqgħet lill-messaġġiera u bagħtithom minn triq oħra? [Ġak:2:26] Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil.

 

3. Nrażżnu lsienna

 

 [Ġak:3:1] Ħuti, la ssirux ħafna minnkom għalliema, għax tafu li aħna li ngħallmu nkunu ġġudikati b'reqqa akbar. [Ġak:3:2] Aħna lkoll niżbaljaw, u ta' sikwit; jekk xi ħadd ma jiżbaljax f'dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu. [Ġak:3:3] Aħna nqiegħdu l-ilġiem f'ħalq iż-żwiemel biex naħkmuhom, u bih immexxu ġisimhom kollu. [Ġak:3:4] Ħarsu wkoll lejn il-bastimenti: għad li jkunu kbar u jimxu ma' l-irjieħ qawwija, naqra ta' tmun idawwarhom fejn irid it-tmunier. [Ġak:3:5] Hekk ukoll l-ilsien: huwa biċċa ċkejkna fil-ġisem, imma jista' jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar.

 

Ara, ftit nar jista’ jqabbadlek foresta sħiħa; [Ġak:3:6] u l-ilsien huwa nar, huwa dinja ta' ħażen fost il-membri ta' ġisimna, iniġġes il-ġisem kollu u jkebbes ir-ritmu tal-ħajja, hu nnifsu mkebbes mill-infern. [Ġak:3:7] Kull xorta ta' bhejjem u għasafar, kull xorta ta' bhejjem li jitkaxkru ma' l-art u ta' ħut, dawn kienu u huma mmansati mill-bniedem. [Ġak:3:8] Iżda ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt. [Ġak:3:9] Bih aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin xbieha ta' Alla. [Ġak:3:10] Minn ilsien wieħed joħorġu l-barka u s-saħta. Dan m'għandux ikun, ħuti. [Ġak:3:11] Jaqaw jista' jnixxi ilma ħelu u ilma salmastru mill-istess għajn? [Ġak:3:12] U, ħuti, tista' s-siġra tat-tin tagħmel iż-żebbuġ? Tista' d-dielja tagħmel it-tin? L-ilma mielaħ ma jsirx ilma ħelu.

 

L-għerf tas-sema u l-għerf ta' l-art

 

[Ġak:3:13] Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Mela ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu, għemilu bi ħlewwa għaqlija. [Ġak:3:14] Imma jekk intom għandkom l-għira u l-imrar f'qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b'hekk ma tiftaħrux u tigdbu kontra l-verità. [Ġak:3:15] Dan m'hux l-għerf li ġej mis-sema,  imma l-għerf  ta'  din l-art,  tal-ġisem u tax-xitan. [Ġak:3:16] Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta' ħażen. [Ġak:3:17] L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. [Ġak:3:18] Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.

 

4. Il-ħbiberija mad-dinja

 

[Ġak:4:1] Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f'ġisimkom? [Ġak:4:2] Tixtiequ, u ma ssibu xejn; mbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; mbagħad tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. [Ġak:4:3] Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar. [Ġak:4:4] Nies adulteri! Ma tafux li                         l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu ta' Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu ta' Alla. [Ġak:4:5] Taħsbu li għalxejn l-Iskrittura tgħid: "L-Ispirtu li jgħammar fina jħobb b'imħabba għajjura"? [Ġak:4:6] Hu jagħti grazzja akbar minn hekk: għalhekk l-Iskrittura tgħid li

 

     “Alla jieqaf lill-kburi

     u jagħti l-grazzja lill-umli.”

 

[Ġak:4:7] Mela oqogħdu għar-rieda ta' Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom. [Ġak:4:8] Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom. Midinbin, naddfu idejkom; nies ta' moħħ imħawwad, saffu qlubkom. [Ġak:4:9] Agħrfu  l-miżerja tagħkom, ibku, u olfqu, ħallu d-daħk tagħkom jinbidel f'niket u l-ferħ tagħkom f'diqa. [Ġak:4:10] Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.

 

Ma niġġudikawx

 

[Ġak:4:11] Toqogħdux tqassu fuq xulxin, ħuti. Min iqassas fuq ħuh u jiġġudika lil ħuh, ikun qiegħed iqassas fuq il-Liġi u jiġġudika l-Liġi; imma jekk inti tiġġudika l-Liġi, ma tkunx qiegħed tagħmel dak li trid il-Liġi, imma ssir imħallef. [Ġak:4:12] Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-Liġi, wieħed biss l-Imħallef: dak li għandu s-setgħa jeħles u jeqred. Int min int biex tiġġudika 'l ħaddieħor?

Il-ftaħir żejjed

 

[Ġak:4:13] Issa ejjew, intom li tgħidu: "Illum jew għada mmorru f'din jew dik il-belt u nqattgħu sena hemmhekk, nixtru u nbigħu u nagħmlu l-flus," [Ġak:4:14] u intom ma tafux x'għad isir għada. Għax x'inhi ħajjitkom? Intom bħal fwar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib. [Ġak:4:15] Flok ma tgħidu: "Jekk il-Mulej irid, ngħixu u nagħmlu dan jew dak," [Ġak:4:16] tiftaħru bil-frugħat tagħkom! Kull ftaħir bħal dan huwa ħażen. [Ġak:4:17] Jekk mela xi ħadd jagħraf it-tajjeb li għandu jagħmel u ma jagħmlux, jagħmel dnub.

 

5. Twissija lill-għonja

 

[Ġak:5:1] Ejjew issa, intom l-għonja, ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom! [Ġak:5:2] Ġidkom tħassar, ħwejjiġkom kilithomlkom il-kamla. [Ġak:5:3] Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħkom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem! [Ġak:5:4] Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom - ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq - qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta' dawk li ħasdu wasal f'widnejn il-Mulej ta' l-eżerċti. [Ġak:5:5] Fuq l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu tissemmnu għall-jum tal-qatla. [Ġak:5:6] Intom ikkundannajtu l-ġust, qtiltuh għax ma jistax jiqfilkom!

 

Sabar u talb

 

[Ġak:5:7] Ħuti, stabru, sa ma jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b'sabar kbir jistenna l-frott għażiż ta' l-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra. [Ġak:5:8] Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib. [Ġak:5:9] Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb! [Ġak:5:10] Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar, ħuti, ħudu  l-profeti li tkellmu f'isem il-Mulej. [Ġak:5:11] Dawk li żammew sħiħ sa l-aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja. Smajtu bis-sabar ta' Ġob, u tafu kif bl-għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta.

 

[Ġak:5:12] Imma fuq kollox, ħuti, la taħilfux, u la bis-sema u la bl-art, u tieħdu ebda ġurament ieħor; iżda ħallu l-"iva" tagħkom ikun "iva" u l-"le" tagħkom ikun "le", biex hekk ma tkunux ikkundannati.

 

[Ġak:5:13] Hemm xi ħadd fostkom imnikket? Ħalli dan jitlob. Hemm xi ħadd ferħan? Ħalli jkanta s-salmi. [Ġak:5:14] Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f'isem il-Mulej; [Ġak:5:15] it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajjmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu. [Ġak:5:16] Stqarru wieħed lill-ieħor in-nuqqasijiet tagħkom u itolbu għal xulxin, biex hekk tfiqu. It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira. [Ġak:5:17] Elija bniedem bħalna kien: meta talab bil-ħerqa biex ma tagħmilx ix-xita, għal tliet snin u sitt xhur sħaħ ix-xita ma għamlitx fuq l-art. [Ġak:5:18] U meta raġa' talab, is-sema radd ix-xita u l-art għamlet il-frott.

L-aħħar kelma

 

[Ġak:5:19] Ħuti, jekk xi ħadd minnkom jitbiegħed mis-sewwa u xi ħaddieħor iġibu lura, [Ġak:5:20] dan għandu jkun jaf li min iressaq lura mit-triq il-ħażina 'l xi midneb, jeħles ruħu mill-mewt u jostor kotra ta' dnubiet.