IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 30 ta’ Jannar 2019

 

Vjaġġ Appostoliku fil-Panamá

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum se nieqaf biex nitkellem magħkom fuq il-Vjaġġ Appostoliku li għamilt fl-aħħar jiem fil-Panamá. Nistedinkom miegħi troddu ħajr lil Alla għal din il-grazzja li hu ried jagħti lill-Knisja u lill-poplu ta’ dak il-pajjiż għażiż. Nirringrazzja lill-President tal-Panamá u l-Awtoritajiet l-oħra, l-Isqfijiet; u nirringrazzja lill-voluntiera kollha – kien hemm ħafna – tal-merħba sabiħa u familjari li tawni, l-istess kif rajna fin-nies li ma’ kullimkien ġiet tiġri biex issellem b’fidi kbira u entużjażmu. Ħaġa li laqtitni ħafna: in-nies kienet tgħolli fl-idejn it-trabi tagħha. Meta kienet tgħaddi l-Popemobile, kulħadd bit-tarbija f’idejh: kienu jgħolluhom qishom iridu jgħidu: “Ara biex jiena mkabbra, dan hu l-futur tiegħi!”. U kienu juruni lil uliedhom. Imma kienu ħafna! U l-missirijiet u l-ommijiet imkabbra b’dik it-tarbija. U għidt bejni u bejn ruħi: kemm dinjità f’dan il-ġest, u kemm hu elokwenti għal din ix-xitwa demografika li qed ngħixu fl-Ewropa! Dik il-familja bit-tfal għandha bokka. Iċ-ċertezza tal-futur huma l-ulied. Ix-xitwa demografika, bla tfal, kemm hi kerha!

 

Ir-raġuni wara dan il-Vjaġġ kienet il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, madankollu mal-laqgħat li kelli maż-żgħażagħ intisġu oħrajn mar-realtajiet tal-pajjiż: l-Awtoritajiet, l-Isqfijiet, iż-żgħażagħ fil-ħabs, l-ikkonsagrati u dar tal-familja. Kollox kien bħal “jittieħed” u “amalgamat” mal-preżenza ferrieħa taż-żgħażagħ: festa għalihom u festa għall-Panamá, u anki għall-Amerika Ċentrali kollha, immarkata minn tant traġedji u fi ħtieġa ta’ tant tama u paċi, u anki ta’ ġustizzja.

 

Qabel dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ saret il-laqgħa taż-żgħażagħ tal-popli tal-post u ta’ dawk Afro-Amerikani. Ġest sabiħ: għamlu ħamest ijiem ta’ laqgħa, iż-żgħażagħ indiġeni u ż-żgħażagħ b’dixxendenzi Afrikani. Kienu ħafna f’dak ir-reġjun. Huma fetħu l-bieb tal-Jum Dinji. U din hi inizjattiva importanti li wriet aħjar il-wiċċ ta’ kull xorta li għandha l-Knisja fl-Amerika Latina: l-Amerika Latina hi razza mħallta. Imbagħad, mal-wasla tal-gruppi mid-dinja kollha, issawret is-sinfonija kbira ta’ wċuħ u ta’ lingwi, tipika ta’ dan l-avveniment. Tara dawk il-bnadar kollha sfilati flimkien, tiżfen id f’id maż-żgħażagħ ferħana li qed jiltaqgħu, dan hu sinjal profetiku, sinjal kontra l-kurrent meta tqabblu mat-tendenzi qarsa ta’ żmienna li jiġbdu lejn in-nazzjonaliżmi f’kunflitt, li jtellgħu l-ħitan u jagħlqu l-bibien għall-universalità, għal-laqgħa bejn il-popli. Hu sinjal li ż-żgħażagħ Insara huma fid-dinja ħmira ta’ paċi.

 

Dan il-JDŻ kellu impronta Marjana qawwija, għax it-tema tiegħu kienet il-kelmiet tal-Verġni lill-Anġlu: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). X’emozzjoni meta tisma’ dawn il-kelmiet imlissna mir-rappreżentanti taż-żgħażagħ tal-ħames kontinenti, u fuq kollox tarahom jilmaw minn wiċċhom. Sakemm jibqa’ jkollna ġenerazzjonijiet ġodda li kapaċi jgħidu “hawn jien” lil Alla, id-dinja jibqgħalha futur.

 

Fost it-tappi tal-JDŻ dejjem hemm il-Via Crucis. Li nimxu ma’ Marija wara Ġesù li jġorr is-salib hi l-iskola tal-ħajja Nisranija: hemm nitgħallmu l-imħabba li tistabar, siekta, konkreta. Se naqsam magħkom xi ħaġa kunfidenzjali: nieħu wisq gost nagħmilha l-Via Crucis, għax tfisser li nimxi ma’ Marija wara Ġesù. U dejjem inġorrha miegħi, biex nista’ nagħmilha f’kull mument, Via Sagra li toqgħodli fil-but, li tatni persuna attiva ħafna fl-appostolat fi Buenos Aires. U meta nsib ħin, naqbad u nitlob bil-Via Crucis. Agħmluha intom ukoll il-Via Crucis, għax biha tkunu timxu wara Ġesù flimkien ma’ Marija fil-mixja tas-salib, fejn hu ta ħajtu għalina, għall-fidwa tagħna. Fil-Via Crucis nitgħallmu l-imħabba li tistabar, siekta u konkreta. Fil-Panamá ż-żgħażagħ ġarrew flimkien ma’ Ġesù u Marija t-toqol tal-kundizzjoni ta’ tant ħuthom fit-tbatija fl-Amerika Ċentrali u fid-dinja kollha. Fost dawn kien hemm tant żgħażagħ vittmi ta’ diversi xorta ta’ jasar u faqar. U f’dan is-sens kienu mumenti li fissru ħafna l-Liturġija penitenzjali li ċċelebrajt f’Dar ta’ riedukazzjoni għall-minuri u ż-żjara lid-Dar tal-familja “Samaritan it-tajjeb”, li tospita persuni milquta mill-Hiv/Aids.

 

Qofol tal-JDŻ u tal-vjaġġ kienu l-Velja u l-Quddiesa maż-żgħażagħ. Fil-Velja – f’dik il-medda ta’ art mimlija żgħażagħ li għamlu l-Velja, raqdu hemm u fit-8.00am ħadu sehem fil-Quddiesa – fil-Velja ġeddidna d-djalogu ħaj maż-żgħażagħ kollha, entużjasti u anki kapaċi jisktu u jisimgħu. Għaddew mill-entużjażmu għas-smigħ u mit-talb għas-skiet. Lilhom ipproponejtilhom lil Marija bħala dik li, fiċ-ċokon tagħha, aktar minn kulħadd “influwenzat” l-istorja tad-dinja: sejjaħnielha l-“influencer ta’ Alla”. Fil-“fiat” tagħha rajna jilmaw ix-xhieda sabiħa u qawwija ta’ xi żgħażagħ. Il-Ħadd filgħodu, fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika finali, Kristu Rxoxt, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, kellem mill-ġdid liż-żgħażagħ tad-dinja u sejħilhom biex jgħixu l-Vanġelu llum, għax iż-żgħażagħ ma humiex il-jum ta’ “għada”; le, huma l-“illum” għal “għada”. Ma humiex is-“sadattant”, imma huma l-illum, l-issa, tal-Knisja u tad-dinja. U sejjaħt għar-responsabbiltà tal-adulti, biex il-ġenerazzjonijiet il-ġodda ma jkunu qatt nieqsa mit-tagħlim, ix-xogħol, il-komunità u l-familja. U dan hu l-muftieħ f’dan il-mument tal-istorja, biex dawn l-affarijiet ma jonqsux. Tagħlim, jiġifieri edukazzjoni. Xogħol: kemm żgħażagħ m’għandhomx! Komunità: iħossuhom milqugħa, fil-familja, fis-soċjetà.

 

Il-laqgħa mal-Isqfijiet tal-Amerika Ċentrali kienet għalija mument ta’ faraġ partikulari. Flimkien ħallejna tgħallimna x-xhieda tal-isqof qaddis Oscar Romero, biex nitgħallmu dejjem aħjar “inħossuna mal-Knisja” – dan kien il-motto episkopali tiegħu –, fi qrubija maż-żgħażagħ, mal-foqra, mas-saċerdoti, mal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

 

U valur simboliku qawwi kellha l-konsagrazzjoni tal-altar tal-Katidral restawrat ta’ Santa Maria La Antigua, fil-Panamá. Kien magħluq għal seba’ snin minħabba r-restawr. Sinjal ta’ ġmiel li rġajna skoprejnieh, għall-glorja ta’ Alla u għall-fidi u l-festa tal-poplu tiegħu. Il-Griżma li tikkonsagra l-altar hi l-istess waħda li tidlek lill-imgħammdin, il-kreżimandi, is-saċerdoti u l-isqfijiet. Jalla l-familja ta’ Alla, fil-Panamá u fid-dinja kollha, tħalli lill-Ispirtu s-Santu jagħmilha dejjem għammiela b’mod ġdid, biex jissokta u jixtered iktar fuq l-art il-pellegrinaġġ taż-żgħażagħ dixxipli missjunarji ta’ Ġesù Kristu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard