IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2019

 

Katekeżi fuq il-Missierna”: 11. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum ngħaddu biex niflu t-tieni parti tal-“Missierna”, dik li fiha nressqu quddiem Alla l-ħtiġijiet tagħna. Din it-tieni parti tiftaħ b’kelma li tfewwaħ bil-ħajja ta’ kuljum: il-ħobż.

 

It-talba ta’ Ġesù titlaq b’supplika urġenti, li tixbah ħafna l-karba ta’ tallab: “Agħtina l-ħobża ta’ kuljum!”. Din it-talba ġejja minn fatt li spiss ninsew, jiġifieri li aħna m’aħniex ħlejjaq awtosuffiċjenti, u li kuljum għandna bżonn biex nieklu.

 

L-Iskrittura Mqaddsa turina li għal ħafna nies il-laqgħa ma’ Ġesù bdiet minn talba. Ġesù ma jitlobx minna invokazzjonijiet raffinati, anzi, il-ħajja umana kollha, bil-problemi l-iżjed konkreti u ta’ kuljum tagħha, tista’ ssir talba. Fil-Vanġeli nsibu kotra ta’ tallaba li jittallbu l-ħelsien u l-fidwa. Min jitlob il-ħobż, min il-fejqan; xi wħud it-tisfija, oħrajn li jaraw; jew li persuna għażiża tista’ terġa’ tgħix… Ġesù ma jgħaddi qatt indifferenti minn quddiem dawn it-talbiet u dan l-uġigħ.

 

Għalhekk, Ġesù jgħallimna nitolbu lill-Missier il-ħobża ta’ kuljum. U dan jgħallimna nagħmluh f’rabta ma’ tant bnedemin li għalihom din it-talba hi karba – spiss mistura ġo fihom – li ssieħeb it-taħbit ta’ kuljum. Kemm ommijiet u kemm missirijiet, illum ukoll, imorru jorqdu bit-turment li l-għada mhux sa jkollhom biżżejjed ħobż għal uliedhom! Nistħajlu din it-talba tintqal mhux fiċ-ċertezza ta’ appartament komdu, imma fil-prekarjetà ta’ kamra li jkollhom jadattaw ruħhom għaliha, fejn hemm nieqes il-meħtieġ kollu biex jgħixu. Kliem Ġesù jassumi qawwa ġdida. It-talba tan-Nisrani minn dan il-livell tibda. Mhix xi eżerċizzju għall-axxeti; titlaq mir-realtà, mill-qalb u mil-laħam ta’ persuni li qed jgħixu fil-bżonn, jew li jaqsmu l-kundizzjoni ta’ min mank il-meħtieġ m’għandu biex jgħix. Lanqas l-ogħla mistiċi Nsara ma jistgħu jitbiegħdu mis-sempliċità ta’ din it-talba. “Missier, agħmel li għalina u għal kulħadd, illum ikun hawn il-ħobż meħtieġ”. U “ħobż” ifisser ukoll ilma, mediċina, dar, xogħol… Nitolbu l-meħtieġ biex ngħixu.

 

Il-ħobż li n-Nisrani jitlob fit-talba mhuwiex il-ħobż “tiegħi” imma l-ħobż “tagħna”. Hekk irid Ġesù. Jgħallimna nitolbuh mhux biss għalina nfusna, imma għal ħutna kollha tad-dinja. Jekk ma nitolbux b’dan il-mod, il-“Missierna” ma tibqax talba Nisranija. Jekk Alla hu Missierna, kif nistgħu nersqu quddiemu mingħajr ma naqbdu jdejn xulxin? Ilkoll kemm aħna. U jekk il-ħobż li hu jagħtina nisirquh minn xulxin, kif nistgħu nissejħu wliedu? Din it-talba fiha atteġġjament ta’ empatija, atteġġjament ta’ solidarjetà. Fil-ġuħ tiegħi nħoss il-ġuħ tal-ħafna, u allura nitlob lil Alla biex it-talba tagħna tiġi mismugħa. Hekk Ġesù jeduka lill-komunità tiegħu, lill-Knisja tiegħu, biex lil Alla tressaqlu l-ħtiġijiet ta’ kulħadd: “Aħna lkoll uliedek, o Missier, ħenn għalina!”. U issa nagħmlu sew nieqfu ftit u naħsbu fit-tfal mejta bil-ġuħ. Naħsbu fit-tfal tal-pajjiżi fil-gwerra: it-tfal bil-ġuħ li hemm fil-Yemen, it-tfal bil-ġuħ fis-Sirja, it-tfal bil-ġuħ f’tant pajjiżi fejn ma hemmx ħobż, fis-Sudan ta’ Isfel. Naħsbu f’dawn it-tfal, u aħna u naħsbu fihom, ngħidu flimkien, b’leħen għoli, it-talba: “Missierna, ħobżna ta’ kuljum agħtina llum”. Ilkoll flimkien.

 

Il-ħobż li nitolbu lill-Mulej fit-talba hu l-istess wieħed li jum wieħed għad jixlina. Iċanfarna l-fatt li ma tantx aħna mdorrija naqsmuh ma’ min hu qrib tagħna, ma tantx imdorrija naqsmuh. Kien ħobż mogħti lill-bnedmin, biex spiċċa mikul biss minn wieħed: l-imħabba ma tistax tissaportih dan. L-imħabba tagħna ma tistax tissaportih; u lanqas l-imħabba ta’ Alla ma tiflaħ għal dan l-egoiżmu ta’ min ma jaqsamx ħobżu mal-oħrajn.

 

Darba kien hemm folla kbira quddiem Ġesù; kienu nies bil-ġuħ. Ġesù staqsa jekk kienx hemm min kellu xi ħaġa tal-ikel, u sabu tfajjel lest jaqsam dak li kien ġab miegħu: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Ġesù kattar dak il-ġest ġeneruż (ara Ġw 6:9). Dak it-tfajjel kien fehemha l-lezzjoni tal-“Missierna”: li l-ikel mhuwiex proprjetà privata – indaħħluha f’moħħna din: l-ikel mhux proprjetà privata –, imma providenza biex tinqasam mal-oħrajn, bil-grazzja ta’ Alla.

 

Il-veru miraklu li għamel Ġesù dakinhar ma kienx tant it-tkattir – li seħħ tassew –, imma l-qsim: agħtu minn dak li għandkom u jien nagħmel il-miraklu. Hu stess, meta kattar dak il-ħobż offrut, ħabbar minn qabel l-offerta tiegħu nnifsu fil-Ħobż Ewkaristiku. Fil-fatt, l-Ewkaristija biss tista’ taqta’ l-ġuħ għal dak li ma jispiċċa qatt u x-xewqa għal Alla li żżomm ħaj lil kull bniedem, anki huwa u jfittex il-ħobża ta’ kuljum.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard