IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 28 ta’ Awwissu 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 7.

“Xħin jgħaddi Pietru…” (Atti 5:15). Pietru, xhud ewlieni tal-Irxoxt

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-komunità ta’ fidi li naqraw dwarha fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli tgħix b’ħafna ġid li l-Mulej iqegħdilha f’ħoġorha – il-Mulej hu ġeneruż! – tara l-għadd tagħha jikber u l-ħeġġa titqawwa, minkejja l-attakki minn barra. Biex jurina din il-ħajja kollha, Luqa, fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, jindikalna wkoll postijiet sinifikattivi, ngħidu aħna l-portiku ta’ Salamun (ara Atti 5:12), fejn kienu jiltaqgħu dawk li jemmnu. Il-portiku (stoà) hu gallerija miftuħa mibnija bħala kenn, imma anki bħala post ta’ laqgħa u ta’ xhieda. Fil-fatt, Luqa jisħaq fuq is-sinjali u fuq l-għeġubijiet li jsieħbu l-kelma tal-Appostli u fuq l-għożża speċjali għall-morda li għaliha jingħataw.

 

Fil-kapitlu 5 tal-Atti l-Knisja li kienet għadha titwieled tidher bħala “sptar fuq il-post” li jilqa’ lill-persuni l-iżjed dgħajfa, jiġifieri l-morda. It-tbatija tagħhom tiġbed lejha lill-Appostli, li m’għandhomx “la deheb u lanqas fidda” (Atti 3:6) – hekk jgħidlu Pietru lill-magħtub – imma huma msaħħa bl-isem ta’ Ġesù. F’għajnejhom, kif ukoll f’għajnejn l-Insara ta’ kull żmien, il-morda huma destinatarji pprivileġġjati tal-aħbar it-tajba tas-Saltna, huma aħwa li fihom Kristu hu preżenti b’mod partikulari, biex iħalli lilna lkoll infittxuh u nsibuh (ara Mt 25:36,40). Il-morda huma pprivileġġjati għall-Knisja, għall-qalb tas-saċerdot, għall-aħwa fidili kollha. M’għandniex narmuhom, imma għandna nieħdu ħsiebhom, induru bihom: huma oġġett tal-attenzjoni tan-Nisrani.

 

Fost l-Appostli jidher Pietru, li għandu l-aktar post importanti fosthom minħabba fil-primat (ara Mt 16:18) u l-missjoni li rċieva mingħand l-Irxoxt (ara Ġw 21:15-17). Huwa hu li jibda l-predikazzjoni tal-kerygma dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin (ara Atti 2:14-41) u li fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm ikollu funzjoni ta’ tmexxija (ara Atti 15 u Gal 2:1-10).

 

Pietru jersaq lejn il-friex tal-morda u jgħaddi minn ġo nofshom, kif kien għamel Ġesù, meta tgħabba bl-uġigħ u l-mard (ara Mt 8:17; Iż 53:4). U Pietru, is-sajjied tal-Galilija, jgħaddi, imma jħalli li jidher l-Ieħor: li jkun Kristu li jgħix u li jaħdem! Fil-fatt, ix-xhud hu dak li juri lil Kristu, kemm bil-kliem u kemm bil-preżenza ta’ ġismu, biex b’hekk jista’ jirrelata u jkun il-prolungament tal-Verb li jitlaħħam fl-istorja.

 

Pietru hu dak li jwettaq l-opri tal-Imgħallem (ara Ġw 14:12): jekk inħarsu lejh bil-fidi, nilmħu lil Kristu nnifsu. Mimli bl-Ispirtu tal-Mulej tiegħu, Pietru jgħaddi u, mingħajr ma jagħmel xejn, id-dell tiegħu jsir “żegħila”, li tfejjaq, tgħaddi s-saħħa, issawwab il-ħlewwa tal-Irxoxt li jmil fuq il-morda u jroddilhom il-ħajja, is-salvazzjoni, id-dinjità. B’hekk, Alla juri kemm hu qrib u mill-pjagi ta’ wliedu jagħmel “il-post teoloġiku tal-ħlewwa tiegħu” (Meditazzjoni ta’ filgħodu, Santa Marta, 14.12.2017). Fil-pjagi tal-morda, fil-mard li jżommna milli nimxu ’l quddiem fil-ħajja, dejjem hemm il-preżenza ta’ Ġesù, il-pjaga ta’ Ġesù. Hemm Ġesù li jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex induru bih, biex inweżnuh, biex infejquh.

 

L-azzjoni tal-fejqan li jwettaq Pietru tqanqal il-mibegħda u l-għira, tas-Sadduċej, li jixħtu lill-Appostli l-ħabs u, mifxula mill-ħelsien misterjuż tagħhom, jordnawlhom biex ma jgħallmux. Dawn kienu qed jaraw il-miraklu li kienu jagħmlu l-Appostli mhux b’maġija, imma f’isem Ġesù; imma ma ridux jilqgħuh u għalhekk jixħtuhom il-ħabs, isawtuhom bil-bsaten. Imbagħad dawn ġew meħlusa mirakolożament, imma l-qalb tas-Sadduċej tant kienet iebsa li ma ridux jemmnu dak li kienu qed jaraw b’għajnejhom. Għalhekk Pietru jwieġeb billi joffri muftieħ tal-ħajja Nisranija: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin” (Atti 5:29), għax huma – is-Sadduċej – jgħidulhom: “Intom m’għandkomx tibqgħu tagħmlu dan, m’għandhomx tfejqu” – “Jiena nobdi lil Alla l-ewwel, imbagħad lill-bnedmin”: din hi t-tweġiba kbira tan-Nisrani. Dan ifisser li nisimgħu minn Alla bla riservi, bla dewmien, bla kalkoli żejda; nemmu fih biex insiru kapaċi nidħlu f’patt miegħu u ma’ min niltaqgħu miegħu tul il-mixja tagħna.

 

Ejjew nitolbu aħna wkoll lill-Ispirtu s-Santu l-qawwa li ma nibżgħux quddiem min jordnalna nagħlqu ħalqna, jikkalunnjana u saħansitra jipprova jtemmilna ħajjitna. Nitolbuh iqawwina minn ġewwa biex inkunu ċerti li maġenbna għandna l-preżenza kollha mħabba u faraġ tal-Mulej.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard