Għeżież ħuti,

Fil-Vanġelu ta’ dan il-Lejl kollu dawl tal-Vġili ta’ l-Għid, l-ewwel ma niltaqgħu hu man-nisa li jinġabru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù bil-fwejjaħ biex jidilku l-ġisem tiegħu (ara Lq 24:1-3).  Imorru biex iwettqu ġest ta’ ħniena, ta’ rispett, ta’ mħabba, ġest tradizzjonali lejn persuna għażiża li ġiet midfuna, kif nagħmlu aħna wkoll.  Kienu mxew wara Ġesù, kienu semgħuh, kienu ħassewhom mifhuma fid-dinjità tagħhom u kienu mxew miegħu sa l-aħħar, fuq il-Kalvarju, u hu u jitniżżel minn fuq is-salib.  Nistgħu nimmaġinaw is-sentimenti tagħhom huma u mexjin lejn il-qabar: ċertu niket, imdejqa għax Ġesù kien telaqhom, kien miet, il-ġrajja tiegħu kienet intemmet.  Issa reġgħu lura għall-ħajja ta’ qabel.  Imma fin-nisa baqgħet ħajja l-imħabba, u hi din l-imħabba lejn Ġesù li wasslithom biex imorru ħdejn il-qabar.  Imma hawn isseħħ xi ħaġa li ma kienet xejn mistennija, xi ħaġa ġdida, li tħawdilhom qalbhom u l-pjanijiet tagħhom u taqilbilhom ħajjithom ta’ taħt fuq: jaraw il-ġebla mgerrba minn quddiem il-qabar, jersqu qrib, u l-ġisem tal-Mulej ma jsibuhx.  Dan il-fatt iħallihom mifxula, dubjużi, kollha mistoqsijiet: “X’qed jiġri?”, “X’sens għandu dan kollu?” (ara Lq 24:4).  Forsi mhux hekk jiġri lilna wkoll meta xi ħaġa tassew ġdida sseħħ fil-fatti tal-ħajja ta’ kuljum?  Nieqfu, ma nifhmux, ma nafux kif naffrontawha.  Il-ġdid spiss ibeżżagħna, anki l-ġdid li jġibilna Alla, il-ġdid li jitlob minna Alla.  Insiru bħall-Appostli fil-Vanġelu: spiss nippreferu nżommu s-sigurtajiet tagħna, nieqfu maġenb qabar, mal-ħsieb ta’ xi ħadd li dfinna, li fl-aħħar mill-aħħar jgħix biss fit-tifkira ta’ l-istorja bħall-persunaġġi kbar ta’ l-imgħoddi.  Nibżgħu mis-sorpriżi ta’ Alla.  Għeżież ħuti, fil-ħajja tagħna nibżgħu mis-sorpriżi ta’ Alla!  Hu dejjem jissorprendina!  Hekk magħmul il-Mulej.

 

Ħuti, ejjew ma ningħalqux għall-ġdid li Alla jrid iġib f’ħajjitna!  Spiss inkunu għajjiena, delużi, imdejqa, inħossu l-piż ta’ dnubietna, naħsbu li m’aħniex ħa naslu.  Ejjew ma ningħalqux fina nfusna, ma nitilfux il-fiduċja, ma nirrassenjaw ruħna qatt: m’hemmx sitwazzjonijiet li Alla ma jistax jibdel, m’hemm l-ebda dnub li hu ma jistax jaħfer, jekk ninfetħu għaliH.

 

2. Imma ejjew nerġgħu lura lejn il-Vanġelu, lejn in-nisa, u mmiddu pass ieħor ’il quddiem.  Huma jsibu l-qabar vojt, il-ġisem ta’ Ġesù m’hux hemm, seħħet xi ħaġa ġdida, imma dan kollu s’issa għadu m’hu qed juri xejn ċar: iqanqal mistoqsijiet, iħallihom mifxula, mingħajr ma joffri ebda tweġiba.  U hekkhu żewġt irġiel libsin ilbies jiddi, li jgħidulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?  M’huwiex hawn, imma qam” (Lq 24:5-6).  Dak li kien sempliċi ġest, fatt, ċertament magħmul bi mħabba – li marru ħdejn il-qabar – issa jinbidel fi ġrajja, ġrajja li tassew tibdel il-ħajja.  Xejn ma jibqa’ bħalma kien qabel, mhux biss fil-ħajja tan-nisa, imma anki fil-ħajja tagħna u fl-istorja tagħna ta’ l-umanità.  Ġesù m’hux mejjet, imma qam, hu l-Ħaj!  Mhux sempliċement reġa’ lura għall-ħajja, imma hu l-ħajja nfisha, għax hu l-Iben ta’ Alla, li hu l-Ħaj (ara Num 14:21-28; Dewt 5:26; Ġoż 3:10).  Ġesù m’għadux iżjed fil-passat, imma jgħix fil-preżent u hu mitfugħ lejn il-futur, Ġesù hu l-“il-lum” etern ta’ Alla.  Hekk il-ġdid ta’ Alla jidher quddiem l-għajnejn tan-nisa, tad-dixxipli, tagħna lkoll: ir-rebħa fuq id-dnub, fuq il-ħażen, fuq il-mewt, fuq dak kollu li jtaqqal il-ħajja u jagħtiha wiċċ inqas uman.  U dan hu messaġġ indirizzat lili, lilek, għażiża oħti, lilek, għażiż ħija.  Kemm drabi jkollna bżonn li l-Imħabba ttennilna: Għaliex qed tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?  Jista’ jiġri li l-problemi, it-tħassib ta’ kuljum jagħlquna fina nfusna, fin-niket, fid-dwejjaq tal-qalb… u hemm tinsab il-mewt.  Ma nfittxuhx hemm lil Dak li hu ħaj!

 

Aċċetta, mela, li Ġesù Rxoxt jidħol f’ħajtek, ilqgħu bħala ħabib, b’fiduċja: Hu l-ħajja!  Jekk sal-lum kont imbiegħed minnU, midd pass ċkejken: hu jilqgħek b’idejh miftuħa beraħ.  Jekk int indifferenti, aċċetta li tirriskja: żgur li ma toħroġx deluż.  Jekk taħseb li hi ħaġa iebsa timxi warajh, la tibżax, afda ruħek f’idejH, kun żgur li Hu jinsab qrib tiegħek, qiegħed miegħek u se jagħtik il-paċi li qed tfittex u l-qawwa biex tgħix kif irid Hu.

 

3. Fl-aħħar nixtieq nagħfas fuq element ieħor sempliċi li nsibu fil-Vanġelu ta’ dawn il-Vġili kollha dawl ta’ l-Għid.  In-nisa jiltaqgħu mal-ġdid ta’ Alla: Ġesù qam, hu l-Ħaj!  Imma quddiem il-qabar vojt u ż-żewġt irġiel bi lbies jiddi, l-ewwel reazzjoni tagħhom hi waħda ta’ biża’: “baxxew għajnejhom lejn l-art” – jinnota San Luqa –, lanqas il-kuraġġ iħarsu ma kellhom.  Imma meta jisimgħu t-tħabbira tal-Qawmien, jilqgħuha bil-fidi.  U ż-żewġt irġiel bl-ilbies jiddi jintroduċu verb fundamentali: ftakru.  “Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija…  U huma ftakru kliemu” (Lq 24:6,8).  Din hi l-istedina biex jagħmlu tifkira tal-laqgħa ma’ Ġesù, ta’ kliemu, tal-ġesti tiegħu, ta’ ħajtu; u hi sewwa sew din it-tifkira bi mħabba ta’ l-esperjenza ma’ l-Imgħallem li twassal lin-nisa biex jirbħu fuq kull biża’ u biex iwasslu l-aħbar tal-Qawmien lill-Appostli u lill-oħrajn kollha (ara Lq 24:9).  Niftakar f’dak li Alla għamel u qed jagħmel għalija, għalina, niftakru fil-mixja li terraqna; u dan jiftaħ beraħ il-qalb għat-tama għall-futur.  Ejjew nitgħallmu nagħmlu tifkira ta’ dak li Alla wettaq f’ħajjitna!

 

F’dan il-Lejl kollu dawl, waqt li nfittxu l-interċessjoni tal-Verġni Marija, li baqgħet tgħożż f’qalbha kull ġrajja (ara Lq 2:19,51), nitolbu li l-Mulej jagħtina sehem fil-Qawmien tiegħu: jiftaħna għall-ġdid tiegħu li jittrasforma, għas-sorpriżi ta’ Alla, tant sbieħ; jagħmilna rġiel u nisa li kapaċi nagħmlu tifkira ta’ dak li Hu jwettaq fl-istorja personali tagħna u f’dik tad-dinja; jagħmilna kapaċi nħossuh bħala l-Ħaj, li jgħix u jaħdem fina; jgħallimna kuljum, għeżież ħuti, kif ma nfittxux qalb il-mejtin lil Dak li hu ħaj.  Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard