Dawn l-erba’ minn sħabkom se jagħmlu xi mistoqsijiet. Id-diskors li ħejjejt jien se ngħaddih lil Mons. Semren, u jagħtihulkom wara. U issa nimxu flimkien b’mistoqsija u tweġiba.
Mistoqsija: [billi sema’ li l-Papa ilu għoxrin sena ma jara t-televiżjoni, jistaqsi l-għaliex ta’ din l-għażla]
Il-Papa:
Iva, lejn nofs is-snin disgħin, lejl minnhom ħassejt li dan ma kienx qed jagħmilli ġid, kien qed jaljenani, kien qed jiżgwidani… u ddeċidejt li ma nibqax narah.
Meta ridt nara xi film tajjeb, kont immur fiċ-ċentru televiżiv tal-Kurja Arċiveskovili u kont narah hemm; imma dak il-film biss… It-televiżjoni mill-banda l-oħra kien jaljenani u joħroġni barra minni nnifsi, ma kienx jgħinni… M’għandniex xi ngħidu, jien ġej minn żmien il-ħaġar, jien antik sew!
U issa aħna… Jiena nifhem li ż-żmien inbidel: qed ngħixu fi żmien l-immaġni. U dan hu importanti ħafna. U fi żmien l-immaġni rridu nagħmlu dak li kien isir fi żmien il-kotba: nagħżlu dak li jagħmlilna l-ġid! Minn hawn joħorġu żewġ affarijiet. L-ewwel: ir-responsabbiltà taċ-ċentri televiżivi li jtellgħu programmi li jagħmlu l-ġid, li jippromovu l-valuri, li jibnu lis-soċjetà, li jmexxuna ’l quddiem, mhux li jgħaffġuna ’l isfel. U mbagħad jagħtuna programmi li jgħinuna biex il-valuri, il-valuri veri, jissaħħu u jħejjuna għall-ħajja. Din hi responsabbiltà li jġorru ċ-ċentri televiżivi. It-tieni: nagħrfu nagħżlu l-programmi, u din hi responsabbiltà tagħna. Jekk jien nara li hemm programm li m’hux jagħmilli tajjeb, qed ikissirli l-valuri, jagħmilni vulgari, fih il-ħmieġ, jien irrid naqleb l-istazzjon. Kif kien isir fi żmieni: meta ktieb kien ikun tajjeb, int kont taqrah; meta ktieb kien jagħmillek il-ħsara, kont tarmih. U mbagħad hemm it-tielet punt: il-punt tal-fantasija ħażina, dik il-fantasija li toqtol lir-ruħ. Jekk int li int żagħżugħ tgħix imwaħħal mal-kompjuter u ssir skjav tal-kompjuter, int titlef il-libertà tiegħek! U jekk int fuq il-kompjuter tfittex programmi maħmuġa, int titlef id-dinjità tiegħek!
Naraw it-televiżjoni, nużaw il-kompjuter, imma għall-ħwejjeġ sbieħ, il-ħwejjeġ kbar, il-ħwejjeġ li jgħinuna nikbru. Din hi ħaġa tajba! Grazzi.
Mistoqsija:
Għażiż Missier, jien ġejt hawn, f’dan iċ-ċentru ta’ San Ġwanni Pawlu II u ridt nistaqsik jekk int irnexxilekx tħoss ukoll il-ferħ u l-imħabba li dawn iż-żgħażagħ kollha tal-Bosnja u l-Erżegovina għandhom għall-persuna tiegħek.
Il-Papa:
Biex ngħidlek is-sew, meta niltaqa’ maż-żgħażagħ inħoss il-ferħ u l-imħabba li hemm fihom. Mhux biss għalija, imma għall-ideali, għall-ħajja. Jixtiequ jikbru! Imma intom għandkom xi ħaġa unika: intom l-ewwel – naħseb – ġenerazzjoni ta’ wara l-gwerra. Intom il-ward tar-Rebbiegħa, kif qal Mons. Semren: ward ta’ Rebbiegħa li jixtieq jibqa’ jikber u mhux jerġa’ lura għall-qerda, għal dak li jagħmilna għedewwa ta’ xulxin. Jien nara fikom din ir-rieda u din il-ħeġġa. U din hi ħaġa ġdida għalija. Jien qed nara li intom mhux qerda tridu: intom ma tridux tkunu għedewwa ta’ xulxin. Tridu timxu flimkien, kif qalet Nadežda. U din hi ħaġa kbira! Jien nilmaħ f’din il-ġenerazzjoni, anki fikom, fikom kollha – jiena ċert minn dan! Ħarsu ġo fikom… – nara li għandkom l-istess esperjenza ta’ Darko. M’aħniex “huma u aħna”, aħna “aħna”. Aħna rridu li nkunu “aħna”, biex ma neqirdux il-patrija, ma neqirdux lil pajjiżna. Int Musulman, int Lhudi, int Ortodoss, int Kattoliku… imma flimkien “aħna”. Hekk inġibuha l-paċi! U din hi ħaġa tal-ġenerazzjoni tagħkom, u hu l-ferħ tagħkom!
Intom għandkom vokazzjoni kbira. Vokazzjoni kbira: li qatt ma tibnu ħitan, imma biss pontijiet. U dan hu l-ferħ li nsib fikom. Grazzi!
Mistoqsija:
Anki jiena ninsab hawn bħala voluntiera f’dan iċ-ċentru, Santità. X’tista’ tgħidilna, x’inhu l-messaġġ tiegħek dwar il-paċi għalina ż-żgħażagħ kollha?
Il-Papa:
F’din it-tweġiba, se nirripeti xi ftit l-affarijiet li għidt qabel. Kulħadd jitkellem fuq il-paċi: xi wħud mis-setgħanin ta’ l-art jitkellmu u jgħidu ħwejjeġ sbieħ fuq il-paċi, imma minn taħt ibigħu l-armi! Minnkom jien nistenna onestà, onestà f’dak li taħsbu, li tħossu u li tagħmlu: it-tliet affarijiet flimkien. Il-kuntrarju jissejjaħ ipokrezija! Snin ilu jien kont rajt film fuq din il-belt, ma niftakarx l-isem, imma l-verżjoni Ġermaniża – dik li rajt jien – kien jisimha Die Brücke (“Il-pont”). Ma nafx x’jismu bil-lingwa tagħkom… U hemm rajt kif il-pont dejjem jgħaqqad. Meta ma nużawx il-pont biex naslu wieħed għand l-ieħor, imma hu pont li ma nistgħux ngħaddu minnu, isseħħ ir-rovina ta’ belt, ir-rovina ta’ ħajja sħiħa. Għalhekk minnkom, minn din l-ewwel ġenerazzjoni ta’ wara l-gwerra, nistenna onestà u mhux ipokrezija. Għaqda, nibnu l-pontijiet, imma nħallu lil min jaqsam minn naħa għall-oħra. Din hi l-fratellanza.
Kelmtejn wara l-qsim tad-doni
Intom, il-ward tar-Rebbiegħa ta’ wara l-gwerra, ġibu l-paċi, aħdmu għall-paċi, ilkoll flimkien. Ilkoll flimkien! Ħa jkun dan pajjiż tal-paċi! “Mir Vama!”. Ftakruha sew din!
Il-Mulej iberikkom. Jien minn qalbi nberikkom u nitlob lill-Mulej li jberikkom ilkoll. U, nitlobkom, itolbu għalija!
Tislima finali tal-Papa:
Il-lejla t-tajba lilkom ilkoll! “Mir Vama!”: din hi l-ħidma li nħallilkom. Ġibu l-paċi, ilkoll flimkien!
Dawn il-ħamimiet huma sinjal tal-paċi, il-paċi li ġġibilna l-ferħ. U l-paċi ssir fost kulħadd, fost kulħadd: Musulmani, Lhud, Ortodossi, Kattoliċi u reliġjonijiet oħra. Ilkoll aħna aħwa! Ilkoll naduraw lil Alla Wieħed!
Qatt, qatt m’għandu jkun hemm il-firda bejnietna! Fratellanza u għaqda.
Issa se ninġabar u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija. Il-Mulej iberikkom!
“Mir Vama!”.
Diskors imħejji tal-Papa:
Għeżież żgħażagħ,
Xtaqt ħafna din il-laqgħa magħkom, żgħażagħ tal-Bosnja u l-Erżegovina u tal-pajjiżi tal-qrib. Insellem lil kull wieħed u waħda minnkom. Hawn f’dan iċ-“Ċentru” iddedikat lil San Ġwanni Pawlu II, ma nistax ninsa kemm ħadem għaż-żgħażagħ, iltaqa’ magħhom u inkuraġġihom f’kull parti tad-dinja. Fl-interċessjoni tiegħu nafda lil kull wieħed u waħda minnkom, kif ukoll l-inizjattivi kollha li l-Knisja Kattolika qed twettaq f’din l-art tagħkom biex tagħti xhieda ta’ kemm trid tkun qrib tagħkom u kemm għandha fiduċja fikom iż-żgħażagħ. Aħna lkoll mexjin flimkien!
Naf bid-dubji u t-tamiet li ġġorru f’qalbkom. Fakkruhomlna l-Isqof Mons. Marko Semren u r-rappreżentanti tagħkom, Darko u Nadežda. B’mod partikulari, naqsam f’dan l-awgurju li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jiġu żgurati minn prospettivi veri għall-futur dinjituż tal-pajjiż, biex hekk jiġi evitat il-fenomenu ikrah ta’ l-eżodu. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonjiet huma msejħa jwettqu strateġiji f’waqthom u kuraġġjużi biex jgħinu liż-żgħażagħ iwettqu x-xewqat leġittimi tagħhom; b’dan il-mod huma jkunu kapaċi jikkontribwixxu bil-fatti għall-bini u t-tkabbir ta’ dan il-pajjiż. Il-Knisja, min-naħa tagħha, tista’ tagħti l-kontribut tagħha bi proġetti pastorali adegwati, li jiffukaw fuq il-formazzjoni tal-kuxjenza ċivika u morali taż-żgħażagħ, biex hekk jgħinuhom isiru protagonisti tal-ħajja soċjali. Dan l-impenn tal-Knisja diġà qed twettqu, speċjalment permezz ta’ l-opra prezzjuża ta’ l-iskejjel Kattoliċi, ġustament miftuħa mhux biss għall-istudenti Kattoliċi, imma anki għal dawk ta’ konfessjonijiet Insara oħra u reliġjonijiet oħra. Madankollu, il-Knisja għandha tħossha msejħa tissogra dejjem iktar, billi titlaq mill-Vanġelu u tħalli l-Ispirtu s-Santu jsuqha, hu li jibdel il-persuni, is-soċjetà u l-Knisja nfisha.
Anki intom iż-żgħażagħ għandkom f’idejkom id-dmir deċiżiv li taffrontaw l-isfidi ta’ żmienna, li bla dubju huma sfidi materjali, imma qabel dan huma sfidi li jolqtu l-viżjoni tal-bniedem. Fil-fatt, flimkien mal-problemi ekonomiċi, mad-diffikultajiet biex issibu xogħol u konsegwentement l-inċertezza tal-futur, tinħass il-kriżi tal-valuri morali u tlifna s-sens tal-ħajja. Quddiem din is-sitwazzjoni kritika, xi ħadd jaf iċedi għat-tentazzjoni li jaħrab, li jitlaq kollox, u jingħalaq f’atteġġjament ta’ iżolament egoista, u jsib il-kenn tiegħu fix-xorb, fid-droga, fl-ideoloġiji li jippriedkaw il-mibegħda u l-vjolenza. Huma realtajiet li nafhom tajjeb għax b’xorti ħażina huma preżenti wkoll fil-belt ta’ Buenos Aires, mnejn ġej jien. Għalhekk inħeġġiġkom ma tħallux id-diffikultajiet jgħattnukom, imma toħorġu bla biża’ l-qawwa li ġejja minn ġo fikom, bħala persuni u Nsara, mill-fatt li intom żerriegħa ta’ soċjetà iżjed ġusta, fraterna, akkoljenti u paċifika. Intom iż-żgħażagħ, flimkien ma’ Kristu, intom il-qawwa tal-Knisja u tas-soċjetà. Jekk tħalluH jagħġinkom, jekk tinfetħu għad-djalogu miegħU fit-talb, flimkien mal-qari u l-meditazzjoni tal-Vanġelu, issiru profeti u xhieda ta’ tama!
Għal din il-missjoni intom imsejħa: li ssalvaw it-tama li lejha tmexxikom l-istess realtà tagħkom ta’ persuni miftuħa għall-ħajja; it-tama li għandkom li tegħlbu s-sitwazzjoni ta’ issa, li tħejju għall-futur klima soċjali u umana iżjed denja minn dik attwali; it-tama li tgħixu f’dinja iżjed fraterna, iżjed ġusta u paċifika, iżjed sinċiera, li tixraq iżjed lill-bniedem. Nawguralkom li ssiru dejjem iżjed konxji li intom ulied din l-art, li nisslitkom u li tridkom tħobbuha u tgħinuha terġa’ tinbena mill-ġdid, biex tikber spiritwalment u soċjalment, anki grazzi għall-kontribut indispensabbli ta’ l-ideat tagħkom u tal-ħidma tagħkom. Biex negħlbu kull ħjiel ta’ pessimiżmu hemm bżonn tal-kuraġġ li ningħataw bil-ferħ u d-dedikazzjoni fil-bini ta’ soċjetà li taf tilqa’ iżjed, tirrispetta d-differenzi kollha, u hi orjentata lejn iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba. Ta’ dan l-istil ta’ ħajja intom għandkom xhud kbir li hu qrib sew tagħkom: il-Beatu Ivan Merz. San Ġwanni Pawlu II ipproklamah beatu f’Banja Luka. Ħa jkun dejjem il-protettur tagħkom u eżempju għalikom!
Il-fidi Nisranija tgħallimna li aħna msejħin għal destin etern, biex inkunu wlied Alla u aħwa fi Kristu (ara 1 Ġw 3:1), biex noħolqu l-fraternità fl-imħabba ta’ Kristu. Nifraħ bl-impenn fid-djalogu ekumeniku u interreliġjuż li għandkom intom iż-żgħażagħ Kattoliċi u Ortodossi, bis-sehem ukoll tad-dinja taż-żgħażagħ Musulmani. F’din l-attività importanti għandu rwol sinifikattiv dan iċ-“Ċentru taż-Żgħażagħ San Ġwanni Pawlu II”, b’inizjattivi ta’ għarfien reċiproku u ta’ solidarjetà, biex jiffavorixxi l-konvivenza paċifika bejn id-diversi appartenenzi etniċi u reliġjużi. Ninkuraġġikom biex tibqgħu mexjin b’fiduċja f’din il-ħidma, u timpenjaw ruħkom fi proġetti komuni, b’ġesti konkreti ta’ qrubija u ta’ għajnuna lil dawk l-iżjed foqra u fil-bżonn.
Għeżież żgħażagħ, il-preżenza tagħkom ta’ festa, l-għatx tagħkom għall-verità u għal ideali għoljin huma sinjali ta’ tama! Iż-żgħożija m’hix passività, imma sforz determinat biex jintlaħqu miri importanti, anki jekk dan jiswa prezz; m’hix li wieħed jagħlaq għajnejh għad-diffikultajiet, imma li jirrifjuta kull tip ta’ kompromess u l-medjokrità; m’hix xi ħarba, imma impenn ta’ solidarjetà ma’ kulħadd, partikularment ma’ dawk l-iżjed dgħajfa. Il-Knisja diġà temmen u tixtieq temmen fikom, li intom ġenerużi u kapaċi tidħlu għall-aħjar qabżiet u l-iżjed sagrifiċċji nobbli. Għalhekk ir-Ragħajja tagħkom, u jien magħhom, nitolbukom ma tinqatgħux għalikom waħidkom, imma tkunu dejjem magħqudin bejnietkom, biex tgawdu mill-ġmiel tal-fraternità u tkunu iżjed effikaċi fl-azzjoni tagħkom.
Mill-mod ta’ kif tinħabbu u timpenjaw ruħkom kulħadd jista’ jara li intom Insara: iż-żgħażagħ Insara tal-Bosnja u l-Erżegovina! Bla biża’; bla ma taħarbu mir-realtà; miftuħa għal Kristu u għall-aħwa. Intom parti ħajja mill-Poplu kbir li hi l-Knisja: il-Poplu universali, li fih il-ġnus u l-kulturi kollha jistgħu jirċievu l-barka ta’ Alla u jsibu t-triq tal-paċi. F’dan il-Poplu kull wieħed u waħda minnkom hu msejjaħ jimxi wara Kristu u jagħti ħajtu għal Alla u għall-aħwa, fit-triq li l-Mulej għad jurikom, anzi, li qed jurikom! Diġà l-lum, issa, il-Mulej qed isejħilkom: tridu tweġbuh? La tibżgħux. M’aħniex waħidna! Aħna dejjem mal-Missier tas-Sema, ma’ Ġesù Ħuna u Sidna, ma’ l-Ispirtu s-Santu; u għandna lill-Knisja u lil Marija bħala omm. Il-Madonna tħariskom u tagħtikom dejjem il-ferħ u l-kuraġġ li tagħtu xhieda tal-Vanġelu.
Inberikkom ilkoll, u nitlobkom, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard