Mistoqsija 1

 

“Il-verità Nisranija hi attraenti u persważiva għax twieġeb għall-ħtieġa profonda ta’ l-eżistenza umana, tħabbar b’mod konvinċenti li Kristu hu l-Feddej waħdieni tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha”.  Missier, dawn il-kelmiet tiegħek laqtuna fil-fond ta’ qalbna: huma jesprimu b’mod dirett u radikali l-esperjenza li kull wieħed u waħda minna jixtieq jgħix fuq kollox fis-Sena tal-Fidi u f’dan il-pellegrinaġġ li l-lejla ġabna hawn.  Ninsabu hawn quddiemek biex inġeddu l-fidi tagħna, biex nikkonfermawha, biex insaħħuha.  Nafu li l-fidi ma tistax tkun ħaġa ta’ darba li sservi għal dejjem.  Kif qal Benedittu XVI fil-Porta Fidei, “il-fidi m’hix presuppost ovvju”.  Din l-affirmazzjoni ma tgħoddx biss għad-dinja, għall-oħrajn, għat-tradizzjoni li minnha ġejjin: din l-affirmazzjoni tgħodd qabel xejn għal kull wieħed u waħda minna.  Kemm drabi nintebħu li l-fidi hi ż-żerriegħa ta’ xi ħaġa ġdida, bidu ta’ bidla, imma mbagħad insibuha bi tqila biex ninvestu fiha b’mod sħiħ fil-ħajja.  Ma ssirx l-għerq ta’ dak kollu li nafu u nagħmlu.

 

Missier, int f’ħajtek kif irnexxielek tasal għaċ-ċertezza tal-fidi?

 

U liema triq turina biex kull wieħed u waħda minna jista’ jirbaħ id-dgħufija tal-fidi?

 

Mistoqsija 2

 

Mqaddes Missier, l-esperjenza tiegħi hi dik tal-ħajja ta’ kuljum, bħal ta’ ħafna oħrajn.  Jien nipprova ngħix il-fidi fuq il-post tax-xogħol fejn nidħol f’kuntatt ma’ oħrajn u nagħti xhieda sinċiera tal-ġid li nkun irċivejt fil-laqgħa tiegħi mal-Mulej.  Huma, aħna “ħsibijiet ta’ Alla”, imlibbsa bi Mħabba misterjuża li tatna l-ħajja.  Ngħallem fi skola u dan jagħtini raġuni biex ningħata b’passjoni għall-istudenti tiegħi u anki għall-kollegi.  Spiss nara li ħafna qed ifittxu l-ferħ tagħhom f’tant toroq individwali fejn il-ħajja u l-mistoqsijiet kbar tagħha spiss jirriduċu ruħhom għall-materjaliżmu ta’ min irid ikollu kollox u jibqa’ għal dejjem bl-għatx mhux maqtugħ, jew għan-niħiliżmu li għalih xejn ma jagħmel sens.  Nixtieq naf kif il-proposta tal-fidi, li hi dik ta’ laqgħa personali, ta’ komunità, ta’ poplu, tista’ tasal sal-qalb tal-bniedem ta’ żmienna.  Aħna maħluqin għall-infinit – “ilagħbu ħajjitkom fuq ħwejjeġ kbar!” għidtilna m’ilux –, u safrattant kull ma għandna madwarna u madwar iż-żgħażagħ tagħna donnu jrid jgħidilna li jeħtieġ nikkuntentaw ruħna bi tweġibiet medjokri, immedjati u li l-bniedem għandu jadatta ruħu għal dak li jintemm mingħajr ma jfittex lil hinn minnu.  Xi kultant aħna mbeżżgħin, bħad-dixxipli lejlet Għid il-Ħamsin.

 

Il-Knisja tistedinna għall-Evanġelizzazzjoni Ġdida.  Naħseb li lkoll kemm aħna hawn preżenti nħossu qawwija din l-isfida, li tinsab fil-qalba ta’ l-esperjenzi tagħna.  Għalhekk nixtieq nitolbok, Mqaddes Missier, biex tgħin lili u lilna lkoll nifhmu kif fi żmienna nistgħu ngħixu din l-isfida.  Għalik liema hu l-iżjed ħaġa importanti li lejha aħna l-movimenti, l-għaqdiet u l-komunitajiet kollha rridu nħarsu biex nifhmu l-missjoni li għaliha aħna msejħin?  Kif nistgħu l-lum nikkomunikaw b’mod effikaċi l-fidi?

 

Mistoqsija 3

 

Mqaddes Missier, smajt kollni emozzjonata l-kliem li int għidt fl-udjenza mal-ġurnalisti dritt wara l-elezzjoni tiegħek: “Kemm nixtieq Knisja fqira u għall-foqra!”.  Bosta minna huma impenjati f’opri ta’ karità u ta’ ġustizzja: aħna parti ħajja minn dik il-preżenza tal-Knisja li għandha għeruqha hemm fejn il-bniedem qed ibati.  Jiena impenjata, għandi l-familja tiegħi, u nimpenja ruħi kif nista’ b’mod personali fis-sostenn u l-għajnuna lill-foqra.  Imma mhux minħabba f’hekk li nħossni sew.  Nixtieq nista’ ngħid ma’ Madre Teresa: Kollox hu għal Kristu.  L-għajnuna kbira biex nista’ ngħix din l-esperjenza nirċeviha mill-aħwa tal-komunità tiegħi li jimpenjaw ruħhom b’riżq l-istess għan.  U f’dan l-impenn aħna msaħħin mill-fidi u mit-talb.  Il-ħtieġa hija kbira.  Dan fakkarthulna int: “Kemm foqra għad fadal fid-dinja u kemm tbatija jħabbtu wiċċhom magħha dawn il-persuni”.  U l-kriżi għamlet kollox agħar.  Jiġini f’moħħi l-faqar li qed jaħkem lil tant pajjiżi u li deher ukoll fid-dinja tal-ġid, fin-nuqqas ta’ xogħol, fil-movimenti migratorji tal-massa, fil-forom ġodda ta’ jasar, fl-abbandun u s-solitudni ta’ tant familji, ta’ tant anzjani u ta’ tant persuni oħra li m’għandhomx dar u lanqas xogħol.

 

Nixtieq nistaqsik, Mqaddes Missier: Kif nista’ jien u aħna lkoll ngħixu bħala Knisja fqira u għall-foqra?  B’liema mod il-bniedem li qed ibati jpoġġi mistoqsija quddiem il-fidi tagħna?  Liema kontribut konkret u effikaċi aħna lkoll, bħala movimenti u għaqdiet tal-lajċi, nistgħu nagħtu lill-Knisja u lis-soċjetà biex nistgħu naffrontaw din il-kriżi gravi li qed tmiss l-etika pubblika, il-mudell ta’ żvilupp, il-politika, insomma, mod ġdid ta’ kif inkunu rġiel u nisa?

 

Mistoqsija 4

 

Nimxu, nibnu, nistqarru.  Dan il-“programm” ġdid tiegħek għal Knisja-moviment, ta’ l-inqas hekk fhimt jien u nisma’ l-omelija tiegħek fil-bidu tal-Pontifikat, farraġna u xprunana.  Farraġna, għax erġajna sibna ruħna f’għaqda profonda mal-ħbieb tal-komunità Nisranija u mal-Knisja universali kollha.  Xprunana, għax f’ċertu sens int ġegħiltna nfarfru t-trab taż-żmien u tas-superfiċjalità mir-rabta tagħna ma’ Kristu.  Imma rrid nammetti li m’hux jirnexxieli nwarrab is-sens ta’ tħassib li qed tipprovoka fija waħda minn dawn il-kelmiet: nistqarru.  Nistqarru, jiġfieri nagħtu xhieda tal-fidi.  Ħsiebna jtir fuq tant minn ħutna li qed ibatu minħabba fiha, kif smajna anki ftit ilu.  Fuq min il-Ħadd fil-għodu jrid jiddeċiedi jmurx il-Quddiesa, għax jaf li jekk imur il-Quddiesa qed jirriskja ħajtu.  Fuq min iħossu maħbut minn kull naħa u diskriminat minħabba l-fidi Nisranija f’tant, wisq partijiet tad-dinja tagħna.

 

Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet jidhirli li l-istqarrija tiegħi, ix-xhieda tagħna hi mbeżżgħa u mxekkla.  Nixtiequ nagħmlu iżjed, imma xiex?  U kif nistgħu ngħinu lil dawn ħutna?  Kif intaffulhom it-tbatija tagħhom jekk ma nistgħu nagħmlu xejn, jew ftit wisq, biex nibdlu l-kuntest politiku u soċjali tagħhom?

 

Tweġibiet tal-Qdusija Tiegħu Franġisku

 

Il-lejla t-tajba lil kulħadd!

 

Nifraħ li qed niltaqa’ magħkom u li lkoll kemm aħna qed niltaqgħu f’din il-pjazza biex nitolbu, biex inkunu magħqudin u biex nistennew id-don ta’ l-Ispirtu.  Jien kont naf minn qabel bil-mistoqsijiet tagħkom u ħsibt fuqhom – dan li ħa ngħid, allura, m’hux mingħajr ma kont naf bih minn qabel!  L-ewwel, il-verità!  Għandi hawn, miktuba.

 

L-ewwel waħda – “Int f’ħajtek kif irnexxielek tasal għaċ-ċertezza tal-fidi?  U liema triq turina biex kull wieħed u waħda minna jista’ jirbaħ id-dgħufija tal-fidi?” – hi mistoqsija storika, għax hi dwar l-istorja tiegħi, l-istorja ta’ ħajti!

 

Jien kelli x-xorti li nikber f’familja fejn il-fidi stajna ngħixuha b’mod sempliċi u konkret; imma kienet fuq kollox in-nanna tiegħi, omm missieri, li mmarkat il-mixja tal-fidi tiegħi.  Kienet mara li kienet tispjegalna, kienet tkellimna dwar Ġesù, kienet tgħallimna l-Katekiżmu.  Niqba’ niftakar dejjem kif nhar il-Ġimgħa l-Kbira fil-għaxija kienet teħodna għall-purċissjoni bix-xemgħa, u fi tmiem din il-purċissjoni kien jasal “Kristu mejjet”, u n-nanna – lilna t-tfal – kienet iġġegħilna ninżlu għarkubbtejna u tgħidilna: “Araw, bħalissa mejjet, imma għada jqum”.  L-ewwel tħabbira Nisranija rċivejtha propju minn din il-mara, min-nanna tiegħi!  Kemm hu sabiħ dan!  L-ewwel tħabbira ġiet mid-dar, mal-familja!  U dan iġagħalni naħseb fl-imħabba ta’ tant ommijiet u ta’ tant nanniet fit-trasmissjoni tal-fidi.  Huma li jgħaddulna l-fidi.  Dan kien iseħħ anki fl-ewwel żminijiet, għax San Pawl lil Timotju jgħidlu: “Niftakar fil-fidi ta’ ommok u ta’ nanntek” (ara 2 Tim 1:5).  Intom l-ommijiet kollha li tinsabu hawn, in-nanniet kollha, aħsbu f’dan!  Għaddu l-fidi.  Għax Alla jqegħdina qrib persuni li jgħinuna fil-mixja tagħna tal-fidi.  Aħna l-fidi ma nsibuhiex fl-astratt; le!  Hi dejjem persuna li tippriedka, li tgħidilna min hu Ġesù, li tgħaddilna l-fidi, tagħtina l-ewwel tħabbira.  U din kienet l-ewwel esperjenza li kelli tal-fidi.

 

Imma hemm jum li għalija hu importanti ħafna: il-21 ta’ Settembru 1953.  Kelli kważi sbatax-il sena.  Kien Jum l-Istudent, għalina l-ewwel jum tar-Rebbiegħa – hawn hu l-ewwel jum tal-Ħarifa.  Qabel tlaqt għall-festa, għaddejt sal-parroċċa fejn kont nattendi, sibt saċerdot, li ma kontx nafu, u ħassejt il-bżonn li nqerr.  Għalija din kienet esperjenza ta’ laqgħa: sibt li kien hemm xi ħadd jistennieni.  Imma ma nafx x’ġara, ma niftakarx, ma nafx għaliex kien propju dak is-saċerdot, li ma kontx nafu, u għaliex kont ħassejt din ix-xewqa kbira li nqerr; imma l-verità hi li xi ħadd kien qed jistennieni.  Kien ilu żmien jistennieni.  Wara l-Qrara ħassejt li xi ħaġa ġo fija kienet inbidlet.  Ma kontx għadni l-istess.  Kont ħassejt sewwa sew bħal leħen, sejħa: kont konvint li kelli nsir saċerdot.  Din l-esperjenza fil-fidi hi importanti.  Aħna ngħidu li għandna nfittxu lil Alla, immorru għandU biex nitolbuh il-maħfra, imma meta mmorru, Hu jkun jistenniena, Hu qiegħed hemm qabel!  Aħna, fl-Ispanjol, għandna kelma li dan tfissru sewwa: “Il-Mulej dejjem hu primerea”, hu l-ewwel, qed jistenniena!  U din hi tabilħaqq grazzja kbira: li ssib lil xi ħadd qed jistenniek.  Int tmur għandu midneb, imma Hu qed jistenniek biex jaħfirlek.  Din hi l-esperjenza li l-Profeti ta’ Israel riedu jfissru meta qalu li l-Mulej hu bħal fergħa ta’ lewża, l-ewwel fjur tar-Rebbiegħa (ara Ġer 1:11-12).  Qabel jiġu l-fjuri l-oħra, hemm hu: hu li jistenna.  Il-Mulej jistenniena.  U meta aħna nfittxuH, insibu ma’ wiċċna din ir-realtà: li hemm Hu li qed jistenniena biex jilqagħna għandu, biex jagħtina mħabbtu.  U dan inissillek f’qalbek sens ta’ stagħġib hekk kbir li ma tkunx trid temmen, u hekk tikber fik il-fidi!  Bil-laqgħa ma’ persuna, bil-laqgħa mal-Mulej.  Xi ħadd forsi jgħid: “Le, jien nippreferi nistudja l-fidi fil-kotba!”.  Importanti nistudjawha, imma, ħares, dan waħdu m’hux biżżejjed!  L-importanti hi l-laqgħa ma’ Ġesù, il-laqgħa miegħU, u dan jagħtik il-fidi, għax hu sewwa sew Hu li jagħtihielek!  Intom stess tkellimtu dwar id-dgħufija tal-fidi, u kif għandna nagħmlu biex nirbħuha.  L-ikbar għadu li għandha d-dgħufija – kurjuża eħ! – hu l-biża’.  La tibżgħux!  Aħna dgħajfin, u dan nafuh.  Imma Hu iżjed b’saħħtu!  Jekk int tmur għandU, m’għandekx inkwiet!  Tarbija hi dgħajfa ħafna – il-lum ma tantx rajt minnhom –, imma mal-papà, mal-mamà, qiegħda fiż-żgur!  Mal-Mulej aħna fiż-żgur.  Il-fidi tikber mal-Mulej, sewwa sew minn idejn il-Mulej; dan jgħinna nikbru u jagħmilna b’saħħitna.  Imma jekk naħsbu li nistgħu nirranġaw kollox waħidna…  Naħsbu f’dak li ġralu Pietru: “Mgħallem, jien ma nitilqek qatt!” (ara Mt 26:33-35); u mbagħad bilkemm kien għadu idden is-serduk li ma kienx ċaħdu tliet darbiet (ara vv. 69-75)!  Naħsbu ftit: meta npoġġu wisq fiduċja fina nfusna, insiru iżjed dgħajfin, iżjed dgħajfin.  Dejjem mal-Mulej!  U mal-Mulej ifisser ma’ l-Ewkaristija, mal-Bibbja, mat-talb… imma anki fil-familja, anki ma’ l-omm, anki magħha, għax hi dik li teħodna għand il-Mulej; hi l-omm, hi li taf kollox.  Mela nitlob lill-Madonna biex, bħala omm tiegħi, tagħtini l-qawwa.  Dak li naħseb jien dwar id-dgħufija, ta’ l-inqas din hi l-esperjenza tiegħi.  Ħaġa li kuljum tagħmilni iżjed b’saħħti hi r-Rużarju lill-Madonna.  Inħoss fija qawwa hekk kbira għax immur għandha u nħossni b’saħħti.

 

Ngħaddu għat-tieni mistoqsija.

 

“Naħseb li lkoll kemm aħna hawn preżenti nħossu qawwija din l-isfida, li tinsab fil-qalba ta’ l-esperjenzi tagħna.  Għalhekk nixtieq nitolbok, Mqaddes Missier, biex tgħin lili u lilna lkoll nifhmu kif fi żmienna nistgħu ngħixu din l-isfida.  Għalik liema hu l-iżjed ħaġa importanti li lejha aħna l-movimenti, l-għaqdiet u l-komunitajiet kollha rridu nħarsu biex nifhmu l-missjoni li għaliha aħna msejħin?  Kif nistgħu l-lum nikkomunikaw b’mod effikaċi l-fidi?”.

 

Ngħid biss tliet kelmiet.

 

L-ewwel waħda: Ġesù.  Min hu l-aktar importanti?  Ġesù.  Jekk aħna nibqgħu għaddejjin bl-organizzazzjoni, bi ħwejjeġ oħra, affarijiet sbieħ, imma mingħajr Ġesù, ma nkunux miexja ’l quddiem, u hekk mhux sew.  Ġesù hu iktar importanti.  Issa nixtieq nagħmel ċanfira żgħira, imma fraternament, bejnietna.  Kollha kemm intom fil-pjazza għajjattu: “Franġisku, Franġisku, Papa Franġisku”.  Imma Ġesù fejn kien?  Jien kieku xtaqt li tgħajtu: “Ġesù, Ġesù hu l-Mulej, u propju jinsab fostna!”.  Minn issa ’l quddiem, daqshekk “Franġisku”, imma “Ġesù”!

 

It-tieni kelma hi: it-talb.  Inħarsu lejn il-wiċċ ta’ Alla, imma fuq kollox – u dan norbtu ma’ dak li għidt qabel – inħossu li hemm min qed iħares lejna.  Il-Mulej iħares lejna: hu jħares lejna l-ewwel.  L-esperjenza tiegħi hi ta’ dak li nħoss quddiem is-sakrarju [Tabernaklu] meta mmur nitlob, fil-għaxija, quddiem il-Mulej.  Xi kultant tmur xi ftit għajni bija; dan hu minnu, għax l-għeja tal-ġurnata xi ftit traqqdek.  Imma Hu jifhimni.  U nħoss tant faraġ meta naħseb li Hu qed iħares lejja.  Aħna naħsbu li jeħtieġ nitolbu, nitkellmu, nitkellmu, nitkellmu…  Le!  Ħalli lill-Mulej iħares lejk.  Meta Hu jħares lejna, jagħtina l-qawwa u jgħinna nagħtu xhieda tiegħu – għax il-mistoqsija kienet fuq ix-xhieda tal-fidi, le?  L-ewwel “Ġesù”, imbagħad it-“talb” – inħossu lil Alla qed jaqbdilna jdejna.  Hawn nagħfas fuq l-importanza ta’ dan: li nħallu lilu jmexxina Hu.  Dan hu iktar importanti minn kull kalkolu li nistgħu nagħmlu.  Ejjew inkunu evanġelizzaturi veri li nħallu lilU jmexxina.  Niftakru f’Pietru; forsi kien qed jieħu nagħsa ta’ wara l-ikla ta’ nofs in-nhar, u kellu dehra, id-dehra tal-mejda bl-annimali kollha fuqha, u sema’ lil Ġesù jkellmu, imma ma setax jifhem.  F’dak il-waqt, ġew xi wħud li ma kinux Lhud jitolbuh imur magħhom f’dar, u ra kif l-Ispirtu s-Santu kien jinsab hemm isfel.  Pietru ħalla lil Ġesù jmexxih biex jasal għal dik l-ewwel evanġelizzazzjoni lill-pagani, li ma kinux Lhud: ħaġa li ma kontx timmaġinaha f’dak iż-żmien (ara Atti 10:9-33).  U hekk, l-istorja kollha, l-istorja kollha!  Inħallu lil Ġesù jmexxina.  Hu sewwa sew il-mexxej; il-leader tagħna Ġesù.

 

U t-tielet: ix-xhieda.  Ġesù, it-talb – it-talb, li nħallu lilU jmexxina – u mbagħad ix-xhieda.  Imma rrid inżid xi ħaġa.  Meta nħallu lil Ġesù jmexxina Hu, din il-ħaġa twassalna għas-sorpriżi ta’ Ġesù.  Forsi naħsbu li l-evanġelizzazzjoni rridu nipprogrammawha madwar mejda, billi naħsbu fl-istrateġiji, nagħmlu ħafna pjanijiet.  Imma dawn huma strumenti, strumenti ċkejknin.  L-importanti hu Ġesù u li nħallu lilU jmexxina.  Imbagħad ngħaddu għall-istrateġiji, imma dan hu sekondarju.

 

Fl-aħħar nett, ix-xhieda: il-fidi nistgħu ngħadduha biss bix-xhieda, u din hi l-imħabba.  Mhux bl-ideat tagħna, imma bil-Vanġelu li ngħixu bl-eżistenza tagħna u li l-Ispirtu s-Santu jagħmel ħaj fina.  Hi bħal sinerġija bejnna u l-Ispirtu s-Santu, u dan iwassal għax-xhieda.  Il-Knisja jmexxuha ’l quddiem il-qaddisin, li huma propju dawk li jagħtu din ix-xhieda.  Kif qal Ġwanni Pawlu II u anki Benedittu XVI, id-dinja tal-lum għandha wisq bżonn ta’ xhieda.  Mhux tant ta’ għalliema, imma ta’ xhieda.  Mhux li nitkellmu ħafna, imma li nitkellmu b’ħajjitna kollha: il-koerenza tal-ħajja, sewwa sew il-koerenza tal-ħajja!  Koerenza ta’ ħajja li tfisser li ngħix il-Kristjaneżmu bħala laqgħa ma’ Ġesù li twassalni għand l-oħrajn u mhux bħala fatt soċjali.  Soċjalment aħna hekk, aħna Nsara, magħluqa fina nfusna.  Le, dan le!  Ix-xhieda!

 

It-tielet mistoqsija: “Nixtieq nistaqsik, Mqaddes Missier: Kif nista’ jien u aħna lkoll ngħixu bħala Knisja fqira u għall-foqra?  B’liema mod il-bniedem li qed ibati jpoġġi mistoqsija quddiem il-fidi tagħna?  Liema kontribut konkret u effikaċi aħna lkoll, bħala movimenti u għaqdiet tal-lajċi, nistgħu nagħtu lill-Knisja u lis-soċjetà biex nistgħu naffrontaw din il-kriżi gravi li qed tmiss l-etika pubblika, il-mudell ta’ żvilupp, il-politika, insomma, mod ġdid ta’ kif inkunu rġiel u nisa?”.

 

Nerġa’ naqbad fuq ix-xhieda.  L-ewwel nett, li ngħixu l-Vanġelu hu l-kontribut ewlieni li nistgħu nagħtu.  Il-Knisja m’hix moviment politiku, lanqas struttura organizzata tajjeb: m’hix dan.  Aħna m’aħniex xi NGO, u meta l-Knisja ssir NGO hi titlef l-imluħa, ma jifdlilhiex togħma, issir biss organizzazzjoni vojta.  U f’dan kunu għaqlin, għax ix-Xitan jingannana, għax hemm il-periklu ta’ l-effiċjentiżmu.  Li tippriedka lil Ġesù hi ħaġa, l-effikaċja – li nkunu effiċjenti – hi ħaġa oħra.  Le, dak hu valur ieħor.  Il-valur tal-Knisja, fundamentalment, hu li ngħixu l-Vanġelu u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna.  Il-Knisja hi melħ ta’ l-art, hi dawl tad-dinja, hi msejħa biex tagħmel preżenti fis-soċjetà l-ħmira tas-Saltna ta’ Alla u dan qabel xejn tagħmlu bix-xhieda tagħha, ix-xhieda ta’ l-imħabba bejn l-aħwa, tas-solidarjetà, tal-kondiviżjoni.  Meta’ tisma’ lil min jgħid li s-solidarjetà m’hix valur, imma hi “atteġġjament primarju” li hemm bżonn jisparixxi… dan m’hux sew!  B’dan il-mod inkunu qed naħsbu f’effikaċja tad-dinja biss.  Il-mumenti ta’ kriżi, bħal dawk li qed ngħixu bħalissa – imma int qabel għidt li “qed ngħixu f’dinja tal-gideb” –, dan il-mument ta’ kriżi, noqogħdu attenti, ma jikkonsistix fi kriżi ekonomika biss; m’hix kriżi kulturali.  Hi kriżi tal-bniedem: dak li jinsab fi kriżi hu l-bniedem!  U dak li qed jirriskja li jinqered hu l-bniedem!  Imma l-bniedem hu xbieha ta’ Alla!  Għalhekk din hi kriżi profonda!  F’dan il-mument ta’ kriżi ma nistgħux naħsbu biss fina nfusna, ningħalqu fis-solitudni, fil-qtigħ ta’ qalb, jew inħossu li ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem il-problemi.  Nitlobkom, tingħalqux!  Dan hu periklu: li ningħalqu fil-parroċċa, mal-ħbieb, fil-moviment, ma’ dawk li jaħsbuha bħalna… imma mbagħad tafu x’jiġri?  Meta l-Knisja tingħalaq, hi timrad, timrad.  Aħsbu f’kamra magħluqa għal sena; meta tidħol fiha xxomm ir-riħa ta’ l-umdità, ikun hemm ħafna ħwejjeġ li m’humiex sew.  L-istess ħaġa Knisja magħluqa: hi Knisja marida.  Il-Knisja hemm bżonn toħroġ minnha nfisha.  Fejn?  Lejn it-truf eżistenzjali, huma liema huma, imma jeħtieġ toħroġ.  Ġesù jgħidilna: “Morru fid-dinja kollha!  Morru!  Ippriedkaw!  Agħtu xhieda tal-Vanġelu!” (ara Mk 16:15).  Imma x’jiġri jekk wieħed joħroġ minnu nnifsu?  Jista’ jiġri kif jiġri lil dawk kollha li joħorġu mid-dar u jimxu fit-triq: inċident.  Imma jien ngħidilkom: nippriferi għal elf darba Knisja bl-inċidenti, vittma ta’ inċident, milli Knisja marida bl-għeluq!  Oħorġu ’l barra, oħorġu!  Aħsbu wkoll f’dak li jgħid l-Apokalissi.  Jgħid ħaġa sabiħa: Ġesù jinsab fil-bieb u qed iħabbat, iħabbat biex jidħol fil-qalb tagħna (ara Apok 3:20).  Dan hu s-sens ta’ l-Apokalissi.  Imma staqsu lilkom infuskom: Kemm drabi Ġesù qiegħed ġewwa u jħabbat fuq il-bieb biex joħroġ, biex joħroġ ’il barra, u aħna ma nħalluhx joħroġ, minħabba fis-sigurtajiet tagħna, għax wisq drabi aħna magħluqin fi strutturi ddestinati li jintemmu, li jservu biss biex jagħmluna lsiera u mhux ulied ħielsa ta’ Alla?  F’dan il-“ħruġ” hu importanti nimxu lejn il-laqgħa; din il-kelma għalija hi importanti ħafna: il-laqgħa ma’ l-oħrajn.  Għaliex?  Għax il-fidi hi laqgħa ma’ Ġesù, u aħna jeħtieġ nagħmlu l-istess ħaġa li jagħmel Ġesù: niltaqgħu ma’ l-oħrajn.  Aħna ngħixu f’kultura ta’ l-iskontru, kultura tal-frammentazzjoni, kultura li fiha dak li m’għandix bżonnu narmih, il-kultura ta’ l-iskart.  Imma fuq dan il-punt, nistedinkom taħsbu – u din hi parti mill-kriżi – fl-anzjani, li huma l-għerf ta’ poplu, fit-tfal… il-kultura ta’ l-iskart!  Imma jeħtieġ li aħna nimxu lejn il-laqgħa u jeħtieġ li bil-fidi tagħna noħolqu “kultura tal-laqgħa”, kultura tal-ħbiberija, kultura fejn insibu aħwa f’xulxin, fejn nistgħu nitkellmu wkoll ma’ dawk li ma jaħsbuhiex bħalna, anki ma’ dawk li għandhom fidi oħra, li m’għandhomx l-istess fidi.  Ilkoll għandhom xi ħaġa komuni magħna: huma xbieha ta’ Alla, huma wlied Alla.  Nimxu lejn laqgħa ma’ kulħadd, mingħajr ma ninnegozjaw l-appartenenza tagħna.  U hemm punt ieħor importanti: mal-foqra.  Jekk noħorġu minna nfusna, insibu l-faqar.  Il-lum – dan ngħidu b’qalb muġugħa – il-lum, jekk jinstab wieħed fqir u bla dar mejjet bil-ksieħ, din m’hix aħbar.  Il-lum xi skandlu, forsi, hu aħbar.  Skandlu: aħ, dik aħbar!  Il-lum, il-ħsieb li tant tfal m’għandhomx x’jieklu, din m’hix aħbar.  Dan hu gravi, dan hu gravi!  Ma nistgħux nibqgħu bi kwietna!  Imma… din hi r-realtà.  Aħna ma nistgħux insiru Nsara llamtati, dawk l-Insara mgħallmin iżżejjed, li jitkellmu fuq ħwejjeġ teoloġiċi huma u jixorbu t-te, trankwilli.  Le!  Aħna rridu nsiru Nsara kuraġġjużi u mmorru nfittxu lil dawk li huma sewwa sew il-ġisem ta’ Kristu, dawk li huma l-ġisem ta’ Kristu!  Meta jiena mmur inqarar – issa m’għadnix nista’, għax biex toħroġ tqarar… minn hawn ma tistax toħroġ, imma dik problema oħra! – meta jiena kont immur inqarar fid-djoċesi li kelli qabel, kienu jiġu xi wħud u dejjem kont nagħmlilhom din il-mistoqsija: “Imma għidli, int tagħmel karità?” – “Iva, Dun”.  “Aħ, tajjeb, tajjeb”.  U kont nagħmlilhom żewġ mistoqsijiet oħra: “Imma għidli, meta int tagħti l-karità, tħares f’għajnejn min tkun qed tagħmel karità miegħu jew magħha?” – “Aħ, hekk ma nafx, qatt ma tajt kas”.  It-tieni mistoqsija: “U meta int tagħmel karità, tmiss l-idejn ta’ dak li tkun qed tagħtih karità, jew titfagħlu l-munita u daqshekk?”.  Din hi l-problema: il-ġisem ta’ Kristu, li mmissu l-ġisem ta’ Kristu, li nerfgħu fuqna dan l-uġigħ għall-foqra.  Il-faqar, għalina l-Insara, m’hux kategorija soċjoloġika jew filosofika jew kulturali: le, hu kategorija teologali.  Anzi, nissogra ngħid, forsi l-ewwel kategorija, għax dak Alla, l-Iben ta’ Alla, tbaxxa, sar fqir biex jimxi fit-triq magħna.  U dan hu l-faqar tagħna: il-faqar tal-ġisem ta’ Kristu, il-faqar li ġabilna l-Iben ta’ Alla bl-Inkarnazzjoni tiegħu.  Knisja fqira għall-foqra tibda billi tmur tiltaqa’ mal-ġisem ta’ Kristu.  Jekk aħna nimxu lejn il-ġisem ta’ Kristu, nibdew nifhmu xi ħaġa, nifhmu x’inhu dan il-faqar, il-faqar tal-Mulej.  U dan m’hux faċli.  Imma hemm problema li ma tantx tgħin lill-Insara: l-ispirtu tad-dinja, l-ispirtu mundan, il-mundanità spiritwali.  Dan iwassalna għall-awto-suffiċjenza, biex ngħixu l-ispirtu tad-dinja u mhux dak ta’ Ġesù.  Il-mistoqsija li għamilt int: kif għandna ngħixu biex naffrontaw din il-kriżi li qed tmiss l-etika pubblika, il-mudell ta’ l-iżvilupp, il-politika.  Għax din hi kriżi tal-bniedem, kriżi li teqred lill-bniedem, hi kriżi li lill-bniedem tneżżgħu mill-etika.  Fil-ħajja pubblika, fil-politika, jekk m’hemmx l-etika, etika ta’ riferiment, kollox hu possibbli u kollox jista’ jsir.  U meta naqraw il-ġurnali, aħna naraw kif in-nuqqas ta’ etika fil-ħajja pubblika qed jagħmel tant ħsara lill-umanità kollha.

 

Nixtieq nirrakkontalkom storja.  Dan diġà għamiltu darbtejn din il-ġimgħa, imma se nagħmlu t-tielet darba magħkom.  Hi l-istorja li jirrakkonta midrash Bibliku ta’ Rabbi tas-seklu tnax.  Hu jirrakkonta l-istorja tal-bini tat-Torri ta’ Babel u jgħid li, biex setgħu jibnu t-Torri ta’ Babel, kien hemm bżonn jagħmlu l-madum.  Dan xi jfisser?  Kienu jmorru jagħġnu t-tajn, iġorru t-tiben, jagħmlu kollox imbagħad, għall-forn.  U meta l-maduma kienet tkun lesta, riedu jġorruha fuq, għall-bini tat-Torri ta’ Babel.  Maduma kienet teżor, minħabba fix-xogħol kbir li kienet tieħu biex issir.  Meta kienet taqa’ maduma, kienet tkun traġedja nazzjonali u l-ħaddiem li jinstab ħati kien jiġi kkastigat; tant kienet prezzjuża maduma li jekk taqa’ kien ikun dramm sħiħ.  Imma jekk jaqa’ ħaddiem, ma kien jiġri xejn, din kienet ħaġa oħra.  Dan li qed jiġri l-lum: jekk l-investimenti fil-banek jinżlu xi ftit… traġedja… kif ħa nagħmlu?  Imma jekk imutu n-nies bil-ġuħ, jekk m’għandhomx x’jieklu, jekk m’għandhomx saħħa, ma jimpurtax!  Din hi l-kriżi tagħna tal-lum!  U x-xhieda ta’ Knisja fqira għall-foqra tmur kontra din il-mentalità.

 

Ir-raba’ mistoqsija: “Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet jidhirli li l-istqarrija tiegħi, ix-xhieda tagħna hi mbeżżgħa u mxekkla.  Nixtiequ nagħmlu iżjed, imma xiex?  U kif nistgħu ngħinu lil dawn ħutna?  Kif intaffulhom it-tbatija tagħhom jekk ma nistgħu nagħmlu xejn, jew ftit wisq, biex nibdlu l-kuntest politiku u soċjali tagħhom?”.

 

Biex inħabbru l-Vanġelu huma meħtieġa żewġ virtujiet: il-kuraġġ u l-paċenzja.  Fil-Knisja dawn [l-Insara li qed ibatu] huma l-paċenzja.  Huma qed ibatu, u għandna iżjed martri l-lum milli kellna fl-ewwel sekli tal-Knisja; iżjed martri!  Ħutna rġiel u nisa!  Qed ibatu!  Huma jġorru l-fidi sal-martirju.  Imma l-martirju m’hu qatt telfa; il-martirju hu l-ogħla grad ta’ xhieda li aħna rridu nagħtu.  Aħna qegħdin f’mixja lejn il-martirju, martirji żgħar: niċċaħħdu minn dan, nagħmlu din… imma qegħdin f’mixja.  U huma, imsieken, jagħtu ħajjithom, imma jagħtuha – kif smajna fis-sitwazzjoni tal-Pakistan – għall-imħabba li għandhom lejn Ġesù, biex jagħtu xhieda ta’ Ġesù.  In-Nisrani għandu jkollu dejjem din l-imġiba ta’ manswetudni, ta’ umiltà, sewwa sew l-atteġġjament li għandhom huma, jafda f’Ġesù, jitlaq ruħu f’idejn Ġesù.  Xieraq nippreċiżaw li tant drabi dawn il-kunflitti ma jkollhomx oriġni reliġjuż; spiss ikun hemm kawżi oħra, ta’ natura soċjali u politika, u sfortunatament l-appartenenzi reliġjużi jiġu użati bħala pitrolju fuq in-nar.  In-Nisrani għandu jkun jaf dejjem kif iwieġeb għall-ħażen bit-tajjeb, anki jekk spiss din hi ħaġa iebsa.  Aħna rridu nfittxu li lilhom, lil dawn ħutna rġiel u nisa, inġegħluhom iħossu li aħna magħqudin profondament –magħqudin profondament! – mas-sitwazzjoni tagħhom, li aħna nafu li huma Nsara “li daħlu fil-paċenzja”.  Meta Ġesù jidħol għall-Passjoni tiegħu, hu jidħol f’dan l-istat ta’ paċenzja.  Huma daħlu fil-paċenzja: tajjeb li jkunu jafu li dan aħna nafuh, imma tajjeb ukoll li ngħiduh lill-Mulej.  Nagħmlilkom din il-mistoqsija: Intom titolbu għal dawn ħutna?  Titolbu għalihom?  Fit-talb tagħkom ta’ kuljum?  Jien m’iniex ħa nitlob li jgħolli jdejh issa min qed jitlob: le!  M’hux sa nitolbu issa.  Imma aħsbuha tajjeb.  Fit-talba ta’ kuljum ngħidu lil Ġesù: “Mulej, ħares lil dan ħija, ħares lil din oħti li tant qed tbati, li tant qed ibati”.  Huma qed jagħmlu l-esperjenza tal-limitu, dak tal-linja bejn il-ħajja u l-mewt.  U anki għalina: din l-esperjenza trid twassalna biex nippromovu l-libertà reliġjuża għal kulħadd, għal kulħadd!  Kull raġel u mara għandhom ikunu ħielsa li jħaddnu t-twemmin reliġjuż tagħhom, ikun liema jkun.  Għaliex?  Għax dak ir-raġel u dik il-mara huma wlied Alla.

 

U hekk naħseb li weġibt xi ħaġa dwar il-mistoqsijiet tagħkom; niskuża ruħi jekk ħadt wisq fit-tul.  Grazzi ħafna!  Grazzi lilkom, u tinsewx: ma rridu xejn minn Knisja magħluqa, imma Knisja li toħroġ ’il barra, li tmur fit-truf ta’ l-eżistenza.  Ħa jkun il-Mulej li jmexxina ’l hemm isfel.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard