IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 L-Erbgħa 9 ta’ Ottubru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli – 11.

“Għodda magħżula minni” (Atti 9:15). Sawl, minn persekutur għal evanġelizzatur

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Sa mill-episodju tat-tħaġġir ta’ Stiefnu, titfaċċa figura li, flimkien ma’ dik ta’ Pietru, hi l-aktar waħda preżenti u inċiżiva fl-Atti tal-Appostli: dik ta’ “żagħżugħ jismu Sawl” (Atti 7:58). Fil-bidu nsibuh imfisser bħala wieħed li japprova l-mewt ta’ Stiefnu u jrid jeqred lill-Knisja (ara Atti 8:3); imma mbagħad isir l-għodda magħżula minn Alla biex ixandar il-Vanġelu lill-ġnus (ara Atti 9:15; 22:21; 26:17).

 

Bl-awtorizzazzjoni tal-qassis il-kbir, Sawl jibda jfittex l-Insara biex jixħithom il-ħabs. Uħud minnkom hawnhekk ġejjin minn popli li ġew ippersegwitati mid-dittaturi, intom tafu tajjeb xi jfisser tiġri wara n-nies biex taqbadhom. Hekk kien jagħmel Sawl. U huwa u jagħmel dan kien jaħseb li qed jaqdi l-Liġi tal-Mulej. Luqa jgħid li Sawl “kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej” (Atti 9:1): fih hemm in-nifs tal-mewt, u mhux tal-ħajja.

 

Iż-żagħżugħ Sawl jidher bħala wieħed li aħjar ma tħaqqaqhiex miegħu, wieħed li juri intolleranza lejn min jaħsibha differenti minnu, jassolutizza l-identità politika jew reliġjuża tiegħu u jirriduċi lill-persuna l-oħra bħala għadu potenzjali li għandu jiġġelidlu. Ideologu. F’Sawl ir-reliġjon inbidlet f’ideoloġija: ideoloġija reliġjuża, ideoloġija soċjali, ideoloġija politika. Kien biss wara li ġie mibdul minn Kristu, li għallem li l-vera battalja “mhijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra […] l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena” (Efes 6:12). Jgħallem li mhux lill-bnedmin għandna niġġieldu, imma lill-ħażen li jnebbaħ l-għemejjel tagħhom.

 

Il-kundizzjoni ta’ rabja – għax Sawl kien irrabbjat – u ta’ ġlied li kien fiha Sawl tistieden lil kull wieħed u waħda minna biex nistaqsu lilna nfusna: kif qed ngħix il-ħajja tal-fidi tiegħi? Noħroġ niltaqa’ mal-oħrajn jew jiena kontra l-oħrajn? Jien parti mill-Knisja universali (tajbin u ħżiena, kulħadd) jew għandi ideoloġija selettiva? Nadura lil Alla jew nadura l-formulazzjonijiet dommatiċi? Kif inhi l-ħajja reliġjuża tiegħi? Il-fidi li nistqarr f’Alla tagħmilni ħabib jew ostili lejn min hu differenti minni?

 

Luqa jirrakkonta kif, waqt li Sawl kien ħsiebu biss kif ħa jeqred il-komunità Nisranija, il-Mulej kien qed jara kif ħa jmisslu qalbu u jdawwarhielu lejh. Dan hu l-metodu tal-Mulej: imiss il-qalb. L-Irxoxt jieħu hu l-inizjattiva u jidher lil Sawl fit-triq lejn Damasku, ġrajja li hi rrakkuntata għal tliet darbiet fil-Ktieb tal-Atti (ara Atti 9:3-19; 22:3-21; 26:4-23). Permezz tal-par kelmiet “dawl” u “leħen”, tipiku tat-teofaniji, l-Irxoxt jidher lil Sawl u jitolbu kont tal-korla fratriċida tiegħu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Hawn l-Irxoxt juri li hu ħaġa waħda ma’ dawk li jemmnu fih: olqot membru tal-Knisja u tkun tolqot lil Kristu nnifsu! Anki dawk li huma ideologi għax taparsi jfittxu l-“purità” tal-Knisja, qed ifieru lil Kristu.

 

Il-leħen ta’ Ġesù jgħid lil Sawl: “Issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel” (Atti 9:6). Imma meta jqum fuq riġlejh, Sawl ma jara xejn iżjed, sar agħma, u minn bniedem b’saħħtu, awtorevoli u indipendenti, isir dgħajjef, fil-bżonn ta’ ħaddieħor u dipendenti fuq l-oħrajn, għax mhux jara. Id-dawl ta’ Kristu għammixlu għajnejh u għamieh: “Hekk anki minn barra jidher x’kienet ir-realtà interjuri tiegħu, l-għama tiegħu fil-konfront tal-verità, tad-dawl li hu Kristu” (Benedittu XVI, Udjenza ġenerali, 3 ta’ Settembru 2008).

 

Minn dan il-kuntatt bejn Sawl u l-Irxoxt tibda t-triq tat-trasformazzjoni li turi l-“Għid personali” ta’ Sawl, il-mogħdija tiegħu mill-mewt għall-ħajja: dak li qabel kien glorja jsir “knis” li hu jarmi biex jikseb il-veru gwadann li hu Kristu u l-ħajja fih (ara Fil 3:7-8).

 

Pawlu jirċievi l-Magħmudija. Hekk il-Magħmudija timmarka għal Sawl, kif timmarka għal kull wieħed u waħda minna, il-bidu ta’ ħajja ġdida, u hi msieħba minn ħarsa ġdida lejn Alla, lejh innifsu u lejn l-oħrajn, li minn għedewwa issa jsiru aħwa fi Kristu.

 

Ejjew nitolbu lill-Missier idewwaq lilna wkoll, kif għamel ma’ Sawl, l-impatt ma’ mħabbtu li waħidha tista’ tibdel qalb tal-ġebel f’qalb tal-laħam (ara Eżek 11:15), li kapaċi “taħseb bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2:5).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard