Għeżież Ħuti minn Ruma u mid-dinja kollha, l-Għid it-Tajjeb! L-Għid it-Tajjeb! Kemm huwa ta’ ferħ kbir li nista’ nagħtikom din l-aħbar: Kristu rxoxta. Nixtieqha tidħol f’kull dar, f’kull familja, speċjalment fejn hemm it-tbatija, fl-isptarijiet, fil-ħabsijiet … Fuq kollox nixtieqha tidħol fil-qlub kollha għaliex huwa hemm li Alla jrid jiżra’ din l-Aħbar Tajba: Ġesù rxoxta. Għalik hemm it-tama. M’għadekx aktar taħt il-ħakma tad-dnub, tal-ħażin. Rebħet l-imħabba! Rebħet il-ħniena! Il-ħniena ta’ Alla dejjem tirbaħ! Anke aħna, bħan-nisa dixxipli ta’ Ġesù, li marru ħdejn il-qabar u sabuħ vojt, nistgħu nistaqsu, x’sens għandha din il-ġrajja? (Lq 24:4) Xi tfisser li Ġesù qam mill-imwiet? Tfisser li l-imħabba ta’ Alla hija aktar qawwija mill-ħażen u mill-mewt stess; tfisser li l-imħabba ta’ Alla tista’ tibdlilna ħajjitna, u twarrad dawk l-oqsma ta’ deżert li hemm fi qlubna. L-imħabba ta’ Alla tista’ tagħmlu dan! Din l-istess imħabba li għaliha l-Iben ta’ Alla sar bniedem u ħa t-triq tal-umiltà propju sal-aħħar, sa f’art il-mejtin (agli inferi), sa l-abbiss tal-firda minn Alla, din l-istess imħabba ħanina għarqet fid-dawl il-ġisem mejjet, trasfiguratu, għaddietu għall-ħajja ta’ dejjem. Ġesù ma ġiex lura għall-ħajja ta’ qabel, għall-ħajja ta’ din id-dinja, imma daħal fil-ħajja glorjuża ta’ Alla, u hemm daħal bl-umanità tagħna, fetaħna għal futur ta’ tama. Dan huwa l-Għid il-Kbir: huwa l-eżodu, il-passaġġ tal-bniedem mill-jasar tad-dnub u l-ħażen, għall-ħelsien tal-imħabba, tat-tajjeb. Għaliex Alla huwa ħajja, ħajja biss, u l-glorja tiegħu hija aħna: il-bniedem ħaj. (cfr Irinew, Adversus haereses, 4,20, 5-7)
Għeżież ħuti, Kristu miet u rxoxta darba għal dejjem u għal kulħadd, imma l-qawwa tal-Qawmien, dan il-passaġġ mill-jasar tal-ħażen għall-ħelsien tat-tajjeb, irid jitwettaq f’kull żmien, f’sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kemm deżerti, anke llum, il-bniedem jeħtieġlu jgħaddi minnhom! Fuq kollox id-deżert li hemm ġo fih meta tonqos l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, meta jonqos l-għarfien li huwa l-għassies ta’ dak kollu li l-Ħallieq tana u qed jagħtina. Imma l-ħniena ta’ Alla tista terġa twarrad saħansitra l-aktar art niexfa, tista’ terġa’ tagħti l-ħajja lill-għadam niexef. (Eż 37: 1-4) U allura din hija l-istedina li nagħmel lil kulħadd: ħa nilqgħu l-grazzja tal-Qawmien ta’ Kristu! Ħa nħallu l-ħniena ta’ Alla ġġeddidna, ħa naċċettaw li nkunu maħbuba minn Ġesù, ħa nħallu l-qawwa tal-imħabba tiegħu tibdel anke ħajjitna; u nsiru strumenti ta’ din il-ħniena, kanali li minnhom Alla jkun jista’ jsaqqi l-art, jħares il-ħolqien kollu u jagħmel li l-ġustizzja u s-sliem jiffjorixxu. U hekk nitolbu lil Ġesù Rxoxt, li jittrasforma l-mewt f’ħajja, li jibdel il-mibegħda f’imħabba, il-vendetta f’maħfra, il-ġwerra f’paċi. Iva, Kristu huwa s-sliem tagħna u permezz Tiegħu nitolbu l-paċi għad-dinja kollha. Paċi għal-Lvant Nofsani, b’mod partikolari bejn l-Iżraljani u l-Palestinjani, li qed jitħabtu biex isibu t-triq tal-ftehim, sabiex isibu l-kuraġġ u jkunu lesti li jkomplu n-negozjati li jwasslu għal tmiem ta’ konflitt li issa ilu sejjer tant żmien. Paċi fl-Iraq, biex tieqaf darba għal dejjem il-vjolenza, u fuq kollox għall-maħbuba Sirja, għall-popoloazzjoni tagħha, li hi midruba mill-kunflitt, u għal tant refuġjati li qed jistennew għajnuna u faraġ. Kemm xtered demm! U kemm għad irid ikun hemm tbatija qabel tista’ tinstab soluzzjoni politika għal kriżi? Paċi għall-Afrika, li għadha x-xena ta’ tant kunflitti mdemmija. Fil-Mali biex tinstab għaqda u stabiltà; u fin-Niġerja, fejn sfortunatament ma jieqfux l-attentati li jgħeddu b’mod gravi l-ħajja ta’ tant innoċenti, u fejn mhux ftit persuni, anke tfal, huma miżmuma ostaġġi minn gruppi terroristiċi. Paċi fil-Lvant tar-republika Demokratika tal-Kongo u fir-Republika tal-Afrika Ċentrali, fejn ħafna kellhom iħallu djarhom u għadhom jgħixu fil-biża’. Paċi fl-Asja, fuq kollox fin-Peninżula Koreana, sabiex jintrebħu d-diverġenzi u jikber spirtu mġedded ta’ rikonċiljazzjoni. Paċi għad-dinja kollha, li għadha tant mifruda minħabba l-kilba ta’ dawk li jfittxu qliegħ faċli, midruba bl-egoiżmu li jħedded il-ħajja umana u l-familja, eġożimu li jkompli bit-traffikar ta’ persuni, il-jasar li huwa l-aktar imferrex f’dan is-seklu wieħed u għoxrin! Paċi għad-dinja kollha, mħarbta bil-vjolenza marbuta mat-traffikar tad-droga u bl-isfruttament inġust tar-riżorsi naturali! Paċi għal din id-Dinja tagħna! Ħa jġib Ġesù Rxoxt il-faraġ lil min hu vittma ta’ diżastri naturali u jagħmilna għassiesa responsabbli tal-ħolqien. Għeżież ħuti, lilkom lkoll li qed tisemgħuni minn Ruma u minn kull parti tad-dinja, nagħti lilkom l-istedina tas-salm: “Roddu ħajr lill-Mulej għaliex hu tajjeb. Għaliex it-tieba tiegħu hi għal dejjem. Ħa jgħid hekk Iżrael: It-tieba tiegħu hi għal dejjem. (Salm 117:1-2) TISLIMA Għeżież ħuti, lilkom minn kull parti tad-dinja, li ġejtu f’din il-Pjazza li hi fil-qalba tal-kristjaneżmu, u lilkom ilkoll li tinsabu magħqudin magħna permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, nġedded ix-xewqat tiegħi: L-Għid it-Tajjeb! Ġorru magħkom fil-familji tagħkom u fil-pajjiżi tagħkom il-messaġg ta’ hena, ta’ tama u ta’ paċi, li ta’ kull sena, f’dan il-jum, jiġġedded bil-qawwa. Ħa jkun il-Mulej irxoxt, li rebaħ fuq id-dnub u fuq il-mewt, ta’ għajnuna għal kulħadd, speċjalment għal min hu dgħajjef u min hu fil-bżonn. Grazzi għall-preżenza tagħkom u għax-xhieda tal-fidi tagħkom. Ħsieb u ħajr partikolari għar-rigal ta’ dawn il-fjuri hekk sbieħ li ġew mill-Olanda. Lilkom lkoll, ntennilkom bl-imħabba: Jalla Kristu Rxoxt jmexxi lilkom ilkoll u lill-umanità kollha fil-triq tal-imħabba u l-paċi.
|