MESSAĠĠ URBI ET ORBI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MILIED 2018

 

Loġġa Ċentrali tal-Bażilika tal-Vatikan

It-Tlieta 25 ta’ Diċembru 2018

 

Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

 

Lilkom, fidili ta’ Ruma, u lilkom, pellegrini, u lilkom kollha li tinsabu magħqudin magħna minn kull rokna tad-dinja, inġedded it-tħabbira hienja ta’ Betlehem: “Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin, li huwa jħobb” (Lq 2:14).

 

Bħar-ragħajja, li kienu l-ewwel li ġrew lejn l-għar, nibqgħu mistagħġba quddiem is-sinjal li tana Alla: “Tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Fis-skiet, ninżlu għarkupptejna, u naduraw.

 

U x’qed tgħidilna dik it-Tarbija, imwielda għalina mill-Verġni Marija? Liema hu l-messaġġ universali tal-Milied? Qed jgħidilna li Alla hu Missier twajjeb u aħna ħutu.

 

Din il-verità tinsab fil-bażi tal-viżjoni Nisranija fuq l-umanità. Mingħajr il-fraternità li tana Ġesù Kristu, l-isforzi tagħna għal dinja iżjed ġusta jkollhom ħajja qasira, u anki l-aqwa proġetti jirriskjaw li jsiru strutturi bla ruħ.

 

Għalhekk l-awgurju tiegħi ta’ Milied tajjeb hu awgurju ta’ fraternità.

 

Fraternità bejn il-persuni ta’ kull nazzjon u kultura.

 

Fraternità bejn il-persuni ta’ ideat differenti, imma li kapaċi jirrispettaw u jisimgħu lil xulxin.

 

Fraternità bejn il-persuni ta’ reliġjonijiet differenti. Ġesù ġie juri l-wiċċ ta’ Alla lil dawk kollha li qed ifittxuh.

 

U l-wiċċ ta’ Alla jidher f’wiċċ konkret. Ma deherx f’anġlu, imma fi bniedem, li twieled fi żmien u f’post. U hekk, bl-inkarnazzjoni tiegħu, l-Iben ta’ Alla jurina li s-salvazzjoni tgħaddi permezz tal-imħabba, l-akkoljenza, ir-rispett għal din l-umanità fqajra tagħna li lkoll naqsmu flimkien f’firxa wiesgħa ta’ etniċitajiet, ta’ ilsna, ta’ kulturi…, imma lkoll aħwa fl-umanità!

 

Hekk id-differenzi tagħna ma jkunux ta’ ħsara jew periklu, imma għana kbir. Bħalma hu għal artista li jrid jagħmel mużajk: aħjar ikollu f’idejh tesseri ta’ ħafna lwien, milli ta’ ftit!

 

L-esperjenza tal-familja tgħallimhulna dan: bejnietna l-aħwa aħna differenti minn xulxin, u mhux dejjem naqblu, imma hemm rabta li ma tinħallx li torbotna u l-imħabba tal-ġenituri tgħinna nħobbu lil xulxin. L-istess ngħidu għall-familja tal-bnedmin, imma hawn hu Alla l-“ġenitur”, il-fundament u l-qawwa tal-fraternità tagħna.

 

Dan il-Milied irid iġagħalna niskopru mill-ġdid ir-rabtiet ta’ fraternità li jxerkuna flimkien bħala bnedmin u jorbtu lill-popli kollha. Lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani jagħtihom li jerġgħu jaqbdu d-djalogu u jibdew mixja ta’ paċi li ġġib fi tmiemu kunflitt li għal iktar minn sebgħin sena ilu jfieri lill-Art magħżula mill-Mulej biex juri l-wiċċ ta’ mħabbtu.

 

Ġesù Tarbija jagħti lill-maħbuba u maħbuta Sirja li ssib mill-ġdid il-fraternità wara dawn is-snin twal ta’ gwerra. Il-Komunità internazzjonali għandha tħabrek b’determinazzjoni għal soluzzjoni politika li twarrab għall-ġenb il-firdiet u l-interessi partikulari, biex hekk il-poplu Sirjan, speċjalment dawk li kellhom jitilqu artijiethom u jfittxu kenn band’oħra, jista’ jerġa’ lura biex jgħix fil-paċi f’pajjiżu.

 

Jiġini f’moħħi l-Yemen, bit-tama li l-qbil b’medjazzjoni min-naħa tal-Komunità internazzjonali jista’ saflaħħar jagħti serħan lil tant tfal u popli mifnija mill-gwerra u mill-ġuħ.

 

Imbagħad tiġini f’moħħi l-Afrika, fejn miljuni ta’ nies huma rifuġjati u mxerrda u jeħtieġu l-għajnuna umanitarja u dik tal-ikel. Ħa twaqqaf l-armi t-Tarbija Divina, Sultan tal-paċi, u jżernaq sebħ ġdid ta’ fraternità fil-kontinent kollu, bħala barka fuq l-isforzi ta’ dawk kollha li jħabirku biex jiffavorixxu mixjiet ta’ rikonċiljazzjoni fuq livell politiku u soċjali.

 

Jalla l-Milied isaħħaħ ir-rabtiet fraterni li jgħaqqdu l-Peniżula Koreana u jippermetti li tissokta l-mixja ta’ tqarrib li nbdiet u li jaslu għal soluzzjonijiet maqbula li jiżguraw lil kulħadd żvilupp u ġid.

 

Ħalli dan iż-żmien ta’ barka jagħti lill-Veneżwela li ssib mill-ġdid l-armonija u lill-komponenti soċjali kollha li jaħdmu bħal aħwa b’risq l-iżvilupp tal-pajjiż u biex jgħinu lill-faxex l-aktar dgħajfa tal-popolazzjoni.

 

Ħa jagħti l-Mulej li qed jitwieled serħan lill-maħbuba Ukrajna, anzjuża li tikseb mill-ġdid il-paċi fit-tul li qed iddum ma tasal. Bil-paċi biss, fir-rispett tad-drittijiet ta’ kull nazzjon, jista’ l-pajjiż jistejqer mit-tbatijiet li ġarrab u jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi għaċ-ċittadini tiegħu. Ninsab qrib tal-komunitajiet ta’ dak ir-reġjun, u nitlob li jistgħu jinsġu relazzjonijiet ta’ fraternità u ta’ ħbiberija.

 

Jalla quddiem Ġesù Tarbija dawk li jgħixu fl-għażiża Nikaragwa jerġgħu jiskopru li huma aħwa ta’ xulxin, biex ma jirbħux il-firdiet u t-tilwim, imma kulħadd iħabrek f’risq ir-rikonċiljazzjoni u jibnu flimkien il-futur tal-pajjiż.

 

Nixtieq niftakar fil-popli li qed ibatu minħabba kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi, kulturali u ekonomiċi, meta jaraw miġruħa l-libertà tagħhom u l-identità tagħhom, u li qed ibatu minħabba l-ġuħ u n-nuqqas ta’ servizzi edukattivi u ta’ saħħa.

 

Ħsieb partikulari jmur għal ħutna li qed jiċċelebraw il-Milied tal-Mulej f’kuntesti diffiċli, biex ma ngħidx ostili, speċjalment hemm fejn il-komunità Nisranija hi minoranza, kultant vulnerabbli u mhux meqjusa. Il-Mulej jagħti lilhom u lill-minoranzi kollha li jgħixu fis-sliem u li jaraw magħrufa d-drittijiet tagħhom, fuq kollox il-libertà reliġjuża.

 

It-Tarbija ċkejkna u mirżuħa li qed nikkontemplaw illum fil-maxtura tbierek lit-tfal kollha tad-dinja u lil kull persuna dgħajfa, li m’għandha lil ħadd jiddefendiha u li tħossha mormija. Jalla kulħadd jista’ jirċievi l-paċi u l-faraġ mit-twelid tal-Feddej u, maħbuba mill-Missier waħdieni tas-Sema, nerġgħu niskopru u ngħixu bħala aħwa!

 


 

Inġedded l-awguri tiegħi tal-Milied lilkom ilkoll. Il-Milied it-tajjeb u qaddis!

 

Għeżież ħuti li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi, kif ukoll intom li tinsabu magħqudin magħna permezz tar-radju, it-televiżjoni u l-mezzi l-oħra tal-komunikazzjoni, nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom f’dan il-jum li fih qed nikkontemplaw l-imħabba ta’ Alla, li dehret fid-dinja bit-twelid ta’ Ġesù. Din l-imħabba sseddaq l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni għall-ġid komuni, iġġeddilna r-rieda tagħna li nkunu solidali, u tagħti lil kulħadd it-tama li ġejja minn Alla.

 

Il-Milied it-tajjeb u qaddis!

 

 miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard