Il-Papa Franġisku jħabbar il-Ġublew tal-Ħniena

Ħanina bħall-Missier

Għeżież ħuti, spiss ħsibt fuq kif il-Knisja tista’ tagħmel iżjed evidenti l-missjoni tagħha ta’ xhud tal-ħniena.  Hi mixja li titlaq minn konverżjoni spiritwali; u jeħtieġ nagħmluha din il-mixja.  Għalhekk iddeċidejt li nsejjaħ Ġublew straordinarju li jkollu fil-qalba tiegħu l-ħniena ta’ Alla.  Sa tkun Sena Mqaddsa tal-Ħniena.  Irridu ngħixuha fid-dawl tal-kelma ta’ Alla.  “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (ara Lq 6:36).  U dan ngħidu b’mod speċjali għall-konfessuri!  Ħafna ħniena!

Din is-Sena Mqaddsa tiftaħ fis-solennità li ġejja ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni u tagħlaq fl-20 ta’ Novembru 2016, il-Ħadd ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan ta’ l-univers u wiċċ ħaj tal-ħniena tal-Missier.  Inħalli l-organizzazzjoni ta’ dan il-Ġublew f’idejn il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Evanġelizzazzjoni Ġdida, biex jista’ jippreżentah bħala tappa ġdida fil-mixja tal-Knisja fil-missjoni tagħha li twassal lil kull bniedem il-Vanġelu tal-ħniena.

Jiena konvint li l-Knisja kollha, li tant għandha bżonn tirċievi l-ħniena, għax aħna midinbin, tista’ ssib f’dan il-Ġublew il-ferħ li tiskopri mill-ġdid u tkattar il-ħniena ta’ Alla, li biha aħna lkoll imsejħa nfarrġu lil kull raġel u mara ta’ żmienna.  Ma ninsewx li Alla kollox jaħfer, u Alla dejjem jaħfer.  Ma negħjewx nitolbu maħfra. 

Nafdawha sa minn issa f’idejn Omm il-Ħniena.

Nafdaw sa minn issa din is-Sena f’idejn Omm il-Ħniena, biex tixħet ħarsitha fuqna u tħares il-mixja tagħna: il-mixja penitenzjali tagħna, il-mixja tagħna b’qalb miftuħa, matul din is-sena, biex nirċievu l-maħfra ta’ Alla, biex nirċievu l-ħniena ta’ Alla.

[Ara l-omelija kollha ...]