Xi mistoqsijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Gaudete et Exsultate.

 

1. X’wassal lill-Papa biex jikteb din l-Eżortazzjoni, u għaliex issa?
Waħda mill-ħidmiet prinċipali tal-Knisja minn dejjem kienet li tgħin lill-bniedem fil-mixja tiegħu lejn il-qdusija. Illum, l-idea ta’ qdusija tista’ tkun imtappna b’ideat oħra li jiżgwidawk jew li huma immaġinarji. Għalhekk, il-Papa “jħeġġeġ” lil dawk li jsegwuh biex jimpenjaw ruħhom f’mixja li qed iseħħ b’mod konkret fil-ħajja li ngħixu kuljum b’ġesti sempliċi u b’affarijiet żgħar, li l-grazzja t’Alla tmexxina fihom dejjem aktar u aktar.
F’Evangelii Gaudium, il-Papa Franġisku tkellem dwar is-sejħa biex l-insara jkunu dixxipli missjumarji. Gaudete et Exsultate tkellimna propju dwar il-missjoni li hemm fil-qalba ta’ din is-sejħa, li tpoġġina f’rabta ma’ Ġesu’ Kristu, li mhux biss jistedinna għall-qdusija, imma, bil-għajnuna tal-grazzja tiegħu, jagħmilna kapaċi naslu għaliha. Il-qdusija hi għal kulħadd u mhux biss għal xi ftit magħżula. Il-qdusija hi d-destin tagħna; hi l-pjan t’Alla għalina. F’dan il-pjan ma hemm xejn li jintimidana jew li jjassarna; anzi hemm ħelsien, mod kif insiru dak li tassew aħna.


2. X’hemm ġdid f’Gaudete et Exsultate?
Gaudete et Exsultate għandha ton u emfasi li huma  differenti mid-dokumenti ta’ qabilha. L-ewwelnett, l-Eżultazzjoni hi indirizzata personalment  lil kull wieħed u waħda minna, hu xinhu l-istat tal-ħajja tagħna jew il-livell ta’ edukazzjoni jew żvilupp. il-Papa Franġisku juża lingwaġġ informali fis-singular, juża l-lingwaġġ li nitkellmu bih ma’ ħbiebna jew qrabatna. B’hekk, il-Papa Franġisku qed jagħmlilna stedina personali biex nimxu wara Ġesu’.
It-tieni, il-Papa juża apposta lingwaġġ lajk u jagħmel stedina lajka bl-iskop li jilħaq lin-nies tad-dinja, li jilħaq lil min għandu xogħol u familja u ħajja mimlja impenji u  pressjonijiet differenti. Il-Papa Franġisku jrid li n-nies ikunu jafu li m’hemmx bżonn ta’ studju jew edukazzjoni partikulari, u lanqas li jsiru voti reliġjużi: hemm bżonn biss ta’ qalb miftuħa u x-xewqa li wieħed jgħaddi ħin mal-Mulej, fit-talb u l-qari tal-Evanġelju. Irid ukoll li n-nies isiru jafu li fil-Knisja hemm dak kollu li jeħtieġu biex jitqaddsu, u li dan qiegħed hemm għal dawk kollha li jixtiequh.
It-tielet, il-Papa jurina, b’mod prattiku ħafna, kif għandu jsir dan il-vjaġġ lejn il-qdusija u kif dan jagħtina l-ħajja u jagħmilna aktar umani.


3. X’inhuma s-suġġerimenti prattiċi? In-nies, kif jistgħu jitqaddsu?
Ħafna mis-suġġerimenti li jagħmel il-Papa Franġisku huma magħrufa sew fil-ħajja Kattolika:  ħin dedikat għat-talb, parteċipazzjoni fis-Sagrament tal-Ewkaristija u fis-sagrament tal-Qrar, eżami ta’ kuxjenza kuljum, u qari regolari tal-Evanġelju. B’hekk il-ħajja tagħna ssir dejjem aktar tixbaħ lil dik ta’ Kristu. Il-Papa jitkellem dwar ir-rabta qawwija li hemm bejn din l-attivita’ “spiritwali” u l-azzjonijiet mibnija fuq il-ħniena.  Jgħid li dawn iż-żewġ affarijiet ma nistgħux nifirduhom minn xulxin, u li l-awtentiċita’ tat-talb tagħna tidher fil-mod kif ninbidlu u nġibu ruħna b’umilta’ u ħniena. L-għeruq ta’ dan insibuhom fl-Evanġelju ta’ San Mattew, Kap 5 fejn Ġesu’ jagħtina l-Beatitudnijiet, it-triq li rridu ngħaddu minnha biex naslu għall-qdusija. Imbagħad, f’Kap 25 naqraw il-mistoqsijiet impenjattivi li juruna b’mod ċar “il-kriterju li fuqu ser inkunu ġġudikati” fl-aħħar taż-żmien; jiġifieri juruna kif għandna nwieġbu għall-ħtiġijiet konkreti tal-oħrajn, speċjalment ta’ min hu fqir. Jekk ma hemmx dan l-għixien, m’hemmx qdusija. U dan jitlob minna li nemmnu,  nitolbu u nġibu ruħna  b’mod li ma nifirdux dawn minn xulxin.


4. Fid-dokument insibu kapitlu sħiħ iddedikat għal żewġ ereżiji antiki. Għaliex il-Papa jidher daqshekk imħasseb dwarhom?  
Il-Papa Franġisku spiss isemmi l-perikli tal-verżjonijiet moderni tal-Injostiċiżmu u l-Pelaġjaniżmu, u d-dokument Placuit Deo, mogħti Frar li għadda mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, jispjega dan fid-dettal. Huma tentazzjonijiet veri għal min ikun attirat mill-fidi Nisranija. Fil-fatt, huma triqat li fihom wieħed ifittex is-salvazzjoni permezz ta’ ideat u sforzi umani u mhux bil-qawwa ta’ Kristu. Il-Papa Franġisku jitkellem dwar dan b’mod sempliċi sabiex kulħadd, u mhux biss it-teoloġi, jkun jista’ jifhem u jagħraf dawn il-perikli.
Jgħidilna, per eżempju, biex niftħu għajnejna dwar ideat sbieħ li jidhru qed jispjegaw kollox f’sistema loġika kumplessa, jew dwar enfasi eċċessiva fuq regoli u metodi. Il-qofol ta’ kollox  hu, li aħna nsalvaw - li nitqaddsu – mhux permezz tal-ideat sofistikati tagħna jew tal-isforzi kbar li nagħmlu, imma billi ninfetħu l-ħin kollu  għall-għajnuna li Alla joffrilna fid-dgħufija tagħna. Din l-għajnuna, jew Grazzja, mhijiex xi premju għat-tajbin, imma hija mod kif Alla jgħin lil dawk li jduru lejh fil-bżonnijiet tagħhom. Bl-istess mod, l-aktar ħaġa importanti, jgħid il-Papa Franġisku, hi l-mod kif inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-iżgħar fost ħutna l-bnedmin. Aħna ġġustifikati mhux bil-ħidma u l-isforzi li nagħmlu, imma bil-grazzja t’Alla li dejjem jieħu l-inizjattiva. Il-Grazzja hi d-don t’Alla mogħti lilna b’xejn – u dan jinkludi x-xewqa tagħna għall-qdusija. Għalhekk, il-qdusija ġġib magħha bidla progressiva li sseħħ għax inwieġbu  għad-don li Alla jagħtina b’xejn u li aħna naċċettawh u nirċevuh b’mod ħieles.


5. Paragrafi 43 u 44 jitkellmu dwar duttrina u jsostnu li fil-Knisja hemm diversi modi kif ninterpretaw id-duttrina – jew kif nifhmuha - u li din mhijiex sistema magħluqa. Taħseb li din hi kritika impliċita dwar il-pontifikati ta’ qabel, li tant impenjaw ruħhom  u saħqu fuq it-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja?
Hawnhekk il-Papa Franġisku mhux qed iwissi kontra ċ-ċarezza duttrinali jew kontra l-użu tar-raġuni, imma kontra t-tentattivi biex id-duttrina ssir sistema intellettwali monolitika waħdanija li ma tħalli ebda spazju għal sfumaturi u diversita’. Fil-fatt, ħafna mid-duttrina Kattolika mhux faċli tifhimha bir-raġuni biss; il-verita’ li hemm fiha tista’ tilqagħha  biss billi tikkontemplaha  aktar milli tfissirha. Ir-raġuni għandha postha, imma l-verita’ ta’ Kristu tmur ‘l hemm mir-raġuni.


6. Paragrafu 58 hu attakk qawwi kontra dawk li jridu jagħmlu l-Knisja bħal xi biċċa arti f’mużew jew klabb għal xi ftit magħżula. Il-Papa dwar min qed jitkellem?
Hawnhekk il-Papa qed iwissi kontra ‘l-Pelaġjani ġodda’ fil-Knisja: mhux kontra xi ħadd partikulari jew kontra xi grupp, imma kontra dawk li għandhom ċertu tendenzi, bħal per eżempju dawk li huma ossessjonati bil-liġijiet, dawk preokkupati b’mod puntiljuż dwar liturġija, duttrina u prestiġju, u l-bqija. Ovvjament, mhux qed jgħid li l-liturġija u d-duttrina mhumiex importanti; iżda meta Kattoliċi jsiru ossessjonati dwarhom, dan jista’ jkun sinjal li qed jaqgħu f’attitudnijiet Injostiċi jew Pelaġjani.


7. Għaliex il-Papa jinsisti daqshekk fuq il-perikli tad-diċeriji? (Paragrafu 87)
Il-Papa spiss jitkellem dwar id-diċeriji u jirreferi għalihom bħala forma ta’ vjolenza li teqred komunitajiet sħaħ u tiżra’ firda u suspett. Illum il-periklu kiber għax il-media soċjali moderna tagħmel aktar faċli  t-tixrid ta’ informazzjoni falza (n.115). Il-Papa jfakkar f’dak li jwissi t-Tmien Kmandament: la tixhidx fil-falz kontra għajrek. Jitkellem b’mod kostruttiv dwar dan is-suġġett meta jużah bħala eżempju prattiku  għal min qed jagħmel il-mixja tal-qdusija: wieħed la għandu jieħu sehem  fit-tpaċpiċ fieragħ u lanqas jgħaddih lill-oħrajn.


8. F’paragrafu 98, il-Papa Franġisku jagħti l-eżempju ta’ laqgħa  ma’ persuna bla dar f’lejla kiesħa. Forsi jrid ifisser li jien obbligat ngħin lil dik il-persuna f’dak il-ħin stess li niltaqa’ magħha?
Il-Papa mhux qed joffri xi preċett, imma qed jurina kif il-qdusija tibdel il-mod kif inħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna, speċjalment lejn  ħutna l-bnedmin. Jekk inħares lejn il-persuna l-oħra bħala ħija jew oħti fil-bżonn u mhux bħala problema, allura nkun qed inħares lejha bl-għajnejn ta’ Kristu.  L-azzjoni li toħroġ minn din l-imġiba  tiddependi fuq fatturi differenti. Fil-paragrafu ta’ wara l-Papa jsemmi “d-diqa kostanti u li tweġġa’”meta nħarsu lejn id-dinja b’dan il-mod. Dan hu sinjal li qed nikbru fil-qdusija.


9. Bla ma jsemmi l-kelma abort, f’paragrafu 101 il-Papa qisu jargumenta li hemm ekwivalenza morali bejn l-abort u xi prattiċi oħra li jeqirdu d-dinjita’ umana. Hekk hu?
Hawnhekk il-Papa Franġisku qed jikkritika attaġġament profan li jifred qasam ta’ interess etiku mill-bqija u jagħmlu assolut. U joffri l-eżempju komuni ta’ Kattoliku li jemmen bis-sħiħ fil-kawża favur il-ħajja (pro-life) filwaqt li ma jappoġġax l-impenn soċjali ta’ Kattoliċi oħra u jarah bħal xi ħaġa “politika”. Is-sejħa għall-qdusija titlob ħarsa ħafna aktar wiesgħa fejn l-imħabba għall-proxxmu tfisser li wieħed jinkwieta meta jara d-dinjita’ umana ta’ xi ħadd mhedda. Tnejn mill-ħafna eżempji huma: familja li jkollha taħrab minn darha minħabba t-tixrid ta’ demm, u xi ħadd li hu vittma tal-prostituzzjoni. La darba ma nistgħux nippreokkupaw il-ħin kollu u bl-istess mod dwar kull theddida tad-dinjita’ umana, jeħtieġ inkunu grati lejn dawk li qed iwieġbu fejn aħna ma nistgħux nagħtu s-sehem tagħna.


10. F’paragrafi 102 u 103, il-Papa jittratta t-tema dwar l-immigranti u jgħid li din mhux xi kunċett ivvintat minn xi Papa jew xi moda li tgħaddi maż-żmien. Taħseb li l-Papa qed jimplika li l-immigranti kollha għandhom ikunu milqugħa? La din hi waħda mill-kwistjonijiet politiċi l-aktar rilevanti fid-dinja, forsi il-Papa mhux qed jagħti  xejra politika lil sejħa għall-qdusija?
Il-Papa qatt ma qal li l-immigranti kollha għandhom ikunu milqugħa u mogħtija merħba. Hu ħeġġeġ lill-pajjiżi l-aktar sinjuri biex ikunu ġenerużi, u biex jaraw li l-immigranti jintegraw ruħhom fis-soċjetajiet li jilqgħuhom. Dejjem tkellem dwar il-bini ta’ pontijiet b’kuntrast mal-bini ta’ ħitan biex in-nies jitħallew barra. Tkellem dwar l-importanza li nħarsu lejn l-immigranti bħala persuni u mhux bħala numri. Hawnhekk jisħaq li s-sitwazzjoni tal-immigranti mhijiex kwistjoni “sekondarja” jew inqas etika. Is-sejħa għall-qdusija hi sejħa biex l-Evanġelju jissarraf  f’ħajja, u dan ifisser ukoll li nilqgħu lill-barrani (Mt 25: 35).


11. F’paragrafi 160 u 161, il-Papa jagħti attenzjoni partikulari lix-xitan.  Allura jkun korrett jekk ngħidu li hu jemmen ukoll fl-infern?
Il-Papa Franġisku rrifera bnadi oħra għall-infern b’mod regolari. Hawnhekk ma jsemmix l-infern imma jsemmi x-xitan filwaqt li jwissi li f’kull vjaġġ lejn il-qdusija hemm l-attakki mill-għadu tal-qdusija. Din hi taqbida kontinwa, u mhux xi ġrajja li sseħħ kultant, u hu importanti li nkunu nafuh dan: jekk naħsbu li x-xitan hu sempliċi simbolu jew idea, allura ma noqogħdux attenti biżżejjed.   Iżda fil-Knisja, il-Mulej tana bosta armi qawwija biex nissieltu kontra l-attakki tax-xitan, b’mod partikulari d-don tad-dixxerniment, li tant hu meħtieġ illum meta hemm ħafna distrazzjonijiet li superfiċjalment jidhru pożittivi. Il-qdusija hi sensiela ta’ rebħiet kontra t-tentazzjonijiet tax-xitan.  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard