IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 29 ta’ Mejju 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nhar l-Erbgħa li għadda tkellimt fuq ir-rabta profonda li hemm bejn l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja.  Il-lum nixtieq nagħti bidu għal katekeżi fuq il-misteru tal-Knisja, misteru li lkoll kemm aħna ngħixu u nagħmlu parti minnu.  Dan nixtieq nagħmlu b’espressjonijiet li huma preżenti b’mod qawwi fit-testi tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

 

Il-lum nibda bl-ewwel waħda: il-Knisja bħala familja ta’ Alla.

 

F’dawn ix-xhur, iktar minn darba rriferejt għall-parabbola ta’ l-iben il-ħali, jew aħjar, tal-missier ħanin (ara Lq 15:11-32).  L-iben iż-żgħir iħalli d-dar ta’ missieru, iberbaq kollox u jiddeċiedi li jerġa’ lura għax jintebaħ li żbalja, imma ma jħossux li jistħoqqlu iżjed ikun iben u jittama li ta’ l-inqas jiġi milqugħ mill-ġdid bħala qaddej.  Il-missier, imma, jiġri lejh, jgħannqu, jerġa’ jagħtih id-dinjità ta’ iben u jagħmel festa.  Din il-parabbola, bħal oħrajn fil-Vanġelu, turi tajjeb ħafna x’inhu l-pjan ta’ Alla għall-bnedmin.

 

Liema hu dan il-pjan ta’ Alla?  Hu li minna lkoll jagħmel familja ta’ wliedu, fejn kull wieħed u waħda jħossu qrib tiegħu u jħossu maħbub minnU, bħal fil-parabbola tal-Vanġelu, iħossu mħeġġeġ li hu jagħmel parti minn din il-familja ta’ Alla.  F’dan il-pjan kbir issib għeruqha l-Knisja, li m’hix xi organizzazzjoni li twieldet minn ftehim bejn xi persuni, imma – kif fakkarna kemm-il darba l-Papa Benedittu XVI – hi opra ta’ Alla, titwieled propju minn dan il-pjan ta’ mħabba li jseħħ pass wara pass fl-istorja.  Il-Knisja titwieled mix-xewqa ta’ Alla li jsejjaħ lill-bnedmin kollha għall-komunjoni miegħU, għall-ħbiberija miegħu, anzi, biex bħala wliedu jieħdu sehem fl-istess ħajja divina tiegħu.  L-istess kelma “Knisja”, mill-Grieg ekklesia, tfisser “konvokazzjoni”: Alla jsejħilna biex ninġabru flimkien, jimbuttana biex noħorġu mill-individwaliżmu tagħna, mit-tendenza li għandna li ningħalqu fina nfusna, u jsejħilna biex inkunu parti mill-familja tiegħu.  U din is-sejħa għandha l-bidu tagħha fl-istess ħolqien.  Alla ħalaqna biex ngħixu f’relazzjoni ta’ ħbiberija profonda miegħU, u mqar meta d-dnub kisser din ir-relazzjoni miegħU, ma’ l-oħrajn u mal-ħolqien, Alla ma telaqniex waħidna.  L-istorja kollha tas-salvazzjoni hi l-istorja ta’ Alla li jfittex lill-bniedem, joffrilu mħabbtu, jilqgħu għandu.  Sejjaħ lil Abraham biex isir missier ta’ ġens kbir, għażel lill-poplu ta’ Israel biex iwaqqaf miegħu patt li bih jgħannaq miegħu l-ġnus kollha, u, fil-milja taż-żmien, bagħat lil Ibnu biex il-pjan tiegħu ta’ mħabba u ta’ salvazzjoni jitwettaq f’patt ġdid u għal dejjem mal-bnedmin kollha.  Meta naqraw il-Vanġeli, naraw kif Ġesù jiġbor madwaru komunità ċkejkna li tilqa’ l-kelma tiegħu, timxi warajh, taqsam fil-mixja tiegħu, issir il-familja tiegħu, u b’din il-komunità Hu jħejji u jibni l-Knisja tiegħu.

 

Mela minn fejn titwieled il-Knisja?  Titwieled mill-ġest l-aktar għoli ta’ mħabba li hu s-Salib, mill-kustat miftuħ ta’ Ġesù li minnu jnixxu demm u ilma, simboli tas-Sagramenti ta’ l-Ewkaristija u tal-Magħmudija.  Fil-familja ta’ Alla, fil-Knisja, id-demm li jagħti l-ħajja hu dak ta’ l-imħabba ta’ Alla li tikkonkretizza ruħha f’li nħobbu lilU u lill-oħrajn, lil kulħadd, bla distinzjoni jew kejl.  Il-Knisja hi familja fejn inħobbu u niġu maħbuba.

 

Meta tidher l-ewwel darba l-Knisja?  Dan iċċelebrajnieh żewġt iĦdud ilu; il-Knisja tidher meta d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu jimla l-qalb ta’ l-Appostli u jimbuttahom biex joħorġu u jitilqu fil-mixja tagħhom biex iħabbru l-Vanġelu, ixerrdu l-imħabba ta’ Alla.

 

Anki l-lum għadek issib min jgħidlek: “Kristu iva, il-Knisja le”.  Bħal dawk li jgħidu: “Jiena nemmen f’Alla, imma fil-qassisin le”.  Imma hi propju l-Knisja li twassalna għand Kristu u twassalna għand Alla; il-Knisja hi l-familja kbira ta’ wlied Alla.  Veru, għandna wkoll aspetti umani; f’dawk li jiffurmawha, Rgħajja u fidili, hemm difetti, imperfezzjonijiet, dnubiet, – anki l-Papa għandu minn dawn, u għandu ħafna – imma s-sabiħ hu li meta aħna nintebħu li aħna midinba, insibu l-ħniena ta’ Alla, li dejjem jaħfrilna.  Tinsewhx dan: Alla jaħfer dejjem u jilqagħna fl-imħabba tal-maħfra u l-ħniena tiegħu.  Xi wħud jgħidu li d-dnub hu offiża kontra Alla, imma hu anki opportunità għalina biex niċċekknu ħalli nintebħu li hemm ħaġa oħra wisq isbaħ: il-ħniena ta’ Alla.  Ejjew naħsbu f’dan.

 

Il-lum nistaqsu lilna nfusna: Kemm inħobbha jien lill-Knisja?  Nitlob għaliha?  Inħossni parti mill-familja tal-Knisja?  X’qed nagħmel biex tkun komunità li fiha kulħadd iħossu milqugħ u mifhum, iħoss il-ħniena u l-imħabba ta’ Alla li ġġedded il-ħajja?  Il-fidi hi don u att li jolqotna personalment, imma Alla jsejħilna biex ngħixu l-fidi tagħna flimkien, bħala familja, bħala Knisja.

 

Nitolbu lill-Mulej, b’mod iktar partikulari f’din is-Sena tal-Fidi, li l-komunitajiet tagħna, il-Knisja kollha, isiru dejjem iżjed familji li jgħixu u jwasslu l-imħabba ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard