IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 21 ta’ Awwissu 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 6.

“Kellhom kollox flimkien” (Atti 4:32)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-komunità Nisranija titwieled mit-tiswib kotran tal-Ispirtu s-Santu u tikber grazzi għall-qawwa li għandu l-qsim bejn l-aħwa fi Kristu. Hemm dinamiżmu ta’ solidarjetà li jibni lill-Knisja bħala familja ta’ Alla, fejn hi ċentrali l-esperjenza tal-koinonia. Xi tfisser din il-kelma stramba? Hi kelma Griega li tfisser “inqiegħdu f’komunjoni”, “nagħmlu komuni”, inkunu bħal komunità, mhux maqtugħin għalina waħidna. Din hi l-esperjenza tal-ewwel komunità Nisranija, jiġifieri li tagħmel komuni, “taqsam”, “tikkomunika, tipparteċipa”, ma tinqatax għaliha waħidha. Fil-Knisja tal-bidu, din il-koinonia, din il-komunità teħodna qabelxejn għas-sehem fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Għalhekk, kull meta nersqu għat-tqarbin aħna ngħidu “nitqarbnu”, nidħlu f’komunjoni ma’ Ġesù, u minn dan it-tqarrib ma’ Ġesù naslu għall-komunjoni ma’ ħutna. U din il-komunjoni mal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li ssir fil-Quddiesa tissarraf f’għaqda bejn l-aħwa, u għalhekk anki f’dak li hu l-iżjed iebes għalina: li naqsmu ma’ xulxin il-ġid li għandna u niġbru l-flus biex ngħinu lill-Knisja omm ta’ Ġerusalemm (ara Rum 12:13; 2 Kor 8-9) u lill-Knejjes l-oħra. Jekk intom tridu tafu intomx Insara tajbin jeħtieġ titolbu, tfittxu li tersqu għat-tqarbin, għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Imma s-sinjal li qalbek tkun ikkonvertiet ikun meta l-konverżjoni tasal sal-bwiet, meta tmiss l-interess tiegħek: hemm jidher jekk wieħed hux ġeneruż mal-oħrajn, jekk hux jgħin lill-aktar dgħajfa, lill-aktar foqra. Meta l-konverżjoni tasal hemm, ibqa’ ċert li din tkun vera konverżjoni. Jekk tibqa’ biss fil-paroli mhijiex konverżjoni tajba.

 

Il-ħajja Ewkaristika, it-talb, il-predikazzjoni tal-Appostli u l-esperjenza tal-komunjoni (ara Atti 2:42) jagħmlu minn dawk li jemmnu ġemgħa kbira ta’ persuni li huma – jgħid il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli – huma “qalb waħda u ruħ waħda” u li ma jqisux dak li għandhom bħala proprjetà tagħhom, imma jaqsmu kollox mal-oħrajn (ara Atti 4:32). Dan hu mudell ta’ ħajja hekk qawwi, li jgħinna nkunu ġenerużi u mhux xħaħ. Għaldaqstant, “ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-Appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (Atti 4:34-35). Il-Knisja sa minn dejjem kellha dan il-ġest tal-Insara li kienu jinżgħu mill-ħwejjeġ li kellhom żejda, minn dak li ma kienx meħtieġ, biex jagħtuhom lil dawk li kellhom bżonn. U mhux biss flus: anki żmien. Kemm Insara – intom, ngħidu aħna, hawn l-Italja – kemm Insara jagħmlu volontarjat! Imma din ħaġa tassew sabiħa! Hi komunjoni, naqsam mill-ħin tiegħi mal-oħrajn, biex ngħin lil dawk li għandhom bżonn. U hekk il-volontarjat, l-opri tal-karità, iż-żjajjar lill-morda; hemm bżonn dejjem naqsmu mal-oħrajn, u mhux infittxu biss l-interessi tagħna.

 

B’hekk il-komunità, jew koinonia, issir il-mod ġdid ta’ relazzjoni bejn id-dixxipli tal-Mulej. L-Insara jesperimentaw mod ġdid kif jgħixu bejniethom, kif iġibu ruħhom. U dan hu l-mod proprju Nisrani, tant li l-pagani kienu jħarsu lejn l-Insara u jgħidu: “Ara kemm jinħabbu bejniethom!”. L-imħabba hi mod ta’ ħajja. Imma mhux imħabba tat-tpaċpiċ, mhux imħabba ta’ biċ-ċajt: imħabba tal-opri, tal-għajnuna lil xulxin, l-imħabba konkreta, il-konkretezza tal-imħabba. Ir-rabta ma’ Kristu ġġib rabta ma’ ħutna li tinfirex u tesprimi ruħha wkoll fil-komunjoni tal-ġid materjali. Iva, dan hu l-mod kif ngħixu flimkien, hekk din l-imħabba tasal ukoll sal-bwiet, tasal biex titneżża’ wkoll mill-impediment tal-flus biex tqassamhom lill-oħrajn, u tmur kontra l-istess interessi tagħha. Dawk li jemmnu, bħala membri tal-ġisem ta’ Kristu, isiru korresponsabbli ta’ xulxin. Il-fatt li nemmnu f’Ġesù jagħmel minna lkoll korresponsabbli ta’ xulxin. “Imma ara waħda dak, il-problema li għandu: jien x’jimpurtani, dik biċċa tiegħu”. Le, bejn l-Insara ma nistgħux ngħidu: “Povra persuna, għandha problema d-dar, għaddejja minn diffikultà familjari”. Imma jien jeħtieġ nitlob għaliha, inġorrha f’qalbi, m’iniex indifferenti għaliha. Dan ifisser tkun Nisrani. Għalhekk min hu b’saħħtu jwieżen lid-dgħajjef (ara Rum 15:1) u hekk ħadd ma jġarrab il-miżerja li tumilja u tisfigura d-dinjità umana, għax huma jgħixu din il-komunità: jaqsmu qalbhom ma’ xulxin. Jinħabbu. Dan hu s-sinjal: l-imħabba konkreta.

 

Ġakbu, Pietru u Ġwanni, li huma t-tliet Appostli bħall-“kolonni” tal-Knisja ta’ Ġerusalemm, b’mod ta’ komunjoni jiddeċiedu li Pawlu u Barnaba għandhom jevanġelizzaw il-pagani waqt li huma jevanġelizzaw lil-Lhud, u minn Pawlu u Barnaba jitolbu biss din il-kundizzjoni: li ma jinsewx lill-foqra, jiftakru fil-foqra (ara Gal 2:9-10). Mhux biss il-foqra materjali, imma anki l-foqra spiritwali, dawk li għandhom xi problema u jeħtieġu l-qrubija tagħna. Nisrani dejjem jitlaq minnu nnifsu, minn qalbu, u joqrob lejn l-oħrajn kif Ġesù qorob lejna. Din hi l-ewwel komunità Nisranija.

 

Eżempju konkret ta’ qsim u komunjoni tal-ġid jaslilna mix-xhieda ta’ Barnaba: dan kellu għalqa u biegħha biex il-qligħ jgħaddih lill-Appostli (ara Atti 4:36-37). Imma ħdejn l-eżempju pożittiv tiegħu jidher ieħor li b’xorti ħażina hu veru negattiv: Ananija u martu Saffira, wara li biegħu biċċa art, iddeċidew li jgħaddu biss parti lill-Appostli u li jżommu l-oħra għalihom (ara Atti 5:1-2). Dan il-qerq ifarrak il-katina tal-qsim b’xejn, il-qsim seren, diżinteressat, u l-konsegwenzi huma traġiċi, huma fatali (Atti 5:5,10). L-Appostlu Pietru jikxef il-ħażen ta’ Ananija u ta’ martu u jgħidilhom: “Dan kif ħallejt lix-Xitan jidħollok f’qalbek biex gdibt lill-Ispirtu s-Santu u warrabt biċċa mill-prezz tal-għalqa? […] Mhux lill-bnedmin gdibt, imma lil Alla” (Atti 5:3-4). Nistgħu ngħidu li Ananija gideb lil Alla minħabba kuxjenza iżolata, kuxjenza ipokrita, mela minħabba appartenenza ekkleżjali “negozjata”, parzjali u opportunista. Il-wiċċ b’ieħor hu l-agħar għadu ta’ din il-komunità Nisranija, ta’ din l-imħabba Nisranija: meta nagħmlu tabirruħna li rridu l-ġid lil xulxin imma nkunu nfittxu biss l-interessi personali tagħna.

 

Fil-fatt, meta nonqsu mis-sinċerità tal-qsim ma’ xulxin, jew nonqsu mis-sinċerità tal-imħabba, inkunu nxettlu l-ipokrezija, nitbiegħdu mill-verità, insiru egoisti, nitfu n-nar tal-komunjoni u niddestinaw ruħna għall-kesħa tal-mewt interjuri. Min iġib ruħu hekk fil-Knisja jkun qed jitlajja qisu turista. Għandna ħafna turisti fil-Knisja li dejjem jitlajjaw, imma qatt ma jidħlu fil-Knisja: hu t-turiżmu spiritwali li jbellagħhielhom li huma Nsara, meta huma biss turisti tal-katakombi. Le, ma għandniex inkunu turisti fil-Knisja, imma aħwa ta’ xulxin. Ħajja li tfittex biss kif ħa tagħmel profitt u vantaġġ hi mis-sitwazzjonijiet b’dannu għall-oħrajn, bilfors se ġġib il-mewt interjuri. U kemm persuni jgħidu li huma qrib tal-Knisja, ħbieb tal-qassisin, tal-isqfijiet, waqt li qed ifittxu biss l-interessi tagħhom. Dawn huma l-ipokreziji li jeqirdu lill-Knisja!

 

Il-Mulej – u dan nitolbu għalina lkoll – isawwab  fuqna l-Ispirtu tiegħu ta’ ħlewwa, li jegħleb kull ipokrezija u jqiegħed f’nofsna dik il-verità li hi mimlija solidarjetà Nisranija, li, bogħod milli tkun attività ta’ assistenza soċjali, hi l-espressjoni essenzjali tan-natura tal-Knisja, omm l-iżjed twajba ta’ kulħadd, speċjalment tal-iktar foqra.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard