IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 28 ta’ Novembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti, 17: Il-liġi ġdida fi Kristu u x-xewqat skont l-Ispirtu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżi tal-lum, li tagħlaq il-mixja fuq l-Għaxar Kmandamenti, nistgħu nużaw bħala tema-muftieħ dik tax-xewqat, li sa tgħinna nħarsu lura lejn il-mixja li għamilna u niġbru t-tappi li wettaqna aħna u naqraw it-test tad-Dekalogu, dejjem għad-dawl tar-rivelazzjoni sħiħa fi Kristu.

 

Tlaqna mill-gratitudni bħala bażi tar-relazzjoni ta’ fiduċja u ta’ ubbidjenza: rajna kif Alla ma jitlob xejn qabel ma jkun ġa tana ħafna iżjed. Hu jistedinna għall-ubbidjenza biex jifdina mill-qerq tal-idolatriji li għandhom tant qawwa fuqna. Fil-fatt, jekk infittxu r-realizzazzjoni tagħna fl-idoli ta’ din id-dinja, dan jiżvojtana u jagħmilna lsiera, waqt li dak li jagħti binja u konsistenza hu r-relazzjoni tagħna miegħu li, fi Kristu, tagħmilna wlied ladarba hu Missier (ara Efes 3:14-16).

 

Dan jimplika proċess ta’ barka u ta’ ħelsien, li huma l-mistrieħ veru, awtentiku. Kif jgħid is-Salm: “F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi: mingħandu tiġini s-salvazzjoni” (Salm 62:2).

 

Din il-ħajja ta’ ħelsien tgħinna nilqgħu l-istorja personali tagħna u tirrikonċiljana ma’ dak li għexna minn ċkunitna sal-lum, u hekk tagħmilna adulti li kapaċi nagħtu l-piż it-tajjeb lir-realtajiet u lill-persuni li hemm f’ħajjitna. Minn din it-triq ngħaddu biex nidħlu fir-relazzjoni mal-proxxmu li, ibda mill-imħabba li Alla jurina f’Ġesù Kristu, hi sejħa għall-ġmiel tal-fedeltà, tal-ġenerożità u tal-awtentiċità.

 

Imma biex ngħixu hekk – jiġifieri fil-ġmiel tal-fedeltà, tal-ġenerożità u tal-awtentiċità – għandna bżonn ta’ qalb ġdida, li fiha jgħammar l-Ispirtu s-Santu (ara Eżek 11:19; 36:26). Nistaqsi: kif sa jseħħ dan it-“trapjant” tal-qalb, mill-qalb il-qadima għall-qalb il-ġdida? Permezz tad-don ta’ xewqat ġodda (ara Rum 8:6) li jinżergħu fina mill-grazzja ta’ Alla, b’mod partikulari permezz tal-Għaxar Kmandamenti li Ġesù wassal fil-milja tagħhom, kif jgħallimna fid-“diskors tal-muntanja” (ara Mt 5:17-48). Fil-fatt, fil-kontemplazzjoni tal-ħajja mfissra mid-Dekalogu, jiġifieri ħajja grata, ħielsa, awtentika, imbierka, adulta, li tħares u tħobb il-ħajja, fidila, ġeneruża u sinċiera, aħna, kważi bla ma nintebħu, insibu ruħna quddiem Kristu. Id-Dekalogu hu l-x-ray tiegħu, ifissru bħal negattiva tar-ritratti li tħalli lil wiċċu jidher – bħal fil-Liżar imqaddes. U hekk l-Ispirtu s-Santu jagħmel il-qalb tagħna għammiela għax inissel fiha dawk ix-xewqat li huma don tiegħu, ix-xewqat tal-Ispirtu. Nixtiequ skont l-Ispirtu, nixtiequ bir-ritmu tal-Ispirtu, nixtiequ bil-mużika tal-Ispirtu.

 

Meta nħarsu lejn Kristu nilmħu l-ġmiel, it-tjieba, il-verità. U l-Ispirtu jnissel ħajja li, skont dawn ix-xewqat tiegħu, iddakkar fina t-tama, il-fidi u l-imħabba.

 

Hekk niskopru aħjar xi jfisser li l-Mulej Ġesù ma ġiex biex jeqred il-liġi imma biex iwassalha għall-milja tagħha, biex ikabbarha, u waqt li l-liġi skont il-ġisem kienet serje ta’ preskrizzjonijiet u ta’ projbizzjonijiet, skont l-Ispirtu din l-istess liġi ssir ħajja (ara Ġw 6:63; Efes 2:15), għax ma tibqax norma imma ssir l-istess ġisem ta’ Kristu, li jħobbna, ifittixna, jaħfrilna, ifarraġna u fil-Ġisem tiegħu jinseġ mill-ġdid il-komunjoni mal-Missier, li konna tlifna minħabba fid-diżubbidjenza tad-dnub. U hekk in-negattività letterarja, in-negattività fl-espressjoni tal-Kmandamenti – “la tisraqx”, “la żżeblahx”, “la toqtolx” – dik il-“la” tinbidel f’atteġġjament pożittiv: inħobb, nagħmel wisa’ għall-oħrajn f’qalbi, kollha xewqat li jiżirgħu l-pożittività. U din hi l-milja tal-liġi li Ġesù ġie jwasslilna.

 

Fi Kristu, u fih biss, id-Dekalogu ma jibqax kundanna (ara Rum 8:1) u jsir il-verità awtentika tal-ħajja umana, jiġifieri xewqa għall-imħabba – minn hawn titnissel xewqa għat-tajjeb, li nagħmlu t-tajjeb – xewqa għall-ferħ, xewqa għall-paċi, għall-ġenerożità, għat-tjieba, għall-fedeltà, għall-ħlewwa, għall-ħakma fuqna nfusna. Minn dawn il-“lejiet” ngħaddu għal din l-“iva”: l-atteġġjament pożittiv ta’ qalb li tinfetaħ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

Araw għal xiex jiswa li nfittxu lil Kristu fid-Dekalogu: biex jagħmel lil qalbna għammiela ħalli titqal bl-imħabba, u tinfetaħ għall-ħidma ta’ Alla fiha. Meta l-bniedem jagħmel tiegħu x-xewqa li jgħix skont Kristu, allura jkun qed jiftaħ il-bieb għas-salvazzjoni, li ma tistax ma tasalx, għax Alla l-Missier hu ġeneruż u, kif jgħid il-Katekiżmu, “għandu l-għatx li jkollna l-għatx tiegħu” (n. 2560).

 

Jekk ix-xewqat ħżiena jeqirdu lill-bniedem (ara Mt 15:18-20), l-Ispirtu jqiegħed fil-qalb tagħna x-xewqat qaddisa tiegħu, li huma ż-żerriegħa tal-ħajja ġdida (ara 1 Ġw 3:9). Fil-fatt il-ħajja ġdida mhix l-isforz ta’ barra minn hawn tagħna biex inkunu koerenti ma’ xi norma, imma l-ħajja ġdida hi l-istess Spirtu ta’ Alla li jibda jmexxina lejn il-frott tiegħu, f’sinerġija hienja bejn il-ferħ tagħna għax aħna maħbubin u l-ferħ tiegħu li jista’ jħobbna. Jiltaqgħu dawn iż-żewġ ferħat: il-ferħ ta’ Alla li qed iħobbna u l-ferħ tagħna li aħna maħbuba.

 

Dan hu d-Dekalogu għalina l-Insara: nikkontemplaw lil Kristu biex ninfetħu ħalli nilqgħu l-qalb tiegħu, biex nilqgħu x-xewqat tiegħu, biex nilqgħu l-Ispirtu Qaddis tiegħu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard