EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

POSTSINODALI

 

AMORIS LÆTITIA

[IL-FERĦ TAL-IMĦABBA]

 

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

 

LILL-ISQFIJIET, LILL-PRESBITERI U LID-DJAKNI,

LILL-PERSUNI KKONSAGRATI, LILL-MIŻŻEWĠIN INSARA,

U LILL-FIDILI KOLLHA LAJĊI,

DWAR L-IMĦABBA FIL-FAMILJA

19 ta' Marzu 2016

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Francesco Pio Attard

 

 

WERREJ

 

Il-ferħ tal-imħabba [1-7]

 

L-Ewwel Kapitlu

FID-DAWL TAL-KELMA [8]

 

Int u martek [9-13]

Uliedek bħal xitel taż-żebbuġ [14-18]

Mixja ta’ tbatija u ta’ tixrid tad-demm [19-22]

Xogħol idejk [23-26]

Il-ħlewwa tat-tgħanniqa [27-30]

 

It-Tieni Kapitlu

IR-REALTÀ U L-ISFIDI TAL-FAMILJI [31]

 

Il-qagħda tal-familja llum [32-49]

Xi sfidi [50-57]

 

It-Tielet Kapitlu

ĦARSITNA FUQ ĠESÙ: IL-VOKAZZJONI TAL-FAMILJA [58-60]

 

Ġesù jġedded il-pjan divin u jwettqu sal-aħħar [61-66]

Il-familja fid-dokumenti tal-Knisja [67-70]

Is-sagrament taż-żwieġ [71-75]

Iż-żerriegħa tal-Verb u sitwazzjonijiet imperfetti [76-79]

It-trasmissjoni tal-ħajja u l-edukazzjoni tal-ulied [80-85]

Il-familja u l-Knisja [86-88]

 

Ir-Raba’ Kapitlu

L-IMĦABBA FIŻ-ŻWIEĠ [89]

 

L-imħabba tagħna ta’ kuljum [90]

Sabar [91-92]

Imġiba tajba [93-94]

Infiqu mill-għira [95-96]

Bla ma tintefaħ jew titkabbar [97-98]

Ma tagħmilx dak li mhux xieraq [99-100]

Distakk ġeneruż [101-102]

Bla vjolenza interjuri [103-104]

Maħfra [105-108]

Nifirħu mal-oħrajn [109-110]

Kollox tagħder [111-113]

Fiduċjuża [114-115]

Tittama [116-117]

Kollox tissaporti [118-119]

Nikbru fl-imħabba konjugali [120-122]

F’komunjoni waħda tul ħajjitna kollha [123-125]

Ferħ u ġmiel [126-130]

Niżżewġu għax ninħabbu [131-132]

Imħabba li tidher u tikber [133-135]

Id-djalogu [136-141]

Imħabba kollha passjoni [142]

Id-dinja tal-emozzjonijiet [143-146]

Alla jrid il-ferħ ta’ wliedu [147-149]

Id-dimensjoni erotika tal-imħabba [150-152]

Vjolenza u manipulazzjoni [153-157]

Żwieġ u verġinità [158-162]

Il-bidla fl-imħabba [163-164]

 

Il-Ħames Kapitlu

L-IMĦABBA SSIR GĦAMMIELA [165]

 

Nilqgħu ħajja ġdida [166-167]

L-imħabba fl-istennija waqt it-tqala [168-171]

Imħabba ta’ omm u ta’ missier [172-177]

Ħajja għammiela mwessgħa [178-184]

Dixxerniment tal-ġisem [185-186]

Il-ħajja fil-familja f’sens wiesa’ [187]

Inkunu wlied [188-190]

L-anzjani [191-193]

Insiru aħwa [194-195]

Qalb kbira [196-198]

 

Is-Sitt Kapitlu

XI PERSPETTIVI PASTORALI [199]

 

Inxandru llum l-Evanġelju tal-familja [200-204]

Ngħinu lill-għarajjes fil-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ [205-211]

It-tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni [212-216]

Insieħbu fl-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ [217-222]

Xi riżorsi [223-230]

Ir-riskju tal-kriżijiet, l-ansjetajiet u d-diffikultajiet [231]

L-isfidi tal-kriżijiet [232-238]

Ġrieħi qodma [239-240]

Insieħbu wara l-firdiet u d-divorzji [241-246]

Xi sitwazzjonijiet kumplessi [247-252]

Meta l-mewt tolqot bin-niggieża tagħha [253-258]

 

Is-Seba’ Kapitlu

INSAĦĦU L-EDUKAZZJONI TAL-ULIED [259]

 

Fejn qegħdin l-ulied? [260-262]

Il-formazzjoni etika tal-ulied [263-267]

Il-valur tal-korrezzjoni bħala stimolu [268-270]

Realiżmu kollu sabar [271-273]

Il-ħajja fil-familja bħala kuntest edukattiv [274-279]

Iva għall-edukazzjoni sesswali [280-286]

Ngħaddu l-fidi [287-290]

 

It-Tmien Kapitlu

INSIEĦBU, NIDDIXXERNU U NINTEGRAW LID-DGĦAJJEF [291-292]

 

Il-gradwalità fil-pastorali [293-295]

Id-dixxerniment tal-qagħdiet hekk imsejħa “irregolari” [296-300]

Iċ-ċirkustanzi attenwanti f’dixxerniment pastorali [301-303]

In-normi u d-dixxerniment [304-306]

Il-loġika tal-ħniena pastorali [307-312]

 

Id-Disa’ Kapitlu

L-ISPIRITWALITÀ TAL-MIŻŻEWĠIN U TAL-FAMILJA [313]

 

Spiritwalità tal-komunjoni sopranaturali [314-316]

Imxerkin fit-talb, għad-dawl tal-misteru tal-Għid [317-318]

Spiritwalità tal-imħabba esklussiva u ħielsa [319-320]

Spiritwalità tal-għożża, tal-faraġ u li tħeġġeġ [321-325]

Talba lill-Familja Mqaddsa


 

 

1. Il-ferħ tal-imħabba fil-familji hu wkoll il-ferħ tal-Knisja. Kif urewna l-Padri Sinodali, minkejja l-għadd ta’ sinjali ta’ kriżi fiż-żwieġ, “ix-xewqa għall-familja tibqa’ ħajja, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u tqanqal lill-Knisja”.[1] Bħala tweġiba għal din ix-xewqa, “it-tħabbira Nisranija dwar il-familja hi tabilħaqq bxara tajba”.[2]

 

2. Fil-mixja sinodali li terraqna stajna ngħarblu l-qagħda tal-familja fid-dinja tal-lum, inwessgħu ħarsitna u nġeddu l-għarfien tagħna dwar l-importanza taż-żwieġ u tal-familja. Fl-istess waqt, il-kumplessità tat-tematiċi proposti wrietna l-ħtieġa li b’libertà sħiħa nissoktaw ninżlu iktar fil-fond ta’ xi kwistjonijiet duttrinali, morali, spiritwali u pastorali. Ir-riflessjoni tar-Ragħajja u tat-teologi, jekk hi fidila għall-Knisja, onesta, realistika u kreattiva, tgħinna naraw aktar ċar. Id-dibattiti fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni jew fil-pubblikazzjonijiet u saħansitra fost il-ministri tal-Knisja, minn kilba kbira li nibdlu kollox mingħajr ma noqogħdu nirriflettu biżżejjed jew mingħajr ma għandna bażi b’saħħitha, imbagħad jgħaddu għal atteġġjament ta’ min jippretendi li jista’ jsolvi kollox billi japplika normi ġenerali jew minn ċerti riflessjonijiet teoloġiċi jasal għal konklużjonijiet eċċessivi.

 

3. Waqt li nfakkar li ż-żmien hu aqwa mill-ispazju, nixtieq intenni li mhux id-diskussjonijiet duttrinali, morali jew pastorali kollha jistgħu jissolvew b’interventi tal-Maġisteru. Naturalment, fil-Knisja hemm bżonn ta’ għaqda fid-duttrina u fil-prassi, imma dan ma jżommniex milli nħaddmu diversi modi ta’ interpretazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-duttrina jew ta’ ċerti konsegwenzi li joħorġu minnha. Dan jibqa’ jseħħ sa ma l-Ispirtu jwassalna għall-verità kollha (ara Ġw 16:13), jiġifieri meta jdaħħalna b’mod perfett fil-misteru ta’ Kristu u hekk inkunu nistgħu naraw kollox bl-għajnejn tiegħu. Barra minn hekk, f’kull pajjiż u reġjun jistgħu jitfittxew soluzzjonijiet li joqogħdu iktar għall-kultura tal-post, attenti għat-tradizzjonijiet u l-isfidi lokali. Fil-fatt, “il-kulturi huma differenti ħafna minn xulxin u kull prinċipju ġenerali […] irid jiġi inkulturat, jekk irridu li jiġi osservat u applikat”.[3]

 

4. Hu x’inhu, irrid ngħid li l-mixja sinodali ġarret fi ħdanha ħafna sabiħ u xeħtet dawl kbir. Irrodd ħajr għal tant kontributi li għenuni niżen il-problemi tal-familji tad-dinja fil-kuntest wiesa’ tagħhom. Il-ġabra tal-interventi kollha tal-Padri, li jien smajt b’attenzjoni sħiħa, jidhirli li hi bħal ġawhra prezzjuża b’ħafna wċuħ, magħmula minn ħafna tħassib leġittimu u minn mistoqsijiet onesti u sinċiera. Għalhekk ħassejt li kien f’loku li nfassal Eżortazzjoni Appostolika postsinodali li tiġbor il-kontribut li offrew l-aħħar żewġ Sinodi fuq il-familja, u magħhom insieħeb kunsiderazzjonijiet oħra li jistgħu jorjentaw għar-riflessjoni, id-djalogu u l-prassi pastorali, u fl-istess waqt jagħmlu kuraġġ, iħeġġu u jgħinu lill-familji fit-tħabrik tagħhom u fid-diffikultajiet li jsibu ma’ wiċċhom.

 

5. Din l-Eżortazzjoni tikseb tifsira speċjali fil-kuntest ta’ din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena. L-ewwel nett, għax nixtieqha tkun proposta għall-familji Nsara, li tħeġġiġhom biex jistmaw id-doni taż-żwieġ u tal-familja, u jżommu mħabba qawwija u mimlija bil-valuri tal-ġenerożità, l-impenn, il-fedeltà u s-sabar. It-tieni, għax bil-proposti tagħha nixtieq inħeġġeġ lil kulħadd ikun sinjal ta’ ħniena u ta’ qrubija hemm fejn il-ħajja tal-familja mhix qed isseħħ b’mod perfett jew mhix tingħax fis-sliem u l-hena.

 

6. Fid-damma ta’ din il-kitba, qed niftaħ b’daħla mnebbħa mill-Iskrittura Mqaddsa, li tagħtiha t-ton xieraq. Minn hemm nibda biex inħares lejn il-qagħda tal-familji llum, ħalli nżommu saqajna mal-art. Imbagħad infakkar f’xi elementi essenzjali tat-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-familja, biex hekk nagħmel wisa’ għal żewġ kapitli ċentrali ddedikati lill-imħabba. Wara, nindika xi toroq pastorali li jorjentawna biex nibnu familji b’saħħithom u għammiela skont il-pjan ta’ Alla, u niddedika kapitlu għall-edukazzjoni tal-ulied. Imbagħad nieqaf fuq stedina għall-ħniena u għad-dixxerniment pastorali quddiem sitwazzjonijiet li mhumiex iwieġbu b’mod sħiħ għal dak li l-Mulej jixtieq minna, u fl-aħħar immiss ftit fil-qosor ma’ xi linji għal spiritwalità tal-familja.

 

7. Tant kienu għonja s-sentejn ta’ riflessjonijiet li ġabet magħha l-mixja sinodali, li din l-Eżortazzjoni taffronta, bi stili differenti, bosta temi ta’ xejriet varjati. Dan jispjega d-daqs inevitabbli tagħha. Għalhekk m’iniex tal-idea li wieħed jaqraha kollha f’daqqa. Il-valur tagħha jista’ jiġi apprezzat aħjar, kemm mill-familji u kemm mill-operaturi tal-pastorali tal-familja, jekk huma jinżlu fil-fond tagħha b’ħafna sabar, parti wara l-oħra, jew jekk ifittxu fiha dak li jiġu bżonn f’kull ċirkustanza konkreta. Ngħidu aħna, aktarx li l-koppji miżżewġa iktar jistgħu jsibu jappellaw għalihom il-kapitli erbgħa u ħamsa, l-operaturi pastorali aktar sa jinteressahom il-kapitlu sitta, waqt li kulħadd sa jħoss il-kapitlu tmienja bħala sfida. Nittama li bil-qari tagħha, kull wieħed u waħda jħossu msejjaħ jieħu ħsieb bi mħabba l-ħajja tal-familji tagħna, għax dawn “mhumiex problema, l-ewwel u qabel kollox huma opportunità”.[4]


 

L-EWWEL KAPITLU

FID-DAWL TAL-KELMA

 

8. Il-Bibbja hi miżgħuda b’familji, b’episodji ta’ twelid, bi stejjer ta’ mħabba u ta’ kriżijiet fil-familji, u dan sa mill-ewwel paġna, fejn tidħol fix-xena l-familja ta’ Adam u Eva, bil-vjolenza li nsibu fiha imma anki bil-qawwa tal-ħajja li tkompli (ara Ġen 4), sal-aħħar paġna fejn naqraw bit-tieġ tal-Għarusa u l-Ħaruf (ara Apk 21:2,9). Iż-żewġt idjar li Ġesù jfisser bi kliemu, mibnija fuq il-blat jew fuq ir-ramel (ara Mt 7:24-27), jirrappreżentaw tant qagħdiet ta’ familji, magħmula mil-libertà ta’ dawk li jgħixu fihom, għax, kif jikteb il-poeta, “kull dar hi kandelabru”.[5] Immexxija mis-Salmista, nidħlu issa f’waħda minn dawn iż-żewġt idjar, fl-għanja li sal-lum għadha tixxandar kemm fil-liturġija tat-tieġ Lhudi u kemm f’dik Nisranija:

 

Hieni kull min jibża mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

li jibża mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta Ġerusalemm

tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek!

Sliem għal Iżrael!(Salm 128:1-6).

 

Int u martek

9. Mela ejjew nirfsu l-għatba ta’ din id-dar kollha sliem, bil-familja tagħha bilqiegħda madwar il-mejda tal-ikel. Fil-qalba tagħha nsibu lill-koppja tal-missier u l-omm bl-istorja kollha ta’ mħabbithom. Fihom jitwettaq dak il-pjan oriġinali li Kristu nnifsu jfakkar b’mod hekk qawwi: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara?” (Mt 19:4). U jfakkar fil-mandat li nsibu fil-Ktieb tal-Ġenesi: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2:24).

 

10. Iż-żewġ kapitli grandjużi li bihom jiftaħ il-Ġenesi joffrulna x-xbieha tal-koppja tal-bnedmin fir-realtà fundamentali tagħha. F’dak it-test tal-ftuħ tal-Bibbja jilmaw xi affermazzjonijiet ta’ importanza deċiżiva. L-ewwel waħda, ikkwotata fil-qosor minn Ġesù, tafferma: “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu; fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (1:27). Ħaġa tal-għaġeb, ix-“xbieha ta’ Alla” ssib bħala tifsira parallela tagħha sewwasew il-koppja ta’ “raġel u mara”. Ifisser dan li Alla nnifsu hu sesswat u li għandu miegħu sieħba divina, kif kienu jħaddnu ċerti reliġjonijiet tal-qedem? Ovvju li le, għax nafu b’liema ċarezza l-Bibbja ċaħdet bħala idolatrija dan it-twemmin mifrux fost il-Kangħanej tal-Art Imqaddsa. Tinżamm it-traxxendenza ta’ Alla, imma, billi huwa wkoll il-Ħallieq, in-natura għammiela tal-koppja tal-bnedmin hi “xbieha” ħajja u effikaċi, sinjal li jidher tal-azzjoni ħallieqa.

 

11. Il-koppja li tħobb u tnissel il-ħajja hi l-“ikona” vera u ħajja (mhux dak l-idolu tal-ġebel jew tad-deheb li d-Dekalogu jipprojbixxi), u taf turi lil Alla bħala ħallieq u feddej. Għalhekk l-imħabba għammiela ssir is-simbolu tar-realtajiet intimi ta’ Alla (ara Ġen 1:28; 9:7; 17:2-5,16; 28:3; 35:11; 48:3-4). Minn hawn joħroġ li r-rakkont tal-Ktieb tal-Ġenesi, tal-hekk imsejħa “tradizzjoni saċerdotali”, hu miżgħud b’bosta sekwenzi ġeneoloġiċi (ara 4:17-22,25-26; 5; 10; 11:10-32; 25:1-4,12-17,19-26; 36): fil-fatt, il-ħila tal-koppja umana li tnissel l-ulied hi t-triq li fiha twarrad l-istorja tas-salvazzjoni. F’dan id-dawl, ir-relazzjoni għammiela tal-koppja ssir xbieha biex nistgħu niskopru u nfissru l-misteru ta’ Alla, fundamentali fil-viżjoni Nisranija tat-Trinità li f’Alla tikkontempla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu ta’ mħabba. Alla Trinità hu komunjoni ta’ mħabba, u l-familja hi l-mera ħajja tiegħu. Idawwalna kliem San Ġwanni Pawlu II: “Alla tagħna, fl-iktar misteru intimu tiegħu, mhux solitudni, imma familja, ladarba hemm fih paternità, filjazzjoni u l-essenza tal-familja li hi l-imħabba. Din l-imħabba, fil-familja divina, hi l-Ispirtu s-Santu”.[6] Il-familja allura mhix xi ħaġa barranija għall-istess essenza divina.[7] Dan l-aspett trinitarju tal-koppja għandu espressjoni ġdida fit-teoloġija ta’ San Pawl li jqegħidha f’relazzjoni mal-“misteru” tal-għaqda bejn Kristu u l-Knisja (ara Efes 5:21-33).

 

12. Imma Ġesù, fir-riflessjoni tiegħu fuq iż-żwieġ, ifakkarna f’paġna oħra tal-Ktieb tal-Ġenesi, kapitlu 2, fejn jidher ritratt mill-isbaħ tal-koppja b’dettalji mill-aktar imlewna. Ħa nagħżlu mqar tnejn minnhom. L-ewwel wieħed hu tar-raġel li ħosbien ifittex “għajnuna tgħodd għalih” (vv. 18, 20), li tista’ timla dik is-solitudni li qed iddejqu u li l-annimali qrib tiegħu u l-ħolqien kollu mhumiex biżżejjed biex jimlew. L-espressjoni oriġinali Lhudija tfakkarna f’relazzjoni diretta, kważi “wiċċ imb wiċċ” – għajnejhom f’ta’ xulxin – fi djalogu mlissen ukoll bla kliem, għax fl-imħabba s-skiet spiss jgħajjat iżjed mill-kliem. Din hi l-laqgħa ma’ wiċċ, ma’ “int” li jirrifletti l-imħabba divina u hi “għajnuna taqbel għal miegħu u kolonna biex iserraħ fuqha” (Sir 36:24), kif jgħid kittieb għaref bibliku. Jew anki kif tistagħġeb l-għarusa tal-Għanja tal-Għanjiet fi stqarrija mill-isbaħ ta’ mħabba u ta’ għotja reċiproka: “Hu tiegħi l-maħbub tiegħi, jiena tiegħu […] Jien tal-maħbub, u tiegħi l-maħbub tiegħi” (2:16; 6:3).

 

13. Minn din il-laqgħa li tfejjaq is-solitudni jseħħu t-twelid ġdid u titnissel il-familja. Dan hu t-tieni dettall li nistgħu nosservaw: Adam, li hu anki r-raġel taż-żminijiet kollha u tar-reġjuni kollha tal-pjaneta tagħna, iwaqqaf flimkien ma’ martu familja ġdida, kif itenni Ġesù meta jikkwota l-Ġenesi: “Jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed” (Mt 19:5; ara Ġen 2:24). Il-verb “jingħaqad” fl-oriġinal Lhudi jindika sintonija stretta, twaħħid fiżiku u fil-ġewwieni, hekk li l-awtur jinqeda bih biex ifisser l-għaqda ma’ Alla: “Miegħek tingħaqad ruħi” (Salm 63:9), jgħanni s-Salmista. Hekk qed inħarsu lejn l-għaqda fiż-żwieġ mhux biss fid-dimensjoni sesswali u korporja tagħha, imma anki fl-għotja ħielsa tagħha ta’ mħabba. Il-frott ta’ din l-għaqda hu li “jsiru ġisem wieħed”, kemm fit-tgħanniqa fiżika, kemm fl-għaqda taż-żewġt iqlub u tal-ħajja u, forsi, fil-wild li għad jitwieled mit-tnejn, li, għax jgħaqqadhom ġenetikament u spiritwalment, fih se jġorr iż-żewġ “iġsma”.

 

Uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

14. Naqbdu mill-ġdid l-għanja tas-Salmista. Fiha, fid-dar fejn ir-raġel u martu jinsabu bilqiegħda madwar il-mejda, jidhru l-ulied, li huma magħhom “bħal xitel taż-żebbuġ” (Salm 128:3), jiġifieri mimlijin bl-enerġija u l-ħajja. Jekk il-ġenituri huma l-pedament sod tad-dar, l-ulied huma bħall-“ġebel ħaj” tal-familja (ara 1 Pt 2:5). Ta’ min jinnota li fit-Testment il-Qadim il-kelma li tidher l-aktar wara dik divina (YHWH, il-“Mulej”) hi “iben” (ben), kelma li teħodna lura għal dik Lhudija li tfisser “tibni” (banah). Għalhekk fis-Salm 127 naraw merfugħ fl-għoli d-don tal-ulied bħala xbihat li jirriferu kemm għall-bini ta’ dar, u kemm għall-ħajja soċjali u kummerċjali li kienet tiżvolġi ħdejn bieb il-belt: “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja […] Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf. Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, hekk huma wlied iż-żgħożija. Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! Ma jinfixilx meta jiltaqa’ mal-għedewwa f’bieb il-belt” (vv. 1, 3-5). Hu minnu li dawn ix-xbihat jirriflettu l-kultura ta’ soċjetà ta’ dari, imma l-preżenza tal-ulied dejjem hi sinjal tal-milja tal-familja fil-kontinwità tal-istess storja tas-salvazzjoni, minn nisel għal nisel.

 

15. F’din il-perspettiva nistgħu nħarsu lejn dimensjoni oħra tal-familja. Nafu li fit-Testment il-Ġdid naqraw dwar “Knisja li tiltaqa’ fid-dar” (ara 1 Kor 16:19; Rum 16:5; Kol 4:15; Film 2). L-ispazju fejn tgħix familja seta’ jinbidel fi knisja tad-dar, f’sede tal-Ewkaristija, tal-preżenza ta’ Kristu bilqiegħda mal-istess mejda. Wieħed ma jistax jinsa x-xena li jpinġilna l-Apokalissi: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (3:20). Hekk hi mfissra d-dar li fiha jgħammar Alla, hemm il-preżenza tat-talb komuni u għalhekk il-barka tal-Mulej. Dan hu li nsibu affermat fis-Salm 128 li ħadna bħala qafas: “Ara, kif ikun imbierek il-bniedem li jibża mill-Mulej! Ibierkek il-Mulej minn Sijon! (vv. 4-5).

 

16. Il-Bibbja lill-familja tqisha wkoll bħala l-katedra tal-katekeżi tal-ulied. Dan jispikka fit-tifsira taċ-ċelebrazzjoni tal-Għid (ara Eż 12:26-27; Dt 6:20-25), u mbagħad ġie mfisser aħjar fil-haggadah Lhudi, jiġifieri fir-rakkont djalogat li jsieħeb ir-rit tal-ikla tal-Għid. Terġa’, hemm Salm li jgħolli iżjed ’il fuq it-tħabbira tal-fidi fil-familja: “Dak li smajna u tgħallimna, dak li qalulna missirijietna, aħna ma naħbuhx lil uliedhom, iżda nxandruh lin-nisel ta’ warajhom: tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu, u l-għeġubijiet li għamel. Waqqaf drawwa b’tifkira għall-poplu ta’ Ġakobb, għamel liġijiet għal Iżrael; u ordna lil missirijietna biex jgħallmuhom lil uliedhom, ħalli jkun jafhom in-nisel ta’ warajhom; u l-ulied li jitwieldu minnhom jgħarrfuhom ukoll lil uliedhom” (78:3-6). Għalhekk il-familja hi l-post fejn il-ġenituri jsiru l-ewwel għalliema tal-fidi għal uliedhom. Hi ħidma li ssir b’“sengħa”, minn persuna għal oħra: “U jekk ’il quddiem ibnek għad jistaqsik […] int tgħidlu…” (Eż 13:14). Hekk id-diversi ġenerazzjonijiet jinfexxu f’għanja lill-Mulej, “iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll, ix-xjuħ flimkien mat-tfal” (Salm 148:12).

 

17. Il-ġenituri għandhom id-dmir li jwettqu b’serjetà l-missjoni tagħhom li jedukaw, kif spiss jgħallmu l-għorrief tal-Bibbja (ara Prov 3:11-12; 6:20-22; 13:1; 22:15; 23:13-14; 29:17). L-ulied huma msejħa jilqgħu u jipprattikaw il-kmandament: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok” (Eż 20:12), fejn il-verb “weġġaħ” jindika t-twettiq tal-impenji familjari u soċjali fil-milja tagħhom, mingħajr ma wieħed jittraskurahom b’xi skuża taparsi reliġjuża (ara Mk 7:11-13). Fil-fatt, “min jibża’ minn missieru jagħmel tajjeb għal dnubietu, u min iweġġaħ lil ommu qisu qed jiġma’ f’teżor” (Sir 3:3-4).

 

18. L-Evanġelju jfakkarna wkoll li l-ulied mhumiex proprjetà tal-familja, imma għandhom quddiemhom il-mixja personali ta’ ħajjithom. Kif hu minnu li Ġesù jippreżenta ruħu bħala mudell ta’ ubbidjenza għall-ġenituri tiegħu fuq din l-art, għax joqgħod għalihom (ara Lq 2:51), huwa żgur ukoll li hu jurina li l-għażla tal-ħajja ta’ iben u l-istess vokazzjoni Nisranija tiegħu jistgħu jitolbu minnu distakk biex jista’ jwettaq l-għotja sħiħa tiegħu għas-Saltna ta’ Alla (ara Mt 10:34-37; Lq 9:59-62). Iżjed minn hekk, hu stess, ta’ tnax-il sena, iwieġeb lil Marija u lil Ġużeppi li hu għandu missjoni ogħla xi jwettaq lil hemm mill-familja storika tiegħu (ara Lq 2:48-50). Għalhekk hu jagħti importanza lill-ħtieġa ta’ rabtiet oħra iżjed profondi anki fi ħdan ir-relazzjonijiet tal-familja: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid hu” (Lq 8:21). Min-naħa l-oħra, fl-attenzjoni li hu juri lit-tfal ċkejknin – li fis-soċjetà tal-Lvant Qarib antik kienu meqjusa suġġetti nieqsa minn jeddijiet partikulari jew bħala parti mill-proprjetà tal-familja – Ġesù jasal biex jippreżentahom quddiem l-adulti kważi bħala għalliema, minħabba fil-fiduċja sempliċi u spontanja tagħhom fl-oħrajn: “Tassew ngħidilkom li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir” (Mt 18:3-4).

 

Mixja ta’ tbatija u ta’ tixrid tad-demm

19. L-istat idilliku ppreżentat mis-Salm 128 ma jiċħadx realtà qarsa li tmiss l-Iskrittura Mqaddsa kollha. Din hi l-preżenza tat-tbatija, tal-ħażen, tal-vjolenza li jifnu lill-familja u l-komunjoni intima tagħha ta’ ħajja u ta’ mħabba. Mhux ta’ b’xejn li d-diskors ta’ Kristu fuq iż-żwieġ (ara Mt 19:3-9) insibuh fil-qalba ta’ argument sħiħ dwar id-divorzju. Il-Kelma ta’ Alla hi xhieda kostanti ta’ din id-dimensjoni mudlama li diġà tinfetaħ fil-bidu meta, bid-dnub, ir-relazzjoni ta’ mħabba u ta’ safa bejn raġel u mara tinbidel f’ħakma: “Lejn żewġek tiġbdek xewqtek, u jaħkem fuqek hu” (Ġen 3:16).

 

20. Hi triq ta’ tbatija u ta’ demm dik li nsibu f’għadd ta’ paġni tal-Bibbja, ibda mill-vjolenza ta’ Kajjin li joqtol lil ħuh Abel u minn tant tilwim bejn l-ulied u bejn il-miżżewġin fl-istejjer tal-patrijarki Abraham, Iżakk u Ġakobb, biex imbagħad naslu għat-traġedji li jċappsu bid-demm il-familja ta’ David, sal-kotra ta’ diffikultajiet familjari li nsibu fir-rakkont ta’ Tobija jew l-istqarrija kiebja ta’ Ġob li jħossu mitluq għalih waħdu: “Ħadli ’l ħuti ’l bogħod minni. Ħbiebi saruli barranin. […] Nifsi jqażżeż lil marti, sirt ninten għal nies dari” (Ġob 19:13,17).

 

21. Ġesù nnifsu jitwieled f’familja sempliċi, li ma ddumx ma jkollha taħrab lejn art barranija. Hu jidħol fid-dar ta’ Pietru fejn il-kunjata kienet mimduda marida (ara Mk 1:30-31); jindaħal fil-mewt traġika fid-dar ta’ Ġajru u f’dik ta’ Lazzru (ara Mk 5:22-24, 35-43; Ġw 11:1-44); jisma’ l-karba ta’ qtigħ il-qalb tal-armla ta’ Najn quddiem binha mejjet (ara Lq 7:11-15); jilqa’ t-talba ta’ missier dak li kien maħkum minn spirtu mbikkem f’raħal ċkejken tal-kampanja (ara Mk 9:17-27). Jiltaqa’ ma’ pubblikani bħal Mattew u Żakkew fi djarhom (ara Mt 9:9-13; Lq 19:1-10), u mqar ma’ midinbin, bħall-mara li taqbad u tidħol fid-dar tal-Fariżew (ara Lq 7:36-50). Jaf x’inhuma t-tħassib u t-tensjonijiet tal-familji u jdaħħalhom fil-parabboli tiegħu: mill-ulied li jħallu d-dar ifittxu ħajja ta’ avventura (ara Lq 15:11-32) sal-ulied diffiċli bi mġibiet inspjegabbli (ara Mt 21:28-31) jew vittmi tal-vjolenza (ara Mk 12:1-9). U jinkwieta wkoll għat-tieġ li jirriskja li jsir ħaġa imbarazzanti minħabba fin-nuqqas ta’ nbid (ara Ġw 2:1-10) jew minħabba r-rifjut tal-mistiedna (ara Mt 22:1-10), u jaf ukoll x’għali kbir hu għal familja fqira li titlef munita (ara Lq 15:8-10).

 

22. F’din il-mixja qasira nistgħu nosservaw kif il-Kelma ta’ Alla mhix sekwenza ta’ teoriji fl-arja, imma sieħba fil-vjaġġ anki għall-familji fi kriżi jew li għaddejjin minn xi tbatija, u turihom id-destinazzjoni tal-mixja, meta Alla għad “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed” (Apk 21:4).

 

Xogħol idejk

23. Fil-ftuħ tas-Salm 128 naraw il-missier bħala ħaddiem, li b’xogħol idejh jista’ jwieżen il-ġid fiżiku u jiżgura serħan il-moħħ lill-familja tiegħu: “Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol; hieni int, u riżqek tajjeb!” (v. 2). Li x-xogħol hu parti fundamentali mid-dinjità tal-ħajja umana nifhmuh sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja, meta jingħad li “l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu” (Ġen 2:15). Għandna hawn il-bniedem bħala ħaddiem li jibdel il-materja u jisfrutta tajjeb l-enerġiji tal-ħolqien, u hekk jipproduċi “ħobż it-tbatija” (Salm 127:2), barra li jikber hu stess.

 

24. Fl-istess waqt ix-xogħol jgħin fit-titjib tas-soċjetà, fl-għajxien tal-familja u anki biex din tibqa’ wieqfa u tkun għammiela: “Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha! Jalla tara wlied uliedek!” (Salm 128:5-6). Fil-Ktieb tal-Proverbji nsibu wkoll x’inhi l-ħidma tal-omm ta’ familja, li xogħolha jiġi mfisser fid-dettalji kollha tiegħu ta’ kuljum, u jiġbed fuqha t-tifħir ta’ żewġha u ta’ wliedha (ara 31:10-31). L-istess Appostlu Pawlu wera kemm kien kburi li għex bla ma kien toqol fuq l-oħrajn, għax ħadem b’idejh stess u hekk żgura l-għajxien tiegħu nnifsu (ara Atti 18:3; 1 Kor 4:12; 9:12). Kien hekk konvint mill-ħtieġa tax-xogħol, li ħareġ b’norma b’saħħitha għall-komunitajiet tiegħu: “Jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol” (2 Tess 3:10; ara 1 Tess 4:11).

 

25. F’dan id-dawl, wieħed jifhem kif il-qgħad u x-xogħol prekarju huma tbatija, kif naraw mill-Ktieb ċkejken ta’ Rut u kif ifakkarna Ġesù fil-parabbola tal-ħaddiema mixħuta bilqiegħda, f’għażż sfurzat, fil-pjazza tal-lokal (ara Mt 20:1-16), jew kif hu stess iġarrab meta tant drabi jsib ruħu mdawwar minn nies fil-bżonn u mejtin bil-ġuħ. Dan hu li s-soċjetà qiegħda tgħix traġikament f’ħafna pajjiżi, u dan in-nuqqas ta’ xogħol jolqot b’kemm-il mod is-serħan il-moħħ tal-familji.

 

26. Lanqas nistgħu ninsew f’liema stat baxx id-dnub jixħet lis-soċjetà, meta l-bniedem iġib ruħu bħala tirann man-natura, meta jħarbatha, jinqeda biha b’mod egoistiku u saħansitra qerriedi. Il-konsegwenzi huma, minn banda d-deżertifikazzjoni tal-art (ara Ġen 3:17-19) u mill-oħra l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali, li kontrihom jgħollu leħinhom b’mod ċar il-profeti, minn Elija (ara 1 Slat 21) sal-kliem li Ġesù nnifsu jlissen kontra l-inġustizzja (ara Lq 12:13-21; 16:1-31).

 

Il-ħlewwa tat-tgħanniqa

27. Bħala sinjal li minnu jingħażlu d-dixxipli tiegħu, Kristu daħħal fuq kollox il-liġi tal-imħabba u tal-għotja lill-oħrajn (ara Mt 22:39; Ġw 13:34), u dan għamlu bi prinċipju li missier u omm spiss jixhdu għalih fil-ħajja tagħhom: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Frott tal-imħabba huma wkoll il-ħniena u l-maħfra. F’din il-linja, għandha tifsira qawwija ħafna x-xena li turi lill-adultera fuq l-ispjanata tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, imdawra minn dawk li xlewha, u mbagħad waħidha ma’ Ġesù li ma jikkundannahiex imma jistedinha għal ħajja iżjed dinjituża (ara Ġw 8:1-11).

 

28. Fix-xefaq tal-imħabba, essenzjali fl-esperjenza Nisranija taż-żwieġ u tal-familja, hemm ukoll virtù oħra, pjuttost injorata f’dawn iż-żminijiet ta’ relazzjonijiet frenetiċi u superfiċjali: il-ħlewwa. Ejjew induru lejn il-ħlewwa u l-intensità tas-Salm 131. Kif naraw ukoll f’testi oħra (ara Eż 4:22; Is 49:15; Salm 27:10), l-għaqda bejn il-qaddej fidil u Sidu tesprimi ruħha bi ħjiel mill-imħabba ta’ missier u ta’ omm. Hawn tidher l-intimità delikata u ħelwa li teżisti bejn l-omm u binha ċkejken, tarbija tat-twelid li torqod f’dirgħajn ommha wara li xorbot mill-ħalib ta’ sidirha. Kif turi l-kelma Lhudija gamul, għandna hawn tarbija li diġà ġiet imreddgħa u li issa tfittex lil ommha u titħaddan ma’ sidirha. Din, għalhekk, hi intimità konxja u mhux sempliċement bijoloġika. Għalhekk is-Salmista jgħanni: “Żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, bħal tarbija f’ħoġor ommha; bħal tarbija miftuma” (Salm 131:2). Bl-istess xebh, nistgħu nduru għal xena oħra, fejn il-profeta Hosegħa jqiegħed fuq fomm Alla bħala missier dan il-kliem li jqanqal: “Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu […] għallimtu jimxi, erfajthom fuq dirgħajja. […] Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet ta’ mħabba; u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha mmil nitmagħha” (11:1,3-4).

 

29. B’din il-ħarsa, imsawra minn fidi u mħabba, minn grazzja u impenn, minn familja umana u mit-Trinità divina, nikkontemplaw lill-familja li l-Kelma ta’ Alla tafda f’idejn ir-raġel, il-mara u l-ulied biex isawru komunjoni ta’ persuni li tkun xbieha tal-għaqda li hemm bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. L-attività li tnissel u teduka, min-naħa tagħha, hi mera tal-opra ħallieqa tal-Missier. Il-familja hi msejħa taqsam flimkien it-talb ta’ kuljum, il-qari tal-Kelma ta’ Alla u l-komunjoni Ewkaristika biex tisseddaq fl-imħabba u tinbidel dejjem iżjed f’tempju fejn jgħammar l-Ispirtu.

 

30. Kull familja għandha quddiemha l-ikona tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, bil-ħajja tagħha ta’ kuljum magħmula minn taħbit u anki ġrajjiet koroh, bħal meta kellhom iġarrbu l-vjolenza bla sens ta’ Erodi, esperjenza li traġikament għadha tirrepeti ruħha llum ukoll f’tant familji ta’ rifuġjati miċħuda u bla saħħa. Bħall-Maġi, il-familji huma mistiedna jikkontemplaw lit-Tarbija u lil Ommha, u jinxteħtu jqimuha (ara Mt 2:11). Bħal Marija, huma msejħin jgħixu bil-kuraġġ u s-serenità l-isfidi tagħhom ta’ niket u ta’ ħeġġa bħala familji, u biex jgħożżu u jimmeditaw fil-qalb tagħhom l-għeġubijiet ta’ Alla (ara Lq 2:19, 51). Fit-teżor tal-qalb ta’ Marija hemm ukoll il-ġrajjiet kollha ta’ kull waħda mill-familji tagħna, li hi żżomm f’qalbha b’għożża kbira. Għalhekk hi tista’ tgħinna nfissruhom biex nagħrfu naqraw il-messaġġ ta’ Alla fl-istorja tal-familji tagħna.


 

IT-TIENI KAPITLU

IR-REALTÀ U L-ISFIDI TAL-FAMILJI

 

31. Il-ġid tal-familja hu deċiżiv għall-ġejjieni tad-dinja u tal-Knisja. Bosta huma l-istudji ta’ analiżi li saru fuq iż-żwieġ u l-familja, fuq id-diffikultajiet u l-isfidi tagħhom illum. Tajjeb li nħarsu b’attenzjoni lejn ir-realtà konkreta, għax “dak li l-Ispirtu s-Santu jitlob u jrid, juruhulna wkoll l-istess ġrajjiet tal-istorja”, li fihom “il-Knisja tista’ tasal biex tifhem aħjar u aktar fil-fond il-misteru taż-żwieġ u tal-familja”.[8] M’iniex nippretendi li nista’ nippreżenta hawn dak kollu li jista’ jingħad dwar il-bosta temi marbuta mal-familja fil-kuntest ta’ żmienna. Imma ladarba l-Padri Sinodali taw ħarsa lejn ir-realtà tal-familji tad-dinja kollha, inħossu xieraq li niġbor xi wħud mill-kontributi pastorali tagħhom, waqt li nżid xi tħassib ieħor li ġej sewwasew mill-esperjenza tiegħi.

 

Il-qagħda tal-familja llum

32. “Fidili lejn it-tagħlim ta’ Kristu, inħarsu lejn ir-realtà tal-familja llum fil-kumplessità kollha tagħha, fid-dwal u d-dellijiet tagħha. […] Il-bidla antropoloġika-kulturali llum tinfluwenza l-aspetti kollha tal-ħajja u titlob viżjoni analitika u diversifikata”.[9] Fil-kuntest ta’ bosta għaxriet ta’ snin ilu, l-Isqfijiet ta’ Spanja diġà kienu għarfu li fir-realtà tad-dar xirfu spazji ikbar ta’ libertà, “bi tqassim indaqs ta’ xogħlijiet, responsabbiltajiet u dmirijiet. […] Jekk il-miżżewġin jagħtu iktar valur lill-komunikazzjoni personali bejniethom, il-ħajja kollha tal-familja ssir iżjed umana. […] La s-soċjetà li fiha ngħixu u lanqas dik li lejha mexjin ma jippermettu mingħajr xi għamla ta’ kritika l-għajxien ta’ xejriet u mudelli mill-imgħoddi”.[10] Imma “aħna nafu bl-orjentament prinċipali tal-bidliet antropoloġiċi-kulturali, li mħabba fihom l-individwi jħossuhom inqas imwieżna milli kienu qabel mill-istrutturi soċjali fil-ħajja affettiva u familjari tagħhom”.[11]

 

33. Min-naħa l-oħra, “daqshekk ieħor irridu nqisu l-periklu dejjem jikber li qed joħloq l-individwaliżmu esaġerat li jxejjen ir-rabtiet familjari u jispiċċa biex iqis kull parti tal-familja bħala gżira, fejn, f’ċerti każi, tirbaħ l-idea ta’ suġġett li jibni lilu nnifsu skont ix-xewqat tiegħu stess li hu jarahom bħala xi assolut”.[12] “It-tensjoni li toħloq kultura individwalistika esaġerata li tfittex dejjem li takkwista u tgawdi, tiġġenera fi ħdan il-familji tagħna dinamika ta’ intolleranza u ta’ vjolenza”.[13] Ma’ dawn nixtieq insemmi wkoll ir-ritmu tal-ħajja tal-lum, l-istress, l-organizzazzjoni soċjali u tax-xogħol, għax dawn huma fatturi kulturali li jqiegħdu f’riskju l-possibbiltà ta’ għażliet permanenti. Fl-istess waqt qed niltaqgħu ma’ fenomeni strambi. Ngħidu aħna, wieħed japprezza personalizzazzjoni li tfittex l-awtentiċità flok tirriproduċi mġibiet waħda bħall-oħra. Hu valur li jista’ jġib ’il quddiem id-diversi ħiliet u l-ispontanjetà, imma li, jekk orjentat ħażin, jista’ joħloq atteġġjamenti ta’ suspett kontinwu, ta’ ħarba mill-impenji, ta’ għeluq fil-kumdità, ta’ arroganza. Il-libertà tal-għażla tgħinna nagħmlu pjan għal ħajjitna u nrawmu l-aħjar fina nfusna, imma, jekk ma jkollhiex għanijiet nobbli u dixxiplina personali, tispiċċa tirriduċi ruħha għal nuqqas ta’ ħila li ningħataw b’ġenerożità. Fil-fatt, f’ħafna pajjiżi fejn qed jonqos l-għadd ta’ żwiġijiet, qed jiżdied l-għadd ta’ persuni li jiddeċiedu li jgħixu waħidhom, jew li jqattgħu ħin flimkien bla ma jikkoabitaw. Qed nixhdu wkoll għal sens ta’ ġustizzja li hu ta’ min ifaħħru; imma, jekk jinftiehem ħażin, dan jibdel liċ-ċittadini fi klijenti interessati biss f’dan is-servizz jew l-ieħor.

 

34. Jekk dawn ir-riskji jaffettwaw il-mod kif nifhmu l-familja, din tista’ tinbidel f’post ta’ passaġġ, li wieħed idur fuqu biss meta jidhirlu, jew fejn wieħed imur biex jitlob id-drittijiet tiegħu, waqt li r-rabtiet jibqgħu mitluqa għall-prekarjetà instabbli tax-xewqat u taċ-ċirkustanzi. Fil-verità, illum faċli li nifxlu l-libertà ġenwina mal-idea li kull wieħed jista’ jiġġudika kif jogħġbu, bħallikieku lil hemm mill-individwi ma kienx hemm veritajiet, valuri, prinċipji li jorjentawna, bħallikieku kollox kien ugwali u kollox jista’ jiġi permess. F’dan il-kuntest, l-ideal taż-żwieġ, b’impenn ta’ esklussività u ta’ stabbiltà, jisfa’ fix-xejn minħabba fil-konvenjenzi kontinġenti jew fil-kapriċċi tas-sensi. Nibżgħu mis-solitudni, nixtiequ spazju ta’ protezzjoni u ta’ fedeltà, imma fl-istess waqt qegħdin nibżgħu dejjem iżjed li ninqabdu f’relazzjoni li tista’ trażżnilna s-sodisfazzjon tax-xewqat personali tagħna.

 

35. Bħala Nsara ma nistgħux ma nipproponux iż-żwieġ biex ma nurtawx is-sensibbiltà ta’ żmienna, biex nimxu mal-moda, jew minħabba f’kumpless ta’ inferjorità quddiem it-tħarbit morali u uman. Inkunu qed inċaħħdu lid-dinja mill-valuri li nistgħu u għandna noffrulha. Bla dubju, ma jagħmilx sens li neħlu ma’ kundanna retorika tal-ħażen ta’ żmienna, bħallikieku b’daqshekk ħa nibdlu xi ħaġa. Lanqas jiswa li nippretendu li nistgħu nimponu normi bl-id qawwija tal-awtorità. Hu mitlub minna sforz iżjed responsabbli u ġeneruż, li jikkonsisti f’li nagħtu r-raġunijiet u l-motivazzjonijiet tal-għażla tagħna favur iż-żwieġ u l-familja, biex hekk l-oħrajn ikunu iżjed disposti li jwieġbu għall-grazzja li Alla qed joffrilhom.

 

36. Fl-istess waqt irridu nibqgħu umli u realisti, biex nagħrfu li xi drabi l-mod kif aħna nippreżentaw il-konvinzjonijiet Insara tagħna u l-mod kif nimxu man-nies wasal biex ipprovoka dak li llum qed ingergru dwaru, u għalhekk neħtieġu reazzjoni tajba ta’ kritika tagħna nfusna. Mill-banda l-oħra, sikwit ippreżentajna ż-żwieġ b’mod li l-għan unittiv tiegħu, l-istedina biex il-koppja tikber fl-imħabba u l-idea tal-għajnuna reċiproka baqgħu fid-dell minħabba f’enfasi kważi esklussiva fuq id-dmir tal-prokreazzjoni. Lanqas ma offrejna tisħib tajjeb lill-miżżewġin ġodda fl-ewwel snin tagħhom, bi proposti adatti għall-ħinijiet tagħhom, għal-lingwaġġi tagħhom, għal dak li konkretement l-aktar iħassibhom. Drabi oħra ppreżentajna ideal teoloġiku taż-żwieġ li hu wisq astratt, kważi mibni artifiċjalment, imbiegħed mill-qagħda konkreta u mill-possibbiltajiet veri tal-familji hekk kif inhuma. Din l-idealizzazzjoni żejda, fuq kollox meta ma qanqalniex il-fiduċja fil-grazzja, ma għenitx biex iż-żwieġ jibqa’ jidher bħala ħaġa mixtieqa u attraenti, imma ħalliet l-effetti kuntrarji.

 

37. Għal ħafna żmien emminna li bl-insistenza tagħna biss fuq kwistjonijiet duttrinali, bijoetiċi u morali, bla ma ħajjarna għall-ftuħ għall-ħajja tal-grazzja, konna qed inwieżnu biżżejjed il-familji, insaħħu r-rabta tal-miżżewġin u nagħtu sens lill-ħajja tagħhom flimkien. Insibuha bi tqila li nippreżentaw iż-żwieġ bħala mixja dinamika li fiha wieħed jikber u jwettaq lilu nnifsu, iżjed milli bħala tagħbija li wieħed ikollu jġorrha għal ħajtu kollha. Inbatu wkoll biex nagħtu spazju lill-kuxjenza tal-fidili, li ħafna drabi minkejja l-limiti tagħhom xorta jwieġbu bl-aħjar mod possibbli għall-Evanġelju u jafu jwettqu d-dixxerniment personali tagħhom imqar f’sitwazzjonijiet fejn l-iskemi kollha jitfarrku. Aħna msejħin niffurmaw il-kuxjenzi, u mhux neħdulhom posthom.

 

38. Għandna għax inkunu grati li l-parti l-kbira tan-nies għadha żżomm fil-għoli r-relazzjonijiet fil-familja li jtulu fiż-żmien u jiżguraw ir-rispett tal-persuna l-oħra. Għalhekk ta’ min japprezza l-fatt li l-Knisja toffri spazji ta’ tisħib u ta’ għajnuna fuq kwistjonijiet marbuta ma’ kif wieħed jikber fl-imħabba, kif jegħleb il-kunflitti u kif jeduka l-ulied. Ħafna jgħożżu l-qawwa tal-grazzja li jduqu fir-Rikonċiljazzjoni sagramentali u fl-Ewkaristija, li biha jistgħu jżommu sħaħ quddiem l-isfidi taż-żwieġ u tal-familja. F’xi pajjiżi, speċjalment fid-diversi partijiet tal-Afrika, is-sekulariżmu ma rnexxilux idgħajjef ċerti valuri tradizzjonali u f’kull żwieġ tinħoloq għaqda b’saħħitha bejn żewġ familji fuq livell usa’, fejn għadha teżisti sistema ċara ta’ kif wieħed jittratta l-kunflitti u d-diffikultajiet. Fid-dinja ta’ żmienna hi apprezzata wkoll ix-xhieda tal-miżżewġin li mhux biss ipperseveraw fiż-żmien, imma komplew bil-pjan komuni ta’ bejniethom u għadhom jgħożżu l-imħabba ta’ xulxin. Dan jiftaħ il-bieb għal pastorali pożittiva, li tilqa’, li tagħmel possibbli approfondiment gradwali ta’ dak li jitlob l-Evanġelju. Madankollu, mhux darba u tnejn imxejna b’atteġġjament difensiv u ħlejna l-enerġiji pastorali nżidu l-attakki tagħna fuq dinja li sejra mill-ħażin għall-agħar, bi ftit li xejn ħila li nipproponu u nindikaw toroq ta’ ferħ. Ħafna mank jintebħu li l-messaġġ tal-Knisja fuq iż-żwieġ u l-familja hu mera ċar tal-predikazzjoni u tal-imġiba ta’ Ġesù, li waqt li minn naħa ppropona ideal esiġenti, ma naqas qatt li bil-ħniena tiegħu jkun qrib tal-persuni dgħajfa bħas-Samaritana u l-adultera.

 

39. Dan ma jfissirx li nibqgħu lura milli nagħrfu kif il-kultura sejra lura għax m’għadhiex tippromovi iżjed l-imħabba u s-sens ta’ għotja. Il-konsultazzjoni li saret qabel iż-żewġ Sinodi li għaddew kixfet bosta sintomi tal-“kultura tal-proviżorju”. Qed nirriferi, ngħidu aħna, għall-ħeffa li biha xi wħud jgħaddu minn relazzjoni affettiva għal oħra. Jemmnu li l-imħabba, bħal fuq ix-xbieki soċjali, tista’ ‘tikkonnettjaha’ u ‘tiddiżkonnettjaha’ skont il-pjaċir tal-konsumatur u anki timblukkaha f’kemm ilni ngħidlek. Jiġini f’moħħi wkoll il-biża’ li tqanqal l-idea ta’ impenn fit-tul, l-ossessjoni fuq il-ħin liberu, għar-relazzjonijiet li jikkalkulaw kemm ħa jagħtu u kemm ħa jirċievu, u li jinżammu biss jekk jiswew biex jagħmlu tajjeb għas-solitudni, biex jipproteġu lil dak li jkun jew biex bihom jinqeda għal xi ħaġa. Spiċċajna nixħtu fuq ir-relazzjonijiet affettivi dak li mdorrijin nagħmlu bl-oġġetti u bl-ambjent: kollox jista’ jintrema, kulħadd juża u jarmi, jaħli u jkisser, jisfrutta u jgħaffeġ kif jidhirlu. U mbagħad daqshekk. In-narċisiżmu ġabna bla ħila li nħarsu ’l barra minna nfusna, mix-xewqat u l-ħtiġijiet tagħna. Imma bl-istess loġika, min jinqeda bl-oħrajn illum jew għada jispiċċa jsir hu stess oġġett ta’ użu, manipulazzjoni u rimi. Ta’ min jinnota l-fatt li t-tifrik fir-relazzjonijiet spiss iseħħ bejn persuni adulti li qed ifittxu xi għamla ta’ “awtonomija” u jiċħdu l-ideal li jixjieħu flimkien billi jieħdu ħsieb xulxin u jwieżnu wieħed lill-ieħor.

 

40. “Nirriskja li nibbanalizza s-sitwazzjoni u ngħid li qed ngħixu f’kultura li timbotta liż-żgħażagħ biex ma jiffurmawx familja għax neqsin mill-possibbiltajiet għall-futur. Imma din l-istess kultura lil oħrajn tippreżentalhom tant alternattivi, li taqtgħalhom ukoll qalbhom milli jiffurmaw familja”.[14] F’xi pajjiżi, ħafna żgħażagħ “spiss ikollhom jipposponu t-tieġ minħabba problemi ta’ bixra ekonomika, ta’ xogħol jew ta’ studju. Xi drabi anki għal raġunijiet oħra, bħall-influwenza tal-ideoloġiji li jxejnu ż-żwieġ u l-familja, l-esperjenza tal-falliment ta’ koppji oħra li huma ma jridux jirriskjaw, il-biża’ minn xi ħaġa li jqisuha wisq kbira u qaddisa, l-opportunitajiet soċjali u l-vantaġġi ekonomiċi tal-konvivenza, kunċett sempliċement emottiv u romantiku tal-imħabba, il-biża’ li jitilfu l-libertà u l-awtonomija, ir-rifjut ta’ xi ħaġa li tidher istituzzjonali u burokratika”.[15] Hemm bżonn li nsibu l-kliem, il-motivazzjonijiet u x-xhieda li jgħinuna mmissu dak li ż-żgħażagħ huma magħmulin minnu minn ġewwa, hemm fejn l-iżjed kapaċi jkunu ġenerużi, ħabrieka, lesti li jħobbu u anki jagħtu xhieda ta’ eroiżmu, biex nistednuhom jilqgħu l-isfida taż-żwieġ b’ħerqa u kuraġġ.

 

41. Il-Padri Sinodali semmew it-“tendenzi kulturali li bħal donnhom jimponu affettività mingħajr limiti fid-dinja tal-lum, […] affettività narċisista, instabbli u li tinbidel, li mhux dejjem tgħin lis-suġġetti jilħqu maturità ogħla”. Urew it-tħassib tagħhom dwar “ċertu tixrid tal-pornografija u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ġisem, misjuq ukoll minn użu ħażin tal-internet” u għas-“sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li jiġu obbligati jipprattikaw il-prostituzzjoni”. F’dan il-kuntest, “il-koppji spiss huma inċerti, dubjużi u jbatu biex isibu modi kif jikbru. Ħafna huma dawk li donnhom jeħlu fl-ewwel stadji tal-ħajja emozzjonali u sesswali tagħhom. Il-kriżi tal-koppja theżżeż il-familja, u bis-separazzjonijiet u d-divorzji tista’ tasal biex tipproduċi konsegwenzi serji fuq l-adulti, l-ulied u s-soċjetà, iddgħajjef l-individwu u r-rabtiet soċjali”.[16] Il-kriżijiet fiż-żwiġijiet spiss jiġu affrontati “b’mod mgħaġġel wisq u mingħajr il-kuraġġ tas-sabar, tar-riflessjoni, tal-maħfra reċiproka, tar-rikonċiljazzjoni u anki tas-sagrifiċċju. Hekk il-fallimenti jagħtu bidu għal relazzjonijiet ġodda, koppji ġodda, rabtiet ġodda u żwiġijiet ġodda, li joħolqu sitwazzjonijiet familjari kumplessi u problematiċi għall-għażla tan-Nisrani”.[17]

 

42. “Anki t-tnaqqis demografiku, minħabba mentalità li tippromovi inqas twelidijiet u mħeġġeġ mis-sistemi politiċi dinjija tas-saħħa riproduttiva, mhux biss jiddetermina sitwazzjoni li fiha l-kontinwazzjoni minn ġenerazzjoni għal oħra m’għadhiex iżjed żgurata, imma jirriskja li maż-żmien iġib tfaqqir ekonomiku u jtellef it-tama fil-futur. Anki l-iżvilupp tal-bijoteknoloġiji ħalla impatt qawwi fuq ir-rata tat-twelid”.[18] Nistgħu nżidu elementi oħra bħalma huma “l-industrijalizzazzjoni, ir-rivoluzzjoni sesswali, il-biża’ li l-popolazzjoni taqbeż il-limiti, il-problemi ekonomiċi, […]. Is-soċjetà tal-konsum tista’ wkoll taqta’ qalb il-persuni milli jġibu l-ulied fid-dinja anki sempliċement minħabba l-fatt li jridu jħarsulhom il-libertà tagħhom u l-istil ta’ ħajjithom”.[19] Hu minnu li l-fehma tajba tal-miżżewġin, meta kienu hekk ġenerużi fit-trasmissjoni tal-ħajja, tista’ torjentahom għad-deċiżjoni li jillimitaw l-għadd tal-ulied għal raġunijiet serji biżżejjed, imma dejjem “bi mħabba lejn din id-dinjità tal-kuxjenza, il-Knisja tirrifjuta bis-saħħa kollha tagħha l-interventi kostrinġenti tal-Istat favur il-kontraċezzjoni, l-isterilizzazzjoni jew saħansitra l-abort”.[20] Dawn il-miżuri lanqas f’postijiet b’rata għolja ta’ twelidijiet mhuma aċċettabbli, imma ta’ min josserva li l-politiċi qed jippropagawhom anki f’xi pajjiżi li qed ibatu mit-traġedja ta’ rata baxxa ħafna ta’ twelidijiet. Kif urewna l-Isqfijiet tal-Korea, din hi “mġiba kontradittorja u li biha qed jonqsu minn dmirhom”.[21]

 

43. F’xi soċjetajiet fejn il-fidi u l-prattika reliġjuża qed jiddgħajfu, dan qed iħalli l-effetti tiegħu fuq il-familji u qed jitlaqhom iżjed għal riħhom bid-diffikultajiet tagħhom. Il-Padri Sinodali stqarru li “waħda mill-agħar xejriet ta’ faqar tal-kultura ta’ żmienna hi s-solitudni, frott tan-nuqqas ta’ Alla fil-ħajja tal-persuni u tad-dgħufija fir-relazzjonijiet. Hemm anki sensazzjoni ġenerali ta’ impotenza fil-konfront tar-realtà soċjo-ekonomika li spiss tispiċċa tifni lill-familji. […] Mhux darba u tnejn il-familji jħossuhom imwarrba minħabba n-nuqqas ta’ interess u l-ftit li xejn attenzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet. Huma evidenti l-konsegwenzi negattivi mill-perspettiva tal-organizzazzjoni soċjali: mill-kriżi demografika għall-isfidi edukattivi, mid-diffikultà biex nilqgħu ħajjiet ġodda għas-sensazzjoni li l-preżenza tal-anzjani hi piż. Wieħed jinnota li n-nuqqas ta’ mħabba qed jinfirex tant illi l-bniedem qed isir vjolenti. Hi responsabbiltà tal-Istat li joħloq il-kundizzjonijiet leġislattivi u ta’ xogħol biex jiggarantixxi l-futur taż-żgħażagħ u jgħinhom iwettqu l-pjan tagħhom li jwaqqfu familja”.[22]

 

44. In-nuqqas ta’ post dinjituż jew xieraq fejn wieħed jgħix spiss iwassal lill-koppja biex tipposponi l-formalizzazzjoni tar-relazzjoni tagħha. Infakkru li “l-familja għandha d-dritt għal post diċenti fejn tgħix, xieraq għall-ħajja tal-familja u f’qies proporzjonat mal-għadd tal-membri, f’ambjent li jipprovdi s-servizzi bażiċi għall-ħajja tal-familja u tal-komunità”.[23] Familja u dar huma żewġ affarijiet li jmorru flimkien. Dan l-eżempju juri kemm għandna għax nisħqu fuq il-jeddijiet tal-familja, u mhux biss fuq dawk individwali. Il-familja hi ġid li s-soċjetà ma tistax tgħaddi mingħajru, imma għandha bżonn tiġi mħarsa.[24] Il-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet hu “sejħa profetika b’riżq l-istituzzjoni tal-familja, li għandha tiġi rrispettata u mħarsa minn kull sfruttament”,[25] fuq kollox fil-kuntest ta’ żmienna fejn normalment ftit issib spazju fil-pjanijiet politiċi. Fost jeddijiet oħra, il-familji għandhom dak li “jistgħu jserrħu fuq politika tajba tal-familja min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam ġuridiku, ekonomiku, soċjali u fiskali”.[26] Kultant huwa drammatiku s-saram li jgħaddu minnu l-familji meta, fil-marda ta’ persuna għażiża, ma jkollhomx aċċess għal servizzi xierqa tas-saħħa, jew meta jitwal iż-żmien ta’ stennija għal impjieg dinjituż. “L-impożizzjonijiet ekonomiċi jeskludu l-aċċess tal-familji għall-edukazzjoni, għall-ħajja kulturali u għall-ħajja soċjali attiva. Is-sistema ekonomika tal-lum tipproduċi bosta xejriet ta’ esklużjoni soċjali. Il-familji jbatu b’mod partikulari minn problemi tax-xogħol. Il-possibbiltajiet għaż-żgħażagħ huma ftit u l-offerta ta’ xogħol hi selettiva u prekarja qatigħ. Il-ġranet tax-xogħol huma twal u spiss imtaqqla minn ħinijiet twal ta’ vjaġġi. Dan ma jgħinx lill-familjari biex jiltaqgħu flimkien u ma’ wliedhom, biex jistgħu ta’ kuljum isaħħu r-relazzjonijiet tagħhom”.[27]

 

45. “Ħafna huma t-tfal li qed jitwieldu barra miż-żwieġ, speċjalment f’xi pajjiżi, u ħafna huma dawk li mbagħad jikbru b’ġenitur wieħed biss jew f’kuntest familjari mwessa’ jew imwaqqaf mill-ġdid. […] L-abbuż sesswali tat-tfal imbagħad hu waħda mir-realtajiet l-iżjed skandalużi u perversi tas-soċjetà tal-lum. Anki s-soċjetajiet li ġarrbu l-vjolenza minħabba fil-gwerra, it-terroriżmu jew il-preżenza tal-kriminalità organizzata, qed jaraw quddiemhom qagħdiet familjari li ħadu daqqa lura, fuq kollox fil-bliet il-kbar u fil-periferiji tagħhom fejn qed jikber l-hekk imsejjaħ fenomenu tat-tfal tat-triq”.[28] L-abbuż sesswali tat-tfal hu iżjed skandaluż meta jseħħ f’postijiet fejn suppost huma għandhom isibu protezzjoni, partikularment fil-familji, fl-iskejjel u fil-komunitajiet u l-istituzzjonijiet Insara.[29]

 

46. L-immigrazzjoni “tirrappreżenta sinjal ieħor taż-żminijiet li jeħtieġ naffrontaw u nifhmu, billi nifhmu l-konsegwenzi kollha li din tħalli fuq il-ħajja tal-familja”.[30] L-aħħar Sinodu ta importanza kbira lil din il-problematika, u saħaq li din qed “tmiss, b’modi differenti, popolazzjonijiet sħaħ, f’diversi nħawi tad-dinja. Il-Knisja f’dan il-qasam għandha rwol ewlieni. Il-ħtieġa li nħaddnu u niżviluppaw din ix-xhieda Evanġelika (ara Mt 25:35) illum tidher wisq iżjed urġenti minn qatt qabel. […] Iċ-ċaqliq tal-bnedmin minn post għall-ieħor, li jikkorrispondi għall-moviment storiku naturali tal-popli, jista’ jkunu għana awtentiku kemm għall-familja li temigra u kemm għall-pajjiż li jilqagħha. Ħaġa oħra hi l-immigrazzjoni sfurzata tal-familji, frott ta’ sitwazzjonijiet ta’ gwerra, ta’ persekuzzjoni, ta’ faqar, ta’ inġustizzja, u mmarkata mill-inżul u tlajja’ ta’ vjaġġ li spiss iqegħdilhom ħajjithom fil-periklu, li tittrawmatizza l-persuni u theżżeż l-istabbiltà tal-familji. Li nsieħbu l-immigranti jitlob pastorali speċifika għall-familji li jemigraw, imma anki għall-membri ta’ nuklei familjari li baqgħu fil-postijiet tal-oriġni. Dan għandu jsir fir-rispett tal-kulturi tagħhom, tal-formazzjoni reliġjuża u umana li minnha ġejjin, tal-għana spiritwali tar-riti u t-tradizzjonijiet tagħhom, anki permezz ta’ kura pastorali speċifika. […] L-immigrazzjoni tidher partikularment traġika u devastanti għall-familji u l-individwi meta sseħħ b’mod illegali u hi mwieżna minn xbieki internazzjonali ta’ traffikar tal-bnedmin. L-istess nistgħu ngħidu għal nisa u tfal mhux imsieħba, imġiegħla jieqfu għal żminijiet twal fil-postijiet mnejn jgħaddu, fil-kampijiet tar-rifuġjati, fejn impossibbli tibda mixja ta’ integrazzjoni. Il-faqar estrem u sitwazzjonijiet oħra ta’ tifrik spiss iwasslu lill-familji biex saħansitra jbigħu lil uliedhom għall-prostituzzjoni jew it-traffikar tal-organi”.[31] “Il-persekuzzjonijiet kontra l-Insara, kif ukoll dawk kontra minoranzi etniċi u reliġjużi, f’diversi partijiet tad-dinja, speċjalment fil-Lvant Nofsani, huma prova ta’ tiġrib kbir: mhux biss għall-Knisja, imma anki għall-komunità internazzjonali kollha. Għandu jiġi mwieżen kull sforz biex ngħinu lill-familji u l-komunitajiet Insara jibqgħu jgħixu f’art twelidhom”.[32]

 

47. Il-Padri taw attenzjoni speċjali wkoll lill-“familji ta’ persuni b’diżabbiltà, fejn id-diżabbiltà, li donnha tinvadilhom ħajjithom, iġġib magħha sfida, qawwija u mhux mistennija, u tħarbat il-bilanċ, ix-xewqat, l-istennijiet. […] Ta’ min jammirahom qatigħ il-familji li jaċċettaw bi mħabba l-prova diffiċli ta’ wild diżabbli. Huma jagħtu lill-Knisja u lis-soċjetà xhieda prezzjuża ta’ fedeltà lejn id-don tal-ħajja. Il-familja tista’ tiskopri, flimkien mal-komunità Nisranija, ġesti u lingwaġġi ġodda, xorta ta’ għarfien u ta’ identità, fil-mixja tagħha li fiha tilqa’ u tħares il-misteru tad-dgħufija. Il-persuni b’diżabbiltà huma għall-familja don u opportunità biex tikber fl-imħabba, fl-għajnuna reċiproka u fl-għaqda. […] Il-familja li taċċetta bl-għajnejn tal-fidi l-preżenza ta’ persuni b’diżabbiltà tista’ tagħraf u tiggarantixxi l-kwalità u l-valur ta’ kull ħajja, bil-ħtiġijiet tagħha, id-drittijiet tagħha u l-opportunitajiet li għandha quddiemha. Hi tfittex servizzi u kura, u tippromovi kumpanija u mħabba, f’kull fażi tal-ħajja”.[33] Nixtieq nagħfas hawn li l-attenzjoni mogħtija kemm lill-immigranti u kemm lill-persuni b’diżabbiltà hi sinjal tal-Ispirtu. Fil-fatt iż-żewġ sitwazzjonijiet huma paradigmatiċi: joffru sfida għall-mod kif illum għandna ngħixu l-loġika li nilqgħu bil-ħniena u nintegraw fostna lill-persuna dgħajfa.

 

48. “Il-parti l-kbira tal-familji jirrispettaw lill-anzjani, idawruhom bl-imħabba u jqisuhom bħala barka. Apprezzament speċjali jmur għall-għaqdiet u l-movimenti familjari li jaħdmu b’riżq l-anzjani, taħt l-aspett spiritwali u soċjali […]. Fis-soċjetajiet industrijalizzati ħafna, fejn l-għadd tagħhom tendenzjalment qed jiżdied filwaqt li qed titbaxxa r-rata tat-twelid, hemm ir-riskju li jħarsu lejhom bħala piż. Min-naħa l-oħra, l-attenzjoni li jeħtieġu spiss hi prova iebsa għall-għeżież tagħhom”.[34] “Iktar ma llum hemm it-tentazzjoni li neqirdu b’kull mod il-mument tal-agunija u l-mewt, hi ħaġa meħtieġa iktar minn qatt qabel li nagħtu valur lill-fażi konklużiva tal-ħajja. Id-dgħufija u d-dipendenza tal-anzjan xi drabi jiġu sfruttati b’mod xejn xieraq sempliċement għall-vantaġġ ekonomiku. Bosta familji jgħallmuna li hu possibbli naffrontaw l-aħħar passi tal-ħajja billi nagħtu valur lis-sens tat-twettiq u tal-milja tal-ħajja kollha fil-misteru tal-Għid tal-Mulej. Għadd kbir ta’ anzjani huma milqugħa fi strutturi ekkleżjali fejn jistgħu jgħixu f’ambjent seren u ta’ familja kemm fuq livell materjali u kemm fuq livell spiritwali. L-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma theddida gravi għall-familji fid-dinja kollha. Il-prattika tagħhom hi legali f’ħafna Stati. Il-Knisja, waqt li teħodha bil-qawwa kontra dawn il-prassi, tħossha fid-dmir li tgħin lill-familji li qed jieħdu ħsieb tal-membri anzjani u morda tagħhom”.[35]

 

49. Nixtieq inħarsu lejn il-qagħda tal-familji mgħattna mill-miżerja, żvantaġġjati b’ħafna modi, fejn il-limitazzjonijiet tal-ħajja qed jiftħu ġrieħi kbar fil-ħajja tagħhom. Anki jekk kulħadd iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet, f’dar fqira ħafna dawn isiru iżjed qliel.[36] Ngħidu aħna, jekk mara jkollha trabbi lil binha waħidha, minħabba f’separazzjoni jew kawżi oħra, u jkollha taħdem mingħajr ma tista’ tafdah ma’ persuna oħra, hu jikber f’telqa li tesponih għal kull xorta ta’ riskju, u l-maturità personali tiegħu tisfa’ mfixkla. Fil-qagħdiet diffiċli li għaddejjin minnhom dawk l-iżjed fil-bżonn, il-Knisja jeħtieġ tfittex b’mod speċjali kif tifhem, tfarraġ, tintegra, u tevita li timponi fuqhom serje ta’ normi bħallikieku kienu tal-ġebel, ħaġa li ġġagħalhom iħossuhom iġġudikati u mitluqa sewwasew minn dik l-Omm li hi msejħa twasslilhom il-ħniena ta’ Alla. Hekk, flok joffrilhom il-qawwa tal-grazzja li tista’ tfejjaqhom u d-dawl tal-Evanġelju, hemm min irid “jinduttrina” l-Evanġelju, u jibdlu f’“ġebel mejjet biex iwaddbu għall-oħrajn”.[37]

 

Xi sfidi

50. It-tweġibiet li daħlu miż-żewġ konsultazzjonijiet, li saru matul il-mixja sinodali, semmew l-aktar firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet li jqegħdulna quddiemna sfidi ġodda. Barra dawk diġà msemmija, ħafna rriferew għall-funzjoni edukattiva, li sabet ruħha f’diffikultà għax, fost kawżi oħra, il-ġenituri qed jaslu lura d-dar għajjenin u ma jridux jitkellmu, f’ħafna familji m’għadhiex teżisti lanqas id-drawwa li jieklu flimkien, u barra dipendenza totali fuq it-televiżjoni, qed jiżdiedu dejjem iżjed distrazzjonijiet oħra. Minħabba f’hekk il-ġenituri qed isibuha bi tqila jgħaddu l-fidi lil uliedhom. Oħrajn osservaw kif il-familji spiss huma morda b’ansjetà kbira. Donnhom iżjed ħsiebhom kif ħa jiskansaw problemi ġodda fil-futur milli kif jaqsmu ma’ xulxin il-preżent. Din is-sitwazzjoni, li hi kwistjoni kulturali, dejjem sejra għall-agħar minħabba l-inċertezza dwar il-futur professjonali, in-nuqqas ta’ sigurtà ekonomika, jew il-biża’ dwar il-ġejjieni tal-ulied.

 

51. Bħala waħda mill-pjagi ta’ żmienna ssemma wkoll il-vizzju tad-droga, li mħabba fih tant familji qed ibatu, u mhux darba u tnejn jispiċċa jkun il-qerda tagħhom. Xi ħaġa simili tiġri bix-xorb, il-logħob tal-azzard u vizzji oħra. Il-familja tista’ tkun il-post tal-prevenzjoni u tar-regoli tajbin, imma s-soċjetà u l-politika mhumiex jifhmu li familja f’riskju “titlef il-ħila li tirreaġixxi biex tista’ tgħin lill-membri tagħha. […] Ninnotaw il-konsegwenzi gravi ta’ din il-qasma f’familji mfarrkin, ulied mitluqa, anzjani mwarrbin, tfal iltiema minn ġenituri ħajjin, adolexxenti u żgħażagħ bla direzzjoni u regoli”.[38] Kif osservaw l-Isqfijiet tal-Messiku, hemm qagħdiet ta’ vjolenza fil-familji li jsewdulek qalbek għax huma art għammiela għal għamliet ġodda ta’ aggressività soċjali, għax “ir-relazzjonijiet fil-familji jispjegaw ukoll il-predispożizzjonijiet għal personalità vjolenti. Il-familji li jinfluwenzaw b’dan il-mod huma dawk li huma sajmin mill-komunikazzjoni; dawk li fihom isaltnu atteġġjamenti difensivi u fejn il-membri ma jgħinux lil xulxin; fejn m’hemmx attività familjari li tiffavorixxi l-parteċipazzjoni; fejn ir-relazzjonijiet tal-ġenituri bejniethom spiss huma ta’ kunflitti u vjolenza, u dawk tal-ġenituri mal-ulied huma kkaratterizzati minn imġiba ostili. Il-vjolenza fi ħdan il-familja hi skola ta’ korla jew ta’ mibegħda fir-relazzjonijiet fundamentali bejn il-bnedmin”.[39]

 

52. Ħadd ma jista’ jaħseb li jekk indgħajfu l-familja bħala soċjetà naturali msejsa fuq iż-żwieġ, dan ħa jiswa ta’ xi ġid għas-soċjetà. Jiġri bil-maqlub: jippreġudika l-maturazzjoni tal-persuni, il-ħarsien tal-valuri komunitarji u l-iżvilupp etiku tal-bliet u l-irħula. Ma nibqgħux naraw ċar kif hi biss l-għaqda esklussiva u indissolubbli bejn raġel u mara li għandha funzjoni soċjali sħiħa, għax hi impenn stabbli u minnha jista’ joħroġ il-frott fl-ulied. Irridu nagħrfu l-firxa wiesgħa ta’ qagħdiet ta’ familji li jistgħu joffru ċerta regola ta’ ħajja, imma l-unjonijiet de facto jew bejn persuni tal-istess sess, biex inġibu eżempju, ma nistgħux b’mod sempliċistiku naqbdu u nqegħduhom fuq l-istess livell taż-żwieġ. L-ebda rabta temporanja jew magħluqa għat-trasmissjoni tal-ħajja ma tista’ tiżguralna futur għas-soċjetà. Imma llum min qed jieħu ħsieb iwieżen lill-miżżewġin, jgħinhom jegħlbu r-riskji li qed jhedduhom, iseħibhom fir-rwol edukattiv tagħhom, iħeġġeġ l-istabbiltà tar-rabta konjugali?

 

53. “F’xi soċjetajiet għadha taħdem il-prattika tal-poligamija; f’xi kuntesti oħra għad hemm il-prattika taż-żwiġijiet imqabbla. […] F’ħafna kuntesti, u mhux biss tal-Punent, qed tixtered b’mod wiesa’ l-prassi tal-konvivenza qabel iż-żwieġ u anki dik tal-konvivenzi li ma jkunux orjentati biex jassumu l-forma ta’ rabta istituzzjonali”.[40] F’diversi pajjiżi l-liġi tiffaċilita l-iżvilupp ta’ għadd ta’ alternattivi, biex hekk iż-żwieġ magħmul minn esklussività, indissolubbiltà u ftuħ għall-ħajja jispiċċa jidher bħala proposta antikwata fost ħafna oħrajn. F’bosta pajjiżi għaddejja b’rata mgħaġġla dekostruzzjoni ġuridika tal-familja li donnha trid tadotta għamliet oħra msejsa kważi esklussivament fuq il-mudell tal-awtonomija tar-rieda. Waqt li hu leġittimu u ġust li jitwarrbu għall-ġenb xejriet qodma ta’ familja “tradizzjonali” kkaratterizzati mill-awtoritarjaniżmu u anki mill-vjolenza, dan m’għandux iwassal għad-disprezz taż-żwieġ, imma biex nerġgħu niskopru s-sens veru tiegħu u nġedduh. Is-saħħa li għandha l-familja “essenzjalment tgħammar fil-ħila tagħha li tħobb u tgħallem kif tħobb. Tkun kemm tkun miġruħa familja, hi dejjem tista’ tikber jekk tfittex l-imħabba bħala punt tat-tluq”.[41]

 

54. F’din il-ħarsa ħafifa lejn ir-realtà, nixtieq infakkar li, hu kemm hu ta’ min ifaħħru t-titjib fl-għarfien tad-drittijiet tal-mara u fis-sehem tagħhom fl-ispazju pubbliku, f’xi pajjiżi fadlilhom ħafna x’jaqdfu. Għadhom ma nqerdux għalkollox ċerti drawwiet li mhumiex aċċettabbli. Qabelxejn il-vjolenza tal-mistħija li xi drabi tintuża fuq in-nisa, il-vjolenza fil-familja u xejriet oħra ta’ jasar li mhux vera huma wirja tas-saħħa maskili imma ta’ ġifa. Il-vjolenza verbali, fiżika u sesswali kontra n-nisa f’xi koppji miżżewġa tmur kontra l-istess natura tal-għaqda taż-żwieġ. Tiġini f’moħħi l-mutilazzjoni gravi ġenitali tan-nisa f’ċerti kulturi, imma anki n-nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ aċċess għal opportunitajiet dinjitużi ta’ xogħol u għal madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet. L-istorja għadha miexja fid-dell tal-esaġerazzjonijiet tal-kulturi patrijarkali, fejn il-mara kienet meqjusa tat-tieni klassi, imma niftakru wkoll fil-prattika tal-“kiri tal-utru” jew “fl-istrumentalizzazzjoni u l-bejgħ tal-ġisem femminili fil-kultura medjatika tal-lum.[42] Hemm min iżomm li ħafna problemi ta’ żmienna nibtu minħabba fl-emanċipazzjoni tal-mara. Imma dan l-argument mhux validu, “hu falz, mhux minnu! Hu għamla ta’ maskiliżmu dan.[43] Id-dinjità identika bejn ir-raġel u l-mara twassalna biex nifirħu bil-fatt li qed jingħelbu xejriet qodma ta’ diskriminazzjoni, u biex fi ħdan il-familja jitrawwem stil ta’ reċiproċità. Jekk minn naħa qed jinbtu xejriet ta’ femminiżmu li ma nistgħux inqisuhom xierqa, daqshekk ieħor nammiraw l-opra tal-Ispirtu fl-għarfien iżjed ċar tad-dinjità tal-mara u tal-jeddijiet tagħha.

 

55. Ir-raġel “għandu rwol daqstant ieħor deċiżiv fil-ħajja tal-familja, b’riferiment partikulari għall-ħarsien u t-tweżin tal-mara u tal-ulied. […] Ħafna rġiel jafu bl-importanza tar-rwol tagħhom fil-familja u jgħixuh bil-kwalitajiet partikulari tan-natura maskili. In-nuqqas tal-missier jaffettwa ħażin il-ħajja tal-familja, l-edukazzjoni tal-ulied u l-inseriment tagħhom fis-soċjetà. In-nuqqas tiegħu jista’ jkun fiżiku, affettiv, konjittiv u spiritwali. Dan in-nuqqas iċaħħad lill-ulied minn mudell xieraq tal-imġiba paterna”.[44]

 

56. Sfida oħra ġejja mill-bosta xejriet ta’ ideoloġija, ġenerikament imsejħa tal-ġeneru, li “tiċħad id-differenza u r-reċiproċità naturali bejn raġel u mara. Li għandha f’moħħha hi soċjetà bla differenzi ta’ sess u li trid tbattal il-bażi antropoloġika tal-familja. Din l-ideoloġija twassal għal proġetti edukattivi u orjentamenti leġislattivi li jippromovu identità personali u intimità affettiva li minn għeruqhom huma maqtugħa mid-diversità bijoloġika bejn raġel u mara. L-identità umana titħalla f’idejn għażla individwalista, li tinbidel ukoll maż-żmien.[45] Ta’ tħassib hu l-fatt li xi ideoloġiji ta’ din ix-xorta, li jippretendu li jistgħu jwieġbu għal ċerti xewqat li xi kultant tista’ tifhimhom, ifittxu li jimponu ruħhom bħala ħsieb waħdieni li jiddetermina wkoll l-edukazzjoni tat-tfal. M’għandniex ninjoraw li “sess bijoloġiku (sex) u rwol soċjali-kulturali tas-sess (gender), nistgħu niddistingwuhom, imma ma nistgħux nifirduhom minn xulxin”.[46] Mill-banda l-oħra, “ir-rivoluzzjoni bijoteknoloġika fil-qasam tal-prokreazzjoni umana daħħlet il-possibbiltà li nimmanipulaw l-att tat-tnissil, u qatgħetu mir-relazzjoni sesswali bejn raġel u mara. Hekk, il-ħajja umana u l-kunċett ta’ ġenituri saru realtà li tista’ torbotha u tħollha, suġġetti qabel kollox għax-xewqat tal-individwi u tal-koppji”.[47] Mod tifhem id-dgħufija umana jew il-kumplessità tal-ħajja, u mod ieħor taċċetta ideoloġiji li jippretendu li jaqsmu fi tnejn l-aspetti li ma jinbidlux tar-realtà. Ma naqgħux fid-dnub li nippretendu li nistgħu nieħdu post il-Ħallieq. Aħna ħlejjaq, ma nistgħux nagħmlu kollox. Il-ħolqien ġie qabilna u rridu nilqgħuh bħala don. Fl-istess waqt, aħna msejħin inħarsu l-umanità tagħna, u dan qabelxejn ifisser naċċettawha u nirrispettawha kif ġiet maħluqa.

 

57. Irrodd ħajr lil Alla għax bosta familji, li huma bogħod sew milli jissejħu perfetti, qed jgħixu fl-imħabba, qed iwettqu s-sejħa tagħhom u qed jibqgħu mexjin ’il quddiem imqar jekk jaqgħu bosta drabi tul il-mixja. Grazzi għar-riflessjonijiet sinodali ma baqax sterjotip tal-familja ideali, imma għarafna l-isfida ta’ mużajk imsawwar minn tant realtajiet differenti, mimlija ferħ, taħbit u ħolm. Ir-realtajiet li jħabbtuna huma sfidi. Ma naqgħux fin-nasba li nintilfu fit-tgergir biex niddefendu ruħna, flok inħeġġu kreattività missjunarja. Fis-sitwazzjonijiet kollha “l-Knisja tħoss il-bżonn li tlissen kelma ta’ verità u ta’ tama. […] Il-valuri kbar taż-żwieġ u tal-familja Nisranija jikkorrispondu għat-tiftix tal-eżistenza umana.[48] Jekk qed insibu ħafna diffikultajiet, dawn huma – kif affermaw l-Isqfijiet tal-Kolombja – stedina biex “inħallu l-enerġija tat-tama li hemm fina tisplodi u nibdluha f’ħolm profetiku, f’għemejjel li jġibu bidla u fl-immaġinazzjoni tal-karità”.[49]


 

IT-TIELET KAPITLU

ĦARSITNA FUQ ĠESÙ: IL-VOKAZZJONI TAL-FAMILJA

 

58. Quddiem il-familji u f’nofshom dejjem għandha tidwi mill-ġdid dik l-ewwel tħabbira, dik li hi “l-ikbar, l-iktar attraenti u fl-istess ħin l-iktar meħtieġa”.[50] Din it-tħabbira “għandha tkun fil-qalba tal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni”.[51] Hi l-bxara ewlenija, “dik li dejjem għandna nerġgħu lura għaliha biex nisimgħuha fid-diversi xejriet tagħha u li dejjem għandna nduru lejha biex inħabbruha fil-katekeżi f’xi bixra jew oħra”.[52] Għax “m’hemm xejn iżjed solidu, profond, żgur, konsistenti u għaref minn din it-tħabbira” u “l-formazzjoni Nisranija kollha hi qabelxejn l-approfondiment tal-kerygma.[53]

 

59. It-tagħlim tagħna fuq iż-żwieġ u l-familja ma jistax jieqaf jitnebbaħ u jinbidel fid-dawl ta’ din l-aħbar ta’ mħabba u ta’ ħlewwa, biex hekk ma jsirx sempliċi difiża ta’ duttrina kiesħa u mejta. Fil-fatt, lanqas nistgħu nifhmu b’mod sħiħ il-misteru tal-familja Nisranija jekk mhux fid-dawl tal-imħabba bla tarf tal-Missier, li dehret fi Kristu, li ngħata għalina sal-aħħar u hu ħaj fostna għal dejjem. Għalhekk nixtieq nikkontempla lil Kristu ħaj preżenti f’tant stejjer ta’ mħabba, u nitlob lill-Ispirtu jkebbes in-nar tiegħu fil-familji kollha tad-dinja.

 

60. F’dan il-kwadru, dan il-kapitlu qasir jiġbor sintesi tat-tagħlim tal-Knisja fuq iż-żwieġ u l-familja. Anki hawn se nikkwota bosta kontributi ppreżentati mill-Padri Sinodali fir-riflessjonijiet tagħhom fid-dawl li toffrilna l-fidi. Huma telqu mill-ħarsa ta’ Ġesù u wrewna kif hu “ħares bi mħabba u ħlewwa lejn in-nisa u l-irġiel li magħhom kien jiltaqa’, sieħeb il-passi tagħhom bil-verità, is-sabar u l-ħniena, hu u jħabbrilhom dak li kien meħtieġ għas-Saltna ta’ Alla”.[54] Bl-istess mod, il-Mulej jimxi magħna llum fit-tħabrik tagħna biex ngħixu u ngħaddu lill-oħrajn l-Evanġelju tal-familja.

 

Ġesù jġedded il-pjan divin u jwettqu sal-aħħar

61. Quddiem dawk li ħaduha kontra ż-żwieġ, it-Testment il-Ġdid jgħallem li “kulma ħalaq Alla hu tajjeb. Xejn ma għandu jitwarrab” (1 Tim 4:4). Iż-żwieġ hu “don” tal-Mulej (ara 1 Kor 7:7). Fl-istess waqt, din il-valutazzjoni pożittiva twassal għal aċċent qawwi fuq l-għożża ta’ dan id-don divin: “Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd u s-sodda taż-żwieġ bla tinġis” (Lhud 13:4). Dan id-don ta’ Alla jinkludi s-sesswalità: “Iċċaħħdux lil xulxin minn xulxin” (1 Kor 7:5).

 

62. Il-Padri Sinodali fakkruna li Ġesù, “meta jirriferi għall-pjan oriġinali għall-koppja umana, jerġa’ jagħfas fuq ir-rabta li ma tinħallx bejn raġel u mara, u jżid jgħid li kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu (Mt 19:8). L-indissolubbiltà taż-żwieġ (Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem, Mt 19:6), qabelxejn m’għandhiex tinftiehem bħala madmad impost fuq il-bnedmin, imma bħala don li Alla jagħmel lil żewġ persuni magħquda fiż-żwieġ. B’dan il-mod, Ġesù juri kif l-azzjoni divina li biha Alla jiċċekken u jsir bniedem dejjem issieħeb il-mixja umana, tfejjaq u tbiddel il-qalb iebsa bil-grazzja tagħha, torjentaha lejn il-bidu tagħha, permezz tat-triq tas-salib. Mill-Vanġeli joħroġ ċar l-eżempju ta’ Ġesù li […] ħabbar il-messaġġ dwar it-tifsira taż-żwieġ bħala l-milja tar-Rivelazzjoni li jfittex mill-ġdid il-pjan oriġinali ta’ Alla (Mt 19:3).[55]

 

63. “Ġesù, li rrikonċilja kollox fih, reġġa’ lura ż-żwieġ u l-familja għall-forma oriġinali tagħhom (ara Mk 10:1-12). Il-familja u ż-żwieġ ġew mifdija minn Kristu (ara Efes 5:21-32), irrestawrati skont ix-xbieha tat-Trinità Qaddisa, misteru li minnu tnixxi kull imħabba vera. Il-patt taż-żwieġ, inawgurat fil-ħolqien u rrivelat fl-istorja tas-salvazzjoni, isib ir-rivelazzjoni sħiħa tat-tifsira tiegħu fi Kristu u fil-Knisja tiegħu. Mingħand Kristu permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja meħtieġa biex jistgħu jagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla u jgħixu l-ħajja f’komunjoni. L-Evanġelju tal-familja ilu jterraq fl-istorja tad-dinja, mill-ħolqien tal-bniedem fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26-27), sat-twettiq tal-misteru tal-Patt fi Kristu, sat-temma taż-żmien bil-festa tat-tieġ tal-Ħaruf (ara Apk 19:9)”.[56]

 

64. “L-eżempju ta’ Ġesù hu mudell għall-Knisja. […] Hu nieda l-ħajja pubblika tiegħu bis-sinjal ta’ Kana, imwettaq f’festa ta’ tieġ (ara Ġw 2:1-11). […] Qasam il-ħbiberija tal-ħajja ta’ kuljum mal-familja ta’ Lazzru u ħutu (ara Lq 10:38) u mal-familja ta’ Pietru (ara Mt 8:14). Sema’ l-biki tal-ġenituri għal uliedhom, u raddilhom il-ħajja (ara Mk 5:41; Lq 7:14-15) u hekk wera l-vera tifsira tal-ħniena, li timplika t-twaqqif mill-ġdid tal-Patt (ara Ġwanni Pawlu II, Dives in misericordia, 4). Dan jidher ċar fil-laqgħat mal-mara Samaritana (ara Ġw 4:1-30) u mal-adultera (ara Ġw 8:1-11), fejn il-bniedem jintebaħ bid-dnub tiegħu meta jsib quddiemu l-imħabba b’xejn ta’ Ġesù.[57]

 

65. L-inkarnazzjoni tal-Verb f’familja ta’ bnedmin, f’Nazaret, iċċaqlaq l-istorja kollha tad-dinja bl-element ġdid tagħha. Jeħtieġ nogħdsu fil-misteru tat-twelid ta’ Ġesù, fl-iva ta’ Marija għat-tħabbira tal-anġlu, meta tnisslet il-Kelma f’ġufha; anki fl-iva ta’ Ġużeppi, li ta l-isem lil Ġesù u ħa ħsieb ta’ Marija; fil-festa tar-ragħajja meta waslu fil-għar; fl-adorazzjoni tal-Maġi; fil-ħarba lejn l-Eġittu, fejn Ġesù jduq l-uġigħ tal-poplu eżiljat, ippersegwitat u umiljat tiegħu; fl-istennija reliġjuża ta’ Żakkarija u fl-hena li jsieħeb it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista; fil-wegħda mwettqa għal Xmun u Anna fit-Tempju; fl-istagħġib tad-dutturi tal-liġi huma u jisimgħu l-għerf ħiereġ minn fomm it-tfajjel Ġesù. U hekk nixirfu ftit fit-tletin sena twal li fihom Ġesù qala’ ħobżu b’xogħol idejh, huwa u jtenni minn taħt l-ilsien it-talbiet u t-tradizzjoni tat-twemmin tal-poplu tiegħu u jeduka ruħu fil-fidi ta’ missirijietu, sa ma ħareġ il-frott minnha fil-misteru tas-Saltna. Dan hu l-misteru tal-Milied u s-sigriet ta’ Nazaret, imkebbes bi fwieħa ta’ familja! Hu l-misteru li tant saħħar lil Franġisku ta’ Assisi, lil Tereża tal-Bambin Ġesù u lil Charles de Foucauld, u li għalih jixxennqu wkoll il-familji Nsara biex iġeddu tamiethom u l-ferħ tagħhom.

 

66. “Il-patt ta’ mħabba u fedeltà, li bih tgħix il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, idawwal dak il-prinċipju li jsawwar kull familja, u jagħmilha kapaċi taffronta aħjar it-taħbit tal-ħajja u tal-istorja. Fuq dan il-pedament, kull familja, minkejja d-dgħufija tagħha, tista’ ssir dawl fid-dalma tad-dinja. ‘Hawn nifhmu kif għandna ngħixu f’familja. Nazaret tfakkarna x’inhi l-familja, x’inhi l-komunjoni ta’ mħabba, il-ġmiel awster u sempliċi tagħha, il-karattru qaddis u invjolabbli tagħha; turina kemm hi ħelwa l-edukazzjoni fil-familja u kif xejn ma jista’ jeħdilha postha, tgħallimna l-funzjoni naturali tagħha fl-ordni soċjali’ (Pawlu VI, Diskors f’Nazaret, 5 ta’ Jannar 1964)”.[58]

 

Il-familja fid-dokumenti tal-Knisja

67. Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, tkellem dwar il-promozzjoni tad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja (ara nn. 47-52). “Dan fisser iż-żwieġ bħala komunità ta’ ħajja u ta’ mħabba (ara 48), u qiegħed l-imħabba fil-qalba tal-familja […]. L-‘imħabba vera bejn raġel u mara’ (49) timplika l-għotja reċiproka tagħhom infushom, tinkludi u tintegra fiha d-dimensjoni sesswali u l-affettività, fi qbil mal-pjan divin (ara 48-49). Barra dan, tagħfas fuq l-importanza li l-miżżewġin iniżżlu l-għeruq tagħhom fi Kristu: Kristu l-Mulej ‘jiltaqa’ mal-miżżewġin Insara bis-sagrament taż-żwieġ’, u jibqa’ magħhom. Fl-Inkarnazzjoni, hu jieħu fuqu l-imħabba umana, isaffiha, iwassalha għall-milja tagħha, u jagħti lill-miżżewġin, bl-Ispirtu tiegħu, il-ħila li jgħixuha, fil-ħajja kollha tagħhom ta’ fidi, tama u mħabba. B’dan il-mod il-miżżewġin huma bħal ikkonsagrati u, permezz tal-grazzja proprja, jibnu l-Ġisem ta’ Kristu u jwaqqfu Knisja tad-dar (ara Lumen Gentium, 11), hekk li l-Knisja, biex tista’ tifhem b’mod sħiħ il-misteru tagħha, trid tħares lejn il-familja Nisranija, li dan turih b’mod ġenwin”.[59]

 

68. Wara dan, “il-Beatu Pawlu VI, fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan II, niżel fil-fond tad-duttrina fuq iż-żwieġ u l-familja. B’mod partikulari, bl-Enċiklika Humanæ vitæ, xeħet dawl fuq ir-rabta intrinsika bejn imħabba konjugali u tnissil tal-ħajja: ‘L-imħabba konjugali titlob mill-miżżewġin li huma jagħrfu b’mod xieraq il-missjoni tagħhom ta’ paternità responsabbli, li fuqha llum ġustament ninsistu tant u li wkoll għandha tiġi mifhuma b’mod eżatt. […] It-twettiq responsabbli tal-paternità jfisser għalhekk li l-miżżewġin jagħrfu sewwa d-dmirijiet tagħhom lejn Alla, lejhom infushom, lejn il-familja u lejn is-soċjetà skont il-ġerarkija ġusta tal-valuri’ (10). Fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, Pawlu VI wera x’inhi r-relazzjoni bejn il-familja u l-Knisja”.[60]

 

69. “San Ġwanni Pawlu II iddedika attenzjoni partikulari lill-familja permezz tal-katekeżi tiegħu fuq l-imħabba umana, bl-Ittra lill-familji Gratissimam sane u fuq kollox bl-Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio. F’dawn id-dokumenti, il-Papa sejjaħ lill-familja ‘triq tal-Knisja’; offra viżjoni sħiħa dwar il-vokazzjoni tar-raġel u l-mara għall-imħabba; ippropona l-linji fundamentali għall-pastorali tal-familja u għall-preżenza tal-familja fis-soċjetà. B’mod partikulari, hu u jittratta l-imħabba konjugali (ara Familiaris consortio, 13), fisser il-mod kif il-miżżewġin, fl-imħabba tagħhom lejn xulxin, jirċievu d-don tal-Ispirtu ta’ Kristu u jgħixu s-sejħa tagħhom għall-qdusija”.[61]

 

70. “Benedittu XVI, fl-Enċiklika Deus caritas est, reġa’ qabad it-tema tal-verità tal-imħabba bejn raġel u mara, li tiddawwal b’mod sħiħ biss mid-dawl tal-imħabba ta’ Kristu msallab (ara 2). Hu jinsisti: ‘Iż-żwieġ imsejjes fuq l-imħabba esklussiva u definita jsir ix-xbieha (ikona) tar-relazzjoni ta’ Alla mal-poplu tiegħu u tal-poplu ma’ Alla; il-mod kif Alla jħobb isir il-kejl tal-imħabba umana’ (11). Barra minn hekk, fl-Enċiklika Caritas in veritate, juri l-importanza tal-imħabba bħala l-prinċipju tal-ħajja fis-soċjetà (ara 44), post fejn wieħed jitgħallem l-esperjenza tal-ġid komuni”.[62]

 

Is-sagrament taż-żwieġ

71. L-Iskrittura u t-Tradizzjoni jiftħulna beraħ it-triq għal għarfien tat-Trinità li tidher bħala familja. Il-familja hi xbieha ta’ Alla, li […] hu komunjoni ta’ persuni. Fil-Magħmudija, leħen il-Missier jurina lil Ġesù bħala Ibnu l-maħbub, u f’din l-imħabba għarafna lill-Ispirtu s-Santu (ara Mk 1:10-11). Ġesù, li reġa’ ħabbeb kollox miegħu u feda lill-bniedem mid-dnub, mhux biss reġġa’ lura liż-żwieġ u l-familja għall-għamla oriġinali tagħhom, imma għolla wkoll iż-żwieġ għal sinjal sagramentali ta’ mħabbtu għall-Knisja (ara Mt 19:1-12; Mk 10:1-12; Efes 5:21-32). Fil-familja umana, miġmugħa minn Kristu, intraddulna lura s-sura u x-xbieha tat-Trinità Qaddisa (ara Ġen 1:26), misteru li minnu tnixxi kull imħabba vera. Minn Kristu, permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, biex jagħtu xhieda tal-Evanġelju tal-imħabba ta’ Alla”.[63]

 

72. Is-sagrament taż-żwieġ mhux norma soċjali, rit vojt jew sempliċi sinjal estern ta’ xi impenn. Is-sagrament hu don għat-tqaddis u għas-salvazzjoni tal-miżżewġin, għax ladarba huma ta’ xulxin, huma, permezz tas-sinjal sagramentali, juru tassew ir-rabta ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu. Il-miżżewġin għalhekk ifakkru għal dejjem ’il-Knisja f’dak li ġara fuq is-Salib: huma għal xulxin u għal uliedhom ix-xhieda ta’ dik is-salvazzjoni, li fiha jagħtihom sehem is-sagrament taż-żwieġ”.[64] Iż-żwieġ hu vokazzjoni, għax hu tweġiba għas-sejħa speċifika tal-miżżewġin li jgħixu l-imħabba tagħhom bħala sinjal imperfett tal-imħabba bejn Kristu u l-Knisja. Għalhekk, id-deċiżjoni li jiżżewġu u jsawru familja għandha tkun il-frott ta’ dixxerniment vokazzjonali.

 

73. “Id-don reċiproku li fuqu mibni ż-żwieġ sagramentali għandu għeruqu fil-grazzja tal-Magħmudija li twaqqaf il-patt fundamentali ta’ kull persuna ma’ Kristu fil-Knisja. Meta jilqgħu lil xulxin u bil-grazzja ta’ Kristu, l-għarajjes li waslu għaż-żwieġ iwiegħdu li jingħataw għalkollox għal xulxin, b’fedeltà u ftuħ għall-ħajja, u jagħrfu bħala elementi kostituttivi taż-żwieġ id-doni li Alla joffrilhom, jieħdu bis-serjetà l-impenn ta’ kull parti, f’ismu u quddiem il-Knisja. Issa, il-fidi tagħmilhielhom possibbli li jagħmlu tagħhom il-ġid taż-żwieġ bħala impenn li jistgħu jidħlu għalih aħjar bl-għajnuna tal-grazzja tas-sagrament. […] Għalhekk, il-ħarsa tal-Knisja ddur lejn il-miżżewġin bħallikieku lejn il-qalb tal-familja sħiħa li anki hi min-naħa tagħha ddawwar ħarsitha lejn Ġesù.[65] Is-sagrament mhux xi “ħaġa” jew xi “qawwa”, għax fir-realtà hu Kristu nnifsu li “jiġi jiltaqa’ mal-għarajjes Insara fis-sagrament taż-żwieġ. Jibqa’ magħhom, jagħtihom il-qawwa jimxu warajh mgħobbijin bis-salib tagħhom, jerfagħhom mill-waqgħat tagħhom, jgħinhom jaħfru lil xulxin, u joqogħdu għal xulxin”.[66] Iż-żwieġ Nisrani hu sinjal li mhux biss juri kemm Kristu ħabb lill-Knisja tiegħu fil-Patt issiġillat fuq is-Salib, imma din l-imħabba jagħmilha preżenti fil-komunjoni tal-miżżewġin. Meta jingħaqdu f’ġisem wieħed huma qed ikunu sinjal ħaj taż-żwieġ tal-Iben ta’ Alla man-natura umana. Għalhekk “fil-ferħ tal-imħabba u tal-ħajja tagħhom fil-familja, Alla jagħtihom, hawn fid-dinja, li jgawdu minn qabel il-ferħ tat-tieġ tal-Ħaruf”.[67] Għalkemm “l-analoġija bejn il-koppja raġel-mara u dik ta’ Kristu-Knisja” hi “analoġija imperfetta”,[68] hi tistedinna nitolbu lill-Mulej isawwab imħabbtu fuq il-limiti tar-relazzjonijiet tal-miżżewġin.

 

74. Ir-rabta sesswali, meta jgħixuha b’mod uman u hi mqaddsa mis-sagrament, hi għall-miżżewġin triq li tgħinhom jikbru fil-ħajja tal-grazzja. Hi l-“misteru taż-żwieġ”.[69] Il-valur tal-għaqda ta’ ġisem ma’ ġisem narawh fil-kliem tal-kunsens, fejn il-miżżewġin laqgħu lil xulxin u ngħataw għal xulxin biex jaqsmu ħajjithom kollha flimkien. Dawn il-kelmiet jagħtu tifsira kbira lis-sesswalità, u jeħilsuha minn kull ambigwità. Madankollu, fir-realtà, il-ħajja komuni kollha tal-miżżewġin, ix-xibka sħiħa ta’ relazzjonijiet li jinsġu bejniethom, ma’ wliedhom u mad-dinja, hi mbierka u msaħħa mill-grazzja tas-sagrament li tnixxi mill-misteru tal-Inkarnazzjoni u tal-Għid, fejn Alla wera mħabbtu kollha għall-bnedmin u ssieħeb b’mod intimu magħhom. Qatt mhuma ħa jsibu ruħhom waħidhom quddiem l-isfidi li jitfaċċaw. Huma msejħa jwieġbu għad-don ta’ Alla bit-tħabrik tagħhom, bil-kreattività tagħhom, il-perseveranza u t-taqbida tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, imma dejjem jistgħu jsejħu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li kkonsagra l-għaqda ta’ bejniethom, biex il-grazzja li rċivew terġa’ tidher f’kull sitwazzjoni ġdida.

 

75. Skont it-tradizzjoni Latina tal-Knisja, fis-sagrament taż-żwieġ il-ministru huma r-raġel u l-mara li qed jiżżewġu,[70] li, meta jagħtu l-kunsens tagħhom lil xulxin u jesprimuh fl-għotja reċiproka ta’ ġisimhom, jirċievu don għoli. Il-kunsens tagħhom u l-għaqda tal-ġisem tagħhom huma l-għodda tal-azzjoni divina li tagħmel minnhom ġisem wieħed. Il-Magħmudija kkonsagrat il-ħila tagħhom li jingħaqdu fiż-żwieġ bħala ministri tal-Mulej biex iwieġbu għas-sejħa ta’ Alla. Għalhekk, meta żewġ miżżewġin mhux Insara jirċievu l-Magħmudija, m’hemmx bżonn iġeddu l-wegħda taż-żwieġ u biżżejjed li ma jiċħduhiex, ladarba, minħabba fil-Magħmudija li jirċievu, ir-rabta tagħhom issir hi stess sagramentali. Id-Dritt Kanoniku jagħraf ukoll il-validità ta’ xi żwiġijiet iċċelebrati mingħajr ministru ordnat.[71] Fil-fatt, il-fidwa ta’ Ġesù Kristu ħadet fuqha l-ordni naturali, hekk li “bejn l-imgħammdin ma jistax ikun hemm kuntratt validu taż-żwieġ li mhuwiex ukoll sagrament”.[72] Il-Knisja tista’ tesiġi li l-att ikun pubbliku, bil-preżenza ta’ xhieda u kundizzjonijiet oħra li nbidlu mal-medda tas-snin, imma dan liż-żewġ miżżewġin ma jeħdilhomx il-karattru tagħhom ta’ ministri tas-sagrament, lanqas inaqqas miċ-ċentralità tal-kunsens tar-raġel u tal-mara, li hu dak li jwaqqaf ir-rabta sagramentali. Hu x’inhu, jeħtieġ nirriflettu iżjed fuq l-azzjoni divina fir-rit taż-żwieġ, li tingħata importanza kbira fil-Knejjes tal-Lvant, speċjalment lill-barka taż-żewġ partijiet bħala sinjal tad-don tal-Ispirtu.

 

Iż-żerriegħa tal-Verb u sitwazzjonijiet imperfetti

76. “L-Evanġelju tal-familja jsaqqi wkoll dik iż-żerriegħa li għadha qed tistenna biex tnibbet u tikber, u għandu jieħu ħsieb ukoll ta’ dawk is-siġar li nixfu u għandhom bżonn min jagħti kashom u mhux jittraskurahom,[73] biex hekk, grazzi għad-don ta’ Kristu fis-sagrament, “bis-sabar kollu jitwasslu biex jagħrfu dejjem aktar dan il-misteru li ħa jseħħ b’mod aktar sħiħ f’ħajjithom”.[74]

 

77. Fid-dawl tat-tagħlim tal-Iskrittura li tgħid li kollox ġie maħluq minn Kristu u fid-dawl ta’ Kristu (ara Kol 1:16), il-Padri Sinodali fakkruna li “l-ordni tal-fidwa jdawwal u jwettaq dak tal-ħolqien. Iż-żwieġ naturali, għalhekk, nifhmuh b’mod sħiħ fid-dawl tat-twettiq sagramentali tiegħu: jekk inwaqqfu ħarsitna fuq Kristu biss nistgħu nagħrfu sa ġewwa nett il-verità dwar ir-relazzjonijiet umani. ‘Fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. […] Kristu, Adam il-ġdid, meta juri l-misteru tal-Missier u tal-imħabba tiegħu, juri wkoll għalkollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu’ (Gaudium et spes, 22). Hu tabilħaqq opportun li nifhmu f’dawl Kristoċentriku l-proprjetajiet naturali taż-żwieġ, li huma għall-ġid tal-miżżewġin (bonum coniugum)”,[75] li jiġbor fih l-għaqda ta’ bejniethom, il-ftuħ għall-ħajja, il-fedeltà u l-indissolubbiltà, u fi ħdan iż-żwieġ Nisrani anki l-għajnuna reċiproka fil-mixja lejn ħbiberija iktar sħiħa mal-Mulej. “Id-dixxerniment tal-preżenza tas-‘semina Verbi’ fil-kulturi l-oħra (ara Ad gentes, 11) jista’ jsir ukoll fir-realtà taż-żwieġ u l-familja. Barra ż-żwieġ veru naturali hemm elementi pożittivi preżenti fl-għamliet ta’ żwieġ fi tradizzjonijiet reliġjużi oħra”,[76] anki jekk ma jonqosx ukoll kemm-il dell. Nistgħu ngħidu li “kull persuna li tixtieq issawwar f’din id-dinja familja li tgħallem lil uliedha jifirħu għal kull azzjoni li tiġi quddiemhom biex jirbħu l-ħażen – familja li turi li l-Ispirtu hu ħaj u qed jaħdem –, issib il-gratitudni u l-istima, ikun xi jkun il-poplu, ir-reliġjon jew ir-reġjun li minnhom ġejja”.[77]

 

78. “Il-ħarsa ta’ Kristu, li d-dawl tiegħu jdawwal lil kull bniedem (ara Ġw 1:9; Gaudium et spes, 22), tnebbaħ il-kura pastorali tal-Knisja mal-fidili li sempliċement qed jgħixu ma’ xulxin, jew li żżewġu biss ċivilment, jew huma divorzjati u reġgħu żżewġu. Fil-perspettiva tal-pedagoġija divina, il-Knisja ddur bi mħabba fuq dawk li qed jieħdu sehem fil-ħajja tagħha b’mod imperfett: titlob fuqhom il-grazzja tal-konverżjoni, tħeġġiġhom jagħmlu l-ġid, jieħdu ħsieb ta’ xulxin bi mħabba, u jaqdu lill-komunità li fiha jgħixu u jaħdmu. […] Meta l-għaqda tilħaq ċerta stabbiltà permezz ta’ rabta pubblika – u hi kkaratterizzata minn ċerta mħabba profonda, ir-responsabbiltà fil-konfront tal-ulied, u ħiliet li wieħed jegħleb il-provi – nistgħu nħarsu lejha bħala okkażjoni biex nakkumpanjaw lejn is-sagrament taż-żwieġ, fejn dan ikun possibbli”.[78]

 

79. “Quddiem qagħdiet diffiċli u familji miġruħa, għandna dejjem niftakru fi prinċipju ġenerali: ‘Ir-Ragħajja tal-erwieħ għandhom ikunu jafu, f’ġieħ il-verità, jagħżlu sewwa bejn qagħda u oħra’ (Familiaris consortio, 84). Il-grad ta’ responsabbiltà mhuwiex l-istess f’kull każ, u jista’ jkun hemm fatturi li jillimitaw il-ħila ta’ deċiżjoni. Għalhekk, waqt li nesprimu b’mod ċar x’inhi d-duttrina, għandna nevitaw ġudizzji li jinjoraw il-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet, u jeħtieġ inkunu attenti għall-mod kif il-persuni qed jgħixu u jbatu minħabba fil-qagħda tagħhom”.[79]

 

It-trasmissjoni tal-ħajja u l-edukazzjoni tal-ulied

80. Iż-żwieġ hu qabelxejn “għaqda intima tal-ħajja u tal-imħabba bejn il-miżżewġin”[80] li hi ta’ fejda għall-miżżewġin infushom,[81] u s-sesswalità “qiegħda għall-imħabba tar-raġel u l-mara fiż-żwieġ”.[82] Għalhekk anki “l-miżżewġin li lilhom Alla ma tahomx li jkollhom tfal, jista’ jkollhom ħajja fiż-żwieġ li tkun tfisser ħafna għalihom kemm bħala bnedmin u kemm bħala Nsara”.[83] Minkejja dan, din l-għaqda “minħabba n-natura tagħha”[84] hi ordnata lejn it-tnissil. It-tarbija li titwieled “ma tiġix minn barra biex tiżdied mal-imħabba tal-miżżewġin bejniethom. Toħroġ mill-qalba stess tal-għoti tal-miżżewġin lil xulxin u hija l-frott ta’ dan l-għoti lil xulxin”.[85] Ma tasalx fi tmiem proċess, imma hi preżenti sa mill-bidu ta’ mħabbithom bħala karatteristika essenzjali li ma tistax tiġi miċħuda mingħajr ma tiġi mgħawġa l-istess imħabba. Sa mill-bidu l-imħabba tiċħad kull ġibda biex tingħalaq fiha nfisha u tinfetaħ għal ħajja għammiela li lilha teħodha lil hemm fiż-żmien mill-istess eżistenza tagħha. Għalhekk l-ebda att ġenitali tal-miżżewġin ma jista’ jiċħad din it-tifsira,[86] imqar jekk għal diversi raġunijiet mhux dejjem jista’ fil-fatt inissel ħajja ġdida.

 

81. Il-wild jistenna li jitwieled minn din l-għamla ta’ mħabba u mhux kif ġie ġie, ladarba t-tarbija “mhijiex xi ħaġa li għandha tingħata, li hemm dritt għaliha, imma hi don,[87] li hu “l-frott tal-att speċifiku tal-imħabba konjugali tal-ġenituri tiegħu”.[88] Għax “skont l-ordni tal-ħolqien, l-imħabba konjugali bejn raġel u mara u t-trasmissjoni tal-ħajja huma orjentati lejn xulxin (ara Ġen 1:27-28). B’dan il-mod, il-Ħallieq ta lir-raġel u lill-mara sehem fl-opra tal-ħolqien tiegħu u fl-istess ħin għamilhom għodda ta’ mħabbtu, billi fdalhom f’idejhom il-futur tal-umanità permezz tat-trasmissjoni tal-ħajja umana”.[89]

 

82. Il-Padri Sinodali fehmu li “mhux diffiċli nintebħu kif qed tixtered mentalità li tirriduċi t-tnissil tal-ħajja għall-kriterji varji tal-proġetti individwali jew ta’ koppja”.[90] It-tagħlim tal-Knisja “jgħin lill-miżżewġin jgħixu b’mod armonjuż u konxju l-komunjoni ta’ bejniethom, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, flimkien mar-responsabbiltà ġenerattiva. Irridu niskopru mill-ġdid il-messaġġ tal-Enċiklika Humanæ vitæ ta’ Pawlu VI, li jagħfas fuq il-ħtieġa li nirrispettaw id-dinjità tal-persuna fil-valutazzjoni morali tal-metodi tal-kontroll tar-rata tat-twelid. […] L-għażla tal-adozzjoni u l-fostering tesprimi frott partikulari li kapaċi tagħti l-esperjenza konjugali”.[91] Bi gratitudni partikulari, il-Knisja “twieżen il-familji li jilqgħu, jedukaw u jdawru bi mħabbithom lill-ulied diversament abbli”.[92]

 

83. F’dan il-kuntest, ma nistax ma nisħaqx li, jekk il-familja hi s-santwarju tal-ħajja, l-imkien fejn il-ħajja hi mnissla u titqies għażiża, tkun kontradizzjoni li tagħmel ħafna ħsara jekk issir l-imkien fejn il-ħajja tiġi miċħuda u meqruda. Hu hekk għoli l-valur ta’ ħajja umana, u hu hekk inaljenabbli l-jedd għall-ħajja li għandha t-tarbija innoċenti li qed tikber fil-ġuf ta’ ommha, li bl-ebda mod mhu possibbli nippreżentaw bħala dritt fuq ġisimha l-possibbiltà li tieħu deċiżjonijiet dwar din il-ħajja, li hi fini fiha nfisha u li qatt ma tista’ tkun oġġett tal-ħakma min-naħa ta’ bniedem ieħor. Il-familja trid tħares il-ħajja f’kull fażi tagħha u anki fl-għabex tagħha. Għalhekk, “lil dawk li jaħdmu fi strutturi tas-saħħa tfakkarhom fl-obbligu morali tal-oġġezzjoni tal-kuxjenza. Bl-istess mod, il-Knisja mhux biss tħoss l-urġenza li tisħaq fuq il-jedd għall-mewt naturali, fejn allura wieħed jevita miżuri intensivi ta’ terapija li twassal ħelu ħelu għall-mewt u l-ewtanasja”, imma “tiċħad fermament il-piena kapitali”.[93]

 

84. Il-Padri riedu jisħqu wkoll li “waħda mill-isfidi fundamentali li qed isibu quddiemhom illum il-familji hi bla dubju ta’ xejn dik edukattiva, li qed issir iktar impenjattiva u kumplessa minħabba r-realtà kulturali tal-lum u l-influwenza kbira tal-midja”.[94] “Il-Knisja għandha rwol prezzjuż fit-tweżin tal-familji, ibda mill-inizjazzjoni Nisranija, fi ħdan komunitajiet miftuħa biex jilqgħu fihom”.[95] Madankollu jidhirli importanti ħafna nfakkar li l-edukazzjoni sħiħa tal-ulied hi “dmir mill-aktar serju” u fl-istess waqt “dmir ewlieni” tal-ġenituri.[96] M’aħniex nitkellmu biss fuq dmir jew fuq piż, imma anki fuq dritt essenzjali li ħadd ma jista’ jwettqu jekk mhux huma, li huma msejħin iħarsuh u li ħadd ma jista’ jippretendi li jeħdilhom. L-Istat joffri u jissussidja servizz edukattiv, u jsieħeb din il-funzjoni tal-ġenituri li ma jistgħux jiddelegaw, u huma għandhom id-dritt li jagħżlu bil-libertà l-għamla ta’ edukazzjoni – aċċessibbli u ta’ kwalità – li jixtiequ jagħtu lil uliedhom skont il-konvinzjonijiet tagħhom. L-iskola ma tiħux post il-ġenituri anki jekk hi kumplimentari għalihom. Dan hu prinċipju bażilari: “Kull kollaboratur ieħor fil-proċess edukattiv għandu jaġixxi f’isem il-ġenituri, bil-kunsens tagħhom u, sa ċertu punt, anki fuq inkarigu tagħhom”.[97] Madankollu “nħolqot firda bejn familja u soċjetà, bejn familja u skola, il-patt edukattiv illum tfarrak; u hekk, il-patt edukattiv tas-soċjetà mal-familja daħal fi kriżi”.[98]

 

85. Il-Knisja msejħa tikkollabora, b’azzjoni pastorali b’saħħitha, biex l-istess ġenituri jistgħu jwettqu l-missjoni edukattiva tagħhom. Għandha tagħmel dan billi tgħinhom dejjem jivvalurizzaw ir-rwol speċifiku tagħhom, u jagħrfu li dawk li rċivew is-sagrament taż-żwieġ isiru veri ministri edukattivi, għax bil-formazzjoni ta’ wliedhom ikunu jibnu lill-Knisja,[99] u meta jagħmlu dan huma qed jilqgħu bil-qalb il-vokazzjoni li Alla qed jipproponilhom.[100]

 

Il-familja u l-Knisja

86. “B’ferħ u faraġ kbir, il-Knisja tħares lejn il-familji li baqgħu fidili lejn it-tagħlim tal-Evanġelju, u troddilhom ħajr u tqawwilhom qalbhom għax-xhieda li qed joffru. Fil-fatt, grazzi għalihom, il-ġmiel taż-żwieġ indissolubbli u fidil għal dejjem isir ħaġa kredibbli. Fil-familja, ‘li tista’ titqies il-Knisja tad-dar’ (Lumen gentium, 11), timmatura l-ewwel esperjenza ekkleżjali tal-komunjoni bejn il-persuni, fejn, bi grazzja, jidher il-misteru tat-Trinità Qaddisa. ‘Hu fi ħdan il-familja li wieħed jitgħallem it-toqol u l-ferħ tax-xogħol, l-imħabba bejn l-aħwa, il-maħfra mill-qalb, ukoll jekk imtennija kemm-il darba, u fuq kollox, il-qima ta’ Alla permezz tat-talb u tal-offerta tal-ħajja’ (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1657)”.[101]

 

87. Il-Knisja hi familja tal-familji, u dejjem tistagħna bil-ħajja tal-Knejjes kollha tad-dar. Għalhekk, “bil-qawwa tas-sagrament taż-żwieġ kull familja ssir f’kull sens ġid għall-Knisja. F’din il-perspettiva żgur li jkun don prezzjuż illum fil-Knisja li nagħtu kas anki tar-reċiproċità bejn familja u Knisja: il-Knisja hi ġid għall-familja, il-familja hi ġid għall-Knisja. Il-ħarsien tad-don sagramentali tal-Mulej mhux biss dmir tal-familja waħidha, imma tal-istess komunità Nisranja”.[102]

 

88. L-imħabba li tingħax fil-familji hi qawwa permanenti għall-ħajja tal-Knisja. “L-għan unittiv taż-żwieġ hu sejħa kostanti biex huma jikbru u jinżlu iżjed fil-fond ta’ din l-imħabba. Fl-għaqda ta’ mħabbithom il-miżżewġin iduqu l-ġmiel tal-paternità u tal-maternità; jaqsmu flimkien il-pjanijiet u t-taħbit, ix-xewqat u t-tħassib; jitgħallmu jieħdu ħsieb ta’ xulxin u jaħfru lil xulxin. F’din l-imħabba jiċċelebraw il-mumenti ta’ ferħ tagħhom u jwieżnu lil xulxin fil-perjodi ibsin tal-istorja ta’ ħajjithom. […] Il-ġmiel tad-don reċiproku u b’xejn, il-ferħ għall-ħajja li twieldet u l-għożża kollha mħabba tal-membri kollha, miċ-ċkejknin sal-anzjani, huma ftit mill-frott li jagħmel it-tweġiba għall-vokazzjoni tal-familja ħaġa unika u li xejn ma jista’ jeħdilha postha,[103] kemm għall-Knisja u kemm għas-soċjetà kollha kemm hi.


 

IR-RABA’ KAPITLU

L-IMĦABBA FIŻ-ŻWIEĠ

 

89. Dak kollu li għidna ma jkunx biżżejjed biex jesprimi l-Evanġelju taż-żwieġ u tal-familja jekk ma niqfux b’mod speċifiku biex nitkellmu dwar l-imħabba. Għax kif nistgħu nagħmlu l-qalb lill-miżżewġin biex jagħmlu mixja ta’ fedeltà u ta’ għotja reċiproka jekk ma ngħinux lill-imħabba bejniethom u fil-familja tikber, tissaħħaħ u tinżel iktar fil-fond? Fil-fatt, il-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ qabelxejn “trid twassal għall-perfezzjoni l-imħabba tal-miżżewġin”.[104] Anki hawn jiswa ngħidu li “kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid” (1 Kor 13:2-3). Madankollu, il-kelma “mħabba”, li hi waħda mill-aktar użati, ħafna drabi tidher imbenġla.[105]

 

L-imħabba tagħna ta’ kuljum

90. Fl-hekk imsejjaħ innu lill-imħabba miktub minn San Pawl, niltaqgħu ma’ xi karatteristiċi tal-imħabba vera:

 

L-imħabba taf tistabar

u tħenn;

l-imħabba mhijiex għajjura,

ma tintefaħx biha nfisha,

ma titkabbarx fuq l-oħrajn;

ma tagħmilx dak li mhux xieraq;

ma tfittixx dak li hu tagħha,

xejn ma tinkorla;

ma żżommx f’qalbha għad-deni,

ma tifraħx bl-inġustizzja,

imma tifraħ bil-verità.

Kollox tagħder,

kollox temmen,

kollox tittama,

kollox tissaporti” (1 Kor 13:4-7).

 

Dan jingħax u jitħares fil-ħajja li ta’ kuljum jaqsmu ma’ xulxin il-miżżewġin, bejniethom u ma’ wliedhom. Għalhekk, hi ħaġa prezzjuża ħafna li nieqfu biex nippreċiżaw it-tifsira tal-espressjonijiet f’dan it-test, biex nippruvaw napplikawhom għall-ħajja konkreta ta’ kull familja.

 

Sabar

91. L-ewwel espressjoni li jinqeda biha hi macrothymei. It-traduzzjoni mhix sempliċement “li tissaporti kollox”, għax din l-idea mbagħad toħroġ fi tmiem il-v. 7. Is-sens naqbduh mit-traduzzjoni Griega tat-Testment il-Qadim, fejn jingħad li Alla hu “tqil biex jagħdab” (Eż 34:6; Num 14:18). Jidher meta l-persuna ma tħallix is-sentimenti tal-mument ikaxkruha u taħrab il-korla. Hi karatteristika ta’ Alla tal-Patt li jsejħilna nsiru nixbhuh anki fi ħdan il-ħajja fil-familja. It-testi li fihom Pawlu jinqeda b’dan it-terminu għandna naqrawhom fl-isfond tal-ktieb tal-Għerf (ara 11:23; 12:2, 15-18): fl-istess waqt li jfaħħar il-qies li bih jimxi Alla tant li jagħti spazju lill-indiema, jisħaq fuq is-setgħa tiegħu li tidher meta jimxi bi ħniena. Is-sabar ta’ Alla hu tħaddim tal-ħniena tiegħu mal-midneb u jikxef il-vera setgħa li għandu.

 

92. Li nistabru ma jfissirx inħallu lil min jgħakkisna l-ħin kollu, jew nittolleraw xi vjolenza fiżika fuqna, inkella nippermettu li jittrattawna bħala oġġetti. Il-problema hi meta nippretendu li r-relazzjonijiet ikunu idilliċi jew li l-persuni jkunu perfetti, jew meta nippretendu li nkunu fiċ-ċentru u nistennew biss li tintagħmel ir-rieda tagħna. Jekk nagħmlu hekk, f’kollox nibdew nitilfu l-paċenzja, kollox iwassalna biex nirreaġixxu b’aggressività. Jekk ma nrawmux fina spirtu ta’ sabar, dejjem ħa nsibu xi skuża biex inwieġbu bir-rabja, u fl-aħħar insiru persuni li ma jafux jgħixu ma’ persuni oħra, bnedmin antisoċjali bla ħakma fuq is-sentimenti spontanji tagħna, u l-familja tinbidel f’kamp tal-battalja. Għalhekk li l-Kelma ta’ Alla teżortana: “Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor (Efes 4:31). Dan is-sabar jissaħħaħ fija meta nagħraf li anki l-ieħor għandu d-dritt li jgħix fuq din l-art miegħi, hekk kif inhu. Ma jimpurtax jekk qed jagħtini fastidju, jekk ħa jibdel il-pjanijiet tiegħi, jekk idejjaqni bil-karattru tiegħu u bl-ideat tiegħu, jekk mhux għalkollox kif kont nistenna. L-imħabba dejjem iġġib ruħha b’sens qawwi ta’ mogħdrija, li jwassalni biex nilqa’ lill-ieħor bħala parti minn din id-dinja, anki meta jġib ruħu b’mod differenti minn dak li xtaqt jien.

 

Imġiba tajba

93. Imiss il-kelma chresteuetai, li hija unika fil-Bibbja kollha, ġejja minn chrestos (persuna twajba, li turi t-tjieba tagħha fl-għemil). Imma, meta tqis il-post fejn qiegħda l-kelma, f’paralleliżmu strett mal-verb ta’ qabel, issir kumplimentari għalih. Hekk Pawlu jixtieq jurina ċar li s-“sabar” imniżżel fl-ewwel post mhux imġiba għalkollox passiva, imma waħda li hi msieħba minn attività, minn reazzjoni dinamika u kreattiva fil-konfront tal-oħrajn. Juri li l-imħabba tagħmel il-ġid lill-oħrajn u tara kif terfagħhom. Għalhekk issir “tjieba”.

 

94. Jekk inħarsu lejn it-test bħala ħaġa sħiħa naraw kif Pawlu jixtieq jagħfas fuq il-fatt li l-imħabba mhix biss sentiment, imma għandna nifhmuha fis-sens li għandu l-verb “tħobb” fil-Lhudi, jiġifieri: “tagħmel il-ġid”. Kif kien jgħid Sant’Injazju ta’ Loyola, “l-imħabba għandha tikkonsisti iżjed fl-għemil milli fil-kliem”.[106] Hekk tista’ turi tassew kemm hi għammiela, u tħallina nduqu l-ferħ f’li nagħtu, kemm hi ħaġa nobbli u kbira li ningħataw għall-oħrajn b’mod kotran, bla ma noqogħdu nkejlu, bla ma nistennew ħlas lura, sempliċement għall-gost li nagħtu u li naqdu.

 

Infiqu mill-għira

95. Għalhekk, bil-maqlub tal-imħabba, għandna rifjut ta’ mġiba mfissra bit-terminu zelos (ġelosija jew għira). Dan ifisser li fl-imħabba m’hemmx lok li wieħed jisgħobbih minħabba fil-ġid tal-ieħor (ara Atti 7:9; 17:5). L-għira hi meta wieħed jagħmel id-dwejjaq minħabba fil-ġid ta’ ħaddieħor u dan juri li ma jinteressaniex mill-ferħ tal-oħrajn, għax ħsiebna biss fil-ġid tagħna nfusna. Waqt li l-imħabba tridna noħorġu minna nfusna, l-għira twassalna biex noqogħdu nduru mal-jien tagħna. L-imħabba vera tapprezza s-suċċessi tal-oħrajn, ma tħosshomx bħala theddida, u tara kif tinħeles mit-togħma morra tal-għira. Taċċetta l-fatt li kull wieħed u waħda għandu doni u toroq differenti fil-ħajja. Għalhekk tħabrek biex issib it-triq tagħha ħalli tkun hienja, u tħalli lill-oħrajn isibu tagħhom.

 

96. Bla dubju ta’ xejn hawn qed nitkellmu fuq it-twettiq tal-aħħar żewġ kmandamenti tal-Liġi ta’ Alla: “La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta’ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kulma għandu għajrek” (20:17). L-imħabba twassalna għal apprezzament sinċier ta’ kull bniedem, waqt li nagħrfu d-dritt tiegħu jew tagħha li jkun kuntent. Inħobbha lil dik il-persuna, inħares lejha bil-ħarsa ta’ Alla l-Missier, li kollox jagħtina “biex ingawdu bih” (1 Tim 6:17), u għalhekk ġo fija naċċetta li tista’ tkun għaddejja minn żmien tajjeb. Dan l-istess għerq tal-imħabba dejjem iwassalni biex nirrifjuta dik l-inġustizzja li xi wħud għandhom ħafna u oħrajn m’għandhom xejn, jew jimbuttani biex nara li dawk li huma mormija mis-soċjetà jaslu biex iduqu xi ftit tal-ferħ. Għax dan mhuwiex għira, imma xewqa li kulħadd ikun indaqs.

 

Bla ma tintefaħ jew titkabbar

97. Imiss l-espressjoni perpereuetai, li tindika l-vanaglorja, meta wieħed moħħu biex juri li hu superjuri biex jimpressjona lill-oħrajn bi mġiba ta’ min jaħseb li jaf kollox u hi pjuttost aggressiva. Min iħobb, mhux biss joqgħod lura milli jpaċpaċ iżżejjed fuqu nnifsu, imma fuq kollox, billi hu interessat fl-oħrajn, jaf fejn hu postu, bla ma jippretendi li jkun hu fiċ-ċentru. Il-kelma l-oħra – physioutai – tixxiebah ħafna, għax tindika li l-imħabba mhix arroganti. Litteralment tesprimi l-fatt li wieħed ma “jitkabbarx” quddiem l-oħrajn, u tiftħilna għajnejna għal xi ħaġa iżjed sottili: mhux biss ossessjoni biex nuru l-ħiliet tagħna, imma ħaġa li tnessina wkoll is-sens tar-realtà. Naħsbu li aħna ikbar milli fil-fatt aħna għax naħsbu li aħna iżjed “spiritwali” jew “għorrief”. Pawlu jinqeda b’dan il-verb fi bnadi oħra, ngħidu aħna biex jgħid li “l-għerf jonfoħna, l-imħabba tibnina” (1 Kor 8:1). Irid jgħid li, xi wħud jaħsbu li huma kbar għax jafu iżjed mill-oħrajn, u jqattgħu l-ħin jippretendu minnhom u jikkontrollawhom, meta fir-realtà dak li jagħmilna kbar hi l-imħabba li tifhem, tieħu ħsieb, u twieżen lid-dgħajjef. F’vers ieħor qasir juża dan il-verb biex jikkritika lil dawk li “jintefħu bil-kburija” (ara 1 Kor 4:18), imma fir-realtà iktar għandhom tlablib milli l-vera “qawwa” tal-Ispirtu (ara 1 Kor 4:19).

 

98. Importanti li l-Insara jgħixu dan l-atteġġjament fil-mod kif jimxu mal-familjari tagħhom li ftit huma ffurmati fil-fidi, dgħajfa jew inqas żguri fil-konvinzjonijiet tagħhom. Kultant jiġri bil-maqlub: dawk li, fil-qasam tal-familja tagħhom, aktarx li l-aktar li kibru, isiru arroganti u ma tissaportihomx. L-atteġġjament tal-umiltà hawn jidher bħala xi ħaġa li hi parti mill-imħabba, għax biex tista’ tifhem, tiskuża u taqdi lill-oħrajn mill-qalb, hu indispensabbli tfiq mill-kburija u tgħożż l-umiltà. Ġesù fakkar lid-dixxipli tiegħu li fid-dinja tal-poter kulħadd ifittex kif ħa jaħkem fuq l-ieħor, u għalhekk jgħidilhom: “Fostkom ma għandux ikun hekk” (Mt 20:26). Il-loġika tal-imħabba Nisranija mhijiex dik ta’ min iħossu superjuri fuq l-oħrajn u għandu bżonn jurihom il-poter tiegħu, imma dik li biha “min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom” (Mt 20:27). Fil-ħajja tal-familja ma tistax issaltan il-loġika ta’ min jaħkem fuq l-oħrajn, jew il-kompetizzjoni biex naraw min hu l-aktar intelliġenti jew b’saħħtu, għax din il-loġika xxejjen l-imħabba. Għall-familja wkoll jgħodd dan il-parir: “Ilbsu l-umiltà ma’ xulxin, għax Alla jeqfilhom lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja” (1 Pt 5:5).

 

Ma tagħmilx dak li mhux xieraq

99. Li nħobbu jfisser ukoll li mħabbitna tagħmel dak li hu xieraq, u hawn issib is-sens tagħha l-espressjoni aschemonei. Trid turi li l-imħabba mhix goffa, ma ġġibx ruħha ħażin, m’għandhiex manjieri ħorox. Imġibitha, kliemha, il-ġesti tagħha, jintgħoġbu u mhumiex qarsa jew ibsin. Ma tiħux gost iġġagħal lil oħrajn ibatu. Il-kortesija hi “skola ta’ sensibbiltà u ġenerożità” li titlob mill-persuna li “tieħu ħsieb tal-menti u s-sensi tagħha, li titgħallem tisma’, titkellem u f’ċerti mumenti tiskot”.[107] Li jimxi bi mħabba ħelwa mhux stil li Nisrani jista’ jagħżel jew ma jagħżilx: hi parti mill-esiġenzi essenzjali tal-imħabba, għalhekk “kull bniedem għandu jimxi bi ħlewwa u tjieba ma’ ta’ madwaru”.[108] Ta’ kuljum, “meta niġu biex nidħlu fil-ħajja tal-persuna l-oħra, anki meta din tagħmel parti minn ħajjitna, dan jitlob id-delikatezza ta’ mġiba li mhix invażiva, li ġġedded il-fiduċja u r-rispett. […] U l-imħabba, iżjed ma hi intima u profonda, wisq iżjed tesiġi r-rispett tal-libertà u l-ħila li wieħed jistenna li l-ieħor jiftaħlu l-bieb ta’ qalbu.[109]

 

100. Biex inkunu lesti għal laqgħa vera mal-ieħor, hemm bżonn ta’ dik il-ħarsa ta’ mħabba li tistrieħ fuqu. Dan mhux possibbli fejn hemm isaltan pessimiżmu li iktar jiffoka fuq id-difetti u l-iżbalji ta’ ħaddieħor, forsi biex jagħmel tajjeb għal dak li hemm nieqes fih. Ħarsa ta’ mħabba ma tħalliniex nieqfu żżejjed fuq il-limiti tal-ieħor, u hekk nistgħu naċċettawh kif inhu u nixxierku fi proġett komuni, anki jekk aħna differenti. L-imħabba li timxi bi ħlewwa tnissel rabtiet, tgħożż l-għaqda, toħloq xbieki ġodda ta’ integrazzjoni, issejjes struttura soċjali b’saħħitha. Hekk tkun tipproteġi lilha nfisha, għax mingħajr sens ta’ appartenenza ma nistgħux ningħataw tassew għall-oħrajn, kulħadd jispiċċa jfittex biss x’jaqbel lilu, u li ngħixu flimkien issir ħaġa impossibbli. Persuna antisoċjali taħseb li l-oħrajn qegħdin hemm biex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħha, u li meta jagħmlu dan ikunu sempliċement qed iwettqu dmirhom. Għalhekk m’hemmx spazju għal din il-ħlewwa tal-imħabba u tal-lingwaġġ tagħha. Min iħobb, jaf ilissen kelmiet ta’ inkuraġġiment, li jfarrġu, li jqawwu, li jikkunslaw, li jħeġġu. Naraw, ngħidu aħna, xi kelmiet li Ġesù kien jgħid lill-oħrajn: “Agħmel il-qalb, ibni!” (Mt 9:2). “Il-fidi tiegħek kbira!” (Mt 15:28). “Qum! (Mk 5:41). “Mur bis-sliem” (Lq 7:50). “Tibżgħu xejn!” (Mt 14:27). Mhumiex kelmiet li jumiljaw, li jnikktu, li jdejqu, li jmaqdru. Fil-familja hemm bżonn nitgħallmu dan il-lingwaġġ ta’ mħabba ħelwa li kellu Ġesù.

 

Distakk ġeneruż

101. Għidna bosta drabi li biex inħobbu lill-oħrajn, l-ewwel irridu nħobbu lilna nfusna. Madankollu, dan l-innu tal-imħabba jafferma li l-imħabba “ma tfittixx dak li hu tagħha”, “ma tfittixx l-interessi tagħha”. Din l-espressjoni tintuża wkoll f’test ieħor: “Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor” (Fil 2:4). Quddiem stqarrija hekk ċara tal-Iskrittura, irridu nevitaw li nagħtu prijorità lill-imħabba tagħna nfusna bħallikieku kienet aqwa mid-don tagħna nfusna lill-oħrajn. Ċerta prijorità tal-imħabba tagħna nfusna tista’ tinftiehem biss bħala kundizzjoni psikoloġika, għax min mhux kapaċi jħobb lilu nnifsu jsibha bi tqila biex iħobb lill-oħrajn: “Min hu rgħib miegħu nnifsu, ma’ min se jġib ruħu tajjeb? […] M’hemmx agħar mir-rgħib miegħu nnifsu” (Sir 14:5-6).

 

102. Imma l-istess Tumas ta’ Aquino fissrilna li “l-imħabba iktar tfittex li tħobb milli li tiġi maħbuba”[110] u li, fil-verità, “l-ommijiet, li huma dawk li jħobbu l-aktar, iżjed ifittxu li jħobbu milli li jiġu maħbuba”.[111] Għalhekk l-imħabba taf kif tmur lil hemm mill-ġustizzja u tingħata kollha kemm hi b’xejn, “bla ma tistenna xi ħaġa lura (Lq 6:35), sa ma tilħaq l-ogħla mħabba, li hi ta’ min “jagħti ħajtu” għall-oħrajn (Ġw 15:13). Għadha possibbli din il-ġenerożità li biha nkunu lesti li nagħtu b’xejn, u li nagħtu sal-aħħar? Żgur li hi possibbli, għax dan hu li jitlob minna l-Evanġelju: “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10:8).

 

Bla vjolenza interjuri

103. Jekk l-ewwel espressjoni tal-innu stednitna nistabru biex nevitaw li nirreaġixxu bla ħsieb ta’ xejn quddiem id-dgħufijiet jew l-iżbalji tal-oħrajn, issa titfaċċa kelma oħra paroxynetai  li tirreferi għal azzjoni ġewwiena ta’ korla mqanqla minn xi ħaġa ġejja minn barra. Hi vjolenza interna, xi ħaġa li qed iddejjaqna minn ġewwa u ma nuruhiex imma li tpoġġina fuq id-difensiva quddiem l-oħrajn, bħallikieku kienu għedewwa li ma jinżlulniex u rridu naħarbuhom. Li nkebbsu din l-aggressività ġo fina ma jiswa għal xejn. Iktar ħa tmarradna u tispiċċa taqtagħna mill-oħrajn. Il-korla hi ħaġa tajba biss meta twassalna biex nirreaġixxu quddiem inġustizzja kbira, imma tagħmel ħafna ħsara meta tipprova tinfluwenza l-imġiba kollha tagħna mal-oħrajn.

 

104. L-Evanġelju pjuttost jistedinna nħarsu lejn it-travu li hemm f’għajnejna (ara Mt 7:5), u bħala Nsara ma nistgħux ninjoraw l-istedina kontinwa tal-Kelma ta’ Alla biex ma nkebbsux fina l-korla: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21). Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid (Gal 6:9). Hemm differenza bejn li tħoss il-qawwa tal-aggressività trid tiżbroffa ġo fik, u li taqa’ għaliha u tħalliha ssir atteġġjament permanenti f’ħajtek: “Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom” (Efes 4:26). Għalhekk, m’għandna qatt nagħlqu l-ġurnata bla ma nagħmlu l-paċi fil-familja. “U kif nagħmel paċi? Ninżel għarkupptejja? Le! Ġest wieħed żgħir biżżejjed, ħaġa żgħira u terġa’ lura l-armonija fil-familja. Biżżejjed żegħila, bla kliem xejn. Imma qatt tispiċċa l-ġurnata fil-familja bla ma tagħmel paċi”.[112] Ir-reazzjoni ġewwenija quddiem xi ħadd li jdejqek għandha qabelxejn tkun li tbierku f’qalbek, tixtieq il-ġid tal-ieħor, titlob lil Alla jeħilsu u jfejqu: “Wieġbu bil-barka tagħkom, għax għal dan intom kontu msejħa, biex tkunu werrieta tal-barka ta’ Alla” (1 Pt 3:9). Jekk irridu nitqabdu kontra l-ħażin, ħa nitqabdu, imma ngħidu dejjem “le” għall-vjolenza interjuri.

 

Maħfra

105. Jekk inħallu sentiment ħażin jidħol ġo fina, inkunu nagħtu spazju għal dik il-korla li tbejjet fil-qalb. Il-frażi logizetai to kakon tfisser “iżomm f’qalbu għad-deni”, “iżommha fil-komma”, jiġifieri, jinkorla. Bil-maqlub hi l-maħfra, maħfra msejsa fuq imġiba pożittiva, li tipprova tifhem id-dgħufija ta’ ħaddieħor u tfittex kif tiskuża lill-persuna l-oħra, bħal Ġesù li qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Imma t-tendenza spiss hi dik li nfittxu dejjem iżjed il-ħtija f’ħaddieħor, li nistħajlu dejjem iżjed ħażen, li nissupponu kull xorta ta’ intenzjonijiet ħżiena, u hekk ir-rabja tikber u tbejjet. B’dan il-mod, kull żball jew waqgħa tal-parti l-oħra tista’ tkun ta’ ħsara għar-rabta ta’ mħabba u l-istabbiltà tal-familja. Il-problema hi li xi kultant kull ħaġa nqisuha bl-istess gravità, bir-riskju li nsiru kiefra ma’ ħaddieħor għal kull żball tiegħu jew tagħha. Biex inħarsu d-drittijiet tagħna kif ġustament għandna nagħmlu, nispiċċaw nuru għatx persistenti u kostanti għall-vendetta, flok infittxu li nħarsu b’mod san id-dinjità tagħna.

 

106. Meta xi ħadd offendiena jew naqasna, il-maħfra hi possibbli u mixtieqa, imma ħadd mhu jgħid li hi ħafifa. Il-verità hi li “l-għaqda fil-familja tista’ tinżamm u titjieb biss jekk ikun hemm spirtu kbir ta’ ċaħda u ta’ sagrifiċċju. Titlob li kulħadd u kull wieħed ikun dejjem lest biex, bil-ġenerożità kollha, jifhem, jagħder, jaħfer, jiftiehem u jitħabbeb. M’hemmx familja li ma tafx kemm l-egoiżmu, it-tilwim, l-inkwiet, il-ġlied jaħbtu bl-ikrah għall-għaqda tal-familja u xi kultant, jeqirduha: u minn hawn jiġu ħafna suriet ta’ firda fil-ħajja tal-familji”.[113]

 

107. Illum nafu li biex tista’ taħfer trid tgħaddi mill-esperjenza ħelliesa li tifhem u taħfer lilek innifsek. Kemm drabi l-iżbalji tagħna, jew il-ħarsa kritika tal-persuna li nħobbu, wassluna biex tlifna l-imħabba tagħna nfusna. Dan fl-aħħar mill-aħħar iwassalna biex inżommu lura milli nidħlu f’relazzjonijiet mal-oħrajn, naħarbu mill-imħabba, u nimtlew bil-biża’ fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Għalhekk, donna nistrieħu meta nixħtu l-ħtija fuq l-oħrajn, imma nkunu nitqarrqu. Jeħtieġ nitolbu fuq l-istorja tagħna, naċċettaw lilna nfusna, nagħrfu ngħixu bil-limiti tagħna, u anki naħfru lilna nfusna, biex hekk nistgħu nimxu b’din l-istess imġiba mal-oħrajn.

 

108. Imma qabel, dan jitlob l-esperjenza li niġu maħfura minn Alla, iġġustifikati b’xejn u mingħajr ebda mertu tagħna. Ġejna milħuqa mill-imħabba qabel biss għamilna xi ħaġa, u din toffrilna dejjem opportunità ġdida, timbuttana u tistimulana. Jekk naċċettaw li l-imħabba ta’ Alla hi bla kundizzjonijiet, li l-għożża li għandu l-Missier għalina la tinxtara u lanqas tħallas għaliha, allura nkunu nistgħu nħobbu lil hemm minn kull ħaġa, naħfru lill-oħrajn imqar meta kienu inġusti magħna. Jekk ma nagħmlux hekk, ħajjitna fil-familja tieqaf tkun imkien ta’ ftehim, tisħib u stimolu, u ssir spazju ta’ tensjoni permanenti u fejn il-ħin kollu nikkastigaw lil xulxin.

 

Nifirħu mal-oħrajn

109. L-espressjoni chairei epi te adikia tindika xi ħaġa negattiva li hemm mistura fil-qalb tal-bniedem. Hu l-atteġġjament velenuż ta’ min jifraħ bl-inġustizzja fuq xi ħadd. Il-frażi tkun kompluta b’dik li tiġi warajha, li tesprimi ruħha b’mod pożittiv: synchairei te aletheia: tifraħ bil-verità. Jiġifieri, tithenna għall-ġid tal-ieħor, meta tiġi magħrufa d-dinjità tiegħu, meta jiġu apprezzati l-ħiliet u l-għemejjel tajba tiegħu. Dan mhux possibbli għal min dejjem irid joqgħod iqabbel lilu nnifsu mal-oħrajn u jikkompeti, anki ma’ żewġu jew martu, sal-punt li jispiċċa jifraħ bil-moħbi għall-fallimenti tiegħu jew tagħha.

 

110. Meta persuna li tħobb tista’ tagħmel il-ġid lil ħaddieħor, jew meta tara li l-ieħor sejjer tajjeb, dan tgħixu bil-ferħ u hekk tkun tagħti glorja lil Alla, għax “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7), Alla tagħna japprezza b’mod speċjali lil min jifraħ bil-ferħ ta’ ħaddieħor. Jekk ma naħdmux biex insiru iżjed kapaċi nieħdu gost bil-ferħ tal-ieħor imma nikkonċentraw fuq kollox fuq x’għandna bżonn aħna, inkunu nikkundannaw lilna nfusna biex ngħixu bi ftit ferħ, ladarba, kif qalilna Ġesù, “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu!” (Atti 20:35). Il-familja għandha tkun dejjem il-post fejn kull min jagħmel xi ħaġa tajba fil-ħajja, jaf li hemm se niċċelebrawha flimkien miegħu.

 

Kollox tagħder

111. Il-lista tagħlaq b’erba’ espressjonijiet li jitkellmu dwar is-sħiħ: “kollox”. Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. Hekk, tagħfas bil-qawwa kollha fuq id-dinamiżmu kontrokulturali tal-imħabba, li kapaċi jseffaq wiċċu ma’ kull ħaġa li tista’ theddu.

 

112. Qabelxejn insibu affermat li “kollox tagħder” (panta stegei). Din hi differenti minn “ma żżommx f’qalbha għad-deni”, għax dan it-terminu għandu x’jaqsam mal-użu tal-ilsien; jista’ jfisser “inżommu siekta” dwar in-negattiv li jista’ jkun hemm fil-persuna l-oħra. Jimplika li nillimitaw il-ġudizzju tagħna, irrażżnu l-inklinazzjoni tagħna li nikkundannaw b’mod iebes u bla ħniena. “Tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati” (Lq 6:37). Anki jekk taf li qed teħodha kontra kif aħna mdorrijin inħaddmu lsienna, il-Kelma ta’ Alla titlobna: “Toqogħdux tqassu fuq xulxin, ħuti” (Ġak 4:11). Meta noqogħdu nagħmlu l-ħsara lill-immaġni tal-persuna l-oħra, dan ikun mod kif nippruvaw insaħħu dik tagħna, biex niżvogaw l-għadab u l-għira tagħna bla ma nagħtu kas tal-ħsara li nkunu qed nagħmlu. Ħafna drabi ninsew li l-malafama tista’ tkun dnub kbir, offiża serja kontra Alla, meta tolqot gravament il-fama tajba tal-oħrajn u tikkawżalhom ħsara li diffiċli ħafna tissewwa. Għalhekk il-Kelma ta’ Alla hi hekk iebsa mal-ilsien, u ssejjaħlu “dinja ta’ ħażen” li “jniġġes il-ġisem kollu u jkebbes ir-ritmu tal-ħajja” (Ġak 3:6), “kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt” (Ġak 3:8). Jekk “bih nisħtu lill-bnedmin xbieha ta’ Alla (Ġak 3:9), min-naħa l-oħra l-imħabba tieħu ħsieb tal-immaġni tal-oħrajn, bi ħlewwa li twassalna biex saħansitra nħarsu l-fama tajba tal-għedewwa tagħna. Aħna u niddefendu l-liġi divina m’għandna qatt ninsew din l-esiġenza tal-imħabba.

 

113. Il-miżżewġin iħobbu lil xulxin u huma ta’ xulxin, jitkellmu tajjeb wieħed fuq l-ieħor, ifittxu li juru n-naħa t-tajba tal-parti l-oħra lil hemm mid-dgħufijiet u l-iżbalji tagħha. Hu x’inhu, iżommu siekta biex ma jagħmlux ħsara lill-immaġni tagħha. Imma dan mhuwiex biss ġest estern, imma ġej minn imġiba minn ġewwa. U mhux lanqas l-inġenwità ta’ min jippretendi li mhux jara d-diffikultajiet u l-punti dgħajfa tal-ieħor, imma hi l-ħarsa wiesgħa ta’ min iqiegħed dawk id-dgħufijiet u dawk l-iżbalji fil-kuntest proprju tagħhom; jiftakar li dawn id-difetti huma biss parti, mhumiex l-essri sħiħ tal-persuna l-oħra. Fatt mhux pjaċevoli fir-relazzjoni mhuwiex ir-relazzjoni kollha kemm hi. Għalhekk nistgħu naċċettaw b’sempliċità li lkoll aħna taħlita kumplessa ta’ dwal u dellijiet. L-ieħor mhuwiex biss dak li jagħtini fastidju. Hu wisq iżjed minn hekk. Għall-istess raġuni, biex napprezzah, ma nistax nippretendi li mħabbtu tkun perfetta. Iħobbni kif inhu u kif jista’, bil-limiti tiegħu, imma l-fatt li mħabbtu hi imperfetta ma jfissirx li hi falza jew li mhix vera. Hi vera, imma limitata u ta’ din l-art. Għalhekk, jekk qed nippretendi ħafna, b’xi mod ħa jurini, ladarba la jista’ jaċċetta li jilgħab ir-rwol ta’ xi essri divin u lanqas li joqgħod għal kulma rrid jien. L-imħabba kapaċi tgħix id f’id mal-imperfezzjoni, mal-iskuża, u żżomm siekta quddiem il-limiti tal-persuna maħbuba.

 

Fiduċjuża

114. Panta pisteuei: “kollox temmen”. F’dan il-kuntest, ma rridux nifhmu din il-“fidi” f’sens teoloġiku, imma f’dak li aħna nifhmu b’“fiduċja”. Mhux biss li ma tissuspettax li l-ieħor qed jigdeb jew iqarraq. Din il-fiduċja fundamentalment tagħraf dak id-dawl imkebbes minn Alla u mistur wara d-dalma, jew il-ġamar għadu jaqbad taħt l-irmied.

 

115. Din l-istess fiduċja tagħmel possibbli relazzjoni ta’ libertà. M’hemmx bżonn nikkontrollaw lill-ieħor, li noqogħdu nsegwu kull pass tiegħu, biex nevitaw li jaħarbilna minn taħt idejna. L-imħabba tafda, tħalli fil-libertà, ma tridx tikkontrolla kollox, tippossedi, taħkem taħtha. Din il-libertà, li tagħmel wisa’ għal spazji ta’ awtonomija, ta’ ftuħ għad-dinja u esperjenzi ġodda, tħalli lir-relazzjoni tistagħna u ma ssirx għeluq bla xefaq. B’dan il-mod il-miżżewġin jerġgħu jsibu f’xulxin ħajja ta’ ferħ li fiha jaqsmu dak li rċivew u tgħallmu anki barra miċ-ċirku tal-familja. Fl-istess waqt dan jagħmel possibbli s-sinċerità u t-trasparenza, għax meta wieħed jaf li l-oħrajn jafdaw fih u japprezzaw it-tjieba li hemm fil-qiegħ tal-qalb tiegħu, allura jkun jista’ juri ruħu bħala dak li hu, bla ħabi. Wieħed li jaf li dejjem jissuspettaw fih, li ħa jiġġudikawh bla ħniena, li ma jħobbuhx mingħajr kundizzjonijiet, jippreferi jżomm is-sigrieti tiegħu għalih, jaħbi l-waqgħat u d-dgħufijiet tiegħu, jagħmel tabirruħu hu dak li mhux. Bil-maqlub, f’familja fejn issaltan fiduċja soda u kollha mħabba, fejn il-membri dejjem jafdaw f’xulxin minkejja kollox, huma jistgħu jikxfu l-identità vera tagħhom u dlonk jirrifjutaw l-ingann, il-qerq u l-gideb.

 

Tittama

116Panta elpizei: ma taqtax jiesha mill-futur. F’rabta mal-kelma ta’ qabel, din tindika t-tama ta’ min jaf li l-ieħor jista’ jinbidel. Dejjem tittama li possibbli li wieħed jimmatura, li hemm ġmiel li jaf iwarrad b’mod mhux mistenni, li l-potenzjal l-iżjed moħbi tal-essri tiegħu jum wieħed għad jagħti l-frott tiegħu. Dan jimplika li ċerti ħwejjeġ ma jseħħux kif wieħed jixtieqhom, imma li forsi Alla jikteb dritt fuq il-linji mgħawġa ta’ dik il-persuna u joħroġ xi ġid mill-ħażen li hi ma jirnexxilhiex tegħleb f’din id-dinja.

 

117. Hawn tidher it-tama fis-sens sħiħ tagħha, għax fiha ċ-ċertezza ta’ ħajja lil hemm mill-mewt. Dik il-persuna, bid-dgħufijiet kollha tagħha, hi msejħa għall-milja tas-Sema. Hemm, mibdula għalkollox mill-qawmien ta’ Kristu, ma jibqgħux iżjed id-dgħufijiet tagħha, id-dlamijiet u t-tbatijiet tagħha. Hemm l-essri awtentiku ta’ dik il-persuna jilma bil-qawwa kollha li għandu għat-tajjeb u l-ġmiel. Qalb dak kollu li jdejjaqna fuq din l-art, dan jippermettilna wkoll li nikkontemplaw dik il-persuna b’ħarsa sopranaturali, fid-dawl tat-tama, u nistennew dik il-milja li jum wieħed għad tirċievi fis-Saltna tas-Sema, imqar jekk bħalissa din ma tidhirx.

 

Kollox tissaporti

118Panta hypomenei tfisser li bi spirtu pożittiv iġġerraħ il-kuntrarju kollu. Tfisser li nżommu sħaħ f’nofs ambjent ostili. Mhux biss li nissaportu xi ħwejjeġ li jdejquna, imma hi xi ħaġa usa’: reżistenza dinamika u kostanti, li kapaċi tegħleb kull sfida. Hi mħabba minkejja kollox, anki meta l-kuntest kollu jkun jistieden għal xi ħaġa oħra. Turi doża ta’ eroiżmu qalbieni u determinat, ta’ qawwa kontra kull kurrent negattiv, għażla favur it-tajjeb li ħadd u xejn ma jista’ jreġġa’ lura. Dan ifakkarna fi kliem Martin Luther King, meta tenna l-għażla tiegħu b’riżq l-imħabba bejn l-aħwa anki qalb l-agħar persekuzzjonijiet u umiljazzjonijiet: “Il-persuna li tobogħdok l-aktar, għandha xi ħaġa tajba ġo fiha; u anki n-nazzjon li jobgħod l-aktar, għandu xi ħaġa tajba fih; anki r-razza li tobgħod l-iktar, għandha xi ħaġa tajba fiha. U meta tasal biex tħares lejn il-wiċċ ta’ kull bniedem u tilmaħ sew fih dak li r-reliġjon issejjaħ ‘xbieha ta’ Alla’, tibda tħobbu minkejja kollox. Ma jimpurtax x’jagħmel, int tara fih ix-xbieha ta’ Alla. Hemm element ta’ tjieba li qatt ma tista’ teħles minnu […]. Mod ieħor kif tħobb lill-għadu tiegħek hu dan: meta tiġik l-opportunità li tegħleb lill-għadu tiegħek, dak hu l-mument li fih għandek tiddeċiedi li dan ma tagħmlux […]. Meta togħla ’l fuq għal-livell tal-imħabba, tal-ġmiel u s-setgħa kbira tagħha, l-unika ħaġa li tibqa’ tfittex li tegħleb ikunu s-sistemi tal-ħażen. Ħobbhom lill-persuni li huma maqbuda bħal f’nassa minn dik is-sistema, imma fittex li tkisser dik is-sistema […]. Mibegħda għal mibegħda iktar ħa żżid l-eżistenza tal-mibegħda u tal-ħażen fl-univers. Jekk jien inweġġgħek u int tweġġagħni, u jien nagħtik daqqa lura u int tagħtini oħra lura, u nibqgħu sejrin hekk, hu ċar li sa nibqgħu sejrin hekk għal dejjem. Sempliċement ma tieqaf qatt. Xi mkien, xi ħadd irid ikollu biżżejjed sens, u dik tkun il-vera persuna b’saħħitha. Il-persuna b’saħħitha hi l-persuna li kapaċi tfarrak il-katina tal-mibegħda, il-katina tal-ħażen […]. Xi ħadd irid ikollu biżżejjed fidi u moralità biex ifarrakha u jixħet fl-istess struttura tal-univers l-element qawwi u setgħan tal-imħabba”.[114]

 

119. Fil-ħajja tal-familja hemm bżonn ngħożżu u nieħdu ħsieb ta’ din il-qawwa tal-imħabba, li biha nistgħu nissaraw kontra l-ħażen li qed jheddidha. L-imħabba ma tħallix jaħkmuha l-korla, l-istmerrija tal-persuna, ix-xewqa li nweġġgħu jew inġagħlu lil xi ħadd ipattiha. L-ideal Nisrani, u b’mod partikulari fil-familja, hu mħabba minkejja kollox. Xi drabi, ngħidu aħna, nammira l-imġiba ta’ persuni li kellhom jisseparaw minn żwieġhom biex jipproteġu ruħhom mill-vjolenza fiżika, u safrattant, minħabba fl-imħabba taż-żwieġ li taf tmur lil hemm mis-sentimenti, kellhom il-ħila jaġixxu għall-ġid tagħhom, imqar jekk permezz ta’ oħrajn, f’mumenti ta’ mard, ta’ tbatija jew ta’ diffikultà. Anki din hi mħabba minkejja kollox.

 

Nikbru fl-imħabba konjugali

120. L-innu ta’ San Pawl, li tajna ħarsa lejh, hu bieb għall-imħabba konjugali. Din hi l-imħabba li torbot flimkien il-miżżewġin,[115] imqaddsa, mogħnija u mdawla mill-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ. Hi “azzjoni affettiva”,[116] spiritwali u sagrifikali, li imma tiġbor fiha l-ħlewwa tal-ħbiberija u l-passjoni erotika, anki jekk hi kapaċi tibqa’ sħiħa mqar meta s-sentimenti u l-passjonijiet ininu. Il-Papa Piju XI għallem li din l-imħabba tinsab fid-dmirijiet kollha tal-ħajja tal-miżżewġin u tħaddan “il-primat tat-tjieba”.[117] Fil-fatt, din l-imħabba hekk qawwija, imsawba mill-Ispirtu s-Santu, hi l-mera tal-Patt li qatt ma jinqered bejn Kristu u l-bnedmin, li jilħaq il-qofol tiegħu fl-għotja sal-aħħar, fuq is-salib: “L-ispirtu li l-Mulej isawwab jagħti qalb ġdida u ħila lir-raġel u l-mara biex iħobbu ’l xulxin bħalma ħabbna Kristu. L-imħabba tal-miżżewġin tilħaq il-milja li n-natura tagħha stess titlob”.[118]

 

121. Iż-żwieġ hu sinjal prezzjuż, għax “meta raġel u mara jiċċelebraw is-sagrament taż-żwieġ, Alla, biex ngħidu hekk, jidher fihom ‘bħal f’mera’, inaqqax fihom il-fattizzi tiegħu u l-karattru ta’ mħabbtu li ma jitħassarx. Iż-żwieġ hu l-ikona tal-imħabba ta’ Alla lejna. Fil-fatt, Alla nnifsu hu komunjoni: it-tliet Persuni tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu jgħixu sa minn dejjem u għal dejjem f’għaqda perfetta bejniethom. U hu proprju dan il-misteru taż-żwieġ: miż-żewġ għarajjes miżżewġa Alla jagħmel ħajja waħda”.[119] Dan għandu konsegwenzi konkreti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum, għax il-miżżewġin, “grazzi għas-Sagrament […] jitlibbsu b’missjoni vera u proprja, biex, ibda mill-ħwejjeġ l-aktar sempliċi u ordinarji, jistgħu jagħmlu viżibbli l-imħabba li biha Kristu jħobb lill-Knisja tiegħu, u jissokta jagħti ħajtu għaliha, fil-fedeltà u l-qadi”.[120]

 

122. Madankollu, mhux sew inħalltu ma’ xulxin livelli differenti: ma nistgħux ngħabbu żewġ persuni limitati bil-piż kbir li jirriproduċu b’mod perfett l-għaqda li teżisti bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, għax iż-żwieġ bħala sinjal jimplika “proċess dejjem sejjer ’il quddiem li jfittex idaħħal bil-mod il-mod fil-ħajja personali u soċjali kollha kemm hi tal-bniedem kulma jagħti Alla”.[121]

 

F’komunjoni waħda tul ħajjitna kollha

123. Wara l-imħabba li tgħaqqadna ma’ Alla, l-imħabba fiż-żwieġ hi “l-ikbar ħbiberija”.[122] Hi għaqda li fiha l-karatteristiċi kollha ta’ ħbiberija vera: tfittex il-ġid tal-persuna l-oħra, hi reċiproka, intima, ħelwa, stabbli, u fiha hemm xebh bejn il-ħbieb li jissoktaw jibnu flimkien bil-ħajja li jaqsmu ma’ xulxin. Imma ż-żwieġ iżid ma’ dan kollu esklussività indissolubbli, li l-miżżewġin jesprimu fil-proġett stabbli li huma jaqsmu u jibnu flimkien għal ħajjithom kollha. Ejja nkunu sinċieri u naqraw is-sinjali tar-realtà: min hu nnamrat ma jippjanax li din ir-relazzjoni tkun biss għal perjodu ta’ żmien, min jgħix intensament il-ferħ taż-żwieġ ma jkunx qed jaħseb f’xi ħaġa li tgħaddi wara ftit żmien; dawk li jsieħbu ċ-ċelebrazzjoni ta’ għaqda mimlija mħabba, anki jekk dgħajfa, jittamaw li tista’ ttul fiż-żmien; l-ulied mhux biss jixtiequ li l-ġenituri tagħhom jinħabbu, imma anki li jkunu fidili u jibqgħu dejjem magħquda. Dawn u sinjali oħra juru li fl-istess natura tal-imħabba tal-miżżewġin hemm il-ftuħ għal dak li jibqa’ għal dejjem. L-għaqda li tiġi konkretizzata fil-wegħda taż-żwieġ għal dejjem, hi iżjed minn formalità soċjali jew tradizzjoni, għax għandha għeruqha fl-inklinazzjonijiet spontanji tal-persuna umana; għal min jemmen, hi patt quddiem Alla li jesiġi fedeltà: “Bejnek u bejn il-mara ta’ żgħożitek hemm xhud il-Mulej; u int qarraqt biha, għad li hi s-sieħba tiegħek u l-mara li magħha ntrabatt: […] Qisu li ħadd ma jqarraq bil-mara ta żgħożitu. Għax jiena d-divorzju nobogħdu (Mal 2:14,15,16).

 

124. Imħabba dgħajfa u marida, li mhix kapaċi taċċetta ż-żwieġ bħala sfida li titlob li wieħed jitqabad, jitwieled mill-ġdid, jiġġedded u sal-mewt jibqa’ jerġa’ jibda dejjem mill-ġdid, mhix kapaċi tidħol għal impenn fuq livell hekk għoli. Iċċedi għall-kultura tal-proviżorju, li ma tħallix lil dak li jkun jibqa’ jikber pass wara l-ieħor. Imma “l-wegħda ta’ mħabba li tkun għal dejjem hi possibbli meta wieħed jikxef pjan akbar mill-proġetti tiegħu, li jsostnina u jħallina nagħtu l-ġejjieni kollu lill-persuna maħbuba”.[123] Biex din l-imħabba tista’ tgħaddi mill-provi kollha u minkejja kollox tibqa’ fidila, hemm bżonn tad-don tal-grazzja li ssaħħaħha u tgħolliha. Kif kien jgħid San Robertu Bellarmino, “il-fatt li mara u raġel jingħaqdu f’rabta esklussiva u li ma tinħallx, hekk li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, ikunu xi jkunu d-diffikultajiet, u saħansitra meta tkun intilfet it-tama tal-ulied, dan ma jistax iseħħ mingħajr misteru kbir”.[124]

 

125. Barra minn hekk, iż-żwieġ hu ħbiberija li tiġbor l-aspetti proprji tal-passjoni, imma dejjem orjentata lejn għaqda li ftit ftit issir iżjed stabbli u intensa. Għaliex “mhuwiex imwaqqaf biss għall-prokreazzjoni”, imma biex “l-imħabba tal-miżżewġin lejn xulxin ikollha l-manifestazzjonijiet tajba tagħha, tiżviluppa u tilħaq il-maturità tagħha”.[125] Din il-ħbiberija partikulari bejn raġel u mara takkwista karattru li jħaddan kollox, li jingħata biss fl-għaqda bejn il-miżżewġin. Proprju għax tħaddan kollox, din l-għaqda hi wkoll esklussiva, fidila u miftuħa għat-tnissil ta’ ħajja ġdida. Kollox taqsam, inkluża s-sesswalità, dejjem fir-rispett reċiproku. Il-Konċilju Vatikan II dan stqarru meta qal li “mħabba bħal din, li tgħaqqad flimkien valuri divini u umani, twassal il-miżżewġin għall-għotja libera tagħhom infushom lil xulxin, donazzjoni li tidher fis-sentimenti u fil-ġest ta’ mħabba u tmexxi u timla ħajjithom kollha”.[126]

 

Ferħ u ġmiel

126. Fiż-żwieġ, tajjeb li nieħdu ħsieb tal-ferħ tal-imħabba. Meta niffissaw infittxu l-pjaċir, ningħalqu f’rokna waħda biss u ma jirnexxilniex insibu għamliet oħra ta’ sodisfazzjon. Imma l-ferħ iwessgħalna l-ħila li ngawdu u jippermettilna nsibu gost f’firxa ta’ realtajiet, anki fil-fażijiet tal-ħajja fejn il-pjaċir bħal jintefa. Għalhekk San Tumas qal li l-kelma “ferħ” tintuża biex nirriferu għat-twessigħ tal-qalb.[127] Il-ferħ fiż-żwieġ, li jista’ jingħax anki qalb it-tbatija, jimplika li naċċettaw li ż-żwieġ jitlob taħlita ta’ ferħ u taħbit, ta’ tensjoni u serħan, ta’ tbatija u ta’ ħelsien, ta’ sodisfazzjon u ta’ tiftix, ta’ dwejjaq u ta’ pjaċir, dejjem fi ħdan mixja ta’ ħbiberja, li twassal lill-miżżewġin biex jieħdu ħsieb ta’ xulxin: “jgħinu u jaqdu lil xulxin”.[128]

 

127. L-imħabba tal-ħbiberija tissejjaħ “karità” meta tagħraf u tapprezza “l-valur għoli” li għandha l-persuna l-oħra.[129] Il-ġmiel – “il-valur għoli” tal-persuna l-oħra li mhux ekwivalenti għall-ġibdiet fiżiċi jew psikoloġiċi li hemm fiha – iħallina niggustaw il-qdusija tal-persuna l-oħra mingħajr ma bilfors irridu nipposseduha. Fis-soċjetà tal-konsum is-sens estetiku qed jiftaqar u hekk il-ferħ qed jintefa. Kollox jeżisti biex jinxtara, jiġi miksub u kkunsmat; anki l-persuni. Imma l-ħlewwa hi wirja ta’ din l-imħabba meħlusa mix-xewqa ta’ pussess egoistiku. Quddiem il-persuna l-oħra din iġġibna nitriegħdu b’rispett kbir u b’ċertu biża’ li ma mmorrux nagħmlulha l-ħsara jew nisirqulha l-libertà tagħha. L-imħabba għall-persuna l-oħra timplika dan il-gost tal-kontemplazzjoni u l-apprezzament ta’ dak li hu sabiħ u qaddis fl-essri personali tagħha, li jeżisti lil hemm minn dak li għandi bżonn jien. Hekk nista’ nfittex il-ġid tagħha anki meta naf li ma tistax tkun tiegħi jew meta fiżikament ma baqgħetx tagħtini pjaċir, saret aggressiva jew iddejjaqni. Għalhekk, “mill-imħabba li biha persuna togħġob lill-oħra jiddependi l-fatt li tagħtiha xi ħaġa b’xejn”.[130]

 

128. L-esperjenza estetika tal-imħabba tesprimi ruħha f’dik il-ħarsa li tikkontempla lill-persuna l-oħra bħala fini fih innifsu, anki meta hi marida, xiħa jew m’għad hemm xejn fiha li jiġbed is-sensi. Il-ħarsa li tapprezza għandha importanza enormi u n-nuqqas tagħha spiss hi ta’ ħsara. Kemm affarijiet jagħmlu xi drabi l-miżżewġin u l-ulied biex xi ħadd jagħti kashom! Ħafna ġrieħi u kriżijiet jibdew malli ma nibqgħux nikkontemplaw lil xulxin. Dan hu li jesprimu ċerti tgergir u protesti li nisimgħu bihom fil-familji. “Żewġi m’għadux iħares lejja, donni m’iniex hemm għalih”. “Ħu paċenzja, ħares lejja jien u nkellmek”. “Marti m’għadhiex tħares lejja, issa moħħha biss fit-tfal”. “Id-dar ħadd m’għadu jinteressa ruħu fija u lanqas jarawni m’għadhom, qisni ma kontx neżisti”. L-imħabba tiftħilna għajnejna u tħallina naraw, lil hemm minn kollox, xi prezz għoli għandha persuna umana.

 

129. Dan il-ferħ tal-imħabba kontemplattiva rridu nieħdu ħsiebu. Ladarba aħna maħluqin biex inħobbu, nafu li ma jeżistix ferħ akbar milli naqsmu ma’ xulxin xi ħaġa tajba: “Agħti u ħu, u derri” (Sir 14:16). L-aqwa ferħ fil-ħajja jitnissel meta jirnexxielna nferrħu lill-oħrajn, bħal f’tidwiqa minn qabel tas-Sema. Ta’ min ifakkar fix-xena ħelwa tal-film Il-pranzu ta’ Babette, fejn il-koka ta’ qalb tajba tirċievi tgħanniqa rikonoxxenti u eloġju: “Kemm għad jifirħu bik l-anġli!” Ħelu u farraġi l-ferħ li jiġina milli nferrħu lil oħrajn, narawhom igawdu. Dan il-ferħ, effett tal-imħabba bejn l-aħwa, mhux dak tal-vanità ta’ min iħares lejh innifsu, imma dak ta’ min iħobb u jithenna bil-ġid tal-maħbub, li jingħata għall-persuna l-oħra u fiha hu jagħmel il-frott.

 

130. Min-naħa l-oħra, il-ferħ jiġġedded fit-tbatija. Kif jgħid Santu Wistin, “akbar ma jkun il-periklu fil-gwerra, akbar ikun il-ferħ tiegħu fil-glorja”.[131] Wara li jkunu batew u tqabdu magħquda flimkien, il-miżżewġin jintebħu li dan ma kienx għalxejn, għax kisbu xi ħaġa tajba, tgħallmu xi ħaġa flimkien, jew għax issa jistgħu japprezzaw iżjed dak li għandhom. Ftit hemm ferħ uman li hu hekk qawwi u ta’ min jiċċelebrah daqs meta żewġ persuni li jinħabbu jkunu kisbu flimkien xi ħaġa li swiet sforz kbir lit-tnejn li huma.

 

Niżżewġu għax ninħabbu

131. Nixtieq ngħid liż-żgħażagħ li xejn minn dan kollu ma hu pperikolat meta l-imħabba tesprimi ruħha fl-istituzzjoni taż-żwieġ. F’din l-istituzzjoni r-rabta ta’ bejn tnejn issib fejn torjenta l-istabbiltà tagħha u mod reali u konkret kif hi tikber. Hu minnu li l-imħabba hi ħafna iżjed minn kunsens estern jew minn xi għamla ta’ kuntratt taż-żwieġ, imma daqshekk ieħor hi ħaġa ċerta li d-deċiżjoni li nagħtu liż-żwieġ arranġament viżibbli fis-soċjetà b’impenji determinati turi r-rilevanza tiegħu: turi s-serjetà li wieħed jidentifika ruħu mal-persuna l-oħra, turi li hu kapaċi jegħleb l-individwaliżmu tal-adolexxenza, u tesprimi d-deċiżjoni soda li t-tnejn ikunu ta’ xulxin. Iż-żwieġ hu mod kif wieħed jesprimi li tassew ħalla l-bejta ta’ dar ommu biex jinseġ rabtiet oħra qawwija u jassumi responsabbiltà ġdida quddiem persuna oħra. Dan jgħodd bil-wisq iżjed minn sempliċi rabta spontanja għall-gratifikazzjoni tat-tnejn li huma, ħaġa li tkun privatizzazzjoni taż-żwieġ. Iż-żwieġ bħala istituzzjoni soċjali hu protezzjoni u strument għall-impenn reċiproku, biex l-imħabba timmatura, biex id-deċiżjoni b’riżq il-persuna l-oħra tikber u ssir iktar soda, konkreta u qawwija, u fl-istess waqt biex hu jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu fis-soċjetà. Għalhekk iż-żwieġ imur lil hemm minn kull moda li tgħaddi, u jibqa’. L-essenza tiegħu għandha għeruqha fl-istess natura tal-persuna umana u tal-karattru soċjali tagħha. Timplika serje ta’ obbligi, li imma joħorġu mill-imħabba nfisha, minn imħabba hekk determinata u ġeneruża li kapaċi tirriskja l-istess futur tagħha.

 

132. B’dan il-mod l-għażla taż-żwieġ tfisser id-deċiżjoni reali u effettiva li żewġ toroq nibdluhom fi triq waħda, jiġri x’jiġri u minkejja kull sfida li tista’ tinqala’. Minħabba fis-serjetà ta’ dan l-impenn pubbliku ta’ mħabba, ma tistax tkun deċiżjoni mgħaġġla, imma għall-istess raġuni ma tistax tibqa’ tiġi posposta għal dejjem. Li nimpenjaw ruħna ma’ xi ħadd ieħor b’mod esklussiv u defenittiv dejjem iġib miegħu ammont ta’ riskju u ta’ kuraġġ li wieħed jilgħab ħajtu. Meta wieħed jirrifjuta li jieħu dan l-impenn ikun egoista, ħsiebu biss fih innifsu, xħiħ, ma jirnexxilux jagħraf id-drittijiet tal-ieħor u ma jasal qatt biex jippreżentah lis-soċjetà bħala wieħed li jixraqlu li jiġi maħbub bla kundizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dawk li huma verament innamrati, aktarx ħa juru lill-oħrajn din l-imħabba tagħhom. L-imħabba konkretizzata fi żwieġ iċċelebrat quddiem l-oħrajn, bl-obbligi kollha li joħorġu minn din ir-rabta pubblika, turi u tħares dik l-“iva” li tingħata bla riservi u bla restrizzjonijiet. Dik l-“iva” tfisser li qed isserraħ moħħ l-ieħor li jista’ dejjem jafdak, li mhux sa jisfa’ mitluq meta ma jibqax jiġbed l-għajn bħal qabel, jekk isib ruħu f’xi diffikultà jew jekk jitfaċċaw possibbiltajiet ġodda ta’ pjaċir jew ta’ interessi egoistiċi.

 

Imħabba li tidher u tikber

133. L-imħabba tal-ħbiberija tiġbor flimkien l-aspetti kollha tal-ħajja taż-żwieġ u tgħin lill-membri tal-familja jibqgħu mexjin ’il quddiem fil-fażijiet kollha tagħha. Għalhekk il-ġesti li jesprimu din l-imħabba għandhom ikunu dejjem imħarsa, bla ma wieħed jagħlaq idejh, imma b’għana ta’ kliem ġeneruż. Fil-familja “hemm bżonn nużaw tliet kelmiet. Irrid nirripetih dan. Tliet kelmiet: jekk jogħġbok, grazzi, skużani. Tliet kelmiet li huma muftieħ!”[132] “Meta fil-familja ħadd ma jagħmel li jrid u kulħadd jitlob il-‘permess’, meta fil-familja ħadd ma jkun egoist u jitgħallem jgħid ‘grazzi’, u meta fil-familja jiġri li xi ħadd jinduna li għamel xi ħaġa ħażina u jaf jgħid ‘skużani’, f’dik il-familja hemm il-paċi u hemm il-ferħ”.[133] Ejja ma nkunux xħaħ fl-użu ta’ dawn il-kelmiet, inkunu ġenerużi f’li ntennuhom ta’ kuljum, għax “ċerti silenzji jtaqqlu, xi drabi anki fil-familja, bejn raġel u mara, bejn ġenituri u wlied, bejn l-aħwa”.[134] Min-naħa l-oħra, il-kliem f’postu, li jingħad fil-mument it-tajjeb, iħares u jirfed l-imħabba jum wara l-ieħor.

 

134. Dan kollu jitwettaq f’mixja li fiha wieħed dejjem jikber. Din l-għamla hekk partikulari ta’ mħabba li hi ż-żwieġ, hi msejħa timmatura kontinwament, għax għaliha jeħtieġ napplikaw dejjem dak li San Tumas ta’ Aquino kien jgħid dwar il-karità: “Il-karità, mill-istess natura tagħha, m’għandha xejn xi jrażżanha kemm tikber, la hi stess hi sehem fil-karità bla tarf, li hu l-Ispirtu s-Santu. […] Lanqas lis-suġġett ma jista’ jitqegħidlu limitu, għax aktar ma tikber il-karità, aktar toktor ukoll il-ħila għal iktar tkabbir”.[135] San Pawl jgħidilna bil-qawwa: “Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd” (1 Tess 3:12); u jżid: “Fuq l-imħabba tal-aħwa […] inħeġġukom, ħuti, li tagħmlu iktar minn hekk (1 Tess 4:9-10). Iktar minn hekk. L-imħabba fiż-żwieġ qabelxejn ma nħarsuhiex billi nitkellmu dwar l-indissolubbiltà bħala obbligu, jew billi nirrepetu duttrina, imma billi tissaħħaħ bil-grazzja li kontinwament tgħinha tikber. L-imħabba li ma tikbirx tkun qed tirriskja, u nistgħu nikbru biss jekk inwieġbu għall-grazzja divina permezz ta’ iżjed għemejjel ta’ mħabba, b’atti ta’ tjieba iżjed spissi, iżjed qawwija, iżjed ġenerużi, iżjed ħelwa, iżjed ferrieħa. Ir-raġel u martu “jħossu xi tfisser l-għaqda tagħhom u jsibuha dejjem aktar minn jum għall-ieħor”.[136] Id-don tal-imħabba divina li tissawwab fuq il-miżżewġin hu fl-istess waqt sejħa għal żvilupp kontinwu ta’ dan ir-rigal tal-grazzja.

 

135. Ma jagħmlux ġid ċerti fantasiji dwar imħabba idillika u perfetta, li hekk hi mċaħħda minn kull stimolu li tikber. Idea għolja wisq tal-imħabba fuq din l-art tkun qed tinsa li l-aħjar għad irid jasal, hu l-inbid misjur biż-żmien. Kif fakkruna l-Isqfijiet taċ-Ċili, “ma jeżistux familji perfetti kif tipproponihomlna l-pubbliċità qarrieqa u konsumeristika. Fihom is-snin ma jgħaddux, ma jeżistux mard, tbatija, mewt […]. Ir-riklami konsumeristi juruna illużjoni li m’għandha xejn x’taqsam mar-realtà li jridu jħabbtu wiċċhom magħha jum wara l-ieħor il-missirijiet u l-ommijiet ta’ familja”.[137] Aktar jiswielna ta’ ġid jekk naċċettaw ir-realiżmu tal-limiti, l-isfidi u l-imperfezzjonijiet, u nisimgħu s-sejħa biex nikbru magħqudin, biex nikbru fl-imħabba u nieħdu ħsieb li r-rabta tibqa’ soda, jiġri x’jiġri.

 

Id-djalogu

136. Id-djalogu hu mod ipprivileġġjat u indispensabbli biex ngħixu, nesprimu u nikbru fl-imħabba fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja. Imma jitlob taħriġ twil u impenjattiv. Irġiel u nisa, adulti u żgħażagħ, għandhom modi differenti minn xulxin kif jikkomunikaw, jużaw lingwaġġi differenti, jimxu b’regoli oħrajn. Il-mod kif isiru l-mistoqsijiet, il-mod kif jiġu mwieġba, it-ton użat, il-mument u ħafna fatturi oħra jistgħu jikkundizzjonaw il-komunikazzjoni. Barra minn hekk, dejjem hemm bżonn niżviluppaw ċerti atteġġjamenti li huma espressjoni ta’ mħabba u jagħmluha possibbli li jkollna djalogu awtentiku.

 

137. Insibu l-ħin, ħin ta’ kwalità, li jikkonsisti fis-smigħ bis-sabar u l-attenzjoni, sa ma l-ieħor ikun esprima dak kollu li xtaq jesprimi. Dan jitlob minna li nitħarrġu biex ma nibdewx nitkellmu aħna qabel ma jkun il-waqt it-tajjeb. Flok nibdew noffru l-fehmiet u l-pariri tagħna, irridu naraw li nkunu smajna dak kollu li l-ieħor iħoss li għandu jgħid. Dan jitlob minna skiet ġewwieni biex nistgħu nisimgħu bla storbju fil-qalb u fil-moħħ tagħna: ninżgħu kull għaġla, inwarrbu fil-ġenb il-ħtiġijiet u l-urġenzi tagħna, biex nagħmlu l-wisa’. Ħafna drabi wieħed mill-miżżewġin mhux soluzzjoni għall-problemi tiegħu jkollu bżonn, imma li jiġi mismugħ. Irid iħoss li l-uġigħ tiegħu, id-delużjoni tiegħu, il-biża’ tiegħu, ir-rabja tiegħu, it-tama tiegħu, il-ħolma tiegħu ġew mismugħa. Madankollu spiss nisimgħu min igerger: “Ma jismagħnix. Meta donnu jkun qed jismagħni, fir-realtà jkun qed jaħseb f’ħaġa oħra”. “Nitkellem u nħoss li donnu qed jistennieni nsodd ħalqi darba għal dejjem”. “Meta nitkellem jipprova jibdel l-argument, jew jagħtini tweġibiet ta’ malajr biex jagħlaq id-diskors”.

 

138. Irridu niżviluppaw id-drawwa li tabilħaqq nagħtu importanza lill-ieħor. Dan ifisser li nagħtu valur lill-persuna tiegħu jew tagħha, li nagħrfu li għandu d-dritt li jeżisti, li jaħseb b’mod awtonomu u li jkun ferħan. Qatt m’għandna nnaqqsu mill-valur ta’ dak li jista’ jgħid jew jilmenta, għalkemm tajjeb li nesprimu kif naħsbuha aħna. Hawn qiegħda l-konvinzjoni li kulħadd għandu x’jagħti, għax l-oħrajn għandhom esperjenza oħra tal-ħajja, għax jaraw l-affarijiet minn nuċċali ieħor, għax għandhom tħassib ieħor u ħiliet u intuwizzjonijiet oħra. Hu possibbli li nagħrfu l-verità tal-persuna l-oħra, l-importanza tal-ikbar tħassib tagħha u l-isfond ta’ dak li tgħid, anki dak li hemm moħbi wara kliem aggressiv. Għal din ir-raġuni jeħtieġ infittxu li nidħlu fiż-żarbun tagħha u naqraw x’hemm f’qiegħ qalbha, insibu x’inhu dak li jqanqalha bil-ferħ u nsibu f’dik il-passjoni tagħha punt tat-tluq biex ninżlu iktar fil-fond tad-djalogu ta’ bejnietna.

 

139. Irridu moħħ miftuħ, biex ma ningħalqux f’ossessjoni fuq ftit ideat, u flessibbiltà biex inkunu kapaċi nibdlu jew inwettqu dak li hu nieqes fil-fehmiet tagħna. Huwa possibbli li mill-ħsieb tiegħi u mill-ħsieb tal-ieħor toħroġ sintesi ġdida li minnha nistagħnu t-tnejn li aħna. L-għaqda li rridu naspiraw għaliha mhix uniformità, imma “għaqda fid-diversità” jew “diversità rrikonċiljata”. F’dan l-istil li hu għani bil-komunjoni bejn l-aħwa, il-bosta jiltaqgħu, jirrispettaw u japprezzaw lil xulxin, waqt li xorta jżommu l-isfumaturi u aċċenti differenti tagħhom li bihom jistagħna l-ġid komuni. Ħa ninħelsu mill-obbligu li nkunu l-istess. U trid ukoll tkun moħħok jilħaqlek biex tagħraf iż-żmien tal-“interferenzi” li jistgħu jitfaċċaw, biex ma jeqirdux il-proċess ta’ djalogu. Ngħidu aħna, nagħrfu s-sentimenti ħżiena li jistgħu jixirfu u nsibulhom posthom biex ma jipperikolawx il-komunikazzjoni ta’ bejnietna. Importanti nkunu kapaċi nesprimu xi nħossu bla ma nweġġgħu lil ħadd; ninqdew b’lingwaġġ u mod ta’ diskors li jistgħu aktar faċilment jiġu aċċettati jew ittollerati mill-ieħor, għalkemm il-kontenut ikun esiġenti; nagħmlu l-kritika tagħna imma mingħajr ma nobżqu r-rabja tagħna f’għamla ta’ vendetta, u nevitaw lingwaġġ moralizzanti li jfittex biss kif jaggredixxi, jironizza, jitfa’ l-ħtija u jweġġa’. Ħafna diskussjonijiet fil-koppja ma jkunux fuq kwistjonijiet gravi ħafna. Xi kultant tkun kwistjoni ta’ ħwejjeġ żgħar, ta’ ftit li xejn importanza, imma dak li jibdel il-qlub hu l-mod kif ngħiduhom jew l-imġiba tagħna fid-djalogu.

 

140. Ħa jkollna ġesti ta’ attenzjoni għall-persuna l-oħra u nuruha mħabbitna. L-imħabba tegħleb l-eqqel ħitan. Meta nħobbu lil xi ħadd jew meta nħossuna maħbubin minnu, jirnexxielna nifhmu aħjar dak li jkun jixtieq jesprimi jew ifehimna. Negħlbu d-dgħufija li twassalna nibżgħu mill-ieħor bħallikieku kien “kontrokurrent” tagħna. Importanti ħafna nsejsu ċ-ċertezza tagħna fuq għażliet profondi, konvinzjonijiet u valuri, u mhux fuq kemm kapaċi nirbħu argument jew fuq il-fatt li jagħtuna raġun.

 

141. Fl-aħħar nett, nagħrfu li biex id-djalogu jsir bi profitt hemm bżonn ikollna kontenut, u dan jitlob għana ġewwieni li jikber bil-qari, bir-riflessjoni personali, bit-talb u b’moħħ miftuħ għas-soċjetà. Jekk dan ikun nieqes, il-konverżazzjonijiet isiru jdejqu u ma jkunx fihom konsistenza. Jekk kull wieħed mill-miżżewġin ma jiħux ħsieb tiegħu nnifsu u ma jkunx hemm firxa ta’ relazzjonijiet ma’ persuni oħra, il-ħajja tal-familja tingħalaq fiha nfisha u d-djalogu jiftaqar.

 

Imħabba kollha passjoni

142. Il-Konċilju Vatikan II għallimna li din l-imħabba tal-miżżewġin “tħaddan il-ġid kollu tal-persuna u għalhekk tista’ żżejjen b’dinjità speċjali dak kollu li jfissru l-ispirtu u l-ġisem u tagħtih il-valur ta’ element u sinjal speċjali tal-ħbiberija bejn il-miżżewġin”.[138] Bilfors irid ikun hemm raġuni għaliex imħabba bla pjaċir u passjoni mhix biżżejjed biex tissimbolizza r-rabta ta’ qalb il-bniedem ma’ Alla: “Il-mistiċi kollha kienu tal-fehma li l-imħabba sopranaturali u l-imħabba tas-sema jfittxu u iktar isibu s-simbolu tagħhom fl-imħabba taż-żwieġ, milli fil-ħbiberija, fis-sentiment ta’ wlied jew fl-għotja għal xi kawża. U r-raġuni ġustament qiegħda fil-fatt li hi tħaddan kollox fiha”.[139] Għaliex mela ma niqfux ftit nitkellmu fuq is-sentimenti u s-sesswalità fiż-żwieġ?

 

Id-dinja tal-emozzjonijiet

143. Xewqat, sentimenti, emozzjonijiet, dawk li l-awturi klassiċi sejħulhom “passjonijiet”, għandhom post importanti fiż-żwieġ. Jitnisslu meta l-“ieħor” isir preżenti u jidħol fil-ħajja tiegħi. Kull essri ħaj iħossu miġbud lejn realtà oħra, u din it-tendenza tippreżenta dejjem sinjali affettivi bażilari: il-pjaċir jew it-tbatija, il-ferħ jew id-diqa, il-ħlewwa jew il-biża’. Dawn huma l-presuppost tal-attività psikoloġika l-iżjed elementari. Il-bniedem jgħix fuq din l-art u dak kollu li jagħmel u jfittex hu mimli passjonijiet.

 

144. Ġesù, ta’ veru bniedem, għex kollox b’doża ta’ emozzjoni. Għalhekk nikktitu ċ-ċaħda ta’ Ġerusalemm (ara Mt 23:37) u din is-sitwazzjoni ġagħlitu jxerred id-dmugħ (ara Lq 19:41). Bl-istess mod kien iħoss għafsa ta’ qalb quddiem it-tbatija tan-nies (ara Mk 6:34). Meta jara lill-oħrajn jibku kien jitqanqal u jitħawwad (ara Ġw 11:33), u hu nnifsu beka għall-mewt ta’ ħabibu (ara Ġw 11:35). Dawn il-wirjiet tas-sensibbiltà tiegħu wrew kemm il-qalb tiegħu ta’ bniedem kienet miftuħa għall-oħrajn.

 

145. L-emozzjoni mhix xi ħaġa moralment tajba jew ħażina fiha nfisha.[140] Li tibda tħoss xewqa jew rifjut mhix xi dnub jew ħaġa tat-tmaqdir. Dak li hu tajjeb jew ħażin hu l-att li wieħed iwettaq imqanqal jew imsieħeb minn passjoni. Imma jekk is-sentimenti nrewħulhom, infittxuhom u b’kawża ta’ hekk inwettqu għemejjel ħżiena, il-ħażin qiegħed fid-deċiżjoni tagħna li nrewħulhom u fl-għemejjel ħżiena li jiġu wara. Fuq l-istess linja, li jiġik pjaċir għal xi ħadd, din fiha nfisha mhix ħaġa tajba jew ħażina. Jekk b’dan il-pjaċir jien nagħmel mod li dik il-persuna ssir ilsira tiegħi, is-sentiment jispiċċa jaqdi l-egoiżmu tiegħi. Inkunu nitqarrqu bil-kbir meta nemmnu li aħna tajbin biss għax “inħossu s-sentimenti”. Hemm persuni li jħossuhom kapaċi jħobbu ħafna biss għax għandhom bżonn kbir tal-affett ta’ xi ħadd ieħor, imma mhumiex kapaċi joħorġu għonqhom għall-ferħ tal-oħrajn u jgħixu magħluqin fix-xewqat tagħhom. Hawn is-sentimenti jkunu qed ibegħduna mill-valuri għoljin u jaħbu egoċentriżmu li ma jħalliniex ngħixu ħajja sana u hienja fil-familja.

 

146. Min-naħa l-oħra, jekk għemil ħieles hu msieħeb minn passjoni, din tista’ turi l-qawwa ta’ dik l-għażla. L-imħabba fiż-żwieġ twassal biex il-ħajja kollha emozzjonali tisfa’ ta’ fejda għall-familja u tkun għas-servizz tal-ħajja komuni. Familja tilħaq il-maturità tagħha meta l-ħajja emozzjonali tal-membri tagħha tinbidel f’sensibbiltà li la taħkem u lanqas iċċajpar l-għażliet il-kbar u l-valuri imma qiegħda għas-servizz tal-libertà tagħhom,[141] toħroġ minnha, tagħniha, issebbaħha u tagħmila iżjed armonjuża għall-ġid ta’ kulħadd.

 

Alla jrid il-ferħ ta’ wliedu

147. Dan jitlob mixja pedagoġika, proċess li jwassal għal ċerti ċaħdiet. Din hi konvinzjoni tal-Knisja li ħafna drabi sfat miċħuda, bħallikieku hi kienet xi għadu tal-ferħ tal-bniedem. Benedittu XVI indirizza din il-mistoqsija b’mod ċar ħafna: “Jaqaw bil-kmandamenti u bil-projbizzjonijiet tagħha, il-Knisja mhix qiegħda tniġġes għalina l-isbaħ ħaġa tal-ħajja? Forsi mhix il-Knisja li bħal issaffar is-suffara eżatt fejn il-ferħ imħejji għalina mill-Ħallieq jagħtina dak il-hena li jħallina nduqu xi ħaġa minn qabel ta’ dak li hu Divin?”[142] Imma hu wieġeb li, anki jekk fil-Kristjaneżmu ma naqsux ċerti esaġerazzjonijiet jew axxetiżmi żbaljati, it-tagħlim uffiċjali tal-Knisja, fidil lejn l-Iskrittura, qatt ma ċaħad “l-imħabba-eros fiha nfisha, iżda aktar iddikjara gwerra kontra l-iżvilupp qerriedi tagħha, għaliex din il-preżentazzjoni falza tal-eros bħala ħaġa divina […] iġġib fix-xejn id-dinjità tiegħu u tbaxxi l-aspett uman tiegħu”.[143]

 

148. L-edukazzjoni tal-emozzjonijiet u tal-istint hi bżonnjuża, u għalhekk xi drabi bilfors ikun hemm bżonn jitqiegħed limitu. Iż-żejjed, in-nuqqas ta’ kontroll, l-ossessjoni għal xorta waħda ta’ pjaċiri, jispiċċaw biex idgħajfu u jmarrdu lill-istess pjaċir,[144] u ħsara jagħmlu lill-ħajja tal-familja. Fir-realtà nistgħu nagħmlu mixja sabiħa mal-passjonijiet, li jfisser norjentawhom dejjem iżjed fi proġett ta’ għotja personali fejn nilħqu iżjed il-milja tagħna nfusna, ħaġa li tagħni r-relazzjonijiet interpersonali fi ħdan il-familja. Ma jfissirx li ngħidu le għal mumenti ta’ ferħ intens,[145] imma dawn nifhmuhom bħala parti minn nisġa sħiħa ta’ mumenti oħra ta’ għotja ġeneruża, ta’ tama li tistabar, ta’ għeja inevitabbli, ta’ sforz lejn ideal. Il-ħajja fil-familja hi dan kollu u jixirqilha li ngħixuha b’mod sħiħ.

 

149. Xi skejjel spiritwali jisħqu li għandna neqirdu x-xewqa biex neħilsu mit-tbatija. Imma aħna nemmnu li Alla jħobb il-ferħ tal-bniedem, li hu ħalaq kollox “biex ingawdu bih” (1 Tim 6:17). Inħallu dan il-ferħ inixxi quddiem it-tjieba tiegħu meta jistedinna: “Ibni, ġib ruħek tajjeb miegħek innifsek […]. Tiċċaħħadx minn ġurnata tajba (Sir 14:11,14). Anki koppja miżżewġa twieġeb għar-rieda ta’ Alla u tisma’ din l-istedina biblika: “F’jum ir-riżq fittex gawdi” (Koħ 7:14). Il-kwistjoni hi għandniex il-libertà li naċċettaw li l-pjaċir isib xejriet oħra ta’ espressjoni fid-diversi mumenti tal-ħajja, skont il-ħtieġa tal-imħabba reċiproka. F’dan is-sens, nistgħu nilqgħu l-proposta ta’ xi mgħallma tal-Lvant li jisħqu fuq it-twessigħ tal-kuxjenza, biex ma nibqgħux ilsiera ta’ esperjenza limitata wisq li tagħlqilna l-perspettivi. Dan it-twessigħ tal-kuxjenza mhux iċ-ċaħda jew il-qerda tax-xewqa, imma t-tkabbir u l-perfezzjonament tagħha.

 

Id-dimensjoni erotika tal-imħabba

150. Dan kollu jwassalna biex nitkellmu fuq il-ħajja sesswali tal-miżżewġin. Alla nnifsu ħalaq is-sesswalità, li hi rigal mill-isbaħ għall-ħlejjaq tiegħu. Meta fiha nieħdu ħsieb u nevitaw li nitilfu l-kontroll, dan nagħmluh biex naraw li “ma jiftaqarx valur awtentiku”.[146] San Ġwanni Pawlu II ma qabilx li t-tagħlim tal-Knisja qed iwassal għal “ċaħda tal-valur tas-sess uman” jew li sempliċement jittollerah “għall-istess bżonn tal-prokreazzjoni”.[147] Il-bżonn sesswali tal-miżżewġin mhux oġġett ta’ stmerrija u “bl-ebda mod ma nistgħu npoġġu fid-dubju dan il-bżonn”.[148]

 

151. Lil dawk li jibżgħu li bl-edukazzjoni għall-passjonijiet u għas-sesswalità qed tiġi pperikolata l-ispontanjetà tal-imħabba sesswata, San Ġwanni Pawlu II weġibhom li l-bniedem hu “msejjaħ għall-ispontanjetà sħiħa u matura tar-relazzjonijiet”, li “hi l-frott gradwali ta’ dak li l-qalb tħoss”.[149] Hi ħaġa li wieħed jiksibha, ladarba kull bniedem “irid b’perseveranza u koerenza jitgħallem it-tifsira ta’ ġismu”.[150] Is-sesswalità mhix riżorsa għall-gratifikazzjoni jew biex ngħaddu l-ħin, ladarba hi lingwaġġ interpersonali fejn lill-persuna l-oħra rrid neħodha bis-serjetà, bil-valur qaddis u invjolabbli tagħha. Hekk “il-qalb tal-bniedem tidħol tieħu sehem, biex ngħidu hekk, fi spontanjetà oħra”.[151] F’dan il-kuntest, l-erotiżmu jidher bħala manifestazzjoni speċifikament umana tas-sesswalità. Fih wieħed jista’ jsib “it-tifsira sponsali tal-ġisem u d-dinjità awtentika tad-don”.[152] Fil-katekeżi tiegħu fuq it-teoloġija tal-ġisem uman, San Ġwanni Pawlu II għallem li l-korporjetà sesswata “mhix biss għajn ta’ frott għammiel u ta’ prokreazzjoni”, imma għandha “l-ħila li tesprimi l-imħabba: dik l-imħabba li fiha l-bniedem-persuna jsir don”.[153] L-iktar erotiżmu san, anki jekk imxierek mit-tiftix tal-pjaċir, jippresupponi l-istagħġib, u għalhekk jista’ jagħti lemħa umana lil dak li l-bniedem iħoss bi stint.

 

152. Għalhekk, bl-ebda mod ma nistgħu nifhmu d-dimensjoni erotika tal-imħabba bħala ħażen permess jew bħala tagħbija li jkollna nġorru għall-ġid tal-familja, imma bħala don ta’ Alla li jsebbaħ il-laqgħa bejn il-miżżewġin. Hi passjoni merfugħa ’l fuq mill-imħabba li tammira d-dinjità tal-persuna l-oħra, u għalhekk issir “stqarrija sħiħa u mill-aktar ċara ta’ mħabba” li turina x’għeġubijiet għandha ħila tagħmel il-qalb tal-bniedem, u hekk għal ftit tal-ħin “wieħed jista’ jifhem kif l-eżistenza umana hi suċċess”.[154]

 

Vjolenza u manipulazzjoni

153. Fil-kuntest ta’ din il-viżjoni pożittiva tas-sesswalità, tajjeb li nħarsu lejn dan is-suġġett b’mod sħiħ u b’realiżmu san. Fil-fatt ma nistgħux ninjoraw il-fatt li ħafna drabi s-sesswalità titlef l-aspett personali tagħha u tisfa’ wkoll immarrda, hekk li “ssir dejjem iżjed okkażjoni u għodda ta’ affermazzjoni tal-jien u ta’ sodisfazzjon egoistiku tax-xewqat u l-istinti tal-persuna”.[155] Fi żmienna sar ukoll riskju kbir li s-sesswalità tinħakem mill-ispirtu velenuż tal-“uża u armi”. Il-ġisem tal-ieħor spiss hu mmanipulat bħala ħaġa li żżommha sakemm tagħtik sodisfazzjon u tarmiha meta ma jibqa’ xejn fiha li jiġbdek. Jewwilla nistgħu ninjoraw jew nixħtu taħt it-tapit ix-xejriet kontinwi ta’ ħakma, prepotenza, abbuż, perverżjoni u vjolenza sesswali, li huma frott ta’ idea mgħawġa tas-sesswalità u li qed jidfnu d-dinjità tal-oħrajn u s-sejħa għall-imħabba taħt it-trab ta’ tiftixa mudlama tagħhom infushom?

 

154. Daqstant ieħor jiswa li nfakkru li anki fiż-żwieġ is-sesswalità tista’ ssir għajn ta’ tbatija u ta’ manipulazzjoni. Għalhekk jeħtieġ intennu b’mod ċar li “att ta’ żwieġ impost mingħajr rispett lejn il-kundizzjonijiet u lejn ix-xewqat leġittimi ta’ xi parti, ma hux veru att ta’ mħabba u hu nieqes għalhekk minn ħtieġa tal-ordni morali tajjeb fir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin”.[156] L-għemejjel tar-rabta sesswali bejn il-miżżewġin iwieġbu għan-natura tas-sesswalità mixtieqa minn Alla “jekk isiru bmod tassew uman.[157] Għalhekk San Pawl talab: “F’din il-ħaġa ħadd ma għandu jagħmel tort jew ħsara lil ħuh” (1 Tess 4:6). Anki jekk hu kiteb fi żmien fejn kienet taħkem kultura patrijarkali, fejn il-mara kienet meqjusa kompletament subordinata għar-raġel, xorta għallem li s-sesswalità għandha tkun kwistjoni li l-miżżewġin għandhom jittrattawha ma’ xulxin: ra l-possibbiltà li koppja tipposponi li jkollha x’taqsam sesswalment għal ċertu żmien, imma “b’fehma waħda” (ara 1 Kor 7:5).

 

155. San Ġwanni Pawlu II ta twissija sottili ħafna meta kiteb li r-raġel u l-mara huma “mhedda minn għatx bla xaba’”.[158] Jiġifieri, huma msejħa għal għaqda dejjem iżjed intensa, imma hemm ir-riskju li jippretendu li jistgħu jeqirdu d-differenzi u dik id-distanza li bilfors teżisti bejn it-tnejn. Għax kull wieħed għandu dinjità li hi tiegħu u irripetibbli. Meta l-appartenenza reċiproka hekk prezzjuża tinbidel f’ħakma, “tibdel […] essenzjalment l-istruttura ta’ komunjoni fir-relazzjoni interpersonali”.[159] Fil-loġika tal-ħakma, anki min jaħkem jispiċċa jiċħad id-dinjità tiegħu[160] u bla dubju ma jibqax “jidentifika ruħu suġġettivament ma’ ġismu”,[161] ladarba lil dan ikun iċaħħdu minn kull sinifikat. Jgħix is-sess bħala ħarba minnu nnifsu u bħala ċaħda tal-ġmiel ta’ dik ir-rabta.

 

156. Importanti nagħmluha ċara li aħna kontra kull xejra ta’ sottomissjoni sesswali. Għalhekk aħjar nevitaw kull interpretazzjoni żbaljata tat-test tal-Ittra lill-Efesin fejn hu mitlub li “n-nisa joqogħdu għal żwieġhom” (Efes 5:22). San Pawl hawn qed jesprimi ruħu f’kategoriji kulturali ta’ żmienu, imma aħna mhux il-qoxra kulturali li tinteressana, daqskemm il-messaġġ rivelat fis-silta sħiħa. Naqbdu mill-ġdid it-tifsira għarfa ta’ San Ġwanni Pawlu II: “L-imħabba teskludi kull xorta ta’ sottomissjoni, li fiha l-mara ssir qaddejja jew ilsira ta’ żewġha […]. Il-komunità jew xirka li huma jridu jibnu biż-żwieġ, titwettaq permezz ta’ għotja reċiproka, li hi wkoll sottomissjoni lejn xulxin”.[162] Għalhekk jingħad ukoll li “l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess” (Efes 5:28). Fir-realtà t-test bibliku qed jistieden lill-miżżewġin biex jegħlbu l-individwaliżmu komdu tagħhom ħalli jistgħu jgħixu għal xulxin: “Oqogħdu għal xulxin” (Efes 5:21). Bejn il-miżżewġin din is-“sottomissjoni” reċiproka għandha tifsira speċjali u tinftiehem bħala appartenenza reċiproka magħżula b’mod ħieles, flimkien ma’ ġabra ta’ karatteristiċi ta’ fedeltà, rispett u għożża. Is-sesswalità b’mod inseparabbli qiegħda għall-qadi ta’ din il-ħbiberija tal-miżżewġin, għax hi orjentata biex il-persuna l-oħra tgħix b’mod sħiħ.

 

157. Imma anki jekk aħna kontra l-użu ħażin tas-sesswalità u l-erotiżmu, dan qatt m’għandu jwassalna biex nistmelluhom jew inwarrbuhom għall-ġenb. L-ideal taż-żwieġ ma jistax iwassal biss għal għotja ġeneruża u mimlija sagrifiċċju, fejn kull wieħed iwarrab għall-ġenb kull ħtieġa tiegħu u jaħseb biss għall-ġid tal-ieħor mingħajr sodisfazzjon ta’ xejn għalih personali. Niftakru li mħabba vera taf ukoll tirċievi mingħand l-ieħor, taf taċċetta li hi vulnerabbli u fil-bżonn, ma tirrifjutax li tilqa’ b’sinċerità u gratitudni hienja l-espressjonijiet korporali tal-imħabba fiż-żegħila, fit-tgħanniqa, fil-bewsa u fl-għaqda sesswali. Benedittu XVI kien ċar dwar dan: “Jekk il-bniedem jitħabat biex ikun spirtu biss u jixtieq jiskarta l-ġisem bħala wirt biex ngħidu hekk tal-annimali biss, imbagħad sew l-ispirtu sew il-ġisem jitilfu d-dinjità tagħhom”.[163] Għal din ir-raġuni, “il-bniedem ma jistax jgħix biss fl-imħabba li toffri lilha nnifisha, li tħares biss lejn il-persuna l-oħra. Il-bniedem ma jistax jagħti biss dejjem, irid ukoll jirċievi. Min irid jagħti l-imħabba għandu jirċeviha b’rigal hu wkoll”.[164] Hu x’inhu, dan jitlobna niftakru li l-bilanċ uman hu dgħajjef, li dejjem tibqa’ xi ħaġa li tirreżisti li tiġi umanizzata u li f’kull mument tista’ terġa’ titfaċċa, u mill-ġdid tikxef it-tendenzi l-iżjed primittivi u egoistiċi.

 

Żwieġ u verġinità

158. “Ħafna persuni li jibqgħu ma jiżżewġux mhux biss jiddedikaw ħajjithom għall-familja tal-oriġni tagħhom, imma spiss jagħtu servizz kbir fiċ-ċirku ta’ sħabhom, fil-komunità ekkleżjali u fil-ħajja professjonali. […] Ħafna mbagħad iqiegħdu t-talenti tagħhom għas-servizz tal-komunità Nisranija f’sinjal ta’ karità u ta’ volontarjat. Imbagħad hemm dawk li ma jiżżewġux għax jikkonsagraw ħajjithom għall-imħabba ta’ Kristu u tal-aħwa. Mill-għotja tagħhom, il-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà, tistagħna qatigħ”.[165]

 

159. Il-verġinità hi għamla ta’ mħabba. Bħala sinjal, tfakkarna fl-għożża għas-Saltna, l-urġenza li ningħataw bla riservi għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni (ara 1 Kor 7:32), u hi mera tal-milja tas-Sema, fejn “la jiżżewġu u lanqas iżewġu” (Mt 22:30). San Pawl jirrikkmandaha għax kien qed jistenna l-miġja lura ta’ Ġesù b’mod imminenti u ried li kulħadd jikkonċentra biss fuq l-evanġelizzazzjoni: “Iż-żmien qsar” (1 Kor 7:29). Madankollu baqgħet ħaġa ċara li din kienet il-fehma personali tiegħu u xewqa tiegħu (ara 1 Kor 7:6-8), u mhux mitluba minn Kristu: “Ma għandi ebda preċett mill-Mulej” (1 Kor 7:25). Fl-istess waqt, għaraf il-valur tad-diversi sejħat: “Kull wieħed għandu d-don tiegħu mingħand Alla: min ħaġa u min oħra” (1 Kor 7:7). F’dan is-sens San Ġwanni Pawlu II jgħid li t-testi bibliċi “ma jagħtuniex raġuni biex inżommu la l-‘inferjorità’ taż-żwieġ u lanqas is-‘superjorità’ tal-verġinità jew taċ-ċelibat”[166] bħala motiv għall-astinenza sesswali. Iktar milli nitkellmu fuq is-superjorità sħiħa tal-verġinità, pjuttost għandna nuru kif id-diversi stati ta’ ħajja jikkumplimentaw lil xulxin, hekk li wieħed jista’ jkun iżjed perfett f’xi aspett u l-ieħor jista’ jkun hekk f’aspett ieħor. Alessandru ta’ Hales, ngħidu aħna, kien jgħid li f’ċertu sens iż-żwieġ jista’ jitqies ogħla mis-sagramenti l-oħra: għax hu simbolu ta’ xi ħaġa hekk kbira bħalma hi “l-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja u l-għaqda tan-natura divina ma’ dik umana”.[167]

 

160. Għalhekk, “mhux biex innaqqsu l-valur taż-żwieġ f’kuntrast mal-kontinenza”,[168] għax “ma hemm l-ebda bażi għal kuntrast bħal dan […]. Jekk, biex noqogħdu għal ċerta tradizzjoni teoloġika, nitkellmu fuq l-istat tal-perfezzjoni (status perfectionis), dan ma nagħmluhx għall-kontinenza fiha nfisha, imma minħabba l-ħajja kollha kemm hi mwaqqfa fuq il-kunsilli evanġeliċi”.[169] Madankollu persuna miżżewġa tista’ tgħix l-imħabba fuq grad għoli qatigħ. Hekk “tilħaq dik il-perfezzjoni li tnixxi mill-imħabba, permezz tal-fedeltà għall-ispirtu ta’ dawn il-kunsilli. Din il-perfezzjoni hi aċċessibbli għal kull bniedem”.[170]

 

161. Il-verġinità għandha l-valur simboliku tal-imħabba li ma teħtiġx tippossedi lill-ieħor, u hekk hi mera tal-libertà tas-Saltna tas-Smewwiet. Hi stedina lill-miżżewġin biex jgħixu l-imħabba ta’ bejniethom fid-dawl tal-imħabba sħiħa u dejjiema ta’ Kristu, bħala mixja komuni lejn il-milja tas-Saltna. Min-naħa tagħha, l-imħabba tal-miżżewġin tippreżenta valuri oħra simboliċi: minn naħa, hi mera partikulari tat-Trinità. Fil-fatt, it-Trinità hi xirka sħiħa, imma li fiha teżisti wkoll id-distinzjoni. Barra dan, il-familja hi sinjal Kristoloġiku, għax turi kemm hu qrib Alla, tant li jaqsam mal-bniedem il-ħajja tiegħu meta jintrabat miegħu fl-Inkarnazzjoni, fis-Salib u fil-Qawmien: kull min hu miżżewweġ isir “ġisem wieħed” mal-ieħor u joffri ruħu biex jaqsmu sħiħ miegħu sal-aħħar. Waqt li l-verġinità hi sinjal “eskatoloġiku” ta’ Kristu Rxoxt, iż-żwieġ hu sinjal “storiku” għal dawk li mexjin fuq din l-art, sinjal ta’ Kristu li mexa fuq din l-art u ried jixxierek magħna u ta lilu nnifsu saċ-ċarċir tad-demm. Il-verġinità u ż-żwieġ huma, u għandhom ikunu, modi differenti ta’ mħabba, għax “il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba. Jekk ma jsirx jaf l-imħabba […] jibqa’ essri li ma jistax jifhem lilu nnifsu u ħajtu tkun bla sens għalih”.[171]

 

162. Iċ-ċelibat jirriskja li jsir solitudni komda, li joffri lil dak li jkun li jiċċaqlaq b’awtonomija, biex jibdel postu, xogħlu u l-għażliet tiegħu, biex juża flusu kif irid, biex jiffrekwenta l-persuni skont lejn min jinġibed l-aktar f’dak il-ħin. F’dan il-każ, tispikka iktar ix-xhieda tal-persuni miżżewġa. Dawk li ġew imsejħa għall-verġinità jistgħu jsibu f’xi koppji miżżewġa sinjal ċar tal-fedeltà ta’ Alla għall-Patt tiegħu, li hi waħda ġeneruża u ma tiġix fix-xejn, u li jista’ jistimola lil qlubhom għal disponibbiltà iktar konkreta u ta’ għotja. Fil-fatt hemm persuni miżżewġa li jibqgħu fidili lejn żewġhom jew marthom imqar meta dan ma jibqax jiġbed fil-għajn fiżikament, jew meta ma jibqax jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom, minkejja li ħafna okkażjonijiet iħajruhom għall-infedeltà jew biex jitilquh. Mara li ddur b’żewġha marid tista’ terġa’ lura hemm, taħt is-Salib, ittenni l-“iva” ta’ mħabbitha sal-mewt. F’din l-imħabba tidher b’mod tal-għaġeb id-dinjità ta’ min iħobb, dinjità kif riflessa fl-imħabba, ladarba l-imħabba tfittex sewwasew li tħobb iżjed milli li tiġi maħbuba.[172] Nistgħu anki nosservaw f’ħafna familji ġenituri li jingħataw b’sagrifiċċju u bi ħlewwa għall-qadi ta’ wlied diffiċli u saħansitra ingrati. Dan jagħmel minn dawn il-ġenituri sinjal tal-imħabba ħielsa u diżinteressata ta’ Ġesù. Dan kollu jsir stedina lill-persuni ċelibi biex jgħixu l-għotja tagħhom għas-Saltna b’ġenerożità u disponibbiltà ikbar. Illum is-sekularizzazzjoni ħonqot il-valur ta’ rabta għall-ħajja kollha u xejnet l-għana tal-għotja fiż-żwieġ, u għalhekk “jeħtieġ ninżlu iżjed fil-fond tal-aspetti pożittivi tal-imħabba fiż-żwieġ”.[173]

 

Il-bidla fl-imħabba

163. Minħabba l-fatt li l-ħajja qiegħda titwal, qed naraw isseħħ ħaġa li ma kinitx komuni fi żminijiet oħra: ir-relazzjoni intima u l-appartenenza reċiproka jeħtieġ jibqgħu sħaħ għal erba’, ħames jew sitt deċennji, u dan jitlob mill-miżżewġin li jerġgħu jagħżlu lil xulxin iktar minn darba. Forsi l-miżżewweġ ma jibqax miġbud minn xenqa sesswali qawwija li tressqu lejn il-persuna l-oħra, imma jħoss il-pjaċir li hu tagħha u li hi tiegħu, li jaf li mhuwiex waħdu, li għandu “kompliċi” miegħu li taf kollox fuq ħajtu u fuq l-istorja tiegħu u li kollox taqsam miegħu. Hi s-sieħba tal-mixja ta’ ħajtu li flimkien magħha jistgħu jaffrontaw id-diffikultajiet kollha u jgawdu s-sabiħ. Anki dan iġib sodisfazzjon li jsieħeb ix-xewqa ta’ kull wieħed u waħda għall-imħabba fiż-żwieġ. Ma nistgħux inwiegħdu lil xulxin li ħa jkollna l-istess sentimenti tul ħajjitna kollha. Imma żgur jista’ jkollna proġett komuni b’saħħtu, inħabirku biex inħobbu lil xulxin u ngħixu magħqudin sa ma l-mewt tifridna, u ngħixu dejjem din l-intimità għanja. L-imħabba li nwiegħdu lil xulxin hi ogħla minn kull emozzjoni, sentiment jew burdata, anki jekk jistgħu jagħmlu parti minnha. Hawn għandna mħabba iżjed profonda, b’deċiżjoni tal-qalb li tmiss il-ħajja kollha. Hekk, imqar qalb kunflitti li jibqgħu mhux solvuti, u għalkemm fil-qalb ikun hemm iduru ħafna sentimenti mħawda, tinżamm sħiħa ta’ kuljum id-deċiżjoni li nħobbu, li nkunu ta’ xulxin, li naqsmu l-ħajja kollha flimkien u li nkomplu nħobbu u naħfru lil xulxin. Kull parti tterraq mixja li fiha tikber u tinbidel. Matul din il-mixja, l-imħabba tiċċelebra kull pass u kull fażi ġdida.

 

164. Fl-istorja ta’ żwieġ, l-aspett fiżiku jinbidel, imma din mhix raġuni biex tonqos il-ġibda kollha mħabba. Aħna ninnamraw mal-persuna sħiħa li għandha identità tagħha, u mhux biss ma’ ġisem, anki jekk dan il-ġisem, lil hemm minn dak li ż-żmien jaf imermer, qatt ma jehda jesprimi b’xi mod dik l-identità personali li tkun rebħet il-qalb tal-ieħor. Meta l-oħrajn ma jibqgħux kapaċi jagħrfu l-ġmiel ta’ din l-identità, il-miżżewweġ innamrat jibqa’ jaf jaqraha b’dak l-istint tal-imħabba, u mħabbtu ma tgħib qatt. Jerġa’ jwettaq id-deċiżjoni tiegħu li jkun tagħha, jagħżilha mill-ġdid u jesprimi din l-għażla permezz ta’ qrubija fidila u kollha ħlewwa. Il-kobor tad-deċiżjoni tiegħu b’riżqha, għax hi intensa u profonda, jerġa’ jqanqal fih għamla ġdida ta’ emozzjoni fit-twettiq tal-missjoni tal-ħajja miżżewġa. Għax “l-emozzjoni mqanqla minn essri uman ieħor bħala persuna […] ma tfittixx minnha nfisha l-att konjugali”.[174] Tikseb espressjonijiet oħra sensibbli għax l-imħabba “hija realtà waħda għalkemm b’xejriet differenti; kultant xejra jew oħra tista’ tispikka aktar.[175] Ir-rabta tagħhom issib modi ġodda u titlob minnhom li jiddeċiedu dejjem mill-ġdid li jżommuha sħiħa. Imma mhux biss biex iżommuha, imma biex ikabbruha. Hi l-mixja li fiha ta’ kuljum jinbnew iżjed. Imma xejn minn dan mhu possibbli jekk ma nitolbux lill-Ispirtu s-Santu, jekk ta’ kuljum ma ngħollux leħinna nitkarrbulu din il-grazzja, jekk ma nfittxux il-qawwa sopranaturali tiegħu, jekk ma nitolbuhx mill-ġdid bil-ħrara biex isawwab in-nar tiegħu fuq l-imħabba tagħna ħalli jsaħħaħha, jorjentaha u jibdilha f’kull sitwazzjoni ġdida.


 

IL-ĦAMES KAPITLU

L-IMĦABBA SSIR GĦAMMIELA

 

165. L-imħabba dejjem tagħti l-ħajja. Għalhekk, l-imħabba fiż-żwieġ “ma tiqafx hemm [fi ħdan il-koppja]. Il-miżżewġin, huma u jagħtu lilhom infushom lil xulxin, ma jagħtux biss lilhom infushom, iżda xi ħaġa aktar minnhom għax jagħtu l-ulied, li huma xbieha ħajja ta’ mħabbithom, u sinjal li jibqa’, tal-għaqda ta’ bejniethom; l-ulied huma dehra ħajja tal-istat tagħhom ta’ missier u omm, stat li qatt ma jista’ jiġi nieqes”.[176]

 

Nilqgħu ħajja ġdida

166. Il-familja hi l-post fejn mhux biss jitnisslu l-ulied, imma anki tiġi milqugħa l-ħajja li tasal bħala don mingħand Alla. Kull ħajja ġdida “tippermettilna niskopru d-dimensjoni l-iżjed gratwita tal-imħabba, li ma tieqaf qatt tgħaġġibna. Hu l-ġmiel li niġu maħbubin minn qabel: l-ulied huma maħbuba qabel jaslu”.[177] Dan jirrifletti l-primat tal-imħabba ta’ Alla li dejjem hu li jieħu l-inizjattiva, għax l-ulied “huma maħbubin qabel ma jkunu għamlu xi ħaġa biex jimmeritaw din l-imħabba”.[178] Madankollu, “ħafna tfal sa mill-bidu huma rrifjutati, abbandunati, misruqa mit-tfulija tagħhom u mill-ġejjieni tagħhom. Xi ħadd saħansitra jasal jgħid, kważi biex jiġġustifika ruħu, li kien żball li nġabu fid-dinja. Messu jistħi! […] X’se nagħmlu bid-dikjarazzjonijiet solenni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tat-tfal, jekk imbagħad nikkastigaw lit-tfal għall-iżbalji tal-adulti?[179] Jekk tarbija tiġi fid-dinja f’ċirkustanzi mhux mixtieqa, il-ġenituri jew membri oħra tal-familja għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex jilqgħuha bħala don ta’ Alla u biex jerfgħu r-responsabbiltà tagħha b’qalb miftuħa u bi mħabba. Għax “meta niġu għat-tfal li jiġu fid-dinja, l-ebda sagrifiċċju tal-adulti mhu meqjus ta’ prezz għoli jew kbir wisq, biex nevitaw li tifel jaħseb li hu xi żball, li ma jiswa għal xejn jew li ġie mitluq għall-ġrieħi tal-ħajja u għall-prepotenza tal-bnedmin”.[180] Ir-rigal ta’ wild ġdid li l-Mulej jafda lill-missier u l-omm nibdew billi nilqgħuh, inkomplu billi nħarsuh matul il-ħajja fuq din l-art u għandu bħala fini aħħari tiegħu l-ferħ tal-ħajja ta’ dejjem. Ħarsa serena lejn it-twettiq aħħari tal-persuna umana tista’ tgħin lill-ġenituri jaraw aħjar x’don prezzjuż ġie fdat f’idejhom: fil-fatt lilhom Alla ta li jagħżlu l-isem li bih hu sa jsejjaħ lil ibnu jew bintu għal dejjem.[181]

 

167. Il-familji kbar huma okkażjoni ta’ ferħ għall-Knisja. Fihom l-imħabba tesprimi ruħha f’ġenerożità għammiela. Dan ma jfissirx li ninsew it-twiddiba tajba ta’ San Ġwanni Pawlu II, meta fisser kif il-paternità responsabbli mhix “prokreazzjoni bla limiti jew nuqqas ta’ għarfien dwar xi jfisser trabbi l-ulied, imma pjuttost il-possibbiltà mogħtija lill-koppji li jħaddmu l-libertà invjolabbli tagħhom b’għaqal u responsabbiltà, waqt li jżommu quddiem għajnejhom ir-realtajiet soċjali u demografiċi kif ukoll l-istess qagħda tagħhom u x-xewqat leġittimi li għandhom”.[182]

 

L-imħabba fl-istennija waqt it-tqala

168. It-tqala hi perjodu iebes, imma anki żmien mill-isbaħ. L-omm tikkollabora ma’ Alla biex iseħħ il-miraklu ta’ ħajja ġdida. Il-maternità ġejja minn “potenzjalità partikulari tal-organiżmu femminili, li hi speċifikament orjentata biex toħloq u tnissel l-essri uman”.[183] Kull mara għandha sehem “fil-misteru tal-ħolqien, li jiġġedded fit-tnissil uman”.[184] Kif jgħid is-Salm: “F’ġuf ommi inti nsiġtni” (139:13). Kull wild li jissawwar fi ħdan ommu hu proġett etern ta’ Alla l-Missier u tal-imħabba tiegħu għal dejjem: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek” (Ġer 1:5). Kull wild jinsab sa minn dejjem fil-qalb ta’ Alla, u fil-mument tat-tnissil isseħħ il-ħolma eterna tal-Ħallieq. Naħsbu ftit f’kemm jiswa l-embriju sa mill-waqt li fih jitnissel! Irridu nħarsu lejh bl-istess ħarsa ta’ mħabba tal-Missier, li tara lil hemm minn dak kollu li jidher.

 

169. Il-mara fit-tqala tista’ tieħu sehem f’dan il-pjan ta’ Alla billi toħlom lil binha: “L-ommijiet u l-missirijiet kollha ħolmu lil binhom jew binthom għal disa’ xhur sħaħ. […] Ma jistax ikun hemm familja mingħajr il-ħolma. Meta familja titlef il-ħila li toħlom, it-tfal ma jikbrux u l-imħabba ma tikbirx, il-ħajja tiddgħajjef u tintefa.[185] F’din il-ħolma, għal koppja ta’ miżżewġin Insara, bilfors irid ikun hemm il-Magħmudija. Il-ġenituri jħejju għaliha bit-talb tagħhom, billi sa minn qabel twelidu jafdaw il-wild tagħhom lil Ġesù.

 

170. Bil-progress tax-xjenza llum tista’ tkun taf minn qabel x’lewn sa jkun ix-xagħar tat-tarbija u x’inhu l-mard li tista’ tbati minnu fil-futur, għax il-karatteristiċi somatiċi kollha ta’ dik il-persuna huma miktuba fil-kodiċi ġenetiku tagħha diġà sa mill-istadju embrijunali. Imma huwa biss il-Missier li ħalaqha li jafha b’mod sħiħ. Hu waħdu jaf dak li hu l-iżjed prezzjuż, dak li hu l-iżjed importanti, għax hu jaf min hi dik it-tarbija, x’inhi l-identità l-iżjed profonda tagħha. L-omm li qed iġġorrha f’ġufha għandha titlob id-dawl minn Alla biex tista’ tagħraf b’mod profond lill-wild tagħha u biex tistennieh kif inhu tabilħaqq. Xi ġenituri jħossu li l-wild tagħhom ma wasalx fl-aħjar żmien. Dawn għandhom bżonn jitolbu lill-Mulej ifejjaqhom u jsaħħaħhom biex jilqgħu b’mod sħiħ lil dak il-wild, biex jistgħu jistennew bil-qalb. Importanti li dik it-tarbija tħossha mistennija. Hi mhix xi tkomplija jew soluzzjoni għal xi xewqa personali. Hi essri uman, b’valur immens, u ma tistax tintuża għall-gwadann personali. Għalhekk, mhuwiex importanti jekk din il-ħajja ġdida hix ħa sservik jew le, jekk għandhiex karatteristiċi li jogħġbuk jew le, jekk tweġibx jew le għall-pjanijiet jew il-ħolm tiegħek. Għax “l-ulied huma rigal. Kull persuna hi unika u irrepetibbli […]. Iben tħobbu għax hu iben: mhux għax hu gustuż, jew għax hu hekk jew hekk; le, għax hu ibnek! Mhux għax jaħsibha bħali, jew jinkarna x-xewqat tiegħi. Iben huwa iben.[186] L-imħabba tal-ġenituri hi għodda tal-imħabba ta’ Alla l-Missier li jistenna bi ħlewwa t-twelid ta’ kull tarbija, jaċċettaha bla kundizzjonijiet u jilqagħha b’idejh miftuħa beraħ.

 

171. Bi mħabba kbira nixtieq nitlob dan lil kull mara li tinsab fit-tqala tagħha: ħu ħsieb tal-ferħ tiegħek, biex xejn u ħadd ma jisraqlek dak il-ferħ ġewwieni tal-maternità. Dik it-tarbija jixirqilha l-ferħ tiegħek. Tħallix il-biża’, it-tħassib, il-kummenti tal-oħrajn jew il-problemi jitfu l-ferħ tiegħek li int strument ta’ Alla biex jista’ jwassal fid-dinja ħajja ġdida. Ħu ħsieb ta’ dak li għandek x’tagħmel jew tħejji, imma bla ma tiffissa, u bħal Marija faħħar lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:46-48). Għix b’entużjażmu seren qalb l-iskumditajiet tiegħek, u itlob lill-Mulej iħarislek il-ferħ tiegħek biex tkun tista’ tgħaddih lit-tarbija tiegħek.

 

Imħabba ta’ omm u ta’ missier

172. “It-tfal, malli jitwieldu, jibdew jirċievu bħala don, flimkien man-nutriment u l-għożża, il-konferma tal-kwalitajiet spiritwali tal-imħabba. L-għemejjel tal-imħabba jgħaddu mid-doni tal-isem personali, il-qsim tal-lingwaġġ, il-fehmiet tal-ħars, id-dawl tat-tbissim. Hekk jitgħallmu li l-ġmiel tar-rabta bejn il-bnedmin qiegħed biex jimla r-ruħ tagħna, ifittex il-libertà tagħna, jaċċetta d-diversità tal-persuna l-oħra, jagħrafha u jirrispettaha bħala interlokutur. […] U din hi l-imħabba, li ġġorr fiha xrara minn dik ta’ Alla![187] Kull tarbija għandha d-dritt li tirċievi l-imħabba ta’ omm u ta’ missier, li t-tnejn huma meħtieġa biex hi tikber b’mod sħiħ u armonjuż. Kif affermaw l-Isqfijiet tal-Awstralja, it-tnejn “jagħtu sehemhom, kull wieħed b’mod differenti, biex it-tarbija tikber. Li nirrispettaw id-dinjità ta’ tarbija jfisser nisħqu fuq il-ħtieġa u l-jedd naturali tagħha li jkollha omm u missier”.[188] M’aħniex qed nitkellmu biss fuq l-imħabba tal-missier u tal-omm mifhuma b’mod separat, imma anki fuq l-imħabba ta’ bejniethom, li hi għajn tal-eżistenza tagħhom, bħal bejta li tilqa’ fi ħdanha u bħal sies tal-familja kollha. Jekk dan ikun nieqes, il-wild donnu jirriduċi ruħu biss għal pussess kapriċċjuż. It-tnejn, raġel u mara, missier u omm, huma “koperaturi tal-imħabba ta’ Alla li ħalaqhom bħal interpreti tagħha”.[189] Juru lil uliedhom il-wiċċ matern u l-wiċċ patern ta’ Alla. Barra minn hekk, huma flimkien jgħallmu l-valur tar-reċiproċità, tal-laqgħa bejn id-differenzi, fejn kull wieħed għandu l-identità tiegħu u jaf ukoll jirċievi mingħand l-ieħor. Jekk għal xi raġuni bla kontroll jonqos wieħed minnhom, importanti li jitfittex xi mod li jagħmel tajjeb għal dan, biex l-ulied jistgħu jikbru kif jixraq.

 

173. Is-sentiment ta’ ltiema li ħafna tfal u żgħażagħ qed jgħixu llum hu ikbar milli naħsbu. Illum nagħrfu bħala għalkollox leġittimu, u anki nawguraw, li n-nisa joħorġu jistudjaw, jaħdmu, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jkollhom aspirazzjonijiet personali. Imma fl-istess waqt ma nistgħux nagħlqu għajnejna quddiem kemm it-tfal jeħtieġu l-preżenza ta’ ommhom, speċjalment fl-ewwel xhur ta’ ħajjithom. Ir-realtà hi li “l-mara hi għall-bniedem omm, suġġett tal-ħajja umana ġdida li fiha tnisslet u tiżviluppa, u minnha titwieled għad-dinja”.[190] Jekk tonqos il-preżenza tal-omm bil-kwalitajiet femminili tagħha, dan ikun riskju gravi għad-dinja tagħna. Napprezza l-femminiżmu meta ma jippretendix l-uniformità u lanqas iċ-ċaħda tal-maternità. Għax il-kobor tal-mara jimplika d-drittijiet kollha li joħorġu mid-dinjità umana inaljenabbli tagħha, imma anki mill-ġenju femminili tagħha, li s-soċjetà mingħajru ma tistax tgħaddi. Il-ħiliet speċifikament femminili tagħha – b’mod partikulari l-maternità – jgħabbuha wkoll bi dmirijiet, għax il-fatt li hi mara jġib miegħu wkoll missjoni partikulari fuq din l-art, li s-soċjetà għandha tħares u tippreserva għall-ġid ta’ kulħadd.[191]

 

174. Fil-fatt, “l-ommijiet huma l-aqwa antidotu kontra t-tixrid tal-individwaliżmu egoistiku […]. Huma li jagħtuna xhieda tal-ġmiel tal-ħajja.[192] M’hemmx dubju, “soċjetà mingħajr ommijiet kienet tkun soċjetà diżumana, għax l-ommijiet jafu jagħtu xhieda dejjem, anki fl-agħar mumenti, bil-ħlewwa tagħhom, bid-dedikazzjoni tagħhom, bil-fibra morali li għandhom. L-ommijiet spiss jittrasmettu wkoll is-sens l-aktar profond tal-prattika reliġjuża: fl-ewwel talbiet, fl-ewwel ġesti ta’ devozzjoni li tfajjel jitgħallem […]. Mingħajr l-ommijiet, mhux biss ma kienx ikun hemm fidili ġodda, imma l-fidi kienet titlef parti sewwa mis-sħana sempliċi u qawwija tagħha. […] Għeżież ommijiet, grazzi, grazzi ta’ dak kollu li intom fil-familja u għal dak li tagħtu lill-Knisja u lid-dinja.[193]

 

175. L-omm, li tipproteġi lil binha bil-ħlewwa u l-mogħdrija tagħha, trawmu fil-fiduċja, u tgħinu jħoss li d-dinja hi post tajjeb li qed jilqgħu, u dan jgħinu jxettel fih stima tiegħu nnifsu li tiffavorixxi l-ħila ta’ intimità u l-empatija. Il-figura tal-missier, min-naħa l-oħra, tgħinu jifhem il-limiti tar-realtà u jorjenta iktar ruħu, biex jista’ joħroġ f’dinja usa’ u iktar għanja mimlija sfidi, waqt li tistiednu jagħmel l-almu tiegħu u jitqabad. Missier b’identità maskili ċara u hienja, li min-naħa tagħha tesprimi ruħha fl-imġiba li biha jħobb u jilqa’ lil martu, hu wisq meħtieġ daqskemm hi meħtieġa l-għożża tal-omm. Hemm rwoli u ħidmiet flessibbli, li jadattaw ruħhom għaċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull familja, imma l-preżenza ċara u spejgata taż-żewġ figuri, femminili u maskili, toħloq l-iżjed ambjent adatt biex l-ulied jistgħu jimmaturaw.

 

176. Jingħad li s-soċjetà tagħna hi “soċjetà bla missirijiet”. Fil-kultura tal-Punent, il-figura tal-missier donnha simbolikament assenti, imkagħbra, mitfija. Imqar l-istess irġulija tiegħu donnha mqiegħda fid-dubju. Wieħed jifhimha din il-konfużjoni, meta “għall-ewwel din il-ħaġa dehret donnha liberazzjoni: liberazzjoni mill-missier-sid, mill-missier li jirrappreżenta l-liġi imposta minn barra, mill-missier bħala ċensur tal-ferħ tal-ulied u xkiel għall-emanċipazzjoni u l-awtonomija taż-żgħażagħ. Kultant f’xi djar fil-passat kien isaltan l-awtoritarjaniżmu, f’xi każi saħansitra l-abbuż”.[194] Madankollu, “kif jiġri spiss, ngħaddu minn estrem għall-ieħor. Il-problema ta’ żminijietna ma jidhirx li għadha tant il-preżenza invadenti tal-missirijiet, daqskemm in-nuqqas tagħhom, il-ħabi tagħhom. Il-missirijiet xi kultant tant huma moħħhom fihom infushom u fix-xogħol tagħhom u xi drabi fir-realizzazzjonijiet individwali tagħhom, li jinsew ukoll il-familja. U jħallu liċ-ċkejknin u ż-żgħażagħ tagħhom waħidhom”.[195] Il-preżenza tal-missier, u allura l-awtorità tiegħu, donnha mhedda wkoll mill-ħin dejjem itwal li qed niddedikaw lill-mezzi tal-komunikazzjoni u lit-teknoloġija rikreattiva. Barra minn hekk, l-awtorità llum sirna nħarsu lejha b’suspett u l-adulti huma spiss vittmi ta’ ġudizzji ibsin. Huma stess qed jabbandunaw iċ-ċertezzi tagħhom u għalhekk m’għadhomx joffru lil uliedhom orjentamenti żguri u msejsa tajjeb. Mhix ħaġa tajba li jinbidlu r-rwoli bejn ġenituri u wlied: dan jagħmel ħsara kbira lill-proċess xieraq ta’ maturazzjoni li hemm bżonn li t-tfal jgħaddu minnu, u jċaħħadhom mill-imħabba tagħhom li tista’ torjentahom u li tgħinhom jimmaturaw.[196]

 

177. Alla qiegħed lill-missier fil-familja biex, bil-karatteristiċi prezzjużi tiegħu bħala raġel, “ikun qrib ta’ martu, biex jaqsmu kollox flimkien, ferħ u niket, taħbit u tamiet. U [biex] ikun qrib ta’ wliedu huma u jikbru: waqt il-logħob u waqt ix-xogħol, meta jkunu moħħ ir-riħ u meta mħassbin, meta jiftħu qalbhom u meta jżommu fommhom mitbuq, meta huma qalbiena u meta beżgħana, meta jagħmlu pass żbaljat u meta jsibu lura t-triq; missier preżenti, dejjem. Meta ngħid preżenti, dan mhux l-istess bħal meta ngħid jikkontrolla! Għax missirijiet li moħħhom iżżejjed biex jikkontrollaw kollox ikunu qed iħassru lil uliedhom”.[197] Xi missirijiet iħossuhom li ma jiswew għal xejn u li m’hemmx bżonn tagħhom, imma l-verità hi li “l-ulied għandhom bżonn isibu missier jistenniehom meta jerġgħu lura mill-waqgħat tagħhom. Minn kollox jagħmlu biex ma jammettuhx dan, biex ma jurux li hu hekk, imma għandhom bżonnu.[198] Mhux sewwa li t-tfal jibqgħu bla missirijiet u hekk joħorġu qabel iż-żmien mill-età tat-tfulija tagħhom.

 

Ħajja għammiela mwessgħa

178. Ħafna koppji miżżewġa ma jistax ikollhom tfal. Nafu dan kemm iġib tbatija miegħu. Min-naħa l-oħra, nafu wkoll li “ż-żwieġ mhuwiex imwaqqaf biss għall-prokreazzjoni […]. Għalhekk, għad li ħafna drabi, minkejja x-xewqa kbira tal-miżżewġin, ma jitweldux tfal, iż-żwieġ jibqa xorta waħda komunità u unjoni ta ħajja sħiħa u jżomm il-valur u l-indissolubbiltà tiegħu.[199] Barra dan, “il-maternità mhix realtà esklussivament bijoloġika, imma tesprimi ruħha b’diversi modi”.[200]

 

179. L-adozzjoni hi triq għat-twettiq tal-maternità u l-paternità b’mod ġeneruż ħafna, u nixtieq inħeġġeġ lil dawk li ma jistax ikollhom ulied biex iwessgħu u jiftħu l-imħabba tagħhom ta’ miżżewġin biex jilqgħu fiha lil dawk li huma mċaħħda minn ambjent xieraq ta’ familja. Żgur ma jiddispjaċihom qatt li saru ġenituri. L-adozzjoni hi l-għemil ta’ mħabba li jagħti familja lil min m’għandux. Importanti nisħqu biex il-leġislazzjoni tiffaċilita l-proċeduri għall-adozzjoni, fuq kollox fil-każi ta’ wlied mhux mixtieqa, biex inħarsuhom mill-abort u mill-abbandun. Dawk li jaffrontaw l-isfida tal-adozzjoni u jilqgħu persuna mingħajr kundizzjonijiet u b’xejn, isiru medjazzjoni tal-imħabba ta’ Alla li jgħid: “Imqar jekk ommok tinsiek, jien ma ninsiek qatt!” (ara Is 49:15).

 

180. “L-għażla tal-adozzjoni u tal-fostering tesprimi esperjenza konjugali partikularment għammiela, lil hemm mill-każi fejn b’xorti ħażin u wġigħ ta’ qalb hi milquta mill-isterilità. […] Quddiem dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-ulied huma mixtieqa hu x’inhu l-prezz, bħala dritt biex il-persuna tikseb il-milja tagħha, l-adozzjoni u l-fostering mifhuma kif suppost huma aspett importanti tal-ġenitorjalità u tal-filjolanza, għax jgħinu lill-ġenituri jifhmu li l-ulied, sew dawk naturali u sew jekk addottati jew fostered, huma persuna oħra distinta minnhom u għandhom jilqgħuhom, iħobbuhom, jieħdu ħsiebhom u mhux biss iġibuhom fid-dinja. L-aqwa interess tat-tarbija dejjem għandu jnebbaħ id-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni u l-fostering.[201] Min-naħa l-oħra “l-ittraffikar tat-tfal bejn pajjiżi u kontinenti għandu jiġi pprojbit b’interventi xierqa tal-liġi u kontrolli mill-Istati”.[202]

 

181. Ta’ min ifakkar ukoll li l-prokreazzjoni u l-adozzjoni mhumiex l-uniċi modi kif wieħed jista’ jgħix l-imħabba għammiela. Anki l-familja b’ħafna wlied hi msejħa tħalli l-marka tagħha fuq is-soċjetà fejn tgħix, biex tiżviluppa għamliet oħra ta’ mħabba għammiela li huma bħat-titwil tal-imħabba li tweżinha. Il-familji Nsara m’għandhomx jinsew li “l-fidi ma taqtagħniex mid-dinja, imma ddaħħalna iżjed fil-fond tagħha. […] Kull wieħed u waħda minna, fil-fatt, għandu rwol speċjali fit-tħejjija għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla fid-dinja”.[203] Il-familja m’għandha qatt tara lilha nfisha bħala biċċa art magħluqa bejn il-ħitan biex tipproteġi ruħha mis-soċjetà. M’għandhiex toqgħod b’idejha fuq żaqqha tistenna, imma trid toħroġ minnha nfisha tfittex ma’ min ħa tkun solidali. Hekk issir post ta’ integrazzjoni tal-persuna mas-soċjetà u punt fejn il-pubbliku u l-privat jiltaqgħu. Jeħtieġ li l-miżżewġin jagħrfu b’mod ċar u konxju x’inhuma d-dmirijiet soċjali tagħhom. Meta jseħħ dan, l-imħabba ta’ bejniethom qatt ma tonqoshom, imma timtela b’dawl ġdid, kif jesprimu dawn il-versi:

 

“Dirgħajk huma tmellisa għalija,

l-armonija fil-ħajja ta’ kuljum tiegħi;

inħobbok għax dirgħajk

iħabirku għall-ġustizzja.

 

Jekk inħobbok, dan għax int

imħabbti, seħibti u kollox,

u fit-triq, id f’id,

aħna ħafna iktar minn tnejn”.[204]

 

182. L-ebda familja ma tista’ tagħti l-frott jekk taħseb li hi wisq differenti jew “separata”. Biex nevitaw dan ir-riskju, infakkru li l-familja ta’ Ġesù, mimlija bil-grazzja u l-għerf, ma kinux iħarsu lejha bħala familja “stramba”, bħala xi dar barranija u mbiegħda mill-poplu. Proprju għalhekk in-nies ma setgħetx tifhem mnejn kien ġej l-għerf ta’ Ġesù u staqsiet: “Mnejn kisbu dan kollu? […] Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija?” (Mk 6:2-3). “Dan mhux bin il-mastrudaxxa? (Mt 13:55). Dan jikkonferma li kienet familja sempliċi, qrib ta’ kulħadd, imdaħħla b’mod normali fil-ħajja tal-poplu. Lanqas Ġesù ma kien jemmen f’relazzjoni magħluqa u esklussiva ma’ Marija u Ġużeppi, imma kien iħobb jitħarrek minn post għall-ieħor fil-familja mwessgħa li fiha kien hemm qrabatu u ħbiebu. Dan jispjega kif, huma u ħerġin lura minn Ġerusalemm, il-ġenituri tiegħu fehmuha li binhom ta’ tnax-il sena seta’ ntilef fil-karwana għal ġurnata sħiħa, jisma’ r-rakkonti u jaqsam fit-tħassib ta’ kulħadd: “Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom…” (Lq 2:44). Imma xi drabi jiġri li ċerti familji Nsara, minħabba fil-lingwaġġ li jużaw, kif jesprimu l-affarijiet, l-istil ta’ mġibithom, ir-ripetizzjoni kontinwa ta’ żewġ temi jew tlieta, l-oħrajn jispiċċaw iħarsu lejhom mill-bogħod, qishom kienu maqtugħa mis-soċjetà, saħansitra l-istess qraba tagħhom iħossu li qed jistmerruhom jew jiġġudikawhom.

 

183. Koppja miżżewġa li dduq il-qawwa tal-imħabba, taf li din l-imħabba hi msejħa ddewwi u tfejjaq il-ġrieħi tal-mitluqa, u terġa’ twaqqaf il-kultura tal-laqgħa, titqabad b’riżq il-ġustizzja. Alla fada lill-familja bil-pjan tiegħu li jagħmel mid-dinja “dar”,[205] fejn kulħadd jista’ jidħol u jħoss li kull bniedem huwa ħuh: “Ħarsa mill-qrib lejn il-ħajja ta’ kuljum tal-irġiel u n-nisa ta’ żmienna minnufih turi l-ħtieġa li hemm kullimkien ta’ injezzjoni b’saħħitha ta’ spirtu ta’ familja. […] Mhux biss l-organizzazzjoni tal-ħajja komuni qed teħel dejjem iżjed f’burokrazija għalkollox barranija għar-rabtiet umani fundamentali, imma, saħansitra, id-drawwiet soċjali u politiċi spiss qed juru sinjali ta’ tifrik.[206] Imma l-familji miftuħa u solidali joħolqu spazju għall-foqra, jafu jinsġu ħbiberija ma’ dawk f’qagħda agħar minn tagħhom. Jekk tassew għandhom il-qalb tal-Evanġelju, ma jistgħux jinsew x’jgħid Ġesù: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Tabilħaqq ikunu jgħixu dak li hu mitlub b’mod hekk elokwenti minn dan it-test: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int” (Lq 14:12-14). Hieni int! Araw fejn hu s-sigriet ta’ familja hienja.

 

184. Bix-xhieda tagħhom, u anki bil-kelma, il-familji jitkellmu dwar Ġesù mal-oħrajn, u hekk jgħaddu l-fidi, iqajmu mill-ġdid ix-xewqa għal Alla, u juru l-ġmiel tal-Evanġelju u tal-istil tal-ħajja li hu jipproponilna. Hekk il-miżżewġin Insara jpinġu fuq il-griż tal-ispazju pubbliku u jimlewh bl-ilwien tal-fraternità, tas-sensibbiltà soċjali, tal-ħarsien tal-persuni dgħajfa, tal-fidi mdawla, tat-tama attiva. L-imħabba għammiela tagħhom titwessa’ u tinbidel f’elf mod ta’ kif jagħmlu l-imħabba ta’ Alla preżenti fis-soċjetà.

 

Dixxerniment tal-ġisem

185. F’din il-linja ta’ min jieħu b’iktar serjetà t-test bibliku li soltu ninterpretawh barra mill-kuntest tiegħu, jew b’mod ġenerali ħafna, u għalhekk nistgħu ninjoraw it-tifsira iżjed immedjata u diretta tiegħu, li kjarament hi waħda soċjali. Qed nitkellem fuq 1 Kor 11:17-34, fejn San Pawl jaffronta sitwazzjoni tal-mistħija fil-komunità. F’dak il-kuntest, xi persuni li kienu jistgħu finanzjarjament, spiss kienu jiddiskriminaw lil dawk foqra, u dan kien saħansitra jseħħ fil-laqgħa tagħhom ma’ xulxin wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Waqt li l-għonja kienu jgawdu mill-ikel tajjeb tagħhom, il-foqra kienu jibqgħu jħarsu mġewħa: “Wieħed bil-ġuħ u l-ieħor fis-sakra. Ma għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu twaqqgħu fl-għajb il-Knisja ta’ Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li ma għandhomx?” (vv. 21-22).

 

186. L-Ewkaristija tesiġi l-integrazzjoni fil-ġisem waħdieni tal-Knisja. Min jersaq lejn il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu ma jistax fl-istess waqt joffendi dak l-istess Ġisem billi bi skandlu jġib firdiet u diskriminazzjonijiet bejn il-membri tiegħu. Għalhekk irridu “niddixxernu” l-Ġisem tal-Mulej, nagħrfuh b’fidi u mħabba kemm fis-sinjali sagramentali u kemm fil-komunità, inkella nkunu nieklu u nixorbu l-kundanna tagħna stess (ara v. 29). Dan it-test bibliku hu twissija serja għall-familji li jingħalqu fil-kumditajiet tagħhom u jiżolaw ruħhom, imma iżjed speċifikament għall-familji li jibqgħu indifferenti quddiem it-tbatijiet tal-familji foqra u l-iżjed fil-bżonn. Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika hekk issir sejħa kontinwa lil kull wieħed u waħda biex “jgħarbel lilu nnifsu” (v. 28) ħalli jiftaħ il-bibien tal-familja tiegħu għal komunjoni isħaħ ma’ dawk li s-soċjetà tarmi u hekk ikun tabilħaqq qed jirċievi s-Sagrament tal-imħabba Ewkaristika li jagħmilna ġisem wieħed. Ma rridux ninsew li “n-natura mistika tas-Sagrament hi ta’ karattru soċjali”.[207] Meta dawk li jirċevuh ma jaċċettawx li jinġibdu minn impenn mal-foqra u l-batuti jew jittolleraw diversi xejriet ta’ firda, ta’ stmerrija u ta’ inġustizzja, l-Ewkaristija jkunu jirċevuha bla ma jixirqilhom. Imma l-familji li jitmantnew mill-Ewkaristija b’dispożizzjoni xierqa, isaħħu fihom ix-xewqa tal-imħabba tal-aħwa, is-sens soċjali tagħhom u l-impenn b’riżq min hu fil-bżonn.

 

Il-ħajja fil-familja f’sens wiesa’

187. In-nukleu ċkejken tal-familja m’għandux jinqata’ mill-familja usa’, fejn hemm il-ġenituri, iz-zijiet, il-kuġini u anki l-ġirien. F’familja wiesgħa bħal din jista’ jkun hemm xi wħud fil-bżonn tal-għajnuna jew tal-inqas tal-kumpanija u ta’ ġesti ta’ mħabba, jew jista’ jkun hemm tbatija kbira fil-bżonn tal-faraġ.[208] L-individwaliżmu ta’ żmienna xi kultant jagħlaqna fil-kumdità ċerta ta’ bejta ċkejkna u jwassalna biex inħarsu lejn l-oħrajn bħala periklu li jdejjaqna. Madankollu, dan l-iżolament ma joffrix iżjed paċi u hena, imma jagħlaq il-qalb tal-familja u jċaħħadha mix-xefaq wiesa’ tal-ħajja.

 

Inkunu wlied

188. Qabelxejn nitkellmu fuq il-ġenituri tagħna. Ġesù lill-Fariżej fakkarhom li min iwarrab lill-ġenituri jkun qed jeħodha kontra l-Liġi ta’ Alla (ara Mk 7:8-13). Lil ħadd ma jiswa ta’ ġid li jitlef l-għarfien li hu iben jew bint. F’kull persuna, “anki jekk wieħed isir adult, jew anzjan, anki jekk isir ġenitur, jekk jikseb post ta’ responsabbiltà, taħt dan kollu tibqa’ l-identità ta’ iben. Ilkoll aħna wlied. U dan iwassalna dejjem għall-fatt li l-ħajja ma tajnihiex aħna lilna nfusna, imma rċivejnieha”.[209]

 

189. Għalhekk, “ir-raba’ kmandament jitlob mill-ulied […] li jweġġħu lill-missier u lill-omm (ara Eż 20:12). Dan il-kmandament jiġi dritt wara dawk li jitkellmu dwar Alla nnifsu. Fil-fatt fih xi ħaġa qaddisa, xi ħaġa divina, xi ħaġa li qiegħda fl-għeruq ta’ kull tip ieħor ta’ rispett bejn il-bnedmin. U fil-formulazzjoni biblika tar-raba’ kmandament insibu miżjud: ‘biex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik’. Ir-rabta tajba bejn il-ġenerazzjonijiet hi garanzija ta’ futur, u hi garanzija ta’ storja tassew umana. Soċjetà ta’ wlied li ma jweġġħux lill-ġenituri tagħhom hi soċjetà bla ġieħ […]. Hi soċjetà ddestinata li timtela b’żgħażagħ niexfa u rgħiba”.[210]

 

190. Imma hemm ukoll il-wiċċ l-ieħor tal-munita: “Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu (Ġen 2:24), tisħaq il-Kelma ta’ Alla. Dan xi drabi ma jseħħx, u wieħed ma jidħolx għaż-żwieġ b’mod sħiħ għax din iċ-ċaħda u din l-għotja jibqgħu ma jitwettqux. Il-ġenituri m’għandhomx jiġu mwarrba u lanqas ittraskurati, madankollu, biex tnejn jingħaqdu fiż-żwieġ jeħtieġ li jinfatmu mill-ġenituri tagħhom, biex id-dar il-ġdida ssir l-għamara, il-ħarsien, il-qafas u l-pjan tagħhom, u jkunu jistgħu tassew isiru “ġisem wieħed” (ibid.). F’xi żwiġijiet jiġri li l-miżżewġin jibqgħu jaħbu ħafna ħwejjeġ minn xulxin, li mbagħad imorru jgħiduhom lill-ġenituri tagħhom, hekk li aktar tibda tiswa l-fehma tal-ġenituri milli s-sentimenti u l-fehmiet tal-parti l-oħra fiż-żwieġ. Mhix ħaġa ħafifa li wieħed jibqa’ għaddej f’din is-sitwazzjoni għal tul ta’ żmien, u hi possibbli biss proviżorjament, sakemm jinħolqu l-kundizzjonijiet biex tnejn jikbru fil-fiduċja u d-djalogu. Iż-żwieġ jisfidana biex insibu mod ġdid kif inkunu wlied.

 

L-anzjani

191. “Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; titlaqnix meta tħallini saħħti” (Salm 71:9). Din hi l-karba tal-anzjan, li jibża’ li jispiċċa minsi u mwarrab. Hekk kif Alla jistedinna nkunu għodda tiegħu biex nisimgħu l-karba tal-foqra, hu jistenna wkoll minna li nagħtu widen għall-karba tal-anzjani.[211] Dan jisfida lill-familji u l-komunitajiet, għax “il-Knisja ma tistax u ma tridx taqa’ għall-mentalità ta’ nuqqas ta’ sabar, u wisq inqas ta’ indifferenza u ta’ disprezz, fil-konfront tax-xjuħija. Jeħtieġ inqajmu mill-ġdid is-sens kollettiv ta’ gratitudni, ta’ apprezzament, ta’ ospitalità, li lil min hu anzjan jagħmlu jħossu parti ħajja mill-komunità tiegħu. L-anzjani huma rġiel u nisa, missirijiet u ommijiet li kienu diġà qabilna fl-istess triq tagħna, fl-istess dar tagħna, fil-ġlieda tagħna ta’ kuljum għal ħajja xierqa”.[212] Għaldaqstant, “kemm nixtieq Knisja li kapaċi tisfida lill-kultura tal-iskart bil-ferħ li joħroġ minn tgħanniqa ġdida bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani!”[213]

 

192. San Ġwanni Pawlu II stedinna nagħtu kas ta’ post l-anzjani fil-familja, għax hemm kulturi li “minħabba żvilupp addoċċ tal-industrija u tal-ħajja fl-ibliet, waslu u qegħdin jaslu biex iwarrbu x-xjuħ min-nofs, b’mod jew ieħor, li ma jistax ikun li taċċettah”.[214] L-anzjani jgħinuna naqraw “il-kontinwità tal-ġenerazzjonijiet”, bil-“kariżma li nħitu mill-ġdid il-biċċiet imqattgħin”.[215] Ħafna drabi huma n-nanniet li jiżguraw it-trasmissjoni tal-valuri għolja lin-neputijiet tagħhom u “ħafna persuni jistgħu jixhdu kif l-inizjazzjoni tagħhom għall-ħajja Nisranija jafuha lin-nanniet”.[216] Kliemhom, iż-żegħil tagħhom u s-sempliċi preżenza tagħhom tgħin lit-tfal jagħrfu li l-istorja tagħhom ma bdietx magħhom, li huma werrieta ta’ mixja twila u li għandna nirrispettaw l-istorja li ġiet qabilna. Dawk li jċarrtu r-rabtiet mal-istorja jsibuha bi tqila biex jinsġu relazzjonijiet stabbli u jagħrfu li huma mhumiex is-sidien tar-realtà li fiha jgħixu. Hu għalhekk li “l-attenzjoni għall-anzjani tagħmel id-differenza f’ċiviltà. F’ċiviltà hemm attenzjoni għall-anzjan? Hemm post għall-anzjan? Din iċ-ċiviltà tista’ timxi ’l quddiem jekk tagħraf tirrispetta l-għerf u l-għaqal tal-anzjani”.[217]

 

193. In-nuqqas ta’ memorja storika hu difett kbir tas-soċjetà tagħna. Hi l-mentalità immatura ta’ “dak issa għadda”. L-unika possibbiltà li għandna li nibnu futur li jagħmel sens hi li nagħrfu u nieħdu pożizzjoni quddiem il-ġrajjiet l-imgħoddija. Ma tistax teduka mingħajr memorja: “Ftakru f’dawk l-ewwel jiem” (Lhud 10:32). Ir-rakkonti tal-anzjani jagħmlu ġid kbir lit-tfal u liż-żgħażagħ, għax idaħħluhom f’rabta mal-istorja li għaddew minnha kemm il-familja u kemm ir-raħal u l-pajjiż. Familja li ma tirrispettax u ma tiħux ħsieb in-nanniet tagħha, li huma l-memorja ħajja tagħha, hi familja mfarrka; imma familja li tiftakar hi familja li għandha futur. Għalhekk, “f’ċiviltà fejn m’hemmx post għall-anzjani jew dawn jiġu skartati għax huma meqjusa problema, din is-soċjetà ġġorr magħha l-marda tal-mewt”,[218] ladarba “qed tinqata’ mill-istess għeruq tagħha”.[219] Il-fenomenu ta’ żmienna li nħossuna ltiema, f’termini ta’ nuqqas ta’ kontinwità, tiċrit mill-għeruq u dgħajfien taċ-ċertezzi li jsawru l-ħajja, qed jisfidana biex nagħmlu mill-familji tagħna post fejn it-tfal jistgħu jniżżlu għeruqhom fil-ħamrija ta’ storja kollettiva.

 

Insiru aħwa

194. Ir-relazzjoni bejn l-aħwa tinżel iktar fil-fond mal-medda taż-żmien, u “r-rabta ta’ fraternità li tissawwar fil-familja bejn l-ulied, jekk isseħħ fi klima ta’ edukazzjoni għall-ftuħ lejn l-oħrajn, issir l-iskola kbira tal-libertà u l-paċi. Fil-familja, l-aħwa jitgħallmu kif il-bnedmin jgħixu flimkien […]. Forsi mhux dejjem aħna konxji, imma hi proprju l-familja li tintroduċi l-imħabba tal-aħwa fid-dinja! Ibda minn din l-ewwel esperjenza ta’ bejn l-aħwa, li tixrob mill-imħabba u l-edukazzjoni fil-familja, l-istil ta’ fraternità jiddi bħala wegħda għas-soċjetà kollha.[220]

 

195. Li nikbru flimkien bħala aħwa joffri esperjenza sabiħa ta’ għożża reċiproka, fejn ngħinu u niġu megħjuna. Allura “r-rabta tal-aħwa fil-familja tilma b’mod speċjali meta naraw b’liema għożża, b’liema sabar u mħabba huma mdawra l-aħwa l-iktar dgħajfa, morda, jew li jġorru xi diżabbiltà”.[221] Irridu nagħrfu illi “li jkollok ħuk, oħtok li jħobbuk hi esperjenza qawwija, li ma tixtrihiex bil-flus, ma jeħdilha postha xejn”,[222] imma lil uliedna jeħtieġ ngħallmuhom bis-sabar kif jieħdu ħsieb ta’ ħuthom. Dan it-taħriġ, li kultant jgħejjina, hu skola vera ta’ relazzjonijiet soċjali. F’xi pajjiżi teżisti tendenza qawwija li kull familja jkollha biss wild wieħed, u minħabba f’dan, l-esperjenza li jkollok ħuk jew oħtok m’għadhiex komuni bħal qabel. Fil-każ fejn ma kienx possibbli għal dawk il-ġenituri li jkollhom iżjed minn wild wieħed, għandhom isibu mod kif binhom jew binthom ma jikbirx waħdu u iżolat.

 

Qalb kbira

196. Barra ċ-ċirku żgħir imsawwar mill-miżżewġin u wliedhom, hemm il-familja wiesgħa li ma tistax titħalla barra. Fil-fatt, “l-imħabba bejn ir-raġel u l-mara fiż-żwieġ u, b’mod aktar wiesa’ li jiġi minnha, l-imħabba bejn il-membri kollha tal-istess familja – bejn il-ġenituri u l-ulied, bejn l-aħwa u bejn il-qraba u n-nies kollha tad-dar – tieħu l-ħajja u titqawwa b’ħeġġa li tinsab fiha stess u ma tonqos qatt: tant li twassal il-familja għall-għaqda dejjem aktar sħiħa u aktar qawwija, għaqda li hi l-pedament u r-ruħ tal-komunità taż-żwieġ u tal-familja”.[223] F’dan il-qasam jidħlu wkoll il-ħbieb u l-familji ħbieb, u anki l-komunitajiet ta’ familji li jwieżnu lil xulxin fid-diffikultajiet, fl-impenn soċjali u fil-fidi.

 

197. Din il-familja wiesgħa għandha tilqa’ b’ħafna mħabba lit-tfajliet ommijiet, it-tfal bla ġenituri, in-nisa waħidhom li jkollhom ikomplu jedukaw lil uliedhom, il-persuni b’diżabbiltà li jridu ħafna mħabba u qrubija, iż-żgħażagħ li qed jissieltu kontra xi vizzju, il-persuni mhux miżżewġa, dawk separati jew romol li jbatu mis-solitudni, l-anzjani u l-morda li m’għandhomx l-appoġġ ta’ wliedhom, biex tinkludi fi ħdanha “saħansitra [dawk] l-iżjed diżastrużi fl-imġiba ta’ ħajjithom”.[224] Tista’ wkoll tgħin u tagħmel tajjeb għad-dgħufija tal-ġenituri, jew biex tiskopri u tirraporta fil-ħin sitwazzjonijiet ta’ vjolenza jew anki abbuż fuq tfal, waqt li tipprovdilhom imħabba b’saħħitha u tweżin familjari meta l-ġenituri tagħhom dan ma jistgħux jiżgurawh.

 

198. Fl-aħħar nett, ma nistgħux ninsew li f’din il-familja wiesgħa hemm anki l-kunjatu, il-kunjata u l-qraba kollha tal-miżżewġin. L-imħabba bid-delikatezza li hi tagħha għandha tevita li tħares lejhom bħala konkorrenti, bħala persuni perikulużi, li qed jinvadu. Ir-rabta tal-miżżewġin titlob ir-rispett tat-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħhom, tfittex li tifhem il-lingwaġġ tagħhom, tillimita l-kritika, tieħu ħsiebhom u tintegrahom b’xi mod fil-qalb tagħha, anki jekk il-koppja għandha tħares l-awtonomija leġittima u l-intimità tagħha. Dawn l-atteġġjamenti huma wkoll mod mill-isbaħ kif il-miżżewġin jesprimu l-ġenerożità tal-għotja kollha mħabba tagħhom lejn xulxin.


 

IS-SITT KAPITLU

XI PERSPETTIVI PASTORALI

 

199. Id-djalogi tal-mixja sinodali wassluna biex inħossu l-bżonn li nimirħu f’toroq pastorali ġodda, li hawn se nipprova niġbor fil-qosor b’mod ġenerali. Imbagħad inħalli f’idejn id-diversi komunitajiet biex jelaboraw u joħorġu bi proposti iżjed prattiċi u effikaċi, li jqisu kemm it-tagħlim tal-Knisja u kemm il-ħtiġijiet u l-isfidi lokali. Bla ma nippretendi li hawn nista’ noffri pastorali tal-familja, nixtieq nillimita ruħi biex niġbor xi wħud mill-isfidi pastorali ewlenin.

 

Inxandru llum l-Evanġelju tal-familja

200. Il-Padri Sinodali għafsu fuq il-fatt li l-familji Nsara, bil-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ, huma s-suġġetti prinċipali tal-pastorali tal-familja, fuq kollox għax joffrulna “x-xhieda hienja tal-miżżewġin u tal-familji, knejjes tad-dar”.[225] Għalhekk huma saħqu li “rridu nuru kif l-Evanġelju tal-familja hu ferħ li ‘jimla l-qalb u l-ħajja kollha kemm hi’, għax fi Kristu aħna ‘meħlusa mid-dnub, mid-dwejjaq, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament’ (Evangelii gaudium, 1). Fid-dawl tal-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’ (ara Mt 13:3-9), xogħolna hu li nikkoperaw fiż-żrigħ: il-bqija jagħmlu Alla. Ma rridux ninsew lanqas li l-Knisja li tipprietka fuq il-famija hi sinjal ta’ kontradizzjoni”,[226] imma l-miżżewġin japprezzaw li r-Ragħajja joffrulhom motivazzjonijiet biex jidħlu għal imħabba qawwija, soda, li ttul, u li kapaċi tħabbat wiċċha ma’ dak li jitfaċċa mat-triq. Il-Knisja tixtieq tilħaq il-familji billi umilment tifhem minn xiex huma għaddejjin, u x-xewqa tagħha hi li ssieħeb “lil kull familja biex tiskopri l-aħjar triq biex tegħleb id-diffikultajiet li magħhom tiltaqa’ fil-mixja tagħha”.[227] Mhux biżżejjed li fil-pjanijiet kbar pastorali ndaħħlu nota ġenerika fuq it-tħassib tagħna għall-familja. Biex il-familji jsiru dejjem iżjed suġġett attiv tal-pastorali tal-familja, hu meħtieġ “sforz b’riżq l-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi indirizzat lejn il-familja nfisha”,[228] li jorjentaha f’din id-direzzjoni.

 

201. “Għalhekk il-Knisja kollha hi msejħa għal konverżjoni missjunarja: jeħtieġ ma niqfux ma’ tħabbira purament teoretika u maqtugħa mill-problemi reali tan-nies”.[229] Il-pastorali mal-familji “għandha turina kif l-Evanġelju tal-familja hu tweġiba għax-xewqat l-iżjed qawwija tal-bniedem: għad-dinjità tiegħu u għat-twettiq sħiħ fir-reċiproċità, fil-komunjoni u fil-fekondità. Hawn m’aħniex qegħdin biss nippreżentaw normattiva, imma qed nipproponu sett ta’ valuri, li jwieġbu għall-ħtiġijiet li llum qed jinħassu anki fl-iktar pajjiżi sekularizzati”.[230] Fuq kollox, “daqstant ieħor saret enfasi fuq il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni li ma tibżax teħodha kontra l-kundizzjonamenti kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi, bħall-ispazju żejjed li qed jingħata lil-loġika tas-suq, li jxekklu ħajja familjari awtentika, u jġibu diskriminazzjonijiet, faqar, esklużjoni, vjolenza. Għalhekk għandna nħabirku b’riżq djalogu u koperazzjoni mal-istrutturi soċjali, u ninkuraġġixxu u nwieżnu l-lajċi li, ta’ Nsara, jimpenjaw ruħhom fil-qasam kulturali u soċjo-politiku”.[231]

 

202. “Il-kontribut prinċipali lill-pastorali tal-familja toffrih il-parroċċa, li hi familja ta’ familji, fejn isseħħ l-armonija tas-sehem tal-komunitajiet iż-żgħar, il-movimenti u l-għaqdiet ekkleżjali”.[232] Flimkien ma’ pastorali speċifikament orjentata għall-familji, naraw il-ħtieġa ta’ “formazzjoni iżjed adegwata għall-presbiteri, id-djakni, ir-reliġjużi, il-katekisti u l-operaturi pastorali l-oħra”.[233] Fit-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet mibgħuta madwar id-dinja kollha, ħareġ ċar li l-ministri ordnati spiss huma neqsin mill-formazzjoni xierqa biex jittrattaw il-problemi kumplessi ta’ żmienna fil-familji. F’dan is-sens tista’ tiswa wkoll l-esperjenza tat-tradizzjoni twila ta’ saċerdoti miżżewġa fil-Knejjes tal-Lvant.

 

203. Is-seminaristi għandu jkollhom formazzjoni interdixxiplinari iktar wiesgħa dwar l-għerusija u ż-żwieġ, u mhux biss duttrina. Barra minn hekk, il-formazzjoni mhux dejjem tippermettilhom jesprimu d-dinja psiko-affettiva tagħhom. Xi wħud iġorru magħhom f’ħajjithom l-esperjenza tal-familja miġruħa tagħhom, bl-assenza tal-ġenituri jew bl-instabbiltà emozzjonali. Matul il-formazzjoni rridu niggarantixxu li huma jimmaturaw biex il-ministri tal-futur ikollhom dak il-bilanċ psikiku li titlob minnhom il-missjoni tagħhom. Ir-rabtiet fil-familja huma fundamentali biex isaħħu l-istima li s-seminaristi għandhom tagħhom infushom. Għalhekk importanti li l-familji jsieħbu l-proċess kollu tas-seminarju u tas-saċerdozju, billi jgħinu b’mod realistiku fit-tisħiħ tiegħu. F’dan is-sens jiswa ta’ ġid li mal-ħinijiet ta’ ħajja fis-seminarju jiżdiedu oħrajn ta’ ħajja fil-parroċċa, li jippermettulhom jidħlu f’kuntatt ikbar mar-realtà konkreta tal-familji. Fil-fatt, matul il-ħajja pastorali kollha tiegħu s-saċerdot jiltaqa’ fuq kollox mal-familji. “Il-preżenza tal-lajċi u tal-familji, b’mod partikulari dik femminili, fil-formazzjoni saċerdotali, tiffavorixxi l-apprezzament tal-varjetà u l-kumplimentarjetà tad-diversi vokazzjonijiet fil-Knisja”.[234]

 

204. It-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet li saru jesprimu wkoll b’insistenza l-ħtieġa tal-formazzjoni ta’ operaturi lajċi fil-pastorali tal-familja bl-għajnuna ta’ psikopedagoġisti, tobba tal-familja, tobba tal-komunità, professjonisti fis-servizzi soċjali, avukati tal-minuri u l-familji, b’moħħ miftuħ għall-kontribut li għandhom x’jagħtu l-psikoloġija, is-soċjoloġija, is-sesswoloġija u anki l-counselling. Il-professjonisti, speċjalment dawk li għandhom esperjenza fit-tisħib ta’ oħrajn, jgħinuna nlaħħmu l-proposti pastorali fis-sitwazzjonijiet reali u fit-tħassib konkret tal-familji. “Programmi u korsijiet ta’ formazzjoni maħsuba speċifikament għall-operaturi pastorali jistgħu jagħmluhom idonji biex idaħħlu l-istess mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ fid-dinamika usa’ tal-ħajja ekkleżjali”.[235] Hi importanti tħejjija pastorali tajba “anki fid-dawl tas-sitwazzjonijiet partikulari ta’ emerġenza minħabba f’każi ta’ vjolenza domestika u abbuż sesswali”.[236] Dan kollu bl-ebda mod ma jnaqqas, anzi jintegra l-valur fundamentali tad-direzzjoni spiritwali, tar-riżorsi spiritwali prezzjużi li għandha l-Knisja u tar-Rikonċiljazzjoni sagramentali.

 

Ngħinu lill-għarajjes fil-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ

205. Il-Padri Sinodali saħqu b’iktar minn mod wieħed li hemm bżonn ngħinu liż-żgħażagħ jiskopru l-valur u l-għana taż-żwieġ.[237] Għandhom ikunu kapaċi jifhmu l-faxxinu ta’ għaqda sħiħa li tgħolli u tipperfezzjona d-dimensjoni soċjali tal-ħajja, tagħti lis-sesswalità l-ogħla tifsira tagħha, u fl-istess waqt tippromovi l-ġid tal-ulied u toffrilhom l-aħjar kuntest fejn jimmaturaw u jiġu edukati.

 

206. “Ir-realtà soċjali kumplessa u l-isfidi li l-familja llum hi msejħa taffronta jitolbu impenn ikbar tal-komunità Nisranija kollha għat-tħejjija tal-għarajjes għaż-żwieġ. Importanti niftakru l-importanza tal-virtujiet. Fost dawn, il-kastità hi kundizzjoni prezzjuża biex tabilħaqq tista’ tikber l-imħabba bejn żewġ persuni. Dwar din il-ħtieġa l-Padri Sinodali qablu f’li jinsistu fuq l-importanza ta’ sehem ikbar tal-komunità sħiħa fejn fuq quddiem tiġi x-xhieda tal-istess familji, kif ukoll li nniżżlu iżjed l-għeruq tat-tħejjija għaż-żwieġ fil-mixja ta’ inizjazzjoni Nisranija, b’enfasi fuq ir-rabta taż-żwieġ mal-Magħmudija u s-sagramenti l-oħra. Spiss ħarġet il-ħtieġa ta’ programmi speċifiċi għat-tħejjija prossima għaż-żwieġ li jkunu esperjenza vera ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Knisja u jinżlu fil-fond tad-diversi aspetti tal-ħajja tal-familja”.[238]

 

207. Nistieden lill-komunitajiet Insara jagħrfu li meta jsieħbu lill-għarajjes fil-mixja ta’ mħabba tagħhom, dan jiswa ta’ fejda għalihom stess. Kif qalu tant tajjeb l-Isqfijiet tal-Italja, dawk li jiżżewġu huma għall-komunità Nisranija “riżorsa prezzjuża għax, meta jimpenjaw ruħhom bis-serjetà fl-imħabba u fid-don tagħhom infushom lil xulxin, jistgħu jikkontribwixxu biex iġeddu l-istess tessut tal-ġisem sħiħ tal-Knisja: l-għamla partikulari ta’ ħbiberija li huma jħaddnu tista’ tittieħed minn oħrajn, u hekk tkabbar fil-ħbiberija u fil-fraternità lill-komunità Nisranija li minnha jagħmlu parti”.[239] Hemm bosta modi tajbin kif nistgħu norganizzaw it-tħejjija fil-qrib għaż-żwieġ, u kull Knisja lokali trid tiddixxerni hi liema hi l-aħjar mixja għaliha, u tipprovdi formazzjoni xierqa li fl-istess waqt ma tbegħidx liż-żgħażagħ mis-sagrament. M’aħniex qed nitkellmu fuq li nagħtuhom il-Katekiżmu kollu, lanqas li nimlewhom b’ħafna argumenti. Anki f’dan il-każ, fil-fatt, “mhux il-ħafna tagħrif li jimla u jaħji r-ruħ, imma li l-affarijiet tħosshom u tiggustahom f’qalbek”.[240] Iktar tinteressa l-kwalità mill-kwantità, u – flimkien ma’ xandir imġedded tal-kerygma – irridu nagħtu prijorità lil dawk il-kontenuti li, mgħoddija b’mod attraenti u kordjali, jgħinuhom jimpenjaw ruħhom f’mixja għal ħajjithom kollha “b’qalb kbira u bil-ġenerożità”.[241] Hi bħal xorta ta’ “inizjazzjoni” għas-sagrament taż-żwieġ li tfornihom bl-elementi meħtieġa biex jistgħu jirċevuh bl-aħjar dispożizzjonijiet u jibdew fuq is-sod il-ħajja tal-familja.

 

208. Barra dan, ta’ min isib modi, permezz tal-familji missjunarji, tal-istess familji tal-għarajjes u ta’ bosta riżorsi pastorali, biex joffri tħejjija fit-tul li sseddaq l-imħabba tagħhom b’tisħib għani ta’ qrubija u xhieda. Spiss huma ta’ siwi mhux żgħir il-gruppi ta’ għarajjes u l-proposti ta’ konferenzi fakultattivi dwar firxa ta’ temi li jinteressaw tassew liż-żgħażagħ. Madankollu, huma indispensabbli xi mumenti personalizzati, ladarba l-għan ewlieni hu li ngħinu lil kull wieħed jitgħallem iħobb lil dik il-persuna konkreta li magħha jixtieq iqatta’ ħajtu kollha. Li titgħallem tħobb lil xi ħadd mhix xi ħaġa spontanja, lanqas tista’ tkun il-mira ta’ kors qasir qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Fir-realtà, kull persuna titħejja għaż-żwieġ sa minn twelidha. Dak kollu li l-familja tagħha tkun tatha għandu jgħinha titgħallem mill-istorja tagħha u tkun lesta tidħol għal impenn sħiħ u dejjiemi. Aktarx dawk li jaslu mħejjija l-aħjar għaż-żwieġ huma dawk li tgħallmu mill-ġenituri tagħhom x’inhu żwieġ Nisrani, fejn it-tnejn li huma għażlu lil xulxin bla kundizzjonijiet u jissoktaw iġeddu dik id-deċiżjoni. F’dan is-sens, l-għemejjel pastorali kollha li jfittxu jgħinu lill-miżżewġin jikbru fl-imħabba u jgħixu l-Evanġelju fil-familja tagħhom, huma għajnuna bla qies biex uliedhom jitħejjew għall-ħajja tagħhom taż-żwieġ ’il quddiem. Ma rridux ninsew lanqas il-kontribut validu li għandha x’tagħti l-pastorali popolari. Biex nagħtu eżempju sempliċi, infakkar f’jum San Valentinu, li f’xi pajjiżi iktar qed jinqdew bih in-nies tal-kummerċ milli l-kreattività tar-Ragħajja.

 

209. It-tħejjija ta’ dawk li diġà fformalizzaw l-għerusija tagħhom, meta l-komunità parrokkjali jirnexxilha ssegwihom minn kmieni, għandha tagħtihom ukoll il-possibbiltà li jagħrfu x’ma jaqbilx u x’inhuma r-riskji. Hekk, jekk ikun il-każ, jistgħu jaslu jintebħu li dik ir-relazzjoni għalxejn jimmiraw għaliha, biex ma jesponux ruħhom għal falliment prevedibbli li mbagħad jaf ikollu konsegwenzi ta’ wġigħ il-qalb. Il-problema hi li, mogħmija kif ikunu fil-bidu, jibdew ifittxu li jaħbu jew jirrelativizzaw ħafna ħwejjeġ, jevitaw li jaħbtu ma’ xulxin, u hekk ikunu biss iħallu d-diffikultajiet għall-quddiem. L-għarajjes għandhom ikunu stimulati u megħjuna jesprimu dak li kull wieħed jistenna minn dak iż-żwieġ, kif hu jifhem x’inhuma l-imħabba u l-impenn, dak li jixtieq mill-persuna l-oħra, l-għamla ta’ ħajja komuni li jixtieq jibni magħha. Dawn il-konverżazzjonijiet jistgħu jgħinu lil dak li jkun jara li fil-verità l-aspetti komuni huma ftit, u li l-ġibda reċiproka waħidha mhix ħa tkun biżżejjed biex iżżomm wieqfa dik ir-rabta. Xejn mhu iktar instabbli, prekarju u imprevedibbli mix-xewqa, u qatt m’għandna nħeġġu għal deċiżjoni ta’ żwieġ jekk ma nkunux inżilna fil-fond ta’ motivazzjonijiet oħra li jagħtu lil dak il-patt possibbiltajiet reali ta’ stabbiltà.

 

210. Hu x’inhu, jekk wieħed jagħraf b’mod ċar il-punti dgħajfa tal-oħra, irid ikollu wkoll fiduċja realistika fil-possibbiltà li jgħinha toħroġ l-aħjar tagħha biex dan ikun jagħmel tajjeb għat-toqol tad-dgħufijiet tagħha, b’interess sod li jgħinha tikber bħala persuna umana. Dan ifisser li naċċettaw b’rieda sħiħa l-possibbiltajiet li naffrontaw ċerti ċaħdiet, mumenti ibsin u sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, u d-deċiżjoni soda li nitħejjew għal dan. Wieħed irid ifittex x’jistgħu jkunu s-sinjali ta’ periklu li jaf ikollha r-relazzjoni, biex qabel jiżżewweġ ikun sab il-mezzi li bihom jista’ jirnexxilu jaffrontahom b’suċċess. B’xorti ħażina, ħafna jaslu għat-tieġ bla ma jkunu għadhom saru jafu sew lil xulxin. Iddevertew flimkien, qattgħu esperjenzi ma’ xulxin, imma ma affrontawx l-isfida li juru min huma lil xulxin u jitgħallmu l-ieħor min hu verament.

 

211. Kemm it-tħejjija fil-qrib u kemm it-tisħib iżjed fit-tul għandhom jaraw li l-għarajjes ma jħarsux lejn iż-żwieġ bħala tmiem il-mixja, imma jifhmu li ż-żwieġ hu vokazzjoni li tiftħilhom triq ’il quddiem, bid-deċiżjoni soda u realistika li flimkien iġarrbu l-provi u l-mumenti ibsin kollha. Il-pastorali ta’ qabel iż-żwieġ u l-pastorali taż-żwieġ għandhom ikunu qabelxejn pastorali tar-rabta, fejn jinħolqu elementi li jgħinu kemm biex tikber l-imħabba u kemm biex jingħelbu l-mumenti ibsin. Dawn l-elementi m’għandhomx ikunu biss konvinzjonijiet duttrinali, u lanqas jistgħu jirriduċu ruħhom għar-riżorsi spiritwali prezzjużi li l-Knisja dejjem toffri, imma għandhom ikunu wkoll mixjiet prattiċi, pariri mlaħħma sew fir-realtà, strateġiji mfassla fuq l-esperjenza, orjentamenti psikoloġiċi. Dan kollu jsawwar pedagoġija tal-imħabba li ma tistax tinjora s-sensibbiltà taż-żgħażagħ ta’ żmienna, biex tista’ tqanqalhom u ċċaqlaqhom minn ġewwa. Fl-istess waqt, fit-tħejjija tal-għarajjes, għandu jkollna l-ħila nuruhom postijiet u persuni, konsulturi u familji disponibbli, li għandhom jistgħu jirrikorru jfittxu l-għajnuna meta jsibu ruħhom quddiem diffikultajiet. Imma qatt m’għandna ninsew nipproponulhom ir-Rikonċiljazzjoni sagramentali, li fiha jistgħu jqiegħdu d-dnubiet u l-iżbalji tal-ħajja l-imgħoddija tagħhom, u tal-istess relazzjoni, taħt is-setgħa tal-maħfra ħanina ta’ Alla u tal-fejqan qawwi li jaf jagħti.

 

It-tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni

212. Normalment it-tħejjija fil-qrib għaż-żwieġ tikkonċentra fuq l-istedin, l-ilbies, il-festa u l-għadd bla qies ta’ dettalji li jixorbu mhux ftit ir-riżorsi ekonomiċi kif ukoll l-enerġija u l-ferħ. L-għarajjes jaslu għat-tieġ bla nifs u għajjenin, flok jiddedikaw l-aħjar enerġija tagħhom biex bħala koppja jitħejjew għall-pass kbir li sa jmiddu flimkien. Din il-mentalità narawha wkoll f’ċerti unjonijiet de facto, li ma jaslu qatt biex jiżżewġu għax iktar ħsiebhom f’festeġġjamenti li jiswew wisq, flok jagħtu prijorità lill-imħabba reċiproka u lill-formalizzazzjoni tagħha quddiem l-oħrajn. Għeżież għarajjes, kunu kuraġġjużi u kunu differenti, tħallux tiblagħkom is-soċjetà tal-konsum u tad-dehra. Dak li jiswa hu l-imħabba li tgħaqqadkom, imsaħħa u mqaddsa mill-grazzja. Intom kapaċi tagħżlu festa sobrja u sempliċi, biex tqiegħdu l-imħabba fuq kull ħaġa oħra. L-operaturi pastorali u l-komunità kollha jistgħu jgħinu biex din il-prijorità ssir in-normalità u mhux l-eċċezzjoni.

 

213. Fit-tħejjija iktar fil-qrib importanti ndawlu lill-miżżewġin biex jgħixu bi profondità kbira ċ-ċelebrazzjoni liturġika, u ngħinuhom jifhmu u jgħixu t-tifsira ta’ kull ġest. Niftakru li impenn hekk għoli bħal dak li jesprimi l-kunsens taż-żwieġ, u r-rabta ta’ ġisem ma’ ieħor fiż-żwieġ, meta t-tnejn huma mgħammdin, nistgħu ninterpretawhom biss bħala sinjali tal-imħabba tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem u ntrabat mal-Knisja tiegħu f’patt ta’ mħabba. Fl-imgħammdin, il-kliem u l-ġesti jinbidlu f’lingwaġġ ta’ fidi. Il-ġisem, bit-tifsiriet kollha li Alla ried jagħtih meta ħalqu, “jinbidel fil-lingwaġġ tal-ministri tas-sagrament, konxji li fil-patt taż-żwieġ tagħhom qed jidher u jitwettaq il-misteru”.[242]

 

214. Xi drabi l-għarajjes ma jagħrfux kemm il-kunsens tagħhom iġorr fih għana teoloġiku u spiritwali, li jdawwal it-tifsira tal-ġesti kollha li jiġu wara. Hemm bżonn nuru kif dawk il-kelmiet ma jistgħux jiġu limitati biss għall-preżent; huma jimplikaw totalità li tinkludi wkoll il-futur: “sa ma l-mewt tifridna”. It-tifsira tal-kunsens turi li “libertà u fedeltà ma jmorrux kontra xulxin, anzi, iwieżnu lil xulxin, kemm fir-relazzjonijiet interpersonali, u kemm f’dawk soċjali. Fil-fatt, ejjew naħsbu fil-ħsara li jagħmlu, fiċ-ċiviltà tal-komunikazzjoni globali, il-ħafna wegħdiet mhux miżmuma […]. Iż-żamma tal-kelma mogħtija, il-fedeltà għall-wegħda, ma tistax tixtrihom jew tbigħhom. Ma tistax iżżommhom bil-forza, imma lanqas tħarishom mingħajr sagrifiċċju.[243]

 

215. L-Isqfijiet tal-Kenja osservaw li, “moħħhom wisq f’jum it-tieġ, il-miżżewġin futuri jinsew li qed iħejju ruħhom għal impenn li jtul ħajjithom kollha”.[244] Hemm bżonn ngħinuhom jifhmu li s-sagrament mhux biss mument li mbagħad isir parti mill-imgħoddi u mit-tifkiriet, imma jinfluwenza l-ħajja kollha taż-żwieġ, b’mod permanenti.[245] It-tifsira prokreattiva tas-sesswalità, il-lingwaġġ tal-ġisem u l-ġesti ta’ mħabba fl-istorja ta’ koppja miżżewġa, isiru “kontinwità ma taqta’ xejn tal-lingwaġġ liturġiku”, u “l-ħajja miżżewġa, f’ċertu sens, issir liturġija”.[246]

 

216. Jistgħu anki jimmeditaw bil-qari mill-Iskrittura, u hekk jifhmu iżjed x’għana hemm fit-tifsira taċ-ċrieket li jagħtu lil xulxin, jew ta’ sinjali oħra li jagħmlu parti mir-rit. Imma mhux sew li jaslu għaż-żwieġ bla ma jkunu talbu flimkien, għal xulxin, u talbu l-għajnuna ta’ Alla biex jibqgħu fidili u ġenerużi, huma u jistaqsu flimkien lil Alla xi jrid minnhom, u anki jikkonsagraw imħabbithom quddiem xbieha ta’ Marija. Dawk li jseħbuhom fil-mixja tagħhom ta’ tħejjija għaż-żwieġ għandhom juruhom it-triq biex jagħrfu jgħixu dawn il-mumenti ta’ talb li jistgħu jissarrfu f’ġid kbir għalihom. “Il-liturġija tat-tieġ hi ġrajja unika, li tingħax fil-kuntest familjari u soċjali ta’ festa. L-ewwel sinjal ta’ Ġesù seħħ waqt festa ta’ tieġ f’Kana: l-inbid bnin tal-miraklu tal-Mulej, li jhenni t-twelid ta’ familja ġdida, hu l-inbid ġdid tal-Patt ta’ Kristu mal-irġiel u n-nisa ta’ kull żmien. […] Spiss, iċ-ċelebrant ikollu l-opportunità li jindirizza ġemgħa magħmula minn persuni li ftit li xejn jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja jew ġejjin minn xi konfessjoni Nisranija jew komunità reliġjuża oħra. Hi okkażjoni prezzjuża ta’ xandir tal-Evanġelju ta’ Kristu.[247]

 

Insieħbu fl-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ

217. Għandna nqisuh bħala valur kbir li ta’ min jifhmu sewwa li ż-żwieġ hu kwistjoni ta’ mħabba, li jistgħu jiżżewġu biss dawk li b’mod ħieles jagħżlu lil xulxin u jinħabbu. Madankollu, meta l-imħabba ssir biss ġibda jew affettività fl-arja, jiġri li l-miżżewġin iġarrbu dgħufija straordinarja meta r-relazzjoni ta’ mħabbithom tidħol fi kriżi jew meta l-ġibda fiżika titnaqqar. Billi din ix-xorta ta’ konfużjoni narawha sseħħ spiss, hu indispensabbli li nimxu flimkien mal-għarajjes fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa tagħhom biex jistagħnew u jinżlu fil-fond tad-deċiżjoni konxja u ħielsa tagħhom li jkunu ta’ xulxin u jinħabbu sal-aħħar. Ħafna drabi ż-żmien tal-għerusija ma jkunx biżżejjed, għal ħafna raġunijiet jgħaġġlu d-deċiżjoni tagħhom li jiżżewġu, meta, biex tagħqad, iż-żgħażagħ ikunu għadhom ma mmaturawx biżżejjed. Għalhekk, il-miżżewġin ġodda jkollhom jagħmlu dik il-mixja li suppost tkun saret fi żmien l-għerusija.

 

218. Mill-banda l-oħra, nixtieq nisħaq fuq il-fatt li l-pastorali tal-familja għandha quddiemha l-isfida li tgħinhom jiskopru li ż-żwieġ mhuwiex kaxxa magħluqa. Ir-rabta hi vera, hi irrevokabbli, u ġiet ikkonfermata u kkonsagrata bis-sagrament taż-żwieġ. Imma meta ntrabtu ma’ xulxin, il-miżżewġin saru protagonisti, sidien tal-istorja tagħhom u ħallieqa ta’ proġett li jeħtieġ imexxu ’l quddiem flimkien. Ħarsithom issa ddur fuq il-futur li jeħtieġ isawru jum wara jum bil-grazzja ta’ Alla, u proprju għalhekk ħadd ma jista’ jippretendi mill-parti l-oħra fiż-żwieġ li tkun perfetta. Iridu jwarrbu l-illużjonijiet u jaċċettawha kif inhi: mhix sħiħa, hi msejħa tikber, qiegħda f’mixja. Meta l-miżżewġin iħarsu lejn xulxin dejjem bi kritika, dan juri li jkunu għadhom ma fehmux li ż-żwieġ hu wkoll proġett li jridu jibnu flimkien, bis-sabar, bil-ftehim, bit-tolleranza u l-ġenerożità. Inkella jiġri li flok l-imħabba naqra naqra tidħol ħarsa suspettuża u bla ħniena, li tikkontrolla l-merti u d-drittijiet ta’ kull wieħed, tipprotesta, tikkompeti u trid tiddefendi ruħha. Hekk ma jibqgħux kapaċi jwieżnu lil xulxin biex jimmaturaw it-tnejn li huma u jikbru fir-rabta ta’ bejniethom. Hemm bżonn li lill-miżżewġin ġodda dan nuruhulhom b’realiżmu ċar sa mill-bidu, ħalli jifhmu x’qed jibdew. L-“iva” li taw lil xulxin hi l-bidu ta’ mixja, b’fini li kapaċi jegħleb dak li jafu jimponu ċ-ċirkustanzi jew ix-xkiel li jsibu mat-triq. Il-barka li jirċievu hi grazzja u xprun għal din il-mixja dejjem miftuħa. Spiss jiswa ta’ ġid li jpoġġu bilqiegħda jiddjalogaw biex jelaboraw il-proġett konkret tagħhom fl-għanijiet tiegħu, fl-għodda u fid-dettalji tiegħu.

 

219. Niftakar qawl li kien jgħid li l-ilma wieqaf isir qiegħed u ma jibqa’ tajjeb għal xejn. Dan li jiġri meta l-ħajja tal-imħabba fl-ewwel snin taż-żwieġ tistaġna, ma tibqax ħaġa ħajja li tiċċaqlaq, ma jibqax fiha dak it-tħassib siewi li jżommha miexja ’l quddiem. Iż-żifna li tħares ’il quddiem b’dik l-imħabba żagħżugħa, iż-żifna b’dawk l-għajnejn jibbru bl-istagħġib mimlijin tama, m’għandhiex tieqaf. Fl-għerusija u fl-ewwel snin taż-żwieġ it-tama hi dik li fiha għandha l-qawwa tal-ħmira li ttella’ l-għaġna, dik li tgħinna nħarsu lil hemm mill-kuntrarju, mill-ġlied, mill-affarijiet tal-mument li jinqalgħu, dik li tgħinna dejjem inħarsu iktar lil hemm. Hi dik li timliena dejjem bix-xewqa li nibqgħu nikbru. L-istess tama tistedinna ngħixu l-preżent fil-milja tiegħu, u ningħataw b’qalbna kollha għall-ħajja fil-familja, għax l-aħjar mod kif tħejji għal futur fiż-żgur hu li tgħix tajjeb il-preżent.

 

220. Il-mixja timplika li ngħaddu minn bosta mumenti li jitolbuna ningħataw b’ġenerożità: mill-impatt tal-bidu kkaratterizzat minn ġibda tas-sensi, ngħaddu biex nibdew inħossu l-bżonn tal-persuna l-oħra bħala parti minn ħajjitna. Minn hemm ngħaddu għall-gost li nsibu f’li nkunu ta’ xulxin, u mbagħad nibdew nifhmu l-ħajja kollha bħala proġett tat-tnejn li aħna, insiru kapaċi nsibu l-ferħ tagħna fl-ieħor aktar milli fil-ħtiġijiet personali tagħna, u nifirħu naraw iż-żwieġ tagħna bħala ġid għas-soċjetà. Biex l-imħabba tagħna timmatura jeħtieġ nitgħallmu wkoll “ninnegozjaw”. Dan mhux xi atteġġjament għall-qligħ personali jew xi logħba kummerċjali, imma bla dubju hu taħriġ fl-imħabba lejn xulxin, għax dan l-innegozjar hu nisġa ta’ offerti u ċaħdiet reċiproċi għall-ġid tal-familja. F’kull mument ġdid tal-ħajja miżżewġa, għandna nerġgħu npoġġu bilqiegħda u ninnegozjaw mill-ġdid il-ftehim, biex ma jkunx hemm rebbieħa u telliefa, imma jirbaħ kulħadd. Id-dar, id-deċiżjonijiet ma teħodhomx naħa waħda, imma t-tnejn jaqsmu fir-responsabbiltà tagħhom għall-familja, għalkemm kull dar hi unika u kull rabta ta’ żwieġ hi differenti.

 

221. Waħda mill-kawżi ta’ tifrik ta’ żwiġijiet hi li nistennew affarijiet kbar wisq mill-ħajja miżżewġa. Meta mbagħad niskopru r-realtà, iżjed limitata u mimlija problemi minn dik li nkunu ħlomna, is-soluzzjoni m’għandhiex tkun li minnufih u b’mod irresponsabbli għall-aħħar naħsbu kif ħa ninfirdu, imma nifhmu li ż-żwieġ hu mixja lejn il-maturità, fejn kull wieħed mill-miżżewġin hu għodda f’idejn Alla biex jgħin lill-parti l-oħra tikber. Hi possibbli l-bidla, hu possibbli li wieħed jikber, jiżviluppa l-potenzjalitajiet tajba li jġorr fih. Kull żwieġ hu “storja ta’ salvazzjoni”, u dan ifisser li nitilqu minn dgħufija li, grazzi għad-don ta’ Alla u għal tweġiba kreattiva u ġeneruża, ftit ftit tagħmel wisa’ għal realtà dejjem iżjed sħiħa u prezzjuża. Forsi l-akbar missjoni ta’ raġel u ta’ mara fl-imħabba hi din: li jgħinu lil xulxin isiru dejjem iżjed raġel u mara. Li tgħin lil xi ħadd jikber ifisser tgħinu jissawwar iżjed fl-identità tiegħu. Għalhekk l-imħabba hi sengħa. Meta naqraw is-silta biblika tal-ħolqien tar-raġel u tal-mara, nosservaw kif l-ewwel Alla jsawwar ir-raġel (ara Ġen 2:7), imbagħad jintebaħ li tonqos xi ħaġa essenzjali u jsawwar il-mara, u hawn jara kemm stagħġeb ir-raġel: “Eħ, issa iva, din iva!” U mbagħad nistħajlu li qed nisimgħu dak id-djalogu mill-isbaħ fejn ir-raġel u l-mara jibdew jiskopru lil xulxin. Fil-fatt, anki fil-mumenti diffiċli, l-ieħor jaf jissorprendina mill-ġdid u hekk jinfetħu toroq ġodda biex isibu lil xulxin, bħallikieku din kienet l-ewwel darba; u f’kull pass ġdid jerġgħu lura biex “isawru” lil xulxin. L-imħabba trid li wieħed jistenna lill-ieħor u jħaddem is-sabar ta’ bniedem tas-sengħa li hu wiret mingħand Alla nnifsu.

 

222. Fil-mixja tagħna mal-miżżewġin għandna nħajruhom ikunu ġenerużi fil-mod kif huma jgħaddu l-ħajja. “Fi qbil mal-karattru personali u umanament sħiħ tal-imħabba konjugali, it-triq it-tajba għall-pjanifikazzjoni tal-familja hi dik ta’ djalogu bil-kunsens taż-żewġ miżżewġin, ta’ rispett għaż-żminijiet u tal-qies tad-dinjità tal-parti l-oħra. F’dan is-sens, jeħtieġ niskopru mill-ġdid l-Enċiklika Humanæ vitæ (ara 10-14) u l-Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (ara 14; 28-35) biex nerġgħu nqajmu fostna dik id-disponibbiltà għall-prokreazzjoni f’kuntrast ma’ mentalità spiss ostili għall-ħajja […]. L-għażla responsabbli ta’ min isir ġenitur tippresupponi l-formazzjoni tal-kuxjenza, li hi ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’ Alla jinstama’ ġo fina (Gaudium et spes, 16). Iktar ma l-miżżewġin ifittxu fil-kuxjenza tagħhom li jisimgħu lil Alla u l-kmandamenti tiegħu (ara Rum 2:15), u jħallu lil min iseħibhom spiritwalment, iżjed id-deċiżjoni tagħhom tkun intimament ħielsa minn xaqlib suġġettiv jew mill-adattar għal modi ta’ mġiba skont l-ambjent tagħhom.[248] Jibqa’ validu dak li stqarr b’mod ċar ħafna l-Konċilju Vatikan II: “Il-miżżewġin [], briflessjoni u bimpenn, […] għandhom jiffurmaw għalihom infushom ġudizzju rett billi jżommu quddiem għajnejhom kemm il-ġid tagħhom infushom u kemm il-ġid ta’ wliedhom, sew ta’ dawk li diġà twieldu u sew ta’ dawk li huma mistennija li jitwieldu, billi jiżnu l-kundizzjonijiet materjali u spiritwali taż-żmien li fih qegħdin jgħixu u tal-istat tal-ħajja tagħhom, u fl-aħħar nett billi jqisu l-ġid tal-familja, tas-soċjetà temporali u tal-Knisja. Fl-aħħar huma l-miżżewġin li għandhom jiffurmaw dan il-ġudizzju quddiem Alla.[249] Min-naħa l-oħra, [il-Knisja] tħeġġeġ li wieħed jirrikorri għal metodi msejsa fuq ir-‘ritmi naturali ta’ fekondità’ (Humanæ vitæ, 11). Nisħqu li ‘dawn il-metodi juru rispett lejn il-ġisem tal-għarajjes, iħajruhom ikunu delikati ma’ xulxin u jgħinuhom jistħarrġu l-libertà vera’ (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2370). Irridu nuru dejjem li l-ulied huma don mill-isbaħ ta’ Alla, ferħ għall-ġenituri u għall-Knisja. Permezz tagħhom il-Mulej iġedded id-dinja”.[250]

 

Xi riżorsi

223. Il-Padri Sinodali qalulna li “l-ewwel snin taż-żwieġ huma perjodu vitali u delikat li matulu l-koppji jibdew jagħrfu iżjed l-isfidi u t-tifsira taż-żwieġ. Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ akkumpanjament pastorali li jibqa’ għaddej anki wara ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament (ara Familiaris consortio, it-III parti). Ta’ importanza kbira f’din il-pastorali hi l-preżenza ta’ koppji miżżewġa li għandhom ċerta esperjenza. Il-parroċċa hi meqjusa bħala l-post fejn il-koppji esperti jistgħu jkunu għad-dispożizzjoni ta’ dawk iżjed żgħażagħ, li ’l quddiem imbagħad jistgħu jissieħbu wkoll f’xi għaqda, moviment ekkleżjali jew komunità ġdida. Għandna ninkuraġġixxu lill-miżżewġin biex ikollhom l-atteġġjament fundamentali li jilqgħu d-don kbir tal-ulied. Ninsistu fuq l-importanza tal-ispiritwalità tal-familja, tat-talb u tas-sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd, ninkuraġġixxu lill-koppji biex jiltaqgħu spiss biex ixettlu fihom il-ħajja spiritwali u s-solidarjetà fil-ħtiġijiet konkreti tal-ħajja. Issemmew liturġiji, prattiki devozzjonali u Quddies iċċelebrat għall-familji, fuq kollox fl-anniversarju tat-tieġ, bħala aspetti vitali li jiffavorixxu l-evanġelizzazzjoni permezz tal-familja”.[251]

 

224. Din il-mixja hi kwistjoni ta’ żmien. L-imħabba trid iż-żmien, b’disponibbiltà u b’libertà, li jpoġġu l-bqija kollu fit-tieni post. Trid iż-żmien biex tiddjaloga, biex tgħannaq lil xulxin mingħajr għaġla, biex taqsam proġetti ma’ xulxin, biex tisma’ lil xulxin, biex tħares lejn xulxin, biex tapprezza lil xulxin, biex issaħħaħ ir-relazzjoni. Xi drabi l-problema hi r-ritmu frenetiku tas-soċjetà, jew il-ħinijiet imposti mill-impenji tax-xogħol. Drabi oħra l-problema hi li l-ħin li ngħaddu flimkien ma jkunx ta’ kwalità. Naqsmu biss spazju fiżiku, imma bla ma nagħtu kas wieħed tal-ieħor. L-operaturi pastorali u l-gruppi tal-familji għandhom jgħinu lill-koppji miżżewġin żgħażagħ jew dgħajfa jitgħallmu jiltaqgħu f’dawk il-ħinijiet, jew jieqfu quddiem xulxin, jew anki jaqsmu mumenti ta’ skiet li jobbligawhom iduqu l-preżenza ta’ żewġhom jew ta’ marthom.

 

225. Il-miżżewġin li għandhom esperjenza tajba ta’ “apprendistat” f’dan is-sens jistgħu joffru l-għodda prattika li lilhom switilhom ta’ ġid: il-programmazzjoni tal-waqtiet biex joqogħdu flimkien bla għaġla, il-ħinijiet ta’ rikreazzjoni ma’ wliedhom, il-bosta modi ta’ ċelebrazzjoni ta’ ħwejjeġ importanti, l-ispazji ta’ spiritwalità li jaqsmu flimkien. Imma jistgħu wkoll isaħħuhom b’riżorsi li jgħinuhom jagħtu sens u tifsira lil dawn il-mumenti, biex jitgħallmu jikkomunikaw aħjar. Dan hu ta’ importanza mill-akbar meta tkun għaddiet il-ħeġġa ġdida tal-għerusija. Għax meta ma jkunux jafu x’ħa jaqbdu jagħmlu bil-ħin ta’ ma’ xulxin, wieħed jew l-ieħor mill-miżżewġin jispiċċa jfittex kenn fit-teknoloġija, jivvinta x-xogħol, jew ifittex dirgħajn oħra, inkella jaħrab minn intimità skomda.

 

226. Il-miżżewġin żgħażagħ għandhom jiġu mħajra wkoll joħolqu drawwiet tagħhom, li joffrulhom sensazzjoni tajba ta’ stabbiltà u protezzjoni, u li jinbnew b’serje ta’ ritwali li jaqsmu ma’ xulxin fil-ħajja ta’ kuljum. Ħaġa sabiħa li kull filgħodu jagħtu bewsa lil xulxin, ibierku lil xulxin kull filgħaxija, jistennew lill-ieħor u jilqgħuh malli jasal, xi kultant joħorġu ma’ xulxin, jew jagħmlu flimkien il-faċendi tad-dar. Imma fl-istess waqt, tajjeb li jinterrompu r-rutina b’waqtiet ta’ festa, ma jinsewx kif jiċċelebraw fil-familja, kif jifirħu u jiffesteġġjaw l-esperjenzi sbieħ. Għandhom bżonn li flimkien jistagħġbu bid-doni ta’ Alla u jseddqu fihom l-entużjażmu għall-ħajja. Meta wieħed jaf jiċċelebra, din il-ħila ġġedded il-ħeġġa tal-imħabba, teħlisha mill-monotonija u tiżgħed bl-ilwien u bit-tama d-drawwiet ta’ kuljum.

 

227. Aħna r-Ragħajja għandna nħeġġu lill-familji jikbru fil-fidi. Għalhekk tajjeb li nfakkruhom fil-Qrar ta’ spiss, fid-direzzjoni spiritwali, u li jieħdu sehem fi rtiri. Imma ma rridux ninsew nistednuhom biex kull ġimgħa joħolqu spazji ta’ talb fil-familja, għax “il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien”. L-istess kif, meta nżuru d-djar tagħhom, għandna nistiednu lill-membri kollha tal-familja għal mument biex jitolbu għal xulxin u biex jafdaw il-familja f’idejn il-Mulej. Fl-istess waqt, sewwa li nħeġġu lil kull wieħed u waħda mill-miżżewġin biex ifittxu waqtiet ta’ talb waħidhom quddiem Alla, għax kulħadd għandu s-slaleb moħbija tiegħu. Għaliex m’għandhomx jirrakkuntaw lil Alla dak li qed inikket lil qalbhom, jew jitolbuh il-qawwa biex ifejqilhom il-ġrieħi tagħhom u jagħtihom id-dawl li jeħtieġu biex jibqgħu sħaħ fl-impenn li ħadu? Il-Padri Sinodali wrewna wkoll li “l-Kelma ta’ Alla hi għajn ta’ ħajja u spiritwalità għall-familja. Il-pastorali kollha tal-familja għandha ssawwar minn ġewwa u tifforma lill-membri tal-Knisja tad-dar bil-qari tal-Iskrittura Mqaddsa fit-talb u l-ispirtu ekkleżjali. Il-Kelma ta’ Alla mhix biss aħbar tajba għall-ħajja privata tal-persuni, imma anki kriterju ta’ ġudizzju u dawl għad-dixxerniment tad-diversi sfidi li magħhom iħabbtu wiċċhom il-koppji miżżewġa u l-familji”.[252]

 

228. Jista’ jkun li wieħed mill-miżżewġin ma jkunx mgħammed, jew ma jridx jgħix dak li titlob il-fidi. F’dan il-każ, minħabba fix-xewqa tal-parti l-oħra li tgħix u tikber bħala Nisranija, hi ġġarrab bi tbatija l-indifferenza tal-ieħor. Madankollu, jistgħu jinstabu xi valuri komuni li t-tnejn jistgħu jaqsmu u jrawmu fihom bil-ħerqa. Hu x’inhu, li tħobb lil żewġek jew martek li ma jemminx, tagħtih il-ferħ, ittaffilu t-tbatijiet tiegħu u taqsam ħajtek miegħu hi tabilħaqq mixja ta’ tqaddis. Min-naħa l-oħra, l-imħabba hi don ta’ Alla, u fejn hi tixtered bilfors li ħa ddewwaq il-qawwa tiegħu li kapaċi tibdel, b’modi xi kultant misterjużi, sa ma “r-raġel li ma jemminx jitqaddes permezz ta’ martu, u l-mara li ma temminx titqaddes b’ħuha” (1 Kor 7:14).

 

229. Il-parroċċi, il-movimenti, l-iskejjel u istituzzjonijiet oħra tal-Knisja jistgħu jagħmlu kemm-il medjazzjoni biex jieħu ħsieb u jgħinu lill-familji fit-tiġdid tagħhom. Ngħidu aħna, permezz ta’ għodda bħal: laqgħat ta’ koppji qrib ta’ xulxin jew ħbieb, irtiri qosra għall-għarajjes, konferenzi minn speċjalisti fuq problemi konkreti ħafna tal-ħajja tal-familja, ċentri ta’ konsulenza għall-miżżewġin, operaturi missjunarji mħejjija tajjeb biex jitkellmu mal-miżżewġin fuq id-diffikultajiet u x-xewqat tagħhom, pariri fuq diversi sitwazzjonijiet fil-familja (vizzji, infedeltajiet, vjolenza fil-familja), spazji ta’ spiritwalità, laboratorji ta’ formazzjoni għal ġenituri b’ulied li għandhom problemi, assemblej għall-familji. L-uffiċċju parrokkjali għandu jkun mgħammar biex jilqa’ bi ħlewwa u jieħu ħsieb tal-bżonnijiet tal-familji, jew biex jindirizzahom faċilment lejn min jista’ jgħinhom. Hemm ukoll għajnuna pastorali li tista’ tingħata fil-gruppi tal-miżżewġin, kemm f’qadi u kemm f’missjoni, f’talb, f’formazzjoni jew f’għajnuna lil xulxin. Dawn il-gruppi joffru l-opportunità li wieħed jagħti, jgħix il-ftuħ tal-familja għall-oħrajn, jaqsam il-fidi, imma fl-istess waqt huma mezz li jsaħħaħ lill-miżżewġin u jgħinhom jikbru.

 

230. Minnu li ħafna koppji miżżewġa jgħibu mill-komunità wara ż-żwieġ, imma ħafna drabi, meta jerġgħu jitfaċċaw, nitilfu ċerti okkażjonijiet li fihom nistgħu nipproponulhom mill-ġdid b’mod attraenti l-ideal taż-żwieġ Nisrani u niġbduhom lejn spazji fejn ma jħossuhomx waħidhom: qed nirriferi, ngħidu aħna, għall-Magħmudija ta’ iben jew bint, għall-Ewwel Tqarbina, jew meta jieħdu sehem f’xi funeral jew tieġ ta’ xi qraba jew ħbieb. Kważi l-miżżewġin kollha jerġgħu jidhru f’dawn l-okkażjonijiet, li nistgħu nagħtuhom iżjed valur. Triq oħra biex noqorbu lejhom hi t-tberik tad-djar, jew iż-żjara ta’ xi xbieha tal-Verġni Mbierka, li joffru okkażjoni biex wieħed jiftaħ djalogu pastorali fuq il-qagħda ta’ dik il-familja. Jista’ jkun ta’ siwi wkoll li nafdaw f’idejn koppji iżjed adulti l-missjoni li jsegwu lil koppji iżgħar fl-inħawi fejn joqogħdu, biex jiltaqgħu magħhom, isegwuhom fl-ewwel snin tagħhom u jipproponulhom mixja li fiha jistgħu jkomplu jikbru. Bir-ritmu tal-ħajja tal-lum, il-parti l-kbira tal-miżżewġin ma jkollhomx ċans għal laqgħat spissi, u ma nistgħux nillimitaw ruħna għal pastorali ta’ élites ċkejknin. Illum il-pastorali tal-familja bilfors trid tkun missjunarja, li toħroġ, biex toqrob, pjuttost milli nfaqqruha għal fabbrika ta’ korsijiet li għalihom jattendu l-ftit.

 

Ir-riskju tal-kriżijiet, l-ansjetajiet u d-diffikultajiet

231. Ngħidu kelma lil dawk li fi mħabbithom diġà qdimilhom l-inbid ġdid tal-għerusija. Meta l-inbid jeqdiem b’din l-esperjenza tal-mixja, hemm tidher, twarrad fil-milja kollha tagħha l-fedeltà tal-mumenti żgħar tal-ħajja. Hi l-fedeltà tal-istennija u tas-sabar. Din il-fedeltà mimlija sagrifiċċji u ferħ tibqa’ bħal twarrad sa fiż-żmien meta kollox ikun “misjur” u l-għajnejn jixegħlu bħal xrara huma u jikkontemplaw lil ulied uliedhom. Hekk kien sa mill-bidu, imma issa dan għarfuh, għaġnuh, xejħuh fl-għoġba ta’ kuljum huma u jiskopru dejjem il-ġdid jum wara jum, sena wara sena. Kif għallem San Ġwann tas-Salib, “il-ħbieb il-qodma [huma dawk] li diġà huma mġarrba u mgħarbla”. Huma sajmin minn “dak it-tbaqbiq sensittiv, anqas furji jew nar iħeġġeġ minn barra, iżda jduqu l-ħlewwa tal-inbid tal-imħabba misjura sewwa fis-sustanza tiegħu… ikun qagħad tajjeb, hemm ġewwa fir-ruħ”.[253] Dan ifisser li, magħqudin, kellhom il-ħila jegħlbu l-kriżijiet u ż-żminijiet ta’ tensjoni, bla qatt ħarbu mill-isfidi u bla ħbew id-diffikultajiet.

 

L-isfidi tal-kriżijiet

232. L-istorja ta’ familja hi minfuda minn kriżijiet ta’ kull xorta, li huma wkoll parti mill-ġmiel drammatiku tagħha. Irridu ngħinuha tiskopri li kriżi megħluba ma twassalx għal relazzjonijiet inqas intensi, imma tagħmel iktar bnin, misjur u matur l-inbid ta’ dik ir-rabta. Ma ngħixux flimkien biex inkunu inqas hienja, imma biex nitgħallmu nkunu hienja b’mod ġdid, ibda mill-possibbiltajiet miftuħa għal pass ġdid. Kull kriżi timplika żmien ta’ taħriġ biex wieħed ikattar l-intensità tal-ħajja li t-tnejn jaqsmu ma’ xulxin, jew tal-inqas biex isib sens ġdid għall-esperjenza taż-żwieġ tagħhom. Bl-ebda mod m’għandhom jirrassenjaw ruħhom li ż-żwieġ tagħhom bilfors ħa jibda sejjer lura, jew li jissaportu ċerta medjokrità. Bil-maqlub, meta ż-żwieġ jeħduh bis-serjetà bħala sfida, li tfisser ukoll li jridu jegħlbu x-xkiel li jinqala’, kull kriżi jarawha bħala l-okkażjoni biex jaslu ħalli flimkien jixorbu l-aktar inbid bnin. Tajjeb li nsieħbu lill-miżżewġin biex jagħrfu jaċċettaw il-kriżijiet li jistgħu jinqalgħu, jilqgħu l-isfidi u jagħrfu li anki dawn għandhom posthom fil-ħajja tal-familja. Il-miżżewġin esperti u ffurmati għandhom ikunu lesti li jsieħbu lil oħrajn jagħmlu din il-kixfa, biex hekk il-kriżijiet la jbeżżgħuhom u lanqas iwassluhom biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ malajr. Kull kriżi tostor warajha aħbar tajba li jeħtieġ nitgħallmu nisimgħu billi nsinnu s-smigħ tal-qalb tagħna.

 

233. Ir-reazzjoni immedjata tkun li nagħmlu reżistenza quddiem l-isfida ta’ kriżi, li nippruvaw niddefendu ruħna għax inħossu li qed nitilfu l-kontroll, għax dan jikxfilna li m’aħniex ngħixu sew, u dan idejjaqna. Allura nużaw il-metodu li ma naċċettawx li hemm problema, naħbuha, innaqqsulha l-importanza tagħha, bit-tama li tnin maż-żmien. Imma kulma nkunu nagħmlu hu ntawlu iżjed biex insibu soluzzjoni u naħlu saħħitna fuq ħabi bla siwi li iktar ħa jikkumplika l-affarijiet. Ir-rabtiet ta’ bejnietna jiddgħajfu iżjed u minflok, insaħħu iżolament li jagħmel ħsara lill-intimità ta’ bejnietna. Meta kriżi ma tiġix indirizzata, l-aktar li tbati hi l-komunikazzjoni. Hekk, ftit ftit, dik li kienet “il-persuna li nħobb” issir “dak li dejjem insibu miegħi f’ħajti”, imbagħad biss “il-missier jew l-omm ta’ wliedi”, u fl-aħħar, xi ħadd barrani.

 

234. Biex nistgħu naffrontaw kriżi jeħtieġ inkunu preżenti. Hi ħaġa iebsa, għax xi drabi l-persuni jinqatgħu biex ma jurux dak li qed iħossu, jitbiegħdu fi skiet miżerabbli u qarrieq. F’dawn il-mumenti jeħtieġ noħolqu spazji biex nikkomunikaw minn qalb għal qalb. Il-problema hi li nibdew insibuha iżjed bi tqila biex nikkomunikaw hekk fi żmien ta’ kriżi jekk dan qatt ma tgħallimna nagħmluh. Din hi vera arti li titgħallimha fi żmien ta’ kalma, biex imbagħad tqegħidha fil-prattika fi żminijiet ibsin. Jeħtieġ ngħinu lill-miżżewġin jiskopru l-kawżi l-iżjed moħbija fil-qlub ta’ xulxin, u jaffrontawhom qishom kienu wġigħ tal-ħlas li sa jgħaddi u jħallihom b’teżor ġdid f’idejhom. Imma t-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet li saru juru li f’sitwazzjonijiet ibsin jew kritiċi l-parti l-kbira ma jfittxu l-ebda għajnuna pastorali, għax ma jħossuhiex tifhimhom, qribhom, realistika, imlaħħma fir-realtà. Għalhekk, ejjew issa nħarsu lejn il-kriżijiet fiż-żwieġ b’għajnejn li ma jinjorawx l-uġigħ u l-ansjetà tagħhom.

 

235. Hemm kriżijiet komuni li soltu jseħħu f’kull żwieġ, bħalma hi l-kriżi tal-bidu, meta jkun hemm il-bżonn li jitgħallmu jqabblu d-differenzi u jinfatmu mill-ġenituri; jew il-kriżi ta’ meta tasal tarbija ġdida, bl-isfidi emozzjonali ġodda li ġġib magħha; il-kriżi tat-trobbija tal-ulied, li tibdel dak li kienu mdorrijin jagħmlu l-ġenituri; il-kriżi tal-adolexxenza tal-ulied, li titlob ħafna enerġiji, theżżeż lill-ġenituri, u xi drabi ġġellidhom; il-kriżi tal-“bejta vojta”, li ġġiegħel lill-koppja tibda tħares mill-ġdid fiha nfisha; il-kriżi kkawżata mix-xjuħija tal-ġenituri tal-miżżewġin, li jitolbu iżjed preżenza, iżjed attenzjoni jew deċiżjonijiet ibsin. Huma sitwazzjonijiet li minnhom jitolbu ħafna, li jnisslu biżgħat, sens ta’ ħtija, dipressjonijiet jew taqtigħ il-qalb li jafu jriegħdu bil-kbir ir-rabta taż-żwieġ.

 

236. Ma’ dawn inżidu l-kriżijiet personali li tgħaddi minnhom il-koppja, marbuta mad-diffikultajiet ekonomiċi, ta’ xogħol, affettivi, soċjali, spiritwali. U ma’ dawn hemm ċirkustanzi mhux mistennija li jafu jaqilbu ta’ taħt fuq il-ħajja tal-familja u li jitolbu mixja ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni. F’dak l-istess mument li fih ifittex li jmidd il-pass tal-maħfra, kull wieħed għandu jistaqsi lilu nnifsu b’umiltà serena jekk kienx hu stess li ħoloq il-kundizzjonijiet li esponew lill-ieħor għal ċerti żbalji. Xi familji jitkissru meta l-miżżewġin joqogħdu jwaħħlu f’xulxin, imma “l-esperjenza turina li b’għajnuna xierqa u bl-azzjoni ta’ rikonċiljazzjoni tal-grazzja, perċentwal kbir ta’ kriżijiet taż-żwieġ jingħelbu b’mod sodisfaċenti. Li nkunu nafu naħfru u nħossuna maħfura hi esperjenza fundamentali fil-ħajja tal-familja”.[254] “L-arti iebsa tar-rikonċiljazzjoni, li teħtieġ il-grazzja li tweżinha, għandha bżonn tal-kollaborazzjoni ġeneruża tal-qraba u l-ħbieb, u xi drabi anki ta’ għajnuna professjonali minn barra”.[255]

 

237. Saret ħaġa spissa li, meta wieħed iħoss li ma ħax dak li ried, u li ma kisibx dak li ħolom, dan donnu jkun biżżejjed biex itemm żwieġ. Dan iwassal biex ma jkunx hemm żwieġ wieħed li jtul. Xi drabi, biex niddeċiedu li spiċċa kollox, biżżejjed inħossuna delużi, li ma nsibux lill-ieħor meta ġejna bżonnu, li l-qalb imkabbra tagħna tisfa’ miġruħa, jew xi biża’ li ma jirnexxilniex insibu tarf tiegħu. Hemm sitwazzjonijiet li huma proprji tad-dgħufija umana, li nagħtuhom piż emozzjonali kbir wisq. Ngħidu aħna, is-sensazzjoni li m’hemmx korrispondenza sħiħa mill-parti l-oħra, l-għira, id-differenzi li jistgħu jinqalgħu bejnietna, il-ġibda li titqanqal lejn persuni oħra, l-interessi ġodda li jippruvaw jaħtfulna qalbna, il-bidliet fiżiċi f’żewġna jew martna, u tant ħwejjeġ oħra li, iktar milli attentati kontra l-imħabba, huma opportunitajiet li jistednuna noħolquha għal darb’oħra mill-ġdid.

 

238. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xi wħud ikollhom biżżejjed maturità biex jagħżlu mill-ġdid lil marthom jew żewġhom bħala sieħba jew sieħeb fit-triq, lil hemm mil-limiti tar-relazzjoni, u jaċċettaw b’realiżmu li ma tistax tissodisfa l-ħolm kollu li tkun bejjitt f’moħħok. Jevitaw li jaħsbu li huma l-uniċi martri tas-sitwazzjoni, japprezzaw il-possibbiltajiet żgħar u limitati li toffrilhom il-ħajja fil-familja, u jistinkaw biex isaħħu r-rabta f’binja li titlob iż-żmien u l-enerġija. Għax fl-aħħar mill-aħħar jafu li kull kriżi hi bħal “iva” ġdida li tħalli lill-imħabba titwieled mill-ġdid imsaħħa, mibdula, matura, imdawla. Fi kriżi jkollhom il-kuraġġ ifittxu l-għeruq profondi ta’ dak li qed jiġrilhom, li jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehim fundamentali ta’ bejniethom, li jsibu bilanċ ġdid u jmiddu annuna pass ieħor. B’din l-imġiba ta’ ftuħ kontinwu jistgħu jaffrontaw tant sitwazzjonijiet diffiċli! Hu x’inhu, jekk nagħrfu li r-rikonċiljazzjoni hi possibbli, illum niskopru li “jidher partikularment urġenti ministeru ma’ dawk li r-relazzjoni taż-żwieġ tagħhom sfat midruba”.[256]

 

Ġrieħi qodma

239. Wieħed jifhem li fil-familji jkun hemm ħafna diffikultajiet meta xi ħadd mill-membri tagħhom baqa’ ma kibirx fil-mod kif iġib ruħu mal-oħrajn, għax baqa’ ma fieqx minn ġrieħi ta’ xi fażi ta’ ħajtu. It-tfulija u l-adolexxenza ta’ dak li jkun, meta jkun għexhom ħażin, isiru art fertili għal kriżijiet personali li jispiċċaw jagħmlu ħsara liż-żwieġ. Kieku kulħadd kien persuna li mmaturat b’mod normali, il-kriżijiet kienu jkunu ħafna inqas, u inqas ta’ tbatija. Imma l-fatt hu li xi drabi ssib min hu ta’ erbgħin sena u għadu jrid jasal għal maturità li suppost laħaq sa tmiem l-adolexxenza. Xi drabi wieħed jibqa’ jħobb bi mħabba egoċentrika tat-tfal, għax baqa’ mwaħħal f’fażi ta’ ħajtu meta r-realtà kienet iddur miegħu u għex il-kapriċċ li kollox kellu jdur mal-jien tiegħu. Hi mħabba li ma taqta’ qatt l-għatx tagħha, li tgħajjat u tibki meta ma jagħtuhiex dak li tixtieq. Xi drabi wieħed jibqa’ jħobb bi mħabba li weħlet fil-fażi adolexxenzjali, immarkata minn tilwim, kritika qawwija, mid-drawwa li jixħet il-ħtija fuq ħaddieħor, mil-loġika tas-sentiment u tal-fantasija, fejn l-oħrajn iridu jimlew il-vojt tiegħu jew jieħdu paċenzja bil-kapriċċi tiegħu.

 

240. Ħafna joħorġu mit-tfulija tagħhom mingħajr qatt ikunu ħassewhom maħbuba bla kundizzjonijiet, u dan ifieri l-ħila tagħhom li jafdaw u jingħataw. Jekk wieħed ikun għex ħażin ir-relazzjoni tiegħu mal-ġenituri u l-aħwa, u qatt ma fieq minnha, din terġa’ tiżbokka aktar tard, u tagħmel ħsara lill-ħajja miżżewġa. Dan ifisser li jrid jagħmel mixja biex jinħeles, waħda li qatt ma kien għadu affronta. Meta r-relazzjoni bejn il-miżżewġin ma tkunx qed taħdem tajjeb, qabel jieħdu deċiżjonijiet importanti, aħjar jaraw li kull wieħed ikun għamel din il-mixja u jieħu ħsieb tal-istorja tiegħu. Dan jitlob minna li nagħrfu li għandna bżonn infiqu, li nitolbu bil-qawwa l-grazzja li naħfru u niġu maħfura, li naċċettaw l-għajnuna, li nfittxu motivazzjonijiet pożittivi u li dejjem nerġgħu lura biex nippruvaw mill-ġdid. Wieħed għandu jkun sinċier ħafna miegħu nnifsu biex jagħraf li l-mod kif qed jgħix l-imħabba għandu din l-immaturità. Jidher kemm jidher ċar li l-ħtija hi kollha tal-ieħor jew l-oħra, qatt ma nistgħu negħlbu kriżi jekk noqogħdu nistennew tinbidel lill-persuna l-oħra biss. Għandna wkoll nistaqsu lilna nfusna x’nistgħu nagħmlu biex nimmaturaw aħna jew x’nistgħu infejqu fina biex il-kunflitt jintrebaħ.

 

Insieħbu lil min ikun infired jew iddivorzja

241. F’xi każi, meta jitqiesu d-dinjità tal-persuni u l-ġid tal-ulied, ikollu jitqiegħed limitu sod għall-pretensjonijiet żejda tal-ieħor, għal inġustizzja kbira, għall-vjolenza jew għal nuqqas ta’ rispett li m’hemmx fejqan għalihom. Irridu nagħrfu li “hemm każi fejn is-separazzjoni ma tistax tevitaha. Kultant tista’ ssir saħansitra moralment meħtieġa, meta appuntu qed nitkellmu dwar li nneħħu lill-parti l-iżjed dgħajfa, jew lit-tfal żgħar, l-iżjed ġrieħi gravi kkawżati mill-prepotenza u mill-vjolenza, mill-umiljazzjoni u l-abbuż, mill-bruda u l-indifferenza”.[257] Madankollu din “għandha dejjem titqies bħala l-aħħar soluzzjoni, meta kull soluzzjoni oħra tidher li hi għalxejn”.[258]

 

242. Il-Padri wrewna li “hu indispensabbli dixxerniment partikulari biex nakkumpanjaw pastoralment is-separati, id-divorzjati, l-abbandunati. Irridu nilqgħu u nagħtu valur fuq kollox lit-tbatija ta’ dawk l-individwi li b’mod inġust ġarrbu s-separazzjoni, id-divorzju jew l-abbandun, inkella, minħabba maltrattamenti mill-parti l-oħra, kellhom iwaqqfu l-ħajja ta’ flimkien. Il-maħfra tal-inġustizzja li wieħed ikun ġarrab mhix ħaġa ħafifa, imma hi mixja li l-grazzja tagħmel possibbli. Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ pastorali tar-rikonċiljazzjoni u tal-medjazzjoni permezz ukoll ta’ ċentri speċjalizzati ta’ smigħ li għandhom jitwaqqfu fid-djoċesijiet”.[259] Fl-istess waqt, “il-persuni divorzjati imma li ma reġgħux iżżewġu, li spiss huma xhieda tal-fedeltà taż-żwieġ, għandna nħeġġuhom isibu fl-Ewkaristija l-ikel li jqawwihom fl-istat tagħhom. Il-komunità lokali u r-Ragħajja għandhom isieħbu lil dawn il-persuni b’għożża u attenzjoni, fuq kollox meta jkun hemm l-ulied jew il-qagħda tal-faqar tagħhom hi waħda gravi”.[260] Falliment fiż-żwieġ isir iżjed trawmatiku u ta’ wġigħ il-qalb meta hemm il-faqar, għax wieħed ikollu ħafna inqas riżorsi f’idejh biex jista’ jerġa’ jieqaf fuq saqajh. Persuna fqira li titlef l-ambjent protettiv tal-familja tisfa’ doppjament esposta għat-telqa u għal kull xorta ta’ riskju għas-sħuħija tagħha.

 

243. Lid-divorzjati li qed jgħixu f’rabta ġdida, importanti nuruhom li huma parti mill-Knisja, li “mhumiex skomunikati” u mhumiex trattati bħala tali, għax huma dejjem jibqgħu jagħmlu parti mill-komunjoni ekkleżjali.[261] Dawn is-sitwazzjonijiet “jitolbu dixxerniment attent u akkumpanjament ta’ rispett kbir, fejn jiġi evitat kull lingwaġġ jew atteġġjament li jġagħilhom iħossuhom iddiskriminati u li jippromovi s-sehem tagħhom fil-ħajja tal-komunità. Li tieħu ħsieb tagħhom, għall-komunità Nisranija ma jfissirx li qed iddgħajjef il-fidi tagħha jew ix-xhieda tagħha fuq l-indissolubbiltà taż-żwieġ, anzi, proprju f’din l-għożża hi tesprimi l-imħabba tagħha”.[262]

 

244. Min-naħa l-oħra, għadd kbir ta’ Padri “għafsu fuq il-ħtieġa li nagħmlu iżjed aċċessibbli u ħfief, possibbilment għalkollox b’xejn, il-proċeduri għall-għarfien tal-każi ta’ annullament”.[263] Id-dewmien fil-proċess hu skomdu għall-persuni u jgħejjihom. Iż-żewġ Dokumenti riċenti tiegħi fuq dan is-suġġett[264] wasslu biex jitħaffu l-proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ żwieġ. Permezz tagħhom ridt ukoll “li jintwera biċ-ċar li l-Isqof innifsu, fil-Knisja tiegħu li tagħha hu r-Ragħaj u l-Kap, fl-istess ħin huwa wkoll l-imħallef qalb il-fidili fdati f’idejh”.[265] “It-twettiq ta’ dawn id-dokumenti għalhekk hu responsabbiltà kbira għall-Ordinarji djoċesani, imsejħa jiġġudikaw huma stess xi kawżi u jiżguraw dejjem aċċess iżjed faċli tal-fidili għall-ġustizzja. Dan jimplika t-tħejjija ta’ personal biżżejjed, magħmul minn kjeriċi u lajċi, li jingħataw b’ruħhom u b’ġisimhom b’mod prijoritarju għal dan is-servizz fil-Knisja. Għalhekk sa jkun hemm bżonn inqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni separati jew tal-koppji fi kriżi, servizz ta’ informazzjoni, ta’ pariri u ta’ medjazzjoni, marbut mal-pastorali tal-familja, li jista’ wkoll jilqa’ l-persuni fid-dawl tal-indaġni preliminari għall-proċess matrimonjali (ara Mitis Iudex, art. 2-3)”.[266]

 

245. Il-Padri Sinodali tkellmu dwar “il-konsegwenzi tas-separazzjoni jew tad-divorzju fuq l-ulied, li dejjem huma vittmi innoċenti tas-sitwazzjoni”.[267] Qabel kull ħaġa oħra li rridu nqisu, huma l-ewwel ħaġa li tħassibna, u m’għandu jeħdilha postha l-ebda interess jew fini ieħor. Lill-ġenituri separati nitlobhom bil-ħrara: “Qatt, qatt, qatt tagħmlu ostaġġ mit-tifel jew tifla! Infridtu minħabba ħafna diffikultajiet u raġunijiet, il-ħajja għaddietkom minn din il-prova, imma l-ulied m’għandhomx ikunu dawk li jġorru l-piż ta’ din is-separazzjoni, m’għandhomx jintużaw qishom ostaġġi kontra l-parti l-oħra, u għandhom jikbru jisimgħu lill-omm titkellem tajjeb fuq il-missier, anki jekk mhumiex flimkien, u lill-missier jitkellem tajjeb fuq l-omm”.[268] Hi ħaġa irresponsabbli li tirvina l-immaġni tal-missier jew tal-omm bl-għan li tikkapparra r-rispett ta’ ibnek jew bintek, biex tivvendika jew biex tiddefendi ruħek, għax dan ħsara jagħmel lill-ħajja interjuri ta’ dak it-tifel jew tifla u jġib ġrieħi li qajla jitfejqu.

 

246. Anki jekk tifhem is-sitwazzjonijiet ta’ ġlied li l-miżżewġin ikollhom jgħaddu minnhom, il-Knisja ma tistax tieqaf tkun leħen għall-iżjed dgħajfa, li huma l-ulied li qed ibatu, spiss fis-skiet. Illum, “minkejja s-sensibbiltà tagħna li minn barra donnha żdiedet, u l-analiżijiet psikoloġiċi raffinati tagħna, nistaqsi jekk forsi mewwitniex ukoll ir-rispett lejn il-ġrieħi f’qalb it-tfal. […] Qed inħossu t-toqol tal-muntanja li jgħattan il-qalb ta’ tifel ċkejken, fil-familji fejn nagħmlu l-ħsara lil xulxin, sa ma ntertqu dik ir-rabta ta’ fedeltà konjugali?[269] Dawn l-esperjenzi koroh lil dawk it-tfal ma jgħinuhomx jimmaturaw biex isiru kapaċi jidħlu għal impenji fit-tul. Għalhekk, il-komunitajiet Insara m’għandhomx jitilqu waħidhom lill-ġenituri divorzjati li qegħdin f’relazzjoni ġdida. Bil-maqlub, għandhom jinkluduhom u jseħbuhom fil-funzjoni edukattiva tagħhom. Fil-fatt, “kif nistgħu ngħinu lil dawn il-ġenituri biex jagħmlu minn kollox ħalli jedukaw lil uliedhom għall-ħajja Nisranija, jagħtuhom l-eżempju ta’ fidi konvinta u pprattikata, jekk inżommuhom imbegħdin mill-ħajja tal-komunità, qishom kienu skomunikati? Għandna nħabirku biex ma nżidux madmad ieħor ma’ dak li l-ulied, f’dawn is-sitwazzjonijiet, diġà qed ikollhom iġorru!”[270] L-għajnuna li nagħtu lill-ġenituri biex ifiqu mill-ġrieħi tagħhom u meta nilqgħuhom spiritwalment, dan jisfa’ ta’ fejda anki għal uliedhom, li għandhom bżonnu l-wiċċ tal-familja tal-Knisja li tilqagħhom matul din l-esperjenza trawmatika. Id-divorzju hu ħażin, u tħassibna ħafna ż-żieda fl-għadd ta’ divorzji. Għalhekk, bla dubju, id-dmir pastorali l-iżjed importanti tagħna mal-familji hu dak li nsaħħu l-imħabba u ngħinu biex jitfejqu l-ġrieħi, biex hekk nistgħu nevitaw li tkompli toktor din it-traġedja ta’ żmienna.

 

Xi sitwazzjonijiet kumplessi

247. “Il-problematiċi marbuta maż-żwiġijiet imħallta jitolbu attenzjoni speċifika. Iż-żwiġijiet bejn Kattoliċi u mgħammdin oħra, ‘minkejja s-sura speċjali tagħhom, għandhom ħafna kwalitajiet li jeħtieġ li wieħed jara s-siwi tagħhom u jiżviluppahom, kemm minħabba l-valuri tagħhom fihom infushom, kemm minħabba l-għajnuna li jistgħu jagħtu lill-moviment ekumeniku’. Għalhekk ‘wieħed għandu jfittex […] li jkun hemm ħidma flimkien bejn il-ministru Kattoliku u dak mhux Kattoliku, sa minn żmien it-tħejjija għaż-żwieġ u fiż-żwieġ stess’ (Familiaris consortio, 78). Dwar il-qsim tal-Ewkaristija nfakkru li ‘d-deċiżjoni li nħallu jew ma nħallux jersqu għat-tqarbin Ewkaristiku lill-parti mhix Kattolika taż-żwieġ trid tittieħed fi qbil man-normi ġenerali eżistenti dwar il-materja, kemm għall-Insara tal-Lvant u kemm għall-Insara l-oħra, u billi nżommu quddiem għajnejna din is-sitwazzjoni partikulari, jiġifieri li qed jirċievu s-sagrament taż-żwieġ Nisrani żewġ Insara mgħammdin. Għalkemm il-miżżewġin fi żwieġ imħallat għandhom komuni bejniethom is-sagramenti tal-Magħmudija u taż-Żwieġ, is-sehem fl-Ewkaristija ma jistax isir ħlief f’każi eċċezzjonali u, hu x’inhu, għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet indikati’ (Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda bejn l-Insara, Direttorju għall-Applikazzjoni tal-Prinċipji u tan-Normi rigward l-Ekumeniżmu, 25 ta’ Marzu 1993, 159-160)”.[271]

 

248. “Iż-żwiġijiet fejn il-partijiet ġejjin minn reliġjonijiet differenti huma lok ipprivileġġjat ta’ djalogu interreliġjuż […] iġibu magħhom ukoll diffikultajiet speċjali kemm fejn tidħol l-identità Nisranija tal-familja, u kemm dwar l-edukazzjoni reliġjuża tal-ulied. […] L-għadd tal-familji msawra minn għaqdiet konjugali b’differenzi reliġjużi, li qed jiżdied sew f’territorji tal-missjoni u anki f’pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija twila, jagħmel iktar urġenti l-bżonn li nipprovdu kura pastorali li tvarja skont id-diversi kuntesti soċjali u kulturali. F’xi pajjiżi, fejn il-libertà tar-reliġjon ma teżistix, il-parti Nisranija tkun obbligata tgħaddi għal reliġjon oħra biex tista’ tiżżewweġ, u ma tistax tiċċelebra ż-żwieġ kanoniku b’differenza fil-kult u lanqas tgħammed lill-ulied. Għalhekk jeħtieġ nisħqu fuq il-bżonn li l-libertà reliġjuża tiġi rrispettata għal kulħadd.[272] “Hemm bżonn nagħtu attenzjoni partikulari lill-persuni li jixxierku fi żwiġijiet ta’ din ix-xorta, u dan mhux biss fiż-żmien qabel it-tieġ. Sfidi partikulari qed jaffrontaw il-koppji u l-familji fejn parti minnhom hi Kattolika u l-oħra ma temminx. F’każi bħal dawn aħna msejħin nagħtu xhieda ta’ kemm l-Evanġelju kapaċi jinżel għal dawn is-sitwazzjonijiet b’mod li jagħmel possibbli l-edukazzjoni għall-fidi Nisranija tal-ulied”.[273]

 

249. “Diffikultajiet partikulari jidhru f’sitwazzjonijiet li jolqtu l-aċċess għall-Magħmudija ta’ persuni li jsibu ruħhom f’qagħda kumplessa ta’ żwieġ. Qed nitkellmu fuq persuni li daħlu f’għaqdiet ta’ żwieġ stabbli fi żmien meta tal-inqas xi ħadd minnhom ma kienx għadu jaf bil-fidi Nisranija. L-Isqfijiet, f’dawn il-każi, huma msejħa jħaddmu dixxerniment pastorali skont il-ġid spiritwali tagħhom”.[274]

 

250. Il-Knisja twaħħad imġebitha mal-Mulej Ġesù li fi mħabba bla tarf ta lilu nnifsu għal kulħadd bla eċċezzjonijiet.[275] Mal-Padri Sinodali għarbilt il-qagħda tal-familji li qed jgħixu l-l-esperjenza li fi ħdanhom għandhom persuni b’tendenzi omosesswali, esperjenza li mhi xejn ħafifa la għall-ġenituri u lanqas għall-ulied. Għalhekk nixtiequ qabelxejn intennu li kull persuna, hu x’inhu l-orjentament sesswali tagħha, għandha tiġi rrispettata fid-dinjità tagħha u milqugħa bir-rispett, bl-għożża li tevita “kull sinjal ta’ diskriminazzjoni mhux ġusta”[276] u partikularment kull għamla ta’ aggressjoni u vjolenza. Lill-familji mbagħad irridu niżguraw li nseħbuhom b’rispett, biex dawk li qed juru tendenza omosesswali jistgħu jsibu l-għajnuna meħtieġa biex jifhmu u jwettqu b’mod sħiħ ir-rieda ta’ Alla f’ħajjithom.[277]

 

251. Fid-dibattitu fuq id-dinjità u l-missjoni tal-familja, il-Padri Sinodali osservaw li “dwar il-proposti legali li jridu jqisu l-unjonijiet bejn persuni omosesswali daqs iż-żwieġ, ‘ma jeżisti l-ebda fundament biex inqisu ndaqs jew nagħmlu analoġiji, lanqas remoti, bejn l-unjonijiet omosesswali u l-pjan ta’ Alla fuq iż-żwieġ u l-familja’”; u mhux aċċettabbli li “l-Knejjes lokali jġarrbu pressjoni fuq dan is-suġġett u li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jikkundizzjonaw l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi foqra bl-introduzzjoni ta’ liġijiet li jridu ż-‘żwieġ’ bejn persuni tal-istess sess”.[278]

 

252. Il-familji b’ġenitur wieħed spiss inħolqu minħabba f’“missirijiet jew ommijiet bijoloġiċi li qatt ma riedu jintegraw ruħhom fil-ħajja tal-familja, sitwazzjonijiet ta’ vjolenza li minnhom xi ġenitur kellu jaħrab flimkien mal-ulied, il-mewt ta’ xi wieħed mill-ġenituri, wieħed mill-ġenituri li ta dahru lill-familja, u sitwazzjonijiet oħra. Hi x’inhi l-kawża, il-ġenitur li baqa’ jgħix bit-tfal miegħu għandu jsib l-għajnuna u l-faraġ tal-familji l-oħra li jsawru l-komunità Nisranija, kif ukoll fi ħdan l-organizzazzjonijiet parrokkjali. Dawn il-familji spiss huma milquta wkoll mill-gravità tal-problemi ekonomiċi, mill-inċertezza ta’ xogħol prekarju, mid-diffikultà biex jgħajxu lil uliedhom, min-nuqqas ta’ dar”.[279]

 

Meta l-mewt tolqot bin-niggieża tagħha

253. Xi drabi l-ħajja tal-familja ssib ma’ wiċċha l-isfida tal-mewt ta’ xi ħadd għażiż. Ma nistgħux nibqgħu lura milli noffru d-dawl tal-fidi biex insieħbu l-familji li għaddejjin minn dawn il-mumenti ta’ tbatija.[280] Jekk nitilqu waħidha familja midruba mill-mewt, inkunu qed nonqsu mill-ħniena, inkunu tlifna opportunità pastorali, u din l-imġiba tista’ tagħlqilna l-bibien għal kull azzjoni oħra ta’ evanġelizzazzjoni.

 

254. Nifhem l-uġigħ ta’ qalb ta’ min tilef persuna maħbuba qatigħ, lil dak jew dik li magħha qasam ħajtu. Ġesù nnifsu tqanqal u beka għall-mewt ta’ ħabibu (ara Ġw 11:33, 35). U kif nistgħu ma nifhmux il-biki ta’ min tilef lil ibnu jew bintu? Fil-fatt, “hu bħallikieku ż-żmien waqaf: jinfetaħ abbiss li jibla’ fih il-passat u anki l-futur. […] U xi drabi naslu biex anki nixħtu t-tort fuq Alla. Imma kemm nies – u dan jien nifhmu – tinkorla ma’ Alla”![281] “Li wieħed jormol hi esperjenza partikularment iebsa. […] Xi wħud juru li kapaċi jżommu l-enerġiji tagħhom b’dedikazzjoni ikbar għal uliedhom u n-neputijiet, u hekk isibu f’din l-espressjoni ta’ mħabba missjoni edukattiva ġdida. […] Dawk li ma jistgħux iserrħu fuq il-preżenza tal-familjari li għalihom jistgħu jiddedikaw ħajjithom u mingħandhom jirċievu mħabba u kumpanija, għandhom jiġu mwieżna mill-komunità Nisranija b’attenzjoni u disponibbiltà partikulari, fuq kollox jekk jinsabu f’kundizzjonijiet ta’ faqar”.[282]

 

255. Ġeneralment il-luttu għall-mejtin jista’ jtul mhux ħażin, u meta Ragħaj juri x-xewqa li jsieħeb din il-mixja, għandu jadatta ruħu għall-bżonnijiet ta’ kull fażi tagħha. Il-mixja kollha hi mifnija bil-mistoqsijiet: fuq il-kawża tal-mewt, fuq x’seta’ sar iżjed, fuq minn xiex tgħaddi persuna fil-mument qabel il-mewt… B’mixja sinċiera u kollha sabar ta’ talb u ta’ ħelsien minn ġewwa, jerġa’ jintradd is-sliem. F’ċertu punt tal-viżtu jeħtieġ ngħinu lil dak li jkun jiskopri li, wara li tilef persuna għażiża, għad baqagħlu missjoni xi jwettaq, u li ma jagħmillux tajjeb joqgħod itawwal it-tbatija, bħallikieku din kienet xi att ta’ rispett lill-memorja tagħha. Il-persuna maħbuba m’għandhiex bżonn tat-tbatija tagħna, imma jogħġobha li aħna nġeddu ħajjitna. Lanqas hi l-aħjar espressjoni ta’ mħabba li noqogħdu niftakru fiha u nsemmuha l-ħin kollu, għax dan ifisser li nkunu bqajna marbuta ma’ passat li m’għadux jeżisti, flok ma nkunu nħobbu l-persuna reali li issa tinsab fil-ħajja l-oħra. Il-preżenza fiżika tagħha m’għadhiex possibbli, imma, jekk il-mewt hi tassew b’saħħitha, “bħall-mewt qawwija l-imħabba” (Għanja 8:6). L-imħabba kapaċi tħoss hekk li tisma’ fejn m’hemmx ħsejjes u tara fejn ma jidhirx. Dan mhux billi tistħajjel il-persuna għażiża kif kienet, imma billi taċċettaha mibdula, kif inhi issa. Kristu Rxoxt, meta l-ħabiba tiegħu Marija riedet trossu magħha, talabha biex ma tmissux (ara Ġw 20:17), biex jiftħilha t-triq għal laqgħa differenti.

 

256. Nitfarrġu meta nafu li dawk li jmutu ma jintilfux għal dejjem, u l-fidi tiżgurana li l-Irxoxt qatt mhu sa jitlaqna għal riħna. Hekk ma nħallux lill-mewt “tivvelenalna ħajjitna, iġġib fix-xejn l-imħabbiet tagħna, twaqqagħna f’vojt iktar mudlam”.[283] Il-Bibbja titkellem dwar Alla li ħalaqna fi mħabbtu, u li għamilna b’mod li ħajjitna ma tintemmx mal-mewt (ara Għerf 3:2-3). San Pawl ikellimna dwar laqgħa ma’ Kristu minnufih wara l-mewt: “Nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu” (Fil 1:23). Miegħu, wara l-mewt hemm jistenniena dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh (ara 1 Kor 2:9). Il-Prefazju tal-Liturġija tal-Mejtin dan jesprimih b’mod tal-għaġeb: “Għad li mnikktin għax nafu li għandna mmutu, nitfarrġu bil-wegħda ta’ ħajja oħra li qatt ma tintemm. Għax għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel”. Fil-fatt “l-għeżież tagħna ma ntilfux fid-dalma tax-xejn: it-tama tiżgurana li huma jinsabu fi ħdan id-dirgħajn twajba u qawwija ta’ Alla”.[284]

 

257. Mod kif nikkomunikaw mal-għeżież tagħna mejtin hu billi nitolbu għalihom.[285] Tgħidilna l-Bibbja li “titlob għall-mejtin” hu għemil “qaddis u twajjeb” (2 Mak 12:44-45). Li nitolbu għalihom “mhux biss jgħinhom, imma jagħmel effikaċi l-interċessjoni tagħhom għalina”.[286] L-Apokalissi jippreżenta l-martri qed jinterċedu għal dawk li qed iġarrbu inġustizzja fuq din l-art (ara 6:9-11), solidali ma’ din id-dinja fil-pellegrinaġġ tagħha. Xi qaddisin, qabel ma mietu, farrġu lill-għeżież tagħhom li kienu qrib tagħhom biex jgħinuhom. Santa Tereża ta’ Lisieux ħasset li riedet tkompli tagħmel il-ġid mis-Sema.[287] San Duminku stqarr li “seta’ jkun iżjed ta’ siwi wara mewtu, […] iżjed kien ħa jkollu qawwa biex jikseb il-grazzji”.[288] Huma rabtiet ta’ mħabba,[289] għax “l-għaqda ta’ dawk li għadhom pellegrini fuq l-art ma’ dawk li qegħdin fir-raqda tas-sliem fi Kristu bl-ebda mod ma tinqata’ […], anzi tissaħħaħ bil-komunikazzjoni bejniethom tal-ġid spiritwali.[290]

 

258. Jekk naċċettaw il-mewt nistgħu nħejju ruħna għaliha. It-triq hi li nikbru fl-imħabba lejn dawk li mexjin magħna, sal-jum li fih “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed” (Apk 21:4). Hekk nitħejjew ukoll biex nerġgħu niltaqgħu mal-għeżież tagħna li ħallewna. Kif Ġesù lil dik l-omm raddilha lil binha ħaj (ara Lq 7:15), l-istess jagħmel magħna. Ejjew ma naħlux saħħitna mwaħħlin għal snin sħaħ mal-imgħoddi. Aħjar ma ngħixu fuq din l-art, akbar ikun l-hena li nistgħu naqsmu mal-għeżież tagħna fis-Sema. Aktar ma jirnexxilna nimmaturaw u nikbru, iżjed inkunu nistgħu nieħdu ħwejjeġ sbieħ magħna fuq il-mejda tal-festa fis-Sema.


 

IS-SEBA’ KAPITLU

INSAĦĦU L-EDUKAZZJONI TAL-ULIED

 

259. Il-ġenituri dejjem jinfluwenzaw l-iżvilupp morali ta’ wliedhom, fit-tajjeb u fil-ħażin. Konsegwentement, l-aħjar ħaġa hi li jilqgħu din ir-responsabbiltà li ma jistgħux jaħarbu minnha u jwettquha b’kuxjenza, b’ħeġġa, b’mod raġunat u xieraq. Ladarba din il-funzjoni edukattiva tal-familji hi hekk importanti u saret hekk kumplessa, nixtieq nieqaf b’mod speċjali fuq dan il-punt.

 

Fejn qegħdin l-ulied?

260. Il-familja ma tistax terġa’ lura milli tkun imkien ta’ tweżin, ta’ tisħib, ta’ tmexxija, anki jekk hemm bżonn taħseb metodi ġodda u ssib riżorsi ġodda. Hemm bżonn taħseb għal xiex tixtieq tesponi lil uliedha. Għaldaqstant, m’għandhiex taħrab milli tistaqsi min huma dawk li qed joffrulhom id-divertiment u r-rikreazzjoni, dawk li qed jidħlu f’kamarthom fuq l-iskrins elettroniċi, dawk li f’idejhom qed jafdawhom biex imexxuhom fil-ħin liberu tagħhom. Huwa biss dak il-ħin li nqattgħu magħhom, inkellmuhom b’sempliċità u mħabba fuq il-ħwejjeġ importanti, u l-possibbiltajiet tajbin li noħolqu biex nimlew il-ħin tagħhom, li jistgħu jevitaw invażjoni li tagħmel il-ħsara. Irridu noqogħdu dejjem għassa. It-telqa qatt ma tagħmel ġid. Il-ġenituri għandhom jorjentaw u jħejju lill-ulied żgħar u adolexxenti tagħhom biex jagħrfu jaffrontaw sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun hemm, ngħidu aħna, riskji ta’ vjolenza, ta’ abbuż u ta’ vizzju tad-droga.

 

261. Madankollu, l-ossessjoni ma tedukax, u ma jistax ikollok kontroll tas-sitwazzjonijiet kollha li fihom jistgħu jkunu wliedek. Hawn jgħodd il-prinċipju li “ż-żmien hu aqwa mill-ispazju”.[291] Li rrid ngħid hu li aħjar noħolqu proċessi milli naħkmu l-ispazji. Jekk ġenitur hu ffissat biex ikun jaf fejn qiegħed ibnu u jrid jikkontrolla ċ-ċaqliq kollu tiegħu, ikun ifittex biss li jaħkem l-ispazju tiegħu. B’dan il-mod mhux sa jedukah, mhux sa jsaħħu, mhux sa jħejjih biex jaffronta l-isfidi. Dak li jiswa fuq kollox hu li nnisslu fl-ulied, b’ħafna mħabba, proċess ta’ maturazzjoni tal-libertà tagħhom, li jħejjihom, jgħinhom jikbru b’mod sħiħ, ixettel fihom awtonomija awtentika. Hekk biss dak l-iben iħossu armat bl-elementi li jeħtieġ biex jagħraf jiddefendi lilu nnifsu b’intelliġenza u għaqal f’ċirkustanzi ibsin. Għalhekk il-mistoqsija l-kbira mhijiex fejn jinsab fiżikament ibnek, ma’ min qiegħed bħalissa, imma fejn jinsab f’sens eżistenzjali, fejn qiegħed f’dawk li huma konvinzjonijiet, għanijiet, xewqat, il-pjan ta’ ħajtu. Għalhekk il-mistoqsijiet li nagħmel lill-ġenituri huma: “Qed infittxu li nifhmu ‘fejn’ waslu tabilħaqq uliedna fil-mixja tagħhom? Fejn qiegħda tassew qalbhom, nafu xejn? U fuq kollox: Dan irridu nafuh?”[292]

 

262. Kieku l-maturità kienet biss l-iżvilupp ta’ xi ħaġa li diġà qiegħda fil-kodiċi ġenetiku, ma tantx kien ikun hemm x’tagħmel. Il-prudenza, il-ġudizzju tajjeb u s-sens komun ma jiddependux minn karatteristiċi purament kwantitattivi tal-maturazzjoni, imma minn katina sħiħa ta’ elementi li jinġabru fil-ġewwieni tal-persuna; biex inkunu iżjed preċiżi, fil-qalba tal-libertà tagħha. Ma nistgħux naħarbu mill-fatt li kull iben se jissorprendina bil-proġetti li jnixxu minn din il-libertà, li jħarbat l-iskemi tagħna, u sewwa li dan iseħħ. L-edukazzjoni ġġib magħha d-dmir li nippromovu libertajiet responsabbli, li meta l-ulied isibu ruħhom f’salib it-toroq jafu jagħżlu b’sens komun u intelliġenza; hemm persuni li jifhmu bla tlaqliq li ħajjithom u dik tal-komunitajiet tagħhom hi f’idejhom u li din il-libertà hi don tal-għaġeb.

 

Il-formazzjoni etika tal-ulied

263. Anki jekk il-ġenituri għandhom bżonn tal-iskola biex jiżguraw li wliedhom jirċievu t-tagħlim bażiku, huma ma jistgħu qatt jiddelegaw għalkollox il-formazzjoni morali tagħhom. L-iżvilupp affettiv u etiku ta’ persuna jitlob esperjenza fundamentali: trid temmen li l-ġenituri tagħha jistħoqqilhom il-fiduċja tagħha. Dan jgħabbina b’responsabbiltà edukattiva: bl-imħabba u bix-xhieda nnisslu fiduċja fi wliedna, innebbħu fihom rispett kollu mħabba. Meta l-ulied ma jibqgħux iħossuhom iżjed prezzjużi f’għajnejn il-ġenituri tagħhom għalkemm huma imperfetti, jew jintebħu li huma m’għadhomx sinċerament ħsiebhom fihom, dan joħloq ġrieħi kbar li jnisslu ħafna diffikultajiet fil-maturazzjoni tagħhom. Dan in-nuqqas, dan l-abbandun affettiv, iġib għafsa ta’ qalb ikbar minn korrezzjoni għall-ġid li wieħed jista’ jirċievi minħabba f’xi ħaġa ħażina li jkun għamel.

 

264. Xogħol il-ġenituri hu li jedukaw ir-rieda u jrawmu fi wliedhom drawwiet tajba u inklinazzjonijiet affettivi lejn dak li hu tajjeb. Dan jimplika li jippreżentawhom bħala mġibiet li wieħed jixxennaq li jitgħallem u inklinazzjonijiet li jixtieq jikber fihom. Imma dan hu dejjem proċess li mill-imperfezzjoni jgħaddi għal milja sħiħa. Ix-xewqa li wieħed jadatta ruħu għas-soċjetà jew id-drawwa li jiċħad sodisfazzjon immedjat biex joqgħod għal norma u jara li jgħix fis-sliem mal-oħrajn, diġà huma fihom infushom valur tal-bidu li joħloq dispożizzjonijiet biex wieħed imbagħad jogħla għal valuri akbar. Il-formazzjoni morali għandha sseħħ dejjem b’metodi attivi u bi djalogu edukattiv li jħaddem is-sensibbiltà u l-lingwaġġ proprju tal-ulied. Barra minn hekk, din il-formazzjoni għandha titwettaq minn isfel għal fuq, biex l-iben jista’ jasal li jiskopri hu l-importanza ta’ valuri, prinċipji u normi partikulari, flok jiġu imposti fuqu bħala veritajiet indiskutibbli.

 

265. Biex naġixxu sewwa, mhux biżżejjed “niġġudikaw b’mod xieraq” jew inkunu nafu b’mod ċar x’għandna nagħmlu, għalkemm dan ikun prijorità. Ħafna drabi aħna inkoerenti mal-konvinzjonijiet personali tagħna, anki meta dawn ikunu qawwija. Imqar jekk il-kuxjenza tiddettalna ġudizzju morali partikulari, xi drabi iktar għandhom saħħa fuqna ħwejjeġ oħra li jiġbduna, sakemm nibqgħu ma nifhmux li dak li l-moħħ fehem bħala tajjeb għandu jniżżel għeruqu fina bħala inklinazzjoni qawwija tal-qalb, bħala gost għal dak li hu tajjeb li għandu piż iktar minn ġibdiet oħra, u li jgħinna nifhmu li dak li fhimna bħala tajjeb huwa hekk ukoll “għalina” issa u hawn. Formazzjoni etika effikaċi titlob minna li nuru lill-persuna kemm jiswa lilha stess li tgħix tajjeb. Illum spiss ma tantx iħalli effett jekk nitolbu mill-oħrajn xi ħaġa li titlob sforz u ċaħdiet, mingħajr ma nuruhom b’mod ċar il-ġid li jistgħu jilħqu jekk jagħmlu hekk.

 

266. Hemm bżonn inxettlu fina ċerti drawwiet tajba. Anki dak li drajna nagħmlu minn ċkunitna għandu funzjoni pożittiva, għax b’hekk il-valuri li nkunu għamilna tagħna jitlaħħmu fi mġiba esterna sana u stabbli. Wieħed jaf ikollu sentimenti soċjevoli u dispożizzjoni tajba għall-oħrajn, imma jekk għal ħafna żmien il-ġenituri ma darrewhx jgħid “jekk jogħġbok”, “ippermettili”, “grazzi”, id-dispożizzjoni tajba ta’ ġo fih mhux lakemm tissarraf f’dawn l-espressjonijiet. It-tisħiħ tar-rieda u t-tennija ta’ għemejjel partikulari jibnu l-kondotta morali, u mingħajr ir-ripetizzjoni konxja, ħielsa u apprezzata ta’ ċerti mġibiet tajbin, ma nistgħux nwasslu sal-aħħar l-edukazzjoni għal din il-kondotta. Il-motivazzjonijiet, jew il-ġibda li nħossu lejn valur partikulari, ma jistgħux isiru virtù mingħajr raġuni tajba għal dawn l-atti.

 

267. Il-libertà hi xi ħaġa tassew kbira, imma nistgħu nitilfuha. L-edukazzjoni morali tfisser li nieħdu ħsieb ta’ din il-libertà permezz ta’ proposti, motivazzjonijiet, applikazzjonijiet prattiċi, stimoli, premijiet, eżempji, mudelli, simboli, riflessjonijiet, eżortazzjonijiet, reviżjonijiet tal-imġiba u djalogi li jgħinu lill-persuni jiżviluppaw dawn il-prinċipji ġewwiena stabbli li jistgħu jċaqilquhom biex iwettqu t-tajjeb b’mod spontanju. Il-virtù hi konvinzjoni li tinbidel fi prinċipju ġewwieni u stabbli tal-imġiba. Għalhekk, il-ħajja tajba tibni l-libertà, issaħħaħha u tedukaha, u tevita li l-persuna ssir ilsira ta’ vizzji li jneżżgħuha mill-umanità tagħha u jagħmluha antisoċjali. Fil-fatt id-dinjità umana stess trid li kulħadd “jaġixxi skont għażliet magħmulin għax jaf x’qed jagħmel u bil-libertà, jiġifieri mġiegħel minn konvinzjonijiet personali”.[293]

 

Il-valur tal-korrezzjoni bħala stimolu

268. Bl-istess mod, hu indispensabbli li nissensibilizzaw it-tfal u l-adolexxenti biex jagħrfu li dak li jkunu għamlu ħażin għandu l-konsegwenzi tiegħu. Jeħtieġ inqajmu fihom il-ħila li jilbsu ż-żarbun tal-ieħor u jiddispjaċihom għat-tbatija tiegħu meta jkunu għamlulu d-deni. Ċerti sanzjonijiet – għall-imġibiet vjolenti antisoċjali – jistgħu parzjalment jissodisfaw dan l-għan. Importanti norjentaw lit-tfal b’id soda biex jitgħallmu jitolbu maħfra u jsewwu l-ħsara li jkunu għamlu lil ħaddieħor. Meta l-mixja edukattiva turi l-frott tagħha f’libertà personali matura, l-ulied stess f’ċertu punt jibdew jagħrfu bi gratitudni li kien ta’ ġid għalihom li kibru f’familja u jibdew jaċċettaw l-esiġenzi imposti mill-proċess kollu tal-formazzjoni.

 

269. Il-korrezzjoni hi stimolu meta fl-istess ħin jiġu apprezzati u magħrufa l-isforzi u meta l-iben jiskopri li l-ġenituri tiegħu jafdaw fih bis-sabar kollu. Tifel ikkoreġut bi mħabba jħoss li hemm min qed jagħti kasu, li hu xi ħadd, li l-ġenituri tiegħu jagħrfu x’ħiliet jista’ jkollu. Biex dan iseħħ m’hemmx bżonn li l-ġenituri jkunu bla ebda nuqqas, imma li jagħrfu b’umiltà l-limiti tagħhom u juru l-isforz personali tagħhom biex isiru aħjar milli huma. Imma xhieda li għandhom bżonn l-ulied min-naħa tal-ġenituri hi li ma jħallux ir-rabja tiġri bihom. L-iben li jiżbalja, għandu jiġi kkoreġut, imma qatt bħallikieku kien xi għadu jew qisu xi wieħed li fuqu għandhom jiżvogaw ir-rabja kollha tagħhom. Barra minn hekk, adult għandu jagħraf li ċerti żbalji huma marbuta mad-dgħufijiet u l-limiti ta’ dik l-età. Għalhekk jagħmel ħafna ħsara atteġġjament ta’ min il-ħin kollu ħsiebu biex jikkoreġi, għax dan ma jgħinx lill-ulied jaraw li hemm livelli differenti ta’ gravità fl-għemil u jnissel qtigħ il-qalb u dwejjaq: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom” (Efes 6:4; ara Kol 3:21).

 

270. L-importanti hu li d-dixxiplina ma tinbidilx f’deformazzjoni tax-xewqa, imma tkun stimolu biex wieħed dejjem jimxi ’l quddiem. Kif nistgħu nxierku flimkien dixxiplina u dinamiżmu ġewwieni? Kif nagħmlu biex id-dixxiplina tkun limitu li jibni iktar il-mixja tal-ulied u mhux ħajt li jxejjinha jew dimensjoni tal-edukazzjoni li xxekkilha? Irridu nitgħallmu nsibu bilanċ bejn żewġ estremi li t-tnejn huma ħżiena: wieħed li nippretendu li nistgħu nibnu dinja skont ix-xewqa tal-iben, li jikber iħossu suġġett ta’ drittijiet imma mhux ta’ responsabbiltajiet. L-estrem l-ieħor hu dak li jwasslu biex jgħix mingħajr ma jaf x’inhi d-dinjità tiegħu, l-identità waħdanija u d-drittijiet tiegħu, ittorturat mid-dmirijiet u mjassar mix-xewqat ta’ ħaddieħor.

 

Realiżmu kollu sabar

271. L-edukazzjoni morali timplika li minn tifel jew żagħżugħ nitolbu biss dawk il-ħwejjeġ li mhumiex għalih sagrifiċċju ikbar milli jiflaħ, nippretendu minnu biss dik id-doża ta’ sforz li ma toħloqx fih rabja jew iġġagħlu jagħmel ħaġa kontra qalbu. Il-mixja ordinarja hi li nipproponu passi żgħar li wieħed jista’ jifhimhom, jaċċettahom u japprezzahom, u jġibu magħhom ċaħda proporzjonata. Jekk, min-naħa l-oħra, nitolbu ħafna, ma niksbu xejn. Il-persuna, mal-ewwel ċans li jiġiha li teħles mill-awtorità, aktarx tieqaf iġġib ruħha tajjeb.

 

272. Il-formazzjoni etika xi drabi tqanqal ċerta stmerrija minħabba esperjenzi ta’ abbandun, ta’ delużjoni, ta’ nuqqas ta’ affettività, jew minħabba f’immaġni kerha tal-ġenituri. Il-valuri etiċi jistgħu jiġu influwenzati ħażin minn immaġni mgħawġa tal-figuri tal-missier u tal-omm, jew mid-dgħufija tal-adulti. Għalhekk jeħtieġ ngħinu lill-adolexxenti jagħmlu din l-analoġija: il-valuri huma ppreżentati quddiemna b’mod partikulari minn xi persuni eżemplari ħafna, imma jitwettqu wkoll b’mod imperfett u fuq diversi livelli. Fl-istess waqt, billi r-reżistenzi taż-żgħażagħ huma marbuta ħafna ma’ esperjenzi negattivi, irridu ngħinuhom jagħmlu mixja ta’ fejqan ta’ din id-dinja ġewwenija tagħhom li sfat midruba, biex hekk jistgħu jaslu għall-ftehim u r-rikonċiljazzjoni mal-persuni u mas-soċjetà.

 

273. Meta nipproponu l-valuri, jeħtieġ nimxu ftit ftit, b’modi differenti u skont l-età u l-possibbiltajiet konkreti tal-persuni, bla ma nippretendu li nistgħu napplikaw metodoloġiji riġidi u li ma jinbidlu qatt. Is-sehem prezzjuż tal-psikoloġija u tax-xjenzi tal-edukazzjoni juri li hu meħtieġ proċess gradwali biex nistgħu nibdlu l-imġiba, imma anki li l-libertà hemm bżonn li nagħtuha direzzjoni u nistimulawha, għax jekk titħalla mitluqa għaliha nfisha ma tistax tiggarantixxi l-maturità tal-persuna. Il-libertà f’kuntest ta’ żmien u post, reali, hi limitata u kkundizzjonata. Mhix biss il-ħila li wieħed jagħżel it-tajjeb bi spontanjetà sħiħa. Mhux dejjem nistgħu nagħżlu b’mod xieraq bejn att “volontarju” u att “ħieles”. Xi ħadd jista’ jkun irid xi ħaġa ħażina b’rieda kbira, imma dan minħabba passjoni li ma jistax jirreżisti jew minħabba edukazzjoni ħażina li kellu. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tiegħu hi kollha kemm hi ħierġa mir-rieda, mhix kuntrarja għall-ġibdiet tar-rieda tiegħu, imma mhix ħielsa, għax għalih għoddu impossibbli ma jagħżilx dak il-ħażin. Dan li jiġri f’xi ħadd li hu maħkum mill-vizzju tad-droga. Meta jixtieqha, dan jagħmlu b’saħħtu kollha, imma hu hekk ikkundizzjonat li f’dak il-mument ma jkunx kapaċi jieħu deċiżjoni differenti. Għalhekk id-deċiżjoni tiegħu hi volontarja, imma mhix ħielsa. Ma jagħmilx sens allura li “nħalluh jagħżel bil-libertà kollha”, għax fil-verità ma jistax jagħżel, u jekk nesponuh għad-droga ma nkunu nagħmlu xejn ħlief inżidu d-dipendenza tiegħu fuqha. Għandu bżonn tal-għajnuna tal-oħrajn u ta’ mixja edukattiva.

 

Il-ħajja fil-familja bħala kuntest edukattiv

274. Il-familja hi l-ewwel skola tal-valuri umani, fejn nitgħallmu kif inħaddmu sewwa l-libertà tagħna. Hemm ġibdiet li fihom wieħed jitrawwem sa mit-tfulija u li persuna tkun mgħaddsa fihom u jibqgħu tul ħajjitha kollha bħala emozzjoni li sseddaq valur jew bħala ċaħda spontanja ta’ ċerti mġibiet. Ħafna persuni jaġixxu ħajjithom kollha b’ċertu mod għax iqisu bħala validu dak il-mod ta’ aġir li jkunu xorbu minn ċkunithom, bħal osmosi: “Lili hekk għallmuni”; “dan hu li dejjem tambruli”. Fil-ħajja tal-familja tista’ anki titgħallem tgħarbel b’mod kritiku l-messaġġi ta’ bosta mezzi ta’ komunikazzjoni. B’xorti ħażina, ħafna drabi ċerti programmi televiżivi jew xi xejriet ta’ pubbliċità jħallu effetti negattivi u jdgħajfu l-valuri li wieħed ikun irċieva mill-ħajja fil-familja.

 

275. Fi żmienna, fejn isaltnu l-ansjetà u l-ħeffa teknoloġika, hi ħidma importanti ħafna tal-familji tagħna li jedukaw lill-bniedem jistenna. Ma jfissirx li nċaħħdu lit-tfal mil-logħob bil-ħafna għodda elettronika, imma li nsibu mod kif innisslu fihom il-ħila li jiżviluppaw l-abbiltajiet kritiċi tagħhom u biex ma jaħsbux li l-ħeffa diġitali tista’ tintuża f’kull qasam tal-ħajja. Meta tħalli xi ħaġa għal aktar tard, ma tkunx qed iċċaħħad lilek innifsek mix-xewqa li għandek, imma sempliċement tfittex xorta oħra ta’ sodisfazzjon. Meta t-tfal jew l-adolexxenti ma jiġux edukati jaċċettaw li ċerti affarijiet iridu jistennew, isiru prepotenti, iqiegħdu kollox taħt is-sodisfazzjon ta’ dak li jeħtieġu issa u jikbru bil-vizzju ta’ “rrid kollox issa”. Dan hu qerq kbir li lil-libertà ma jgħinhiex, imma jeqridha. Imma meta nedukaw biex wieħed jitgħallem jipposponi ċerti ħwejjeġ u jistenna l-mument it-tajjeb, inkunu ngħallmu xi jfisser tkun sid tiegħek innifsek, awtonomu quddiem kull istint li jiġik. Hekk, meta t-tifel jifhem xi jfisser ikun responsabbli tiegħu nnifsu, jikber fl-istima tal-persuna tiegħu. Fl-istess waqt, dan jgħallmu jirrispetta l-libertà tal-oħrajn. Naturalment dan ma jfissirx li nippretendu mit-tfal li jġibu ruħhom bħal adulti, imma lanqas ma rridu nnaqqsu l-ħiliet tagħhom li jikbru fil-maturità ta’ libertà responsabbli. F’familja b’saħħitha, dan it-taħriġ jitwettaq ta’ kuljum f’dak li titlob minn kull wieħed u waħda l-ħajja flimkien.

 

276. Il-familja hi l-post fejn isseħħ l-ewwel soċjalizzazzjoni, għax hi l-ewwel lok fejn wieħed jitgħallem joqgħod quddiem l-ieħor, jisma’, jaqsam, jissaporti, jirrispetta, jgħin, jgħix ma’ ħaddieħor. Xogħol l-edukazzjoni hu li tgħin lid-dinja u lis-soċjetà jħossuhom “ambjent familjari”, tgħallimna “ngħammru”, lil hemm mill-istess limiti tad-dar tagħna. Fil-familja nitgħallmu nkunu qrib tal-oħrajn, nieħdu ħsieb tal-oħrajn, insellmulhom. Hemm inkissru l-ewwel ċirku tal-egoiżmu tal-bniedem biex nagħrfu li aħna qed ngħixu flimkien ma’ oħrajn, li jixirqilhom l-attenzjoni tagħna, it-tjubija tagħna, il-ħlewwa u l-imħabba tagħna. Ma teżistix rabta soċjali mingħajr din l-ewwel dimensjoni tal-ħajja ta’ kuljum, kważi mikroskopika: li ngħixu qrib ta’ xulxin, naħbtu ġo xulxin f’ħafna mumenti tal-ġurnata, nagħtu kas ta’ dak li jinteressa lil kulħadd, nagħtu daqqa t’id lil xulxin fil-ħwejjeġ ta’ kuljum. Il-familja trid tivvinta ta’ kuljum modi ġodda kif isseddaq dan l-għarfien wieħed tal-ieħor.

 

277. Fl-ambjent tal-familja nistgħu wkoll infasslu mill-ġdid id-drawwiet tal-konsum biex flimkien nieħdu ħsieb tad-dar komuni tagħna: “Il-familja hi s-suġġett protagonista ta’ ekoloġija integrali, għax hi s-suġġett soċjali ewlieni, li fl-istess ġewwieni tagħha tħaddan iż-żewġ prinċipji bażilari taċ-ċiviltà umana fuq l-art: il-prinċipju tal-komunjoni u l-prinċipju tal-fekondità”.[294] Bl-istess mod, il-mumenti diffiċli u ibsin tal-ħajja tal-familja jistgħu jedukaw mhux ftit. Dan li jiġri, ngħidu aħna, meta titfaċċa xi marda, għax “quddiem il-mard, anki fil-familji jqumu d-diffikultajiet, minħabba fid-dgħufija umana. Imma, ġeneralment, żmien il-mard isaħħaħ ir-rabtiet fil-familja. […] Edukazzjoni li tevita s-sensibbiltà għall-mard tal-bniedem, tnixxef il-qalb. U lit-tfal ‘tilloppjahom’ għat-tbatija tal-oħrajn, ma jkunux kapaċi jħabbtu wiċċhom mat-tbatija u jgħixu l-esperjenza tal-limiti tagħhom”.[295]

 

278. Il-laqgħa edukattiva bejn ġenituri u wlied tista’ tkun iffaċilitata jew ipperikolata mit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u tad-divertiment, dejjem iżjed sofistikati. Meta jintużaw sewwa jistgħu jiswew biex, minkejja d-distanzi, il-membri tal-familja jikkomunikaw flimkien. Il-kuntatti jistgħu jkunu iżjed spissi u jgħinu biex jissolvew diffikultajiet.[296] Imma jrid ikun iżjed ċar li dawn mhumiex jieħdu post u lanqas iwarrbu l-ħtieġa tad-djalogu iżjed personali u profond li jitlob il-kuntatt fiżiku, jew tal-inqas, il-leħen tal-persuna l-oħra. Nafu li xi drabi dawn il-mezzi jbiegħdu flok iqarrbu, bħal meta waqt ħin l-ikel kulħadd issibu mitluf fuq il-mowbajl, jew bħal meta wieħed mill-miżżewġin jieħdu n-ngħas jistenna lill-ieħor, li jqatta’ sigħat jilgħab ma’ xi apparat elettroniku. Fil-familja, dan ukoll għandu jkun motiv ta’ djalogu u ta’ ftehim, li jgħinna nagħtu prijorità lil-laqgħa tal-membri tagħha bla ma naqgħu fi projbizzjonijiet bla sens. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw ir-riskji tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni għat-tfal u l-adolexxenti, li kultant minħabba f’hekk spiċċaw għalkollox passivi, mitlufa u maqtugħa mid-dinja reali. Dan l-“awtiżmu teknoloġiku” iktar jesponihom għall-manipulazzjoni ta’ min ifittex li jidħol fl-intimità tagħhom għal interessi egoistiċi.

 

279. Lanqas mhu sew li l-ġenituri jsiru omnipotenti għal uliedhom, hekk li fihom biss jista’ jkollhom fiduċja, għax hekk ikunu jċaħħduhom minn proċess xieraq ta’ soċjalizzazzjoni u ta’ maturità affettiva. Biex il-paternità u l-maternità jibqgħu jitħaddmu b’mod tajjeb f’realtà usa’ ta’ żmien, “il-komunitajiet Insara huma msejħa jwieżnu l-missjoni edukattiva tal-familji”,[297] b’mod partikulari permezz ta’ katekeżi ta’ inizjazzjoni. Biex ngħinu għal edukazzjoni sħiħa, jeħtieġ “inġeddu l-patt bejn il-familja u l-komunità Nisranija”.[298] Is-Sinodu ried jisħaq fuq l-importanza tal-iskejjel Kattoliċi, li “għandhom funzjoni essenzjali fl-għajnuna li għandhom jagħtu lill-ġenituri fi dmirhom li jedukaw lill-ulied. […] L-iskejjel Kattoliċi għandhom jiġu mħeġġa fil-missjoni tagħhom li jgħinu lill-istudenti jikbru bħala adulti maturi li jistgħu jħarsu lejn id-dinja mil-lenti ta’ mħabba ta’ Ġesù u li jifhmu l-ħajja bħala sejħa biex jaqdu lil Alla.[299] F’dan is-sens, “naffermaw b’rieda soda l-libertà tal-Knisja li tgħallem id-duttrina tagħha u d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza min-naħa tal-edukaturi”.[300]

 

Iva għall-edukazzjoni sesswali

280. Il-Konċilju Vatikan II ra l-ħtieġa li tingħata “bil-prudenza kollha edukazzjoni sesswali pożittiva” li tilħaq it-tfal u l-adolexxenti ftit ftit “waqt li qed jikbru” u “skont il-progress li sar fix-xjenzi tal-psikoloġija, tal-pedagoġija u tal-metodi tat-tagħlim”.[301] Tajjeb nistaqsu lilna nfusna jekk l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna laqgħuhiex din l-isfida. L-edukazzjoni sesswali saret qasam diffiċli fi żmien meta donna rridu nibbanalizzaw u nfaqqru s-sesswalità. Din nistgħu nifhmuha biss fil-qafas ta’ edukazzjoni għall-imħabba, għall-għotja ta’ xulxin. Hekk il-lingwaġġ tas-sesswalità ma jispiċċax jiftaqar, imma jiddawwal iktar. Wieħed jista’ jieħu ħsieb tal-istint sesswali tiegħu f’mixja ta’ għarfien tiegħu nnifsu u fl-iżvilupp ta’ ħakma fuqu nnifsu, li jistgħu jgħinuh joħroġ minn ġo fih ħiliet prezzjużi ta’ ferħ u ta’ laqgħa kollha mħabba mal-oħrajn.

 

281. L-edukazzjoni sesswali toffri tagħrif, imma bla ma tinsa li t-tfal u ż-żgħażagħ għadhom ma laħqux il-maturità sħiħa. It-tagħrif dejjem għandu jasal fil-waqt it-tajjeb u b’mod adatt għall-fażi li jkunu fiha. Ma jiswiex li nimlewhom b’tagħrif jekk ikunu għadhom ma żviluppawx sens kritiku quddiem ix-xita ta’ proposti, quddiem il-pornografija bla kontroll u l-kotra ta’ stimoli li jistgħu jherru lis-sesswalità tagħhom. Iż-żgħażagħ għandu jkollhom l-opportunità jintebħu li dawn huma bumbardament ta’ messaġġi li mhumiex ifittxu l-ġid u l-maturità tagħhom. Irridu ngħinuhom jagħrfu u jfittxu influwenzi pożittivi, waqt li fl-istess ħin iżommu bogħod minn dak kollu li ma jħallihomx iħobbu kif imiss. Bl-istess mod, irridu naċċettaw li “l-bżonn ta’ lingwaġġ ġdid u iżjed adegwat jidher qabelxejn meta niġu biex nintroduċu lit-tfal u l-adolexxenti għat-tema tas-sesswalità”.[302]

 

282. Għandha valur għoli qatigħ dik l-edukazzjoni sesswali li tħares ċertu sens san ta’ pudur, anki jekk illum din ħafna jarawha bħala ħaġa ta’ dari. Hi difiża naturali tal-persuna li tipproteġi l-interjorità tagħha u tevita li tinbidel biss f’oġġett. Mingħajr il-pudur, nistgħu nirriduċu l-imħabba u s-sesswalità għal ossessjonijiet li bihom induru biss mal-ġenitalità, ma’ fissazzjonijiet li jgħawġu l-ħila tagħna li nħobbu u ma’ diversi għamliet ta’ vjolenza sesswali li bihom ma nibqgħux nittrattaw lilna nfusna ta’ bnedmin jew nispiċċaw nagħmlu ħsara lill-oħrajn.

 

283. Spiss l-edukazzjoni sesswali tikkonċentra fuq l-istedina biex “nipproteġu ruħna”, infittxu “sess sikur”. Dawn l-espressjonijiet jittrasmettu atteġġjament negattiv lejn l-għan naturali prokreattiv tas-sesswalità, bħallikieku jekk eventwalment kellu jiġi wild, dan kien ikun xi għadu li jeħtieġ inħarsu ruħna minnu. Hekk inkunu nippromovu l-aggressività narċisista flok il-kultura tal-laqgħa. Hi irresponsabbli kull stedina lill-adolexxenti biex jilagħbu ma’ ġisimhom u max-xewqat tagħhom, daqslikieku kellhom il-maturità, il-valuri, l-impenn reċiproku u l-għanijiet proprji taż-żwieġ. Hekk inkunu qed ninkuraġġuhom bla problema ta’ xejn biex jinqdew bil-persuna l-oħra bħala oġġett ta’ esperjenzi biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet u l-limiti kbar li jkollhom f’dik l-età. Minflok, importanti nedukawhom f’mixja dwar id-diversi espressjonijiet ta’ mħabba, dwar l-għożża reċiproka, dwar il-ħlewwa kollha rispett, dwar il-komunikazzjoni bis-sens. Fil-fatt, dan kollu jħejji lil uliedna biex ikunu lesti jagħtu lilhom infushom b’mod sħiħ u ġeneruż li, wara impenn pubbliku, jesprimi ruħu wkoll fl-għotja ta’ ġisimhom. Ir-rabta sesswali fiż-żwieġ hekk tidher tassew bħala sinjal ta’ impenn sħiħ, li jissokta jistagħna mill-mixja li tkun saret qabel.

 

284. Ma għandniex inqarrqu biż-żgħażagħ billi nħawdulhom il-livelli: il-ġibda “toħloq, għal dak il-ħin, illużjoni ta’ rabta, meta mingħajr imħabba din ir-‘rabta’ tħalli warajha żewġ persuni barranin u mifruda bħalma kienu qabel”.[303] Il-lingwaġġ tal-ġisem jitlob it-taħriġ kollu sabar li bih nistgħu ninterpretaw u nedukaw ix-xewqat tagħna ħalli nkunu nistgħu tabilħaqq ningħataw għal xulxin. Meta nippretendu li nistgħu nagħtu kollox f’salt, jista’ jiġri li nibqgħu ma nagħtu xejn. Mod nifhmu d-dgħufija tal-età jew id-dubju tagħha, mod ieħor inħeġġu lill-adolexxenti jibqgħu immaturi fl-imħabba. Imma llum min qed jitkellem fuq dawn il-ħwejjeġ? Min hu kapaċi jieħu liż-żgħażagħ bis-serjetà? Min qed jgħinhom jitħejjew serjament għal imħabba kbira u ġeneruża? L-edukazzjoni sesswali m’aħniex neħduha biżżejjed bis-serjetà.

 

285. L-edukazzjoni sesswali għandha tiġbor fiha wkoll ir-rispett u l-istima ta’ min hu differenti, għax dan juri lil kull wieħed u waħda li hu possibbli jegħlbu l-għeluq tal-limiti tagħhom biex jinfetħu għall-aċċettazzjoni tal-ieħor. Lil hemm mid-diffikultajiet li kulħadd jista’ jgħaddi minnhom u li huma ħaġa li tifhimha, irridu ngħinu lil dak li jkun jaċċetta ġismu hekk kif ġie maħluq, għax “loġika ta’ ħakma fuq ġisimna tinbidel f’loġika kultant sottili ta’ ħakma fuq il-ħolqien […]. Napprezzaw ukoll ġisimna fil-femminilità jew maskulinità tiegħu, għax dan hu meħtieġ biex nistgħu nagħrfu lilna nfusna fil-laqgħa tagħna mal-oħrajn li huma differenti minna. Hekk isir possibbli naċċettaw bil-ferħ id-don speċifiku tal-ieħor u tal-oħra, opra ta’ Alla l-Ħallieq, u nistagħnew it-tnejn li aħna”.[304] Huwa biss jekk inwarrbu l-biża’ mid-differenza li nistgħu naslu biex ninħelsu mill-immanenza tal-jien tagħna u mill-faxxinu tagħna nfusna. L-edukazzjoni sesswali għandha tgħinna naċċettaw ġisimna, biex hekk il-persuna ma tippretendix li tista’ “teqred id-differenza sesswali għax m’għadhiex taf tikkonfronta ruħha magħha”.[305]

 

286. Lanqas nistgħu ninjoraw li f’dak li aħna u li nsiru bħala persuna, femminili jew maskili, m’hemmx biss aspetti bijoloġiċi jew ġenetiċi, imma anki bosta elementi li għandhom x’jaqsmu mat-temperament, mal-istorja tal-familja, mal-kultura, mal-esperjenzi li nkunu għexna, mal-formazzjoni li rċivejna, mal-influwenza tal-ħbieb, familjari u persuni li nammiraw, u ma’ ċirkustanzi konkreti oħra li jesiġu minna sforz ta’ adattament. Hu minnu li ma nistgħux nifirdu dak li hu maskili u femminili mill-opra maħluqa minn Alla, li ġiet qabel kull deċiżjoni u esperjenza tagħna u fejn hemm elementi bijoloġiċi li impossibbli ma nagħtux kashom. Imma hu minnu wkoll li l-maskil u l-femminil mhumiex xi ħaġa riġida. Għalhekk hu possibbli, ngħidu aħna, li l-mod tar-raġel miżżewweġ kif ikun maskili jista’ jadatta ruħu bi flessibbiltà għaċ-ċirkustanzi tax-xogħol ta’ martu. Li jieħu ħsieb il-qadi fid-dar jew ta’ xi aspetti tat-trobbija tal-ulied ma jagħmlux inqas maskili, lanqas hu falliment, jew ifisser li ċeda xi ħaġa minn tiegħu, inkella ħaġa li għandu jistħi minnha. Għandna ngħinu lit-tfal jaċċettaw bħala ħaġa normali dan il-“qsim” san bejn raġel u mara, li lill-figura tal-missier ma jneżżagħha mill-ebda dinjità. Ir-riġidità ssir esaġerazzjoni tal-maskil jew tal-femminil, u ma tedukax lit-tfal u liż-żgħażagħ għar-reċiproċità mlaħħma fiċ-ċirkustanzi reali taż-żwieġ. Din ir-riġidità, min-naħa tagħha, tista’ żżomm lura l-iżvilupp tal-ħiliet ta’ kull wieħed u waħda, sa tasal biex tqis ftit li xejn maskili li wieħed jiddedika ruħu għall-arti jew għaż-żfin u ftit li xejn femminili li waħda tkun f’pożizzjoni ta’ tmexxija. Għall-grazzja ta’ Alla, dan inbidel, imma f’xi postijiet ċerti kunċetti żbaljati għadhom jikkundizzjonaw il-libertà leġittima u jżommu l-iżvilupp awtentiku tal-identità konkreta tal-ulied u tal-potenzjal tagħhom.

 

Ngħaddu l-fidi

287. L-edukazzjoni tal-ulied għandha tkun imdawla minn mixja ta’ trasmissjoni tal-fidi, li l-istil tal-ħajja tal-lum jagħmilha iebsa, ibda mill-ħinijiet tax-xogħol, u spiċċa fil-kumplessità tad-dinja tal-lum, fejn ħafna, biex ilaħħqu mal-ħajja, għandhom ritmi frenetiċi.[306] Madankollu, il-familja għandha tkompli tkun l-imkien fejn wieħed jiġi mgħallem jifhem ir-raġunijiet u l-ġmiel tal-fidi, jitlob għall-proxxmu u jaqdih. Din il-mixja tibda bil-Magħmudija, li fiha, kif jgħid Santu Wistin, l-ommijiet li jġibu lil uliedhom “jikkoperaw fil-ħlas qaddis”.[307] Imbagħad tibda l-mixja li fiha wieħed jitrawwam f’dik il-ħajja ġdida. Il-fidi hi don ta’ Alla, milqugħ fil-Magħmudija, u mhix il-frott ta’ xi għemil tal-bniedem, imma l-ġenituri huma strument ta’ Alla biex din tikber u tiżviluppa. Għalhekk “kemm hi ħaġa sabiħa tara ommijiet jgħallmu lil uliedhom jixħtu bewsa lil Ġesù jew lill-Madonna! Kemm ħlewwa hemm f’dan! F’dak il-ħin il-qalb tat-tfal tinbidel fi mkien ta’ talb”.[308] It-trasmissjoni tal-fidi titlob li l-ġenituri jkunu diġà qed jgħixu l-esperjenza vera tal-fiduċja f’Alla, li jfittxuh, li jiġu bżonnu, għax b’dan il-mod biss “nisel lil nisel isebbaħ għemilek, u s-setgħa tiegħek ixandru” (Salm 145:4) u “l-missier jgħarraf lil uliedu l-fedeltà tiegħek” (Is 38:19). Dan jitlob minna li nsejħu lill-Ispirtu s-Santu biex jaħdem fil-qlub, hemm fejn ma nistgħux naslu aħna. Iż-żerriegħa tal-mustarda, hekk ċkejkna, issir siġra kbira (ara Mt 13:31-32), u hekk nistgħu nagħrfu kemm m’hemmx proporzjon bejn l-għemil u l-effett tiegħu. Ħa nkunu nafu hekk li aħna m’aħniex is-sidien tad-don li għandna, imma biss amministraturi attenti tiegħu. Madankollu t-tħabrik kreattiv tagħna hu sehem importanti li bih nikkollaboraw mal-inizjattiva ta’ Alla. Mela, “irridu nagħtu kas li nivvalurizzaw il-koppji, l-ommijiet u l-missirijiet, bħala suġġetti attivi tal-katekeżi […]. Hi ta’ għajnuna kbira l-katekeżi familjari, bħala metodu effikaċi biex tifforma lill-ġenituri żgħażagħ u biex tgħinhom jagħrfu l-missjoni tagħhom bħala evanġelizzaturi tal-istess familja tagħhom.[309]

 

288. L-edukazzjoni għall-fidi taf tadatta ruħha għal kull iben jew bint, għax l-għodda jew ir-riċetti qodma mhux dejjem ħa jaħdmu. It-tfal għandhom bżonn ta’ simboli, ta’ ġesti, ta’ rakkonti. L-adolexxenti soltu jidħlu fi kriżi mal-awtorità u man-normi, għalhekk irridu nistimulaw l-esperjenzi personali tagħhom ta’ fidi u noffrulhom xhieda mdawla li lejhom jinġibdu minħabba l-istess ġmiel tagħhom. Il-ġenituri li jixtiequ jsieħbu lil uliedhom fil-fidi tagħhom huma attenti għall-bidliet li jaraw iseħħu fihom, għax jafu li l-esperjenza spiritwali ma timponi qatt ruħha imma hi proposta quddiem il-libertà tagħhom. Hu fundamentali li l-ulied jaraw b’mod konkret li għall-ġenituri tagħhom it-talb hu tassew importanti. Għalhekk il-waqfiet ta’ talb fil-familja u l-espressjonijiet tad-devozzjoni popolari xi drabi jista’ jkollhom qawwa li jevanġelizzaw iktar mill-katekeżi u d-diskorsi kollha. Nixtieq nesprimi b’mod speċjali l-gratitudni tiegħi lejn l-ommijiet kollha li jitolbu bla waqfien, kif kienet tagħmel Santa Monika, għal uliedhom li tbiegħdu minn Kristu.

 

289. Li ngħaddu l-fidi lill-ulied, fis-sens li niffaċilitaw l-espressjoni tagħha u ngħinuhom jikbru fiha, jippermetti lill-familja li ssir hi stess evanġelizzatriċi, u li minn jeddha tibda tgħaddiha lil dawk kollha li jmissu magħha, anki ’l barra mill-istess ambjent tal-familja. L-ulied li jikbru f’familji missjunarji spiss isiru missjunarji huma, jekk il-ġenituri jagħrfu jgħixu dan id-dmir tagħhom b’mod li l-oħrajn iħossuhom qrib tagħhom u fi ħbiberija magħhom, u hekk l-ulied jikbru f’dan l-istil ta’ relazzjoni mad-dinja, bla ma jiċħdu l-fidi tagħhom jew il-konvinzjonijiet li telgħu bihom. Niftakru kif Ġesù nnifsu kien jiekol u jixrob mal-midinbin (ara Mk 2,16; Mt 11:19), ħassu komdu jieqaf jitkellem mal-mara Samaritana (ara Ġw 4:7-26), u jilqa’ għandu lil Nikodemu billejl (ara Ġw 3:1-21), ħalla lil prostituta tidliklu riġlejh (ara Lq 7:36-50), u ma tmeżmiżx imiss lill-morda (ara Mk 1:40-45; 7:33). L-istess għamlu l-Appostli tiegħu, li ma kinux persuni mneħirhom imxammar mal-oħrajn, magħluqa fi gruppi żgħar ta’ magħżulin, maqtugħin mill-ħajja tan-nies. Waqt li l-awtoritajiet kienu jippersegwitawhom, huma kienu jgawdu s-simpatija tal-poplu kollu (ara Atti 2:47; 4:21,33; 5:13).

 

290. “Il-familja hekk tissawwar bħala suġġett tal-azzjoni pastorali permezz tat-tħabbira espliċita tal-Evanġelju u l-wirt ta’ bosta xorta ta’ xhieda: is-solidarjetà mal-foqra, il-ftuħ għad-diversità tal-persuni, il-ħarsien tal-ħolqien, is-solidarjetà morali u materjali mal-familji l-oħra, fuq kollox dawk l-iżjed fil-bżonn, l-impenn b’riżq il-promozzjoni tal-ġid komuni anki permezz tat-tibdil fl-istrutturi soċjali inġusti, ibda mit-territorju li fih hi tgħix, meta tipprattika l-opri tal-ħniena li jmissu mal-ġisem u mar-ruħ”.[310] Dan irridu nħarsu lejh fil-qafas tal-konvinzjoni l-aktar għażiża tal-Insara: l-imħabba tal-Missier li tweżinna u fiha nikbru, li dehret fl-għotja sħiħa ta’ Ġesù, ħaj fostna, hi dik li tagħmilna kapaċi, magħqudin, inħabbtu wiċċna mal-irwiefen kollha u l-fażijiet kollha tal-ħajja. Anki fil-qalb ta’ kull familja jeħtieġ tidwi l-kerygma, f’kull ħin, f’waqtu u mhux, biex iddawwal il-mixja tagħha. Kollha għandna nkunu nistgħu ngħidu, frott il-ħajja li nkunu għexna fil-familji tagħna: “Aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha” (1 Ġw 4:16). Huwa biss jekk titlaq minn din l-esperjenza li l-pastorali tal-familja tista’ twassal biex il-familji jsiru Knejjes tad-dar u fl-istess ħin ħmira evanġelizzatriċi li ttella’ l-għaġna tas-soċjetà tagħna.


 

IT-TMIEN KAPITLU

INSIEĦBU, NIDDIXXERNU U NINTEGRAW LID-DGĦAJJEF

 

291. Il-Padri Sinodali saħqu li, minkejja li l-Knisja żżomm li kull tifrika tar-rabta taż-żwieġ “hi kontra r-rieda ta’ Alla, taf ukoll bid-dgħufija ta’ ħafna minn uliedha”.[311] Imdawla mill-ħarsa ta’ Kristu, “il-Knisja ddur bi mħabba fuq dawk kollha li mhux qed jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tagħha, għax tagħraf li l-grazzja ta’ Alla taħdem f’ħajjithom ukoll u tagħtihom il-kuraġġ biex iwettqu t-tajjeb, biex jieħdu ħsieb ta’ xulxin bi mħabba u jkunu ta’ servizz għall-komunità li fiha jgħixu u jaħdmu”.[312] Min-naħa l-oħra, din l-imġiba hi msaħħa aktar fid-dawl ta’ Sena Mqaddsa ddedikata lill-Ħniena. Anki jekk dejjem tipproponi l-perfezzjoni u tistieden għal tweġiba iżjed sħiħa lil Alla, “il-Knisja għandha ssieħeb b’attenzjoni u għożża lil uliedha l-aktar dgħajfa, milquta minn imħabba miġruħa u mifnija, u tagħtihom lura l-fiduċja u t-tama, bħad-dawl tal-fanal ta’ port jew ta’ musbieħ mixgħul f’nofs in-nies biex idawwal lil dawk li tilfu t-triq jew inqabdu f’nofs tempesta qalila”.[313] Ma ninsewx li spiss il-missjoni tal-Knisja tixbah lil dik ta’ sptar fuq kamp tal-battalja.

 

292. Iż-żwieġ Nisrani, mera tar-rabta bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, jitwettaq b’mod sħiħ fl-għaqda bejn raġel u mara, li jingħataw lil xulxin fi mħabba esklussiva u fil-fedeltà ħielsa, jibqgħu ta’ xulxin sal-mewt u miftuħa għat-trasmissjoni tal-ħajja, ikkonsagrati mis-sagrament li jsawwab fuqhom il-grazzja biex jinbnew bħala Knisja tad-dar u ħmira ta’ ħajja ġdida fis-soċjetà. Xorta oħra ta’ rabtiet huma radikalment kuntrarji għal dan l-ideal, waqt li xi wħud iwettquh biss f’parti minnu jew f’xebh. Il-Padri Sinodali saħqu li l-Knisja qatt ma tonqos li tagħraf il-valur ta’ dawk l-elementi li jikkostitwixxu dawk is-sitwazzjonijiet li għadhom ma jikkorrispondux jew m’għadhomx jikkorrispondu mat-tagħlim tagħha dwar iż-żwieġ.[314]

 

Il-gradwalità fil-pastorali

293. Il-Padri qiesu wkoll il-qagħda partikulari ta’ żwieġ ċivili biss jew, mhux mingħajr distinzjoni, anki ta’ sempliċi konvivenza fejn, “meta dik l-għaqda partikulari tilħaq ċerta stabbiltà permezz ta’ rabta pubblika, hi kkaratterizzata minn imħabba qawwija, tagħti responsabbiltà fil-konfront tal-ulied, u toffri l-kapaċità li jiġu ssuperati l-provi, allura nistgħu nħarsu lejha bħala okkażjoni ta’ akkumpanjament fl-iżvilupp lejn is-sagrament taż-żwieġ”.[315] Min-naħa l-oħra hu ta’ tħassib il-fatt li ħafna żgħażagħ illum m’għandhomx fiduċja fiż-żwieġ u jibqgħu jikkoabitaw u dejjem jipposponu għal iżjed tard l-impenn taż-żwieġ, waqt li oħrajn iġibu fi tmiemu l-impenn li jkunu ħadu u dlonk jidħlu f’ieħor ġdid. Dawk “li jagħmlu parti mill-Knisja, għandhom bżonn ta’ attenzjoni pastorali mimlija ħniena u kuraġġ”.[316] Fil-fatt, hu dmir tar-Ragħajja mhux biss li jippromovu ż-żwieġ Nisrani, imma anki li jagħmlu “d-dixxerniment pastorali tas-sitwazzjonijiet ta’ tant nies li m’għadhomx jgħixu iżjed din ir-realtà”, ħalli “nidħlu fi djalogu pastorali ma’ persuni bħal dawn biex nuruhom liema huma dawk l-aspetti ta’ ħajjithom li jistgħu jwasslu għal ftuħ ikbar għall-Evanġelju taż-żwieġ fil-milja tiegħu”.[317] Fid-dixxerniment pastorali jixraq li “jidentifikaw elementi li jistgħu jiffavorixxu l-evanġelizzazzjoni u l-maturità umana u spiritwali”.[318]

 

294. “L-għażla taż-żwieġ ċivili jew, f’bosta każi, tas-sempliċi konvivenza, spiss mhix immotivata minn preġudizzji jew reżistenzi għall-għaqda sagramentali, imma minn sitwazzjonijiet kulturali jew kontinġenti”.[319] F’dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jingħataw il-valur li jixirqilhom dawn is-sinjali ta’ mħabba li b’xi mod jirriflettu l-imħabba ta’ Alla.[320] Nafu li “qed jiżdied l-għadd ta’ dawk li wara li jkunu għexu flimkien għal żmien twil, jitolbu li jiċċelebraw iż-żwieġ tagħhom fil-Knisja. L-għażla ta’ sempliċi konvivenza spiss hi frott tal-mentalità ġenerali li teħodha kontra l-istituzzjonijiet u l-impenji defenittivi, imma anki għax wieħed jibqa’ jistenna aktar ċertezza fil-ħajja (xogħol jew paga fissa). Fl-aħħar nett, f’pajjiżi oħra, l-unjonijiet de facto huma ħafna fl-għadd, mhux biss għax qed jitwarrbu l-valuri tal-familja u taż-żwieġ, imma fuq kollox għax il-fatt li tiżżewweġ hu meqjus lussu, minħabba fil-kundizzjonijiet soċjali, hekk li l-miżerja materjali twassalhom biex jgħixu f’unjonijiet de facto.[321] Madankollu, “dawn is-sitwazzjonijiet kollha għandna naffrontawhom b’mod kostruttiv, u nippruvaw nibdluhom f’opportunitajiet ta’ mixja lejn il-milja taż-żwieġ u tal-familja fid-dawl tal-Evanġelju. Irridu nilqgħuhom u nakkumpanjawhom b’sabar u delikatezza”.[322] Dan hu li għamel Ġesù mas-Samaritana (ara Ġw 4:1-26): kellu kelma għax-xenqa tagħha għal imħabba vera, biex ħelisha minn dak kollu li kien qed idallmilha ħajjitha u wrieha t-triq għall-ferħ sħiħ tal-Evanġelju.

 

295. F’din il-linja, San Ġwanni Pawlu II jipproponi l-hekk imsejħa “liġi tal-gradwalità”, għax jaf li l-bniedem “jagħraf, iħobb u jagħmel il-ġid morali huwa u jikber”.[323] Mhix “gradwalità tal-liġi”, imma gradwalità fit-taħriġ prudenti tal-għemejjel ħielsa f’persuni li mhumiex f’qagħda li jistgħu jifhmu, japprezzaw jew jipprattikaw b’mod sħiħ l-esiġenzi oġġettivi tal-liġi. Għax anki l-liġi hi don ta’ Alla li juri t-triq, don għal kulħadd bla eċċezzjoni li nistgħu ngħixu bil-qawwa tal-grazzja, imqar jekk f’kull bniedem “jiżviluppa ruħu proċess dejjem sejjer ’il quddiem li jfittex idaħħal bil-mod il-mod fil-ħajja personali u soċjali kollha kemm hi tal-bniedem kulma jagħti Alla u kulma titlob imħabba sħiħa u kbira”.[324]

 

Id-dixxerniment tal-qagħdiet hekk imsejħa “irregolari”[325]

296. Is-Sinodu tkellem dwar bosta qagħdiet ta’ dgħufija jew ta’ imperfezzjoni. Hawn nixtieq infakkar dak li ridt nipproponi b’mod ċar lill-Knisja kollha biex ma jiġrilniex li naqbdu triq b’oħra: “Hemm żewġ xorta ta’ loġika li jterrqu tul l-istorja kollha tal-Knisja: jew twarrab jew tintegra mill-ġdid […]. It-triq tal-Knisja, mill-Konċilju ta’ Ġerusalemm ’il quddiem, dejjem kienet dik ta’ Ġesù: dik tal-ħniena u tal-integrazzjoni […]. It-triq tal-Knisja hi dik li ma tikkundanna qatt lil ħadd għal dejjem; li xxerred il-ħniena ta’ Alla fuq dawk kollha li jfittxuha b’qalb sinċiera […]. Għax il-vera mħabba dejjem tingħata mingħajr il-merti ta’ dak li jkun, bla ebda kundizzjonijiet jew ħlas![326] Għalhekk, għandna nevitaw ġudizzji li jinjoraw il-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet, u jeħtieġ inkunu attenti għall-mod kif il-persuni qed jgħixu u jbatu minħabba fil-qagħda tagħhom”.[327]

 

297. Għandna nintegraw lil kulħadd, u lil kulħadd irridu ngħinu jsib il-mod tiegħu kif jieħu sehem fil-komunità ekkleżjali, biex iħossu hu wkoll oġġett ta’ ħniena li hu jirċievi “bla merti, bla kundizzjonijiet u bla ħlas”. Ħadd mhu kkundannat għal dejjem, għax din mhix il-loġika tal-Evanġelju! M’iniex ngħid biss għad-divorzjati li qegħdin f’rabta ġdida, imma għal kulħadd, f’kull qagħda li fiha jinsab. Bla dubju, jekk xi ħadd jiddandan bi dnub oġġettiv bħallikieku kien parti mill-ideal Nisrani, jew irid jimponi xi ħaġa differenti minn dak li tgħallem il-Knisja, ma jistax jippretendi li jagħmel katekeżi jew jipprietka, u f’dan is-sens hemm xi ħaġa li taqtgħu mill-komunità (ara Mt 18:17). Għandu bżonn jisma’ mill-ġdid it-tħabbira tal-Evanġelju u l-istedina għall-konverżjoni. Imma mqar għal din il-persuna jista’ jkun hemm xi mod kif tieħu sehem fil-ħajja tal-komunità: fil-ħidmiet soċjali, fil-laqgħat ta’ talb, jew skont dak li l-inizjattiva personali tiegħu, flimkien mad-dixxerniment tar-Ragħaj, tista’ tissuġġerilu. Dwar kif għandna nġibu ruħna mad-diversi qagħdiet imsejħa “irregolari”, il-Padri Sinodali laħqu qbil ġenerali, li jiena nikkonferma: “Biex ikollha din l-attitudni pastorali mal-persuni li daħlu fi żwieġ ċivili, li huma divorzjati u miżżewġa mill-ġdid, jew li sempliċement qed jikkoabitaw, il-Knisja għandha turihom il-pedagoġija divina tal-grazzja li taħdem f’ħajjithom u tgħinhom jilħqu l-milja tal-pjan ta’ Alla għalihom”,[328] ħaġa li hi dejjem possibbli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

298. Ngħidu aħna, id-divorzjati li qegħdin f’rabta ġdida jistgħu jsibu ruħhom f’qagħdiet differenti ħafna minn xulxin, li ma jistgħux jiġu kkatalogati jew magħluqa f’affermazzjonijiet riġidi żżejjed bla ma nagħtu lok għal dixxerniment personali u pastorali xieraq. Mod ikollok it-tieni rabta msaħħa biż-żmien, b’ulied ġodda, b’fedeltà mġarrba, b’għotja ġeneruża, b’impenn Nisrani, għarfien tal-irregolarità tal-qagħda li jkunu fiha u diffikultà kbira biex wieħed jerġa’ lura mingħajr ma jħoss fil-kuxjenza li se jerġa’ jaqa’ fi ħtija ġdida. Il-Knisja tagħraf dawk is-sitwazzjonijiet fejn “ir-raġel u l-mara, […] għal raġunijiet serji – bħalma hi, l-edukazzjoni tat-tfal – ma jistgħux jinfirdu minn xulxin”.[329] Hemm anki l-każi ta’ dawk li għamlu sforzi kbar biex isalvaw l-ewwel żwieġ u ġew inġustament abbandunati, jew anki ta’ “dawk li fittxew żwieġ ieħor minħabba l-edukazzjoni ta’ wliedhom, u xi kultant huma konvinti, fil-kuxjenza tagħhom, li ż-żwieġ ta’ qabel, imfarrak għalkollox, qatt ma kien validu”.[330] Mod ieħor, mill-banda l-oħra, ikollok rabta ġdida ġejja minn divorzju riċenti, bil-konsegwenzi kollha ta’ tbatija u konfużjoni li jolqtu lill-ulied u lil familji sħaħ, jew il-qagħda ta’ xi ħadd li ripetutement naqas mid-dmirijiet tiegħu lejn il-familja. Għandu jkun ċar li dan mhuwiex l-ideal li l-Evanġelju jipproponi għaż-żwieġ u l-familja. Il-Padri Sinodali saħqu li d-dixxerniment tar-Ragħajja għandu dejjem “jagħmel distinzjoni xierqa”,[331] b’ħarsa li tgħarbel tajjeb kull sitwazzjoni.[332] Nafu li ma jeżistux “riċetti sempliċi”.[333]

 

299. Nilqa’ r-riflessjonijiet ta’ bosta Padri Sinodali, li riedu jisħqu li “l-imgħammdin li huma divorzjati u reġgħu żżewġu ċivilment għandhom jiġu integrati iżjed fil-komunitajiet Insara bid-diversi modi possibbli, waqt li nevitaw kull okkażjoni ta’ skandlu. Il-loġika tal-integrazzjoni hi l-muftieħ tat-tisħib pastorali tagħhom, biex mhux biss jagħrfu li huma jagħmlu parti mill-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja, imma li jistgħu wkoll jagħmlu esperjenza hienja u għammiela fi ħdanha. Huma mgħammdin, huma aħwa, l-Ispirtu s-Santu jsawwab fuqhom id-doni u kariżmi għall-ġid ta’ kulħadd. Sehemhom jista’ jesprimi ruħu f’diversi servizzi ekkleżjali: għalhekk għandna niddixxernu liema mid-diversi xejriet ta’ esklużjoni li qed jiġu pprattikati bħalissa fil-qasam liturġiku, pastorali, edukattiv u istituzzjonali jistgħu jitwarrbu. Huma mhux biss m’għandhomx iħossuhom skomunikati, imma jistgħu jgħixu u jimmaturaw bħala membri ħajjin tal-Knisja, u jħossuha bħala omm li dejjem tilqagħhom, tieħu ħsieb tagħhom bi mħabba, u tagħmlilhom il-qalb fil-mixja tal-ħajja u tal-Evanġelju. Din l-integrazzjoni hi meħtieġa wkoll għall-għożża u l-edukazzjoni Nisranija ta’ wliedhom, li għandhom jitqiesu l-iżjed importanti”.[334]

 

300. Jekk inqisu l-firxa bla qies ta’ sitwazzjonijiet konkreti, bħal dawk li semmejna hawn, nifhmu li ma nistgħux nistennew mis-Sinodu u minn din l-Eżortazzjoni xi norma ġenerali ġdida ta’ bixra kanonika, li tapplika għall-każi kollha. Nistgħu biss noffru tħeġġiġa ġdida għal dixxerniment responsabbli personali u pastorali tal-każi partikulari, li għandu jagħraf li, billi “l-grad ta’ responsabbiltà mhuwiex l-istess f’kull każ”,[335] il-konsegwenzi u l-effetti ta’ norma mhux bilfors għandhom ikunu dejjem l-istess.[336] Hu fid-dmir tal-presbiteri li “jsieħbu lill-persuni interessati fit-triq tad-dixxerniment skont it-tagħlim tal-Knisja u l-orjentamenti li jagħti l-Isqof. F’dan il-proċess jiswa li jagħmlu eżami tal-kuxjenza, b’mumenti ta’ riflessjoni u ta’ sogħba. Id-divorzjati li reġgħu żżewġu għandhom jistaqsu lilhom infushom kif ġabu ruħhom ma’ wliedhom meta l-għaqda konjugali tagħhom daħlet fi kriżi; jekk kienx hemm tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni; x’inhi l-qagħda tal-parti l-oħra abbandunata; x’konsegwenzi għandha r-relazzjoni ġdida fuq il-bqija tal-familja u l-komunità tal-fidili; x’eżempju qed jagħtu liż-żgħażagħ li qed jitħejjew għaż-żwieġ. Riflessjoni sinċiera tista’ ssaħħaħ il-fiduċja fil-ħniena ta’ Alla li qatt ma tiġi miċħuda lil ħadd”.[337] Qed nitkellmu dwar mixja ta’ tisħib u ta’ dixxerniment li “torjenta lil dawn il-fidili biex jagħrfu fil-kuxjenza tagħhom u quddiem Alla l-qagħda li jinsabu fiha. Il-kollokju mas-saċerdot, fil-foro interno, jgħin biex jissawwar ġudizzju korrett fuq dak li qed ixekkel il-possibbiltà ta’ sehem iżjed sħiħ fil-ħajja tal-Knisja u fuq il-passi li jistgħu jqarrbu lejha u jgħinuha tikber. Billi fl-istess liġi m’hemmx gradwalità (ara Familiaris consortio, 34), dan id-dixxerniment ma jista’ qatt iwarrab l-esiġenzi tal-verità u tal-imħabba tal-Evanġelju proposti mill-Knisja. Biex dan iseħħ, iridu jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa ta’ umiltà, diskrezzjoni, imħabba lejn il-Knisja u t-tagħlim tagħha, fit-tiftixa sinċiera tar-rieda ta’ Alla u fix-xewqa li wieħed jasal għal tweġiba iżjed perfetta għaliha”.[338] Dawn l-atteġġjamenti huma fundamentali biex naħarbu r-riskju serju li jintbagħtu l-messaġġi żbaljati, bħall-idea li xi saċerdot jista’ malajr jikkonċedi eċċezzjonijiet”, jew li jeżistu nies li jistgħu jiksbu privileġġi sagramentali bi ħlas għal xi favur li jkunu għamlu. Meta ssib persuna responsabbli u diskreta, li ma tippretendix li tqiegħed ix-xewqat tagħha ’l fuq mill-ġid komuni tal-Knisja, flimkien ma’ Ragħaj li jaf jagħraf is-serjetà tal-kwistjoni li jkun qed jittratta, jiġi evitat ir-riskju li xi dixxerniment partikulari jagħti lil xi ħadd x’jaħseb li l-Knisja qed timxi b’morali doppja.

 

Iċ-ċirkustanzi attenwanti f’dixxerniment pastorali

301. Biex nifhmu aħjar għaliex hemm bżonn dixxerniment speċjali f’ċerti sitwazzjonijiet imsejħa “irregolari”, hemm kwistjoni li dejjem irridu nagħtu kasha, waqt li nżommu f’moħħna li qatt ma nistgħu nfaqqru dak li qed jitlob minna l-Evanġelju. Il-Knisja twettaq riflessjoni soda fuq il-kundizzjonamenti u ċ-ċirkustanzi attenwanti li jnaqqsu mill-gravità tal-azzjoni. Għalhekk ma nistgħux ngħidu li dawk kollha li jinsabu f’qagħda hekk imsejħa “irregolari” qed jgħixu fl-istat tad-dnub il-mejjet, imċaħħda mill-grazzja li tqaddes. Il-limiti ma jiddipendux biss mill-injoranza tan-norma. Suġġett ta’ azzjoni, anki jekk ikun jaf sewwa n-norma, jista’ jsibha bi tqilha qatigħ biex jifhem “il-valuri stess ta’ din ir-regola morali”[339] jew jista’ jsib ruħu f’qagħdiet konkreti li ma jħalluhx jaġixxi b’mod differenti u li jieħu deċiżjonijiet oħrajn mingħajr ma jaqa’ fi ħtija ġdida. Kif esprimew ruħhom tajjeb il-Padri Sinodali, “jista’ jkun hemm fatturi li jillimitaw il-ħila ta’ deċiżjoni”.[340] San Tumas ta’ Aquino diġà kien għaraf li xi ħadd jista’ jkollu l-grazzja u l-imħabba, imma mingħajr ma jista’ jħaddem tajjeb waħda mill-virtujiet,[341] hekk li mqar jekk għandu l-virtujiet morali kollha msawbin fuqu, ma jirnexxilux juri ċar l-eżistenza ta’ xi waħda minnhom, għax isibha bi tqilha biex jaġixxi esternament b’dik il-virtù: “Jingħad li xi qaddisin m’għandhomx ċerti virtujiet, ladarba jsibuha bi tqila jwettqu l-għemejjel tagħhom, […] imqar jekk għandhom id-drawwa tal-virtujiet kollha”.[342]

 

302. Dwar dawn il-kundizzjonamenti l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jesprimi ruħu b’mod ċar ħafna: “Il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ xi għemil jistgħu jonqsu jew jispiċċaw għalkollox minħabba l-injoranza, in-nuqqas ta’ attenzjoni, il-vjolenza, il-biża’, id-drawwiet, ir-rabtiet ta’ mħabba bla rażan, u fatturi oħra psikiċi jew soċjali”.[343] F’paragrafu ieħor jirriferi mill-ġdid għaċ-ċirkustanzi li jnaqqsu mir-responsabbiltà morali, u jsemmi fit-tul l-immaturità affettiva, is-saħħa li għandhom id-drawwiet li ndraw, l-istat ta’ qtigħ il-qalb, u fatturi oħra psikiċi u soċjali.[344] Għal din ir-raġuni, ġudizzju negattiv fuq sitwazzjoni oġġettiva ma jimplikax ġudizzju fuq ir-responsabbiltà jew il-ħtija tal-persuna involuta.[345] Fid-dawl ta’ dawn il-konvinzjonijiet, nemmen li hu f’postu ħafna dak li riedu jagħfsu fuqu ħafna Padri Sinodali: “F’xi ċirkustanzi partikulari l-persuni jsibuha bi tqila ħafna li jaġixxu mod ieħor. […] Id-dixxerniment pastorali, waqt li jżomm f’moħħu wkoll il-kuxjenza ffurmata tajjeb tal-persuni, għandu jagħti kas ta’ dawn is-sitwazzjonijiet. Lanqas il-konsegwenzi tal-atti magħmula mhuma neċessarjament l-istess fil-każi kollha.[346]

 

303. Waqt li nagħrfu l-piż li għandhom il-kundizzjonamenti konkreti, nistgħu nżidu li l-kuxjenza tal-persuni għandu jkollha sehem akbar fil-prassi tal-Knisja f’ċerti sitwazzjonijiet li ma jwettqux oġġettivament dak li aħna nifhmu bi żwieġ. Naturalment għandna dejjem inħeġġu l-formazzjoni ta’ kuxjenza mdawla, iffurmata u msieħba mid-dixxerniment responsabbli u serju tar-Ragħaj, u nipproponu fiduċja dejjem akbar fil-grazzja. Imma din il-kuxjenza tista’ tagħraf mhux biss li hemm qagħda li mhix twieġeb oġġettivament għall-proposta ġenerali tal-Evanġelju; tista’ tagħraf ukoll b’sinċerità u onestà dik li għall-mument ta’ issa hi t-tweġiba ġeneruża li tista’ toffri lil Alla, u tiskopri b’xi ċertezza morali li dik hi l-għotja li Alla nnifsu qed jitlob minnha qalb il-kumplessità konkreta tal-limiti, anki jekk dan għadu mhux l-ideal oġġettiv sħiħ. Hu x’inhu, infakkru li dan id-dixxerniment hu dinamiku u għandu jibqa’ dejjem miftuħ għal passi ġodda li fihom wieħed jikber u jieħu deċiżjonijiet ġodda li bihom jista’ jilħaq l-ideal b’mod iżjed sħiħ.

 

In-normi u d-dixxerniment

304. Inkunu qed infaqqru wisq id-diskors tagħna meta noqogħdu nqisu biss jekk l-aġir ta’ persuna hux iwieġeb jew le għal liġi jew għal norma ġenerali, għax dan mhux biżżejjed biex nistgħu niddixxernu u niżguraw fedeltà sħiħa lejn Alla fil-ħajja konkreta tal-bniedem. Nitlob bil-ħrara li niftakru dejjem f’dak li jgħallimna San Tumas ta’ Aquino u li nitgħallmu nagħmluh tagħna fid-dixxerniment pastorali: “Minkejja li fil-ħwejjeġ ġenerali hemm ċerta neċessità, aktar ma wieħed jinżel fil-ħwejjeġ partikulari, aktar isib indeterminazzjoni. […] Fil-qasam prattiku mhijiex l-istess għal kulħadd il-verità jew in-norma prattika f’relazzjoni mal-partikulari, imma biss f’relazzjoni ma’ dak li hu ġenerali; u anki fost dawk li jaċċettaw l-istess norma prattika għall-każijiet partikulari, din mhijiex magħrufa l-istess minn kulħadd. […] U aktar ma tinżel fil-partikular, aktar tikber l-indeterminazzjoni”.[347] Hu minnu li n-normi ġenerali jippreżentaw ġid li qatt m’għandna nwarrbu jew nittraskuraw, imma fil-formulazzjoni tiegħu ma jistgħux iħaddnu għalkollox il-qagħdiet partikulari kollha. Fl-istess ħin irridu ngħidu li, proprju għal din ir-raġuni, dak li jagħmel parti minn dixxerniment prattiku quddiem sitwazzjoni partikulari ma jistax jitgħolla għal-livell ta’ norma. Dan mhux biss jagħti lok għal każistika insapportabbli, imma jispiċċa jqiegħed f’riskju l-valuri li għandna nħarsu b’tant reqqa.[348]

 

305. Għalhekk, Ragħaj ma jistax iħossu sodisfatt biss li qed iħaddem il-liġijiet morali ma’ dawk li qegħdin jgħixu f’sitwazzjonijiet “irregolari”, bħallikieku kienu ġebliet biex jitwaddbu kontra l-ħajjiet tan-nies. Dawn huma qlub magħluqa, li spiss jistaħbew saħansitra wara t-tagħlim tal-Knisja “biex ipoġġu fuq il-katedra ta’ Mosè u jagħmlu ħaqq, xi drabi b’superjorità u superfiċjalità, mill-każijiet diffiċli u l-familji midruba”.[349] F’din l-istess linja tkellmet il-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali: “Għalhekk il-liġi naturali ma tistax tiġi ppreżentata bħala ġabra diġà lesta ta’ regoli imposti a priori fuq is-suġġett morali, imma hi għajn li b’mod oġġettiv tnebbaħ il-proċess, qabelxejn personali, tat-teħid ta’ deċiżjoni”.[350] Minħabba fil-kundizzjonamenti jew aspetti li jnaqqsu l-gravità, hu għalhekk possibbli li, f’qagħda oġġettiva ta’ dnub – li mhix suġġettivament ħatja jew li mhijiex ħatja għalkollox – wieħed jista’ jgħix fil-grazzja ta’ Alla, jista’ jħobb, u jista’ wkoll jikber fil-ħajja tal-grazzja u tal-imħabba, u għal dan il-għan jirċievi l-għajnuna tal-Knisja.[351] Id-dixxerniment għandu jgħinna nsibu t-toroq miftuħa quddiemna biex nagħtu tweġiba lil Alla u nikbru permezz tal-limiti tagħna. Meta nemmnu li kollox hu abjad jew iswed, xi drabi nkunu nagħlqu t-triq għall-grazzja li minnha l-bniedem irid jgħaddi biex jikber, u naqtgħu qalb dawk li jridu jagħmlu mixjiet ta’ qdusija li jagħtu glorja lil Alla. Niftakru li “pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti”.[352] Il-pastorali konkreta tal-ministri u tal-komunitajiet ma tistax tibqa’ lura milli tagħmel tagħha din ir-realtà.

 

306. F’kull ċirkustanza, quddiem dawk li qed isibuha bi tqila biex jgħixu b’mod sħiħ il-liġi divina, għandha tidwi l-istedina biex interrqu l-via caritatis. L-imħabba tal-aħwa hi l-ewwel liġi tal-Insara (ara Ġw 15:12; Gal 5:14). Ma ninsewx il-wegħda tal-Iskrittura: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet” (1 Pt 4:8); “infatam minn ħtijietek b’għemejjel tajba, u minn ħżunitek, billi tħenn għall-imsejknin” (Dan 4:24); “l-ilma jitfi nar iħeġġeġ, u l-karità tagħmel tajjeb għad-dnubiet” (Sir 3:30). U anki dak li jgħallem Santu Wistin: “Kif, mela, fil-periklu ta’ ħruq, inħaffu nfittxu l-ilma biex nitfuh, […] bl-istess mod, jekk minn qalb il-qatet tat-tiben tagħna tfiġġ il-fjamma tad-dnub u din il-ħaġa ddejjaqna, malli tiġi quddiemna okkażjoni ta’ opra ta’ ħniena, nifirħu biha bħallikieku kienet għajn ta’ ilma li qed joffrulna biex nistgħu nitfu n-nirien”.[353]

 

Il-loġika tal-ħniena pastorali

307. Biex nevitaw kull interpretazzjoni żbaljata, infakkar li bl-ebda mod il-Knisja m’għandha żżomm lura milli tipproponi l-ideal sħiħ taż-żwieġ, il-pjan ta’ Alla fil-kobor sħiħ tiegħu: “Iż-żgħażagħ mgħammdin għandna nqawwulhom qalbhom biex ma jibżgħux quddiem l-għana li s-sagrament taż-żwieġ kapaċi jagħti lill-pjanijiet tagħhom, imsaħħin mill-qawwa li jirċievu mill-grazzja ta’ Kristu u mill-possibbiltà li jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tal-Knisja”.[354] Meta l-affarijiet isiru b’nofs qalb, kif ukoll kull għamla jew oħra ta’ relattiviżmu, jew li noqogħdu nqisu meta ħa nipproponuhom, dan ikun nuqqas ta’ fedeltà lejn l-Evanġelju u anki nuqqas ta’ mħabba min-naħa tal-Knisja lejn l-istess żgħażagħ. Li nifhmu s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali qatt ma jfisser li naħbu d-dawl tal-ideal iżjed sħiħ u lanqas li nipproponu xi ħaġa inqas minn dak li Ġesù qed joffri lill-bniedem. Illum, iżjed importanti minn pastorali ta’ fallimenti, hu l-isforz pastorali li rridu nagħmlu biex insaħħu ż-żwiġijiet u hekk inħarsuhom minn kull tifrik.

 

308. Minkejja dan, minn dan l-għarfien tagħna tal-piż taċ-ċirkustanzi attenwanti – psikoloġiċi, storiċi u anki bijoloġiċi – joħroġ li, “bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Evanġelju, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor”, u nħallu spazju għall-“ħniena tal-Mulej li jridna nagħmlu l-akbar ġid possibbli”.[355] Nifhimhom lil dawk li jippreferu pastorali iżjed riġida li ma tħallix lok għal xi għamla jew oħra ta’ konfużjoni. Imma sinċerament nemmen li Ġesù jrid Knisja attenta għall-ġid li l-Ispirtu jxerred qalb id-dgħufijiet tagħna: Omm li, waqt li tesprimi ċar it-tagħlim oġġettiv tagħha, “qatt ma tgħid le għall-ġid li jista’ jsir, anzi lesta li tidħol għar-riskju li titħammeġ bit-tajn tat-triq”.[356] Ir-Ragħajja li jipproponu lill-fidili l-ideal sħiħ tal-Evanġelju u d-duttrina tal-Knisja, għandhom jgħinuhom ukoll jagħmlu tagħhom il-loġika tal-ħniena mal-persuni dgħajfa u jevitaw persekuzzjonijiet jew ġudizzji ħorox wisq jew bla sabar. L-Evanġelju stess jitlobna ma niġġudikawx u ma nikkundannawx (ara Mt 7:1; Lq 6:37). Ġesù “jistenna minna li ma noqogħdux infittxu dawk in-niċeċ ta’ kenn personali jew komunitarju li jżommuna mbegħdin minn fejn tħabbat il-qalb tat-tbatija umana, biex nistgħu naċċettaw tabilħaqq li nidħlu f’kuntatt mal-eżistenza konkreta tal-oħrajn u nagħrfu kemm hi kbira l-qawwa tal-ħlewwa. Meta nagħmlu dan, il-ħajja dejjem tikkumplika ruħha b’mod sabiħ”.[357]

 

309. Hu tassew providenzjali li dawn ir-riflessjonijiet qed nagħmluhom fid-dawl ta’ din is-Sena Mqaddsa ddedikata lill-Ħniena, għax anki quddiem l-iktar qagħdiet differenti li fihom tinsab il-familja, “il-Knisja għandha l-missjoni li xxandar il-ħniena ta’ Alla, il-qalb tħabbat tal-Evanġelju, li permezz tagħha trid tilħaq il-qalb u l-moħħ ta’ kull bniedem. L-Għarusa ta’ Kristu tagħmel tagħha l-imġiba tal-Iben ta’ Alla li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd mingħajr ma jħalli lil ħadd barra”.[358] Hi taf tajjeb li Ġesù nnifsu jidher bħala Ragħaj ta’ mitt nagħġa, u mhux ta’ disgħa u disgħin. Kollha jħobbhom. B’dan l-għarfien, hu possibbli li “jilħaq lil kulħadd, kemm dawk li jemmnu u kemm dawk li huma mbiegħda, il-balzmu tal-ħniena bħala sinjal tas-Saltna ta’ Alla li diġà tinsab fostna”.[359]

 

310. Ma rridux ninsew li “l-ħniena mhix biss l-għemil tal-Missier, imma ssir il-kriterju biex nistgħu nifhmu min huma l-ulied veri tiegħu. F’kelma waħda, aħna msejħin ngħixu bil-ħniena, għax qabelxejn kien magħna stess li ntweriet il-ħniena”.[360] Mhix xi proposta romantika jew tweġiba dgħajfa quddiem l-imħabba ta’ Alla, li dejjem trid terfa’ lill-bniedem, għax “il-fus li jwieżen il-ħajja tal-Knisja hu l-ħniena. L-azzjoni pastorali kollha tagħha għandha tkun imgeżwra fil-ħniena li biha hi ddur fuq dawk li jemmnu; xejn mit-tħabbira u mix-xhieda tagħha quddiem id-dinja m’għandu jkun nieqes mill-ħniena”.[361] Minnu li xi drabi “nġibu ruħna qisna konna aħna li qed nikkontrollaw il-grazzja u mhux bħala dawk li jiffaċilitawha. Imma l-Knisja mhix dwana, hi d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu”.[362]

 

311. It-tagħlim tat-teoloġija morali m’għandux jibqa’ lura milli jagħmel tiegħu dawn ir-riflessjonijiet, għax imqar jekk hu minnu li jeħtieġ ngħożżu l-integrità tat-tagħlim morali tal-Knisja, dejjem irridu nfittxu b’mod speċjali li nuru u ninkuraġġixxu l-valuri l-iżjed għolja u ċentrali tal-Evanġelju,[363] partikularment il-primat tal-karità bħala tweġiba għall-inizjattiva ħielsa tal-imħabba ta’ Alla. Xi drabi jiswielna ħafna li fil-pastorali tagħna nagħtu wisa’ lill-imħabba bla kundizzjonijiet ta’ Alla.[364] Tant nagħmlu kundizzjonamenti għall-ħniena, li nbattluha mit-tifsira konkreta tagħha u mis-sens veru tagħha, u dan hu l-agħar mod kif inkunu nġibu fix-xejn l-Evanġelju. Ngħidu aħna, hu minnu li l-ħniena ma tħallix barra l-ġustizzja u l-verità, imma qabelxejn irridu ngħidu li l-ħniena hi l-milja tal-ġustizzja u l-wirja l-iżjed imdawla tal-verità ta’ Alla. Għalhekk, dejjem għandna nqisu bħala “mhux f’loku kull kunċett teoloġiku li fl-aħħar mill-aħħar iqiegħed fid-dubju il-qawwa ta’ Alla li jista’ kollox, u b’mod partikulari l-ħniena tiegħu”.[365]

 

312. Dan jagħtina f’idejna kwadru u klima li jżommuna milli niżviluppaw morali kiesħa tal-iskrivanija meta niġu biex nittrattaw it-temi l-iżjed delikati, imma pjuttost iqegħduna fil-kuntest ta’ dixxerniment pastorali mimli mħabba ħanina, li dejjem issibha lesta tifhem, taħfer, issieħeb, tittama, u fuq kollox tintegra. Din hi l-loġika li għandha tirbaħ fil-Knisja, biex “nagħmlu l-esperjenza li niftħu qalbna għal dawk kollha li qed jgħixu fl-iżjed periferiji eżistenzjali differenti li jeżistu”.[366] Nistieden lill-fidili li qed jgħixu sitwazzjonijiet imqallba biex jersqu bil-fiduċja lejn kollokju mar-Ragħajja tagħhom u ma’ lajċi li ddedikaw ħajjithom lill-Mulej. Mhux dejjem se jsibu fihom konferma tal-ideat u tax-xewqat tagħhom, imma żgur sa jirċievu dawl li jgħinhom jifhmu aħjar dak li għaddejjin minnu u jkunu jistgħu jiskopru mixja ta’ maturità personali. U nistieden lir-Ragħajja jisimgħu bi mħabba u serenità, bix-xewqa sinċiera li jidħlu fil-qalba tad-dramma tal-persuni u jidħlu fiż-żarbun tagħhom, ħa jgħinuhom jgħixu aħjar u jagħrfu x’inhu posthom fil-Knisja.


 

ID-DISA’ KAPITLU

L-ISPIRITWALITÀ TAL-MIŻŻEWĠIN U TAL-FAMILJA

 

313. L-imħabba fiha ħafna sfumaturi, skont l-istat tal-ħajja li għalih kull wieħed u waħda ġie msejjaħ. Diġà għaxriet ta’ snin ilu, il-Konċilju Vatikan II, meta tkellem dwar l-appostolat tal-lajċi, xeħet dawl fuq l-ispiritwalità li tnixxi mill-ħajja tal-familja. Stqarr li l-ispiritwalità tal-lajċi “għandha tieħu wkoll karatteristika partikulari” mill-“istat taż-żwieġ u tal-familja”[367] u li t-tħassib li għandhom il-familji m’għandux ikun barrani għall-istil tal-ħajja spiritwali tagħhom.[368] Għalhekk jiswa li nieqfu fil-qosor infissru xi karatteristiċi fundamentali ta’ din l-ispiritwalità speċifika li tiżviluppa fid-dinamiżmu tar-relazzjonijiet tal-ħajja tal-familja.

 

Spiritwalità tal-komunjoni sopranaturali

314. Dejjem għidna li Alla jgħammar fil-qalb tal-persuna li tgħix fil-grazzja tiegħu. Illum nistgħu ngħidu wkoll li t-Trinità hi preżenti fit-tempju tal-komunjoni taż-żwieġ. Hekk kif tgħix fil-ġieħ li jagħtiha l-poplu tagħha (ara Salm 22:4), tgħix intimament fl-imħabba konjugali li ssebbaħha bil-glorja.

 

315. Il-preżenza tal-Mulej tgħammar fil-familja vera u konkreta, bit-tbatija, it-taqbid, il-ferħ u t-tamiet kollha tal-ħajja tagħha ta’ kuljum. Meta ngħixu fil-familja, hemm diffiċli nistaħbew jew nigdbu, ma nistgħux inxiddu maskri. Jekk hi l-imħabba li sseddaq din l-awtentiċità, il-Mulej jgħammar hemm bil-ferħ u s-sliem tiegħu. L-ispiritwalità tal-imħabba fil-familja hi msawra minn eluf ta’ ġesti reali u konkreti. F’din il-firxa ta’ doni u ta’ laqgħat li jkattru l-komunjoni, Alla jsib tabilħaqq l-għamara tiegħu. Din l-għotja xxierek flimkien “valuri divini u umani”,[369] għax hi mogħnija bl-imħabba ta’ Alla. Żgur li l-ispiritwalità taż-żwieġ hi spiritwalità ta’ rabta li fiha tgħammar l-imħabba divina.

 

316. Meta familja tgħix tajjeb il-komunjoni tagħha din hi tassew mixja ta’ qdusija fil-ħajja ta’ kuljum u ta’ formazzjoni mistika, mezz li jwassal għall-għaqda intima ma’ Alla. Fil-fatt, il-ħtiġijiet tal-aħwa u tal-komunità fil-ħajja tal-familja huma okkażjoni biex niftħu dejjem iżjed qalbna, u dan jagħmel possibbli laqgħa dejjem iżjed sħiħa mal-Mulej. Il-Kelma ta’ Alla tgħidilna li “min jobgħod ’il ħuh, jinsab fid-dlam” (1 Ġw 2:11), “jinsab fil-mewt” (1 Ġw 3:14) u “ma għarafx lil Alla” (1 Ġw 4:8). Il-predeċessur tiegħi Benedittu XVI kiteb li “għeluq l-għajnejn quddiem il-proxxmu jagħmilna wkoll għomja quddiem Alla”,[370] u li l-imħabba fl-aħħar mill-aħħar hi d-dawl waħdieni li “li jdawwal mill-ġdid dinja mdallma”.[371] Huwa biss “jekk inħobbu ’l xulxin [li] hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina” (1 Ġw 4:12). Billi “l-bniedem bħala persuna hu soċjali mill-istess natura tiegħu”[372] u “l-ewwel dehra, u dehra fundamentali, tan-natura soċjali tal-persuna tal-bniedem narawha fiż-żwieġ u l-familja”,[373] l-ispiritwalità titlaħħam fil-komunjoni tal-familja. Għalhekk, dawk li għandhom xewqat spiritwali profondi m’għandhomx iħossu li l-familja qed tbegħidhom milli jikbru fil-ħajja tal-Ispirtu, imma li hi mixja li l-Mulej jinqeda biha biex iwassalhom fil-quċċata tal-għaqda mistika.

 

Imxerkin fit-talb, għad-dawl tal-misteru tal-Għid

317. Jekk il-familja jirnexxilha tinġabar fi Kristu, hu jgħaqqad u jdawwal il-ħajja kollha tal-familja. It-tbatija u l-problemi tgħixhom f’xirka mas-Salib tal-Mulej, u t-tgħanniqa tagħha miegħu tgħinha ġġarrab l-agħar mumenti bis-sabar. Fil-jiem ta’ mrar tagħha l-familja tkun magħquda ma’ Ġesù abbandunat u hekk ma togħtorx. Il-familji jilħqu ftit ftit, “bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, il-qdusija tagħhom permezz tal-ħajja taż-żwieġ, billi jieħdu sehem ukoll fil-misteru tas-salib ta’ Kristu, li jibdel kull diffikultà u t-tbatijiet f’offerti ta’ mħabba”.[374] Min-naħa l-oħra, il-waqtiet ta’ ferħ, ta’ mistrieħ u ta’ ċelebrazzjoni, u anki s-sesswalità, tgħixhom bħala sehem fil-ħajja sħiħa tal-Qawmien tiegħu. Bil-ġesti tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum il-miżżewġin joħolqu dan l-“ispazju teologali fejn jistgħu jduqu l-preżenza mistika ta’ Kristu Rxoxt”.[375]

 

318. It-talb fil-familja hu mezz ipprivileġġjat biex hi tesprimi u ssaħħaħ din il-fidi tagħha fil-misteru tal-Għid.[376] Nistgħu nsibu ftit minuti kuljum biex ninġabru quddiem il-Mulej ħaj, ngħidulu x’inhu jħassibna, nitolbu għall-ħtiġijiet fil-familja, nitolbu għal xi ħadd li għaddej minn żmien ta’ taqtigħ il-qalb, nitolbuh l-għajnuna biex inkunu kapaċi nħobbu, irroddulu ħajr għall-ħajja li tana u għall-ħwejjeġ sbieħ, nitolbu lill-Verġni Mbierka tkenninna taħt il-mant tagħha ta’ omm. Fi kliem sempliċi, dan il-mument ta’ talb lill-familja jista’ jagħmlilha tant ġid. Id-diversi espressjonijiet ta’ devozzjoni popolari huma teżor ta’ spiritwalità għal ħafna familji. Il-mixja komunitarja ta’ talb tilħaq il-qofol tagħha fis-sehem komuni fl-Ewkaristija, fuq kollox fil-kuntest tal-mistrieħ tal-Ħadd. Ġesù jħabbat fuq il-bieb tal-familja biex magħha jaqsam l-Ikla Ewkaristika (ara Apk 3:20). Hemm, il-miżżewġin jistgħu dejjem jissiġillaw il-patt tal-Għid li bih intrabtu u li jirrifletti l-Patt li Alla ssiġilla mal-bnedmin fuq is-Salib.[377] L-Ewkaristija hi s-sagrament tal-Patt il-Ġdid li fih titwettaq l-azzjoni feddejja ta’ Kristu (ara Lq 22:20). Hekk nistgħu nilmħu r-rabtiet profondi li jeżistu bejn il-ħajja taż-żwieġ u l-Ewkaristija.[378] Meta nitrejqu bl-Ewkaristija, din tagħtina qawwa u enerġija biex ta’ kuljum ngħixu l-patt taż-żwieġ bħala “Knisja tad-dar”.[379]

 

Spiritwalità tal-imħabba esklussiva u ħielsa

319. Fiż-żwieġ ngħixu wkoll is-sens ta’ appartenenza sħiħa għal persuna waħda. L-għarajjes jidħlu għall-isfida u x-xenqa li jixjieħu u jitwaħħdu flimkien sal-aħħar u hekk jirriflettu l-fedeltà ta’ Alla. Din id-deċiżjoni sħiħa, li tagħti stil ta’ ħajja, hi “ħaġa mitluba mill-istess natura tal-patt ta’ mħabba bejn il-miżżewġin”,[380] għax “min ma jiddeċidix li jħobb għal dejjem, qajla jista’ jħobb b’sinċerità mqar għal ġurnata waħda”.[381] Imma dan ma kienx ikollu sens spiritwali kieku kien biss xi liġi li wieħed ikollu jgħix b’rassenjazzjoni. Wieħed irid jagħmilha tiegħu f’qalbu, hemm fejn Alla waħdu jara (ara Mt 5:28). Kull filgħodu meta nqumu, inġeddu quddiem Alla din id-deċiżjoni ta’ fedeltà, ħa jiġri li jrid matul il-ġurnata. U kull wieħed u waħda, meta jidħol biex jorqod, jistenna b’ħerqa li jerġa’ jqum l-għada biex ikompli din l-avventura, b’fiduċja fl-għajnuna tal-Mulej. Hekk, kull miżżewweġ isir għall-ieħor sinjal u strument ta’ kemm hu qrib tiegħu jew tagħha Alla, li ma jitlaqna qatt waħidna: “Jien magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).

 

320. Il-koppja tasal f’punt li tilħaq l-ogħla libertà u ssir spazju ta’ awtonomija sana: meta kull wieħed jiskopri li l-ieħor mhuwiex tiegħu, imma għandu sid iżjed importanti, il-Mulej waħdieni tiegħu. Ħadd ma jista’ jippretendi li jaħtaf hu l-iżjed intimità personali u sigrieta tal-persuna li jħobb, għax Hu biss jista’ jkollu dan il-post fiċ-ċentru ta’ ħajjitha. Fl-istess waqt, il-prinċipju tar-realiżmu spiritwali jagħmel mod li min hu miżżewweġ ma jippretendix li l-parti oħra għandha tissodisfa f’kollox l-esiġenzi tagħha. Jinħtieġ li l-mixja spiritwali individwali tagħhom – kif wera tajjeb Dietrich Bonhoeffer – tgħinhom jaslu għal ċertu “diżillużjonament” tal-persuna l-oħra,[382] biex ma jibqgħux jistennew minn xulxin dak li jappartieni biss lill-imħabba ta’ Alla. Dan jitlob li persuna titneżża’ minnha nfisha. L-ispazju esklussiv li kull wieħed u waħda mill-miżżewġin jerfa’ għar-relazzjoni personali tiegħu jew tagħha ma’ Alla, mhux biss jista’ jfejjaq il-ġrieħi tal-ħajja tat-tnejn flimkien, imma jgħinhom individwalment ukoll isibu fl-imħabba ta’ Alla t-tifsira ta’ ħajjithom kollha. Għandna bżonn li ta’ kuljum insejħu l-azzjoni tal-Ispirtu biex din il-libertà interjuri ssir possibbli.

 

Spiritwalità tal-għożża, tal-faraġ u li tħeġġeġ

321. “Il-miżżewġin Insara huma koperaturi tal-grazzja u xhieda tal-fidi bejniethom, ma’ wliedhom u ma’ dawk li jgħixu magħhom”.[383] Alla jistedinhom inisslu u jgħożżu lil dawk li jġibu fid-dinja. Hu għalhekk li l-familja “sa minn dejjem kienet l-eqreb ‘sptar’”.[384] Ejjew nieħdu ħsieb ta’ xulxin, inwieżnu u nkebbsu bil-ħeġġa wieħed lill-ieħor, u ngħixu dan kollu hekk kif joħroġ mill-ispiritwalità tal-familja tagħna. Il-ħajja tal-koppja hi sehem mill-opra ħallieqa ta’ Alla, u kull wieħed hu għall-ieħor tqanqila kontinwa tal-Ispirtu. L-imħabba ta’ Alla tesprimi ruħha “bil-kelma ħajja u bil-fatt li bihom raġel u mara juru ’l xulxin imħabbithom fiż-żwieġ”.[385] Hekk it-tnejn isiru għal xulxin mera tal-imħabba divina li tfarraġ bil-kelma, bil-ħarsa, bl-għajnuna, bit-tmellisa, bit-tgħanniqa. Għalhekk, “meta tagħżel li tibni familja tkun qed tagħżel li tagħmel parti mill-ħolma ta’ Alla, li toħlom miegħu, li tibni miegħu, li tissieħeb miegħu fl-istorja ta’ bini ta’ dinja fejn ħadd ma jħossu waħdu”.[386]

 

322. Il-ħajja kollha tal-familja hi “mergħa” ħanina. Kull wieħed u waħda, bl-għożża kollha, qed ipinġi u jikteb fil-ħajja tal-ieħor: “L-ittra tagħna hi intom, miktuba fuq qlubna [] mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj” (2 Kor 3:2-3). Kull wieħed hu “sajjied tal-bnedmin” (Lq 5:10) li f’isem Ġesù jixħet ix-xbiek (ara Lq 5:5) lejn l-oħrajn, jew bidwi li jaħdem dik l-art friska li huma l-għeżież tiegħu, u joħroġ l-aħjar li hemm fihom. L-imħabba għammiela fiż-żwieġ terfa’ lill-oħrajn, għax “li tħobb persuna jfisser li tistenna minnha xi ħaġa li ma tistax tagħlaqha f’isem, li forsi ma kontx tistenna; fl-istess ħin ifisser li b’xi mod toffrilha l-mezz kif twieġeb għal din l-istennija”.[387] Din hi qima lil Alla, għax hu li żera’ tant ħwejjeġ tajba fl-oħrajn bit-tama li nkunu aħna li nkabbruhom.

 

323. Hi esperjenza spiritwali profonda li nikkontemplaw lil kull persuna għażiża għalina b’għajnejn Alla u nagħrfu fiha lil Kristu. Dan jitlob minna qalb miftuħa u li ma tistenna xejn lura, li biha nistgħu napprezzaw id-dinjità tagħha. Nistgħu nieqfu sħaħ quddiem l-ieħor jekk nagħtu ruħna lilu mingħajr għaliex, u ninsew dak kollu li hemm madwarna. Hekk il-persuna maħbuba jkun jixirqilha l-attenzjoni kollha tagħna. Ġesù kien mudell għalina, għax meta xi ħadd kien jersaq lejh biex ikellmu, kien iserraħ ħarstu fuqu, iħares lejh bi mħabba (ara Mk 10:21). Ħadd ma kien iħossu minsi jew imwarrab fil-preżenza tiegħu, għax kliemu u l-ġesti tiegħu kienu espressjonijiet ta’ din il-mistoqsija: “Xi tridni nagħmillek?” (Mk 10:51). Dan ngħixuh fil-ħajja ta’ kuljum tal-familja. Fiha niftakru li l-persuna li tgħix magħna jixirqilha kollox, għax għandha dinjità bla tarf, hi oġġett tal-imħabba bla qies tal-Missier. Hekk twarrad il-ħlewwa, li kapaċi “tqanqal fil-persuna l-oħra l-ferħ li tħossha maħbuba. Hi tesprimi ruħha b’mod partikulari meta turi attenzjoni kollha tjieba għal-limiti tal-ieħor, speċjalment meta dawn jidhru b’mod ċar ħafna”.[388]

 

324. Bil-qawwa tal-Ispirtu, in-nukleu tal-familja mhux biss jilqa’ l-ħajja billi jnissilha fi ħdanu stess, imma jinfetaħ, joħroġ minnu nnifsu biex isawwab il-ġid tiegħu fuq l-oħrajn, biex jara li jfittex il-ferħ tagħhom. Dan il-ftuħ jesprimi ruħu partikularment fl-ospitalità,[389] li l-Kelma ta’ Alla tħeġġeġ għaliha b’mod suġġestiv ħafna: “Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu” (Lhud 13:2). Meta l-familja tilqa’ fi ħdanha, u toħroġ tiltaqa’ mal-oħrajn, speċjalment il-foqra u l-imwarrba, hi ssir “simbolu, xhieda, u tisħib fil-ħidma tal-Knisja bħala Omm”.[390] L-imħabba soċjali, riflessa fit-Trinità, hi fir-realtà dak li jxierek it-tifsira spiritwali tal-familja mal-missjoni tagħha barra minnha nfisha, għax tagħmel preżenti l-kerygma bl-esiġenzi komunitarji kollha tagħha. Il-familja tgħix l-ispiritwalità partikulari tagħha billi tkun, fl-istess waqt, Knisja tad-dar u ċellula ħajja biex tibdel id-dinja.[391]

 

***

 

325. Kliem l-Imgħallem (ara Mt 22:30) u dak ta’ San Pawl (ara 1 Kor 7:29-31) fuq iż-żwieġ, intqal – u mhux b’kumbinazzjoni – fil-kuntest tad-dimensjoni aħħarija u defenittiva tal-eżistenza tagħna, li jeħtieġ nirkupraw mill-ġdid. Hekk il-miżżewġin ikunu jistgħu jagħrfu t-tifsira tal-mixja li qed jagħmlu. Fil-fatt, kif fakkarna iżjed minn darba f’din l-Eżortazzjoni, l-ebda familja mhi realtà perfetta, imgeżwra u lesta b’kollox, imma titlob żvilupp gradwali tal-ħila ta’ kull wieħed u waħda li jħobb aktar. Hemm sejħa kontinwa ħierġa mill-komunjoni sħiħa tat-Trinità, mill-għaqda tal-għaġeb bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, minn dik il-komunità sabiħa li hi l-Familja ta’ Nazaret u mill-fraternità bla nikta li teżisti bejn il-qaddisin tas-Sema. U madankollu, meta nikkontemplaw dik il-milja li għadna ma lħaqniex, nistgħu wkoll nilqgħu l-mixja storika li qed nagħmlu bħala familji bħala dak li hi, biex nieqfu nippretendu mir-relazzjonijiet ta’ bejnietna xi perfezzjoni, xi safa ta’ fehmiet jew koerenza li nistgħu nsibu biss fis-Saltna ta’ dejjem. Barra minn hekk, dan jgħinna ma niġġudikawx b’id iebsa lil dawk li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ dgħufija kbira. Kollha msejħin inżommu ħajja dik it-tensjoni lejn xi ħaġa li tmur lil hemm minna nfusna u l-limiti tagħna, u kull familja għandha tgħix f’din il-ħerqa kontinwa. Ejjew nimxu, għeżież famlilji, nibqgħu mexjin! Il-wegħda tagħna dejjem hi ikbar milli qatt stħajjilna. Ejjew ma nitilfux it-tama li għandna minħabba fil-limiti tagħna, imma lanqas nibqgħu lura milli nfittxu l-milja tal-imħabba u tal-komunjoni li ġiet imwiegħda lilna.

 

Talba lill-Familja Mqaddsa

 

Ġesù, Marija u Ġużeppi,

fikom nikkontemplaw

il-ġmiel tal-imħabba vera,

u lejkom induru b’fiduċja.

 

O Familja Mqaddsa ta’ Nazaret,

agħmel li anki l-familji tagħna

jkunu mkejjen ta’ komunjoni u ċenakli ta’ talb,

skejjel awtentiċi tal-Evanġelju

u Knejjes ċkejkna tad-dar.

 

O Familja Mqaddsa ta’ Nazaret,

nitolbuk li qatt iżjed fil-familji tagħna

ma nġarrbu vjolenza, għeluq u firda:

kull min kien miġruħ jew skandalizzat,

ħa jsib minnufih faraġ u fejqan.

 

O Familja Mqaddsa ta’ Nazaret,

agħmel li lkoll kemm aħna nagħrfu

l-karattru qaddis u bla mittiefes tal-familja,

tal-ġmiel tagħha fil-pjan ta’ Alla.

 

Ġesù, Marija u Ġużeppi,

isimgħu u ilqgħu t-talba tagħna.

 

Amen.

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru, fil-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, nhar id-19 ta’ Marzu, Solennità ta’ San Ġużepp, tas-sena 2016, ir-raba’ tal-Pontifikat tiegħi.

 

Franciscus


 

[1] It-III Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Relatio Synodi, 18 ta’ Ottubru 2014, 2.

[2] L-XIV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Relatio finalis, 24 ta’ Ottubru 2015, 3.

[3] Diskors fl-għeluq tal-XIV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (24 ta’ Ottubru 2015): L’Osservatore Romano, 26-27 ta’ Ottubru 2015, 13; ara Kummissjoni Pontifiċja Biblika, Fede e cultura alla luce della Bibbia. Atti della Sessione plenaria 1979 della Pontificia Commissione Biblica, Turin 1981; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Gaudium et spes, 44; Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris missio (7 ta’ Diċembru 1990), 52: AAS 83 (1991), 300; Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 69, 117: AAS 105 (2013), 1049, 1068-1069.

[4] Diskors fil-laqgħa mal-familji f’Santiago de Cuba (22 ta’ Settembru 2015): L’Osservatore Romano, 24 ta’ Settembru 2015, 7.

[5] Jorge Luis Borges, “Calle desconocida”, f’Fervor de Buenos Aires, Buenos Aires 2011, 23 (traduzzjoni Taljana: Fervore di Buenos Aires, Milan 2010, 29).

[6] Omelija fil-Quddiesa fi Puebla de los Ángeles (28 ta’ Jannar 1979), 2: AAS 71 (1979), 184.

[7] Ara ibid.

[8] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 4: AAS 74 (1982), 84.

[9] Relatio Synodi 2014, 5.

[10] Konferenza Episkopali Spanjola, Matrimonio y familia (6 ta’ Lulju 1979), 3, 16, 23.

[11] Relatio finalis 2015, 5.

[12] Relatio Synodi 2014, 5.

[13] Relatio finalis 2015, 8.

[14] Diskors lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika (24 ta’ Settembru 2015): L’Osservatore Romano, 26 ta’ Settembru 2015, 7.

[15] Relatio finalis 2015, 29.

[16] Relatio Synodi 2014, 10.

[17] It-III Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Messaġġ, 18 ta’ Ottubru 2014.

[18] Relatio Synodi 2014, 10.

[19] Relatio finalis 2015, 7.

[20] Ibid., 63.

[21] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Korea, Towards a culture of life! (15 ta’ Marzu 2007).

[22] Relatio Synodi 2014, 6.

[23] Kunsill Pontifiċju għall-Familja, Karta tad-drittijiet tal-familja (22 ta’ Ottubru 1983), 11.

[24] Ara Relatio finalis 2015, 11-12.

[25] Kunsill Pontifiċju għall-Familja, Karta tad-drittijiet tal-familja (22 ta’ Ottubru 1983), Introduzzjoni.

[26] Ibid., 9.

[27] Relatio finalis 2015, 14.

[28] Relatio Synodi 2014, 8.

[29] Ara Relatio finalis 2015, 78.

[30] Relatio Synodi 2014, 8.

[31] Relatio finalis 2015, 23; ara Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Immigranti u tar-Rifuġjati 2016 (12 ta’ Settembru 2015): L’Osservatore Romano, 2 ta’ Ottubru 2015, 8.

[32] Relatio finalis 2015, 24.

[33] Ibid., 21.

[34] Ibid., 17.

[35] Ibid., 20.

[36] Ara ibid., 15.

[37] Diskors tal-għeluq tal-XIV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (24 ta’ Ottubru 2015): L’Osservatore Romano, 26-27 ta’ Ottubru 2015, 13.

[38] Konferenza Episkopali Arġentina, Navega mar adentro (31 ta’ Mejju 2003), 42.

[39] Konferenza Episkopali Messikana, Que en Cristo Nuestra Paz México tenga vida digna (15 ta’ Frar 2009), 67.

[40] Relatio finalis 2015, 25.

[41] Ibid., 10.

[42] Katekeżi (22 ta’ April 2015): L’Osservatore Romano, 23 ta’ April 2015, 7.

[43] Katekeżi (29 ta’ April 2015): L’Osservatore Romano, 30 ta’ April 2015, 8.

[44] Relatio finalis 2015, 28.

[45] Ibid., 8.

[46] Ibid., 58.

[47] Ibid., 33.

[48] Relatio Synodi 2014, 11.

[49] Konferenza Episkopali Kolombjana, A tiempos difíciles, colombianos nuevos (13 ta’ Frar 2003), 3.

[50] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 35: AAS 105 (2013), 1034.

[51] Ibid., 164: AAS 105 (2013), 1088.

[52] Ibid.

[53] Ibid., 165: AAS 105 (2013), 1089.

[54] Relatio Synodi 2014, 12.

[55] Ibid., 14.

[56] Ibid., 16.

[57] Relatio finalis 2015, 41.

[58] Ibid., 38.

[59] Relatio Synodi 2014, 17.

[60] Relatio finalis 2015, 43.

[61] Relatio Synodi 2014, 18.

[62] Ibid., 19.

[63] Relatio finalis 2015, 38.

[64] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 13: AAS 74 (1982), 94.

[65] Relatio Synodi 2014, 21.

[66] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1642.

[67] Ibid.

[68] Katekeżi (6 ta’ Mejju 2015): L’Osservatore Romano, 7 ta’ Mejju 2015, 8.

[69] Ljun il-Kbir, Epistola Rustico Narbonensi episcopo, Inquis. IV: PL 54, 1205A; ara Inkmaru ta’ Rheims, Epist. 22: PL 126, 142.

[70] Ara Piju XII, Ittra enċiklika Mystici Corporis Christi (29 ta’ Ġunju 1943): AAS 35 (1943), 202: Matrimonio enim quo coniuges sibi invicem sunt ministri gratiæ.

[71] Ara Kodiċi tal-Liġi Kanonika, kan. 1116; 1161-1165; Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, kan. 832, 848-852.

[72] Kodiċi tal-Liġi Kanonika, kan. 1055 § 2.

[73] Relatio Synodi 2014, 23.

[74] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 9: AAS 74 (1982), 90.

[75] Relatio finalis 2015, 47.

[76] Ibid.

[77] Omelija fil-Quddiesa tal-għeluq tat-VIII Laqgħa Dinjija tal-familji, Philadelphia (27 ta’ Settembru 2015): LOsservatore Romano, 28-29 ta’ Settembru 2015, 7.

[78] Relatio finalis 2015, 53-54.

[79] Ibid., 51.

[80] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 48.

[81] Ara Kodiċi tal-Liġi Kanonika, kan. 1055 § 1: Ad bonum coniugum atque ad prolis generationem et educationem ordinatum.

[82] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2360.

[83] Ibid., 1654.

[84] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 48.

[85] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2366.

[86] Ara Pawlu VI, Ittra enċiklika Humanæ vitæ (25 ta’ Lulju 1968), 11-12: AAS 60 (1968), 488-489.

[87] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2378.

[88] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istruzzjoni Donum vitæ (22 ta’ Frar 1987), II, 8: AAS 80 (1988), 97.

[89] Relatio finalis 2015, 63.

[90] Relatio Synodi 2014, 57.

[91] Ibid., 58.

[92] Ibid., 57.

[93] Relatio finalis 2015, 64.

[94] Relatio Synodi 2014, 60.

[95] Ibid., 61.

[96] Kodiċi tal-Liġi Kanonika, kan. 1136; ara Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, kan. 627.

[97] Kunsill Pontifiċju għall-Familja, Sessualità umana: verità e significato (8 ta’ Diċembru 1995), 23.

[98] Katekeżi (20 ta’ Mejju 2015): L’Osservatore Romano, 21 ta’ Mejju 2015, 8.

[99] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 38: AAS 74 (1982), 129.

[100] Ara Diskors lill-Assemblea Djoċesana ta’ Ruma (14 ta’ Ġunju 2015): L’Osservatore Romano, 15-16 ta’ Ġunju 2015, 8.

[101] Relatio Synodi 2014, 23.

[102] Relatio finalis 2015, 52.

[103] Ibid., 49-50.

[104] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1641.

[105] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 2: AAS 98 (2006), 218.

[106] Eżerċizzi spiritwali, Kontemplazzjoni biex naslu għall-imħabba, 230.

[107] Octavio Paz, La llama doble, Barċellona 1993, 35.

[108] Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ II-II, q. 114, a. 2, ad 1.

[109] Katekeżi (13 ta’ Mejju 2015): L’Osservatore Romano, 14 ta’ Mejju 2015, 8.

[110] Summa Theologiæ II-II, q. 27, a. 1, ad 2.

[111] Ibid., a. 1.

[112] Katekeżi (13 ta’ Mejju 2015): L’Osservatore Romano, 14 ta’ Mejju 2015, 8.

[113] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 21: AAS 74 (1982), 106.

[114] Prietka fil-knisja Battista ta’ Dexter Avenue, Montgomery, Alabama, 17 ta’ Novembru 1957.

[115] San Tumas ta’ Aquino jifhem l-imħabba bħala vis unitiva (Summa Theologiæ I, q. 20, a. 1, ad 3), u jerġa’ jaqbad espressjoni ta’ Djoniġi l-Psewdo-Arjopagita (De divinis nominibus, IV, 12: PG 3, 709).

[116] Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ II-II, q. 27, a. 2.

[117] Ittra enċiklika Casti connubii (31 ta’ Diċembru 1930): AAS 22 (1930), 547-548.

[118] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 13: AAS 74 (1982), 94.

[119] Katekeżi (2 ta’ April 2014): L’Osservatore Romano, 3 ta’ April 2014, 8.

[120] Ibid.

[121] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 9: AAS 74 (1982), 90.

[122] Tumas ta’ Aquino, Summa contra Gentiles, III, 123; ara Aristotli, Etica Nic., 8, 12 (ed. Bywater, Oxford 1984, 174).

[123] Ittra enċiklika Lumen fidei (29 ta’ Ġunju 2013), 52: AAS 105 (2013), 590.

[124] De sacramento matrimonii, I, 2: f’Id. Disputationes, III, 5, 3 (ed. Giuliano, Napoli 1858, 778).

[125] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 50.

[126] Ibid., 49.

[127] Ara Summa Theologiæ I-II, q. 31, a. 3, ad 3.

[128] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 48.

[129] Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ I-II, q. 26, a. 3.

[130] Ibid., q. 110, a. 1.

[131] L-Istqarrijiet, VIII, 3, 7: PL 32, 752.

[132] Diskors lill-familji tad-dinja fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ tagħhom f’Ruma fis-Sena tal-Fidi (26 ta’ Ottubru 2013): AAS 105 (2013), 980.

[133] Angelus (29 ta’ Diċembru 2013): L’Osservatore Romano, 30-31 ta’ Diċembru 2013, 7.

[134] Diskors lill-familji tad-dinja fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ tagħhom f’Ruma fis-Sena tal-Fidi (26 ta’ Ottubru 2013): AAS 105 (2013), 978.

[135] Summa Theologiæ II-II, q. 24, a. 7.

[136] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 48.

[137] Konferenza Episkopali taċ-Ċili, La vida y la familia: regalos de Dios para cada uno de nosotros (21 ta’ Lulju 2014).

[138] Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 49.

[139] A. Sertillanges, L’amour chrétien, Pariġi 1920, 174.

[140] Ara Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ I-II, q. 24, a. 1.

[141] Ara ibid., q. 59, a. 5.

[142] Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 3: AAS 98 (2006), 219-220.

[143] Ibid., 4 : AAS 98 (2006), 220.

[144] Ara Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ I-II, q. 32, a. 7.

[145] Ara ibid., II-II, q. 153, a. 2, ad 2: Abundantia delectationis quæ est in actu venereo secundum rationem ordinato, non contrariatur medio virtutis.

[146] Ġwanni Pawlu II, Katekeżi (22 ta’ Ottubru 1980), 5: Insegnamenti III, 2 (1980), 951.

[147] Ibid., 3.

[148] Id., Katekeżi (24 ta’ Settembru 1980), 4: Insegnamenti III, 2 (1980), 719.

[149] Katekeżi (12 ta’ Novembru 1980), 2: Insegnamenti III, 2 (1980), 1133.

[150] Ibid., 4.

[151] Ibid., 5.

[152] Ibid., 1: 1132.

[153] Katekeżi (16 ta’ Jannar 1980), 1: Insegnamenti III, 1 (1980), 151.

[154] Josef Pieper, Über die Liebe, München 2014, 174.

[155] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Evangelium vitæ (25 ta’ Marzu 1995), 23: AAS 87 (1995), 427.

[156] Pawlu VI, Ittra enċiklika Humanæ vitæ (25 ta’ Lulju 1968), 13: AAS 60 (1968), 489.

[157] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 49.

[158] Katekeżi (18 ta’ Ġunju 1980), 5: Insegnamenti III, 1 (1980), 1778.

[159] Ibid., 6.

[160] Ara Katekeżi (30 ta’ Lulju 1980), 1: Insegnamenti III, 2 (1980), 311.

[161] Katekeżi (8 ta’ April 1981), 3: Insegnamenti IV, 1 (1981), 904.

[162] Katekeżi (11 ta’ Awwissu 1982), 4: Insegnamenti V, 3 (1982), 205-206.

[163] Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 5: AAS 98 (2006), 221.

[164] Ibid., 7.

[165] Relatio finalis 2015, 22.

[166] Katekeżi (14 ta’ April 1982), 1: Insegnamenti V, 1 (1982), 1176.

[167] Gl