IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 26 ta’ Ġunju 2019

 

 Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli.

4. “U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (Atti 2:42). Il-ħajja tal-komunità tal-bidu bejn l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-aħwa.

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-frott ta’ Pentekoste, it-tiswib qawwi tal-Ispirtu ta’ Alla fuq l-ewwel komunità Nisranija, kien li tant persuni ħassew qalbhom minfuda minn dik l-aħbar tajba – il-kerygma – mis-salvazzjoni fi Kristu u emmnu fih b’mod ħieles, ikkonvertew, irċivew il-Magħmudija f’ismu u laqgħu huma wkoll id-don tal-Ispirtu s-Santu. Xi tlitt elef ruħ daħlu jagħmlu parti minn dik il-fraternità li hi l-ħabitat ta’ min jemmen u ttella’ l-għaġna kollha tal-opra ta’ evanġelizzazzjoni. Is-sħana tal-fidi ta’ dawn l-aħwa fi Kristu tagħmel minn ħajjithom ix-xenarju tal-opra ta’ Alla li tidher b’għeġubijiet u sinjali permezz tal-Appostli. L-istraordinarju jsir ordinarju u l-ħajja ta’ kuljum issir l-ispazju tal-manifestazzjoni ta’ Kristu ħaj.

 

L-evanġelista Luqa dan jirrakkuntahulna billi jurina l-Knisja ta’ Ġerusalemm bħala l-mudell ta’ kull komunità Nisranija, bħala l-ikona ta’ fraternità li taffaxxina u li m’għandniex nimmitizzawha imma lanqas nimminimizzawha. Ir-rakkont tal-Atti jippermettilna nittawlu minn ġol-ħitan tad-domus fejn l-ewwel Insara jinġabru bħala familja ta’ Alla, spazju tal-koinonia, jiġifieri tal-komunjoni tal-imħabba bejn l-aħwa fi Kristu. Nistgħu naraw il-ħajja li huma jgħixu: huma “jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (Atti 2:42). L-Insara jisimgħu b’mod assidwu d-didaché, jiġifieri t-tagħlim tal-Appostli; jipprattikaw kwalità għolja ta’ relazzjonijiet interpersonali anki permezz tal-qsim tal-ġid spiritwali u materjali; jagħmlu memorja tal-Mulej bil-“qsim tal-ħobż”, jiġifieri l-Ewkaristija, u jiddjalogaw ma’ Alla fit-talb. Huma dawn l-atteġġjamenti tan-Nisrani, l-erba’ karatteristiċi ta’ Nisrani tajjeb.

 

B’differenza mis-soċjetà umana, fejn iktar infittxu l-interessi tagħna minkejja jew saħansitra b’dannu għall-oħrajn, il-komunità ta’ min jemmen tbarri l-individwaliżmu biex tiffavorixxi l-qsim flimkien u s-solidarjetà. M’hemmx lok għall-egoiżmu fir-ruħ ta’ Nisrani: jekk qalbek hi egoista, int m’intix Nisrani, int mondan, qed tfittex biss x’jaqbillek, x’ħa tieħu inti. U Luqa jgħidilna li dawk li jemmnu qegħdin flimkien (ara Atti 2:44). Il-qrubija u l-għaqda huma l-istil ta’ dawk li jemmnu: qrib ta’ xulxin, jaħsbu f’xulxin, mhux biex ipaċpċu fuq l-oħrajn, le, imma biex jgħinu, biex jersqu dejjem eqreb.

 

Għalhekk il-grazzja tal-Magħmudija tikxef l-għaqda intima li hemm bejn l-aħwa fi Kristu li huma msejħa jaqsmu ma’ xulxin, jitwaħħdu ma’ xulxin u jagħtu “skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (Atti 2:45), jiġifieri l-ġenerożità, il-karità, li jaħsbu f’xulxin, iżuru l-morda, iżuru lil dawk li huma fil-bżonn, li għandhom bżonn il-faraġ.

 

U din il-fraternità, proprju għaliex tagħżel it-triq tal-komunjoni u tal-attenzjoni għal dawk fil-bżonn, din il-fraternità li hi l-Knisja, tista’ tgħix ħajja liturġika vera u awtentika. Jgħid Luqa: “U kuljum kienu jmorru fit-Tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja; u kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom” (Atti 2:46-47).

 

Fl-aħħar nett, ir-rakkont tal-Atti jfakkarna li l-Mulej jiggarantixxi li l-komunità tikber (ara 2:47): meta dawk li jemmnu jipperseveraw fir-rabta ġenwina ma’ Alla u mal-aħwa, din issir qawwa li tiġbed lejha u tirbaħ lil ħafna (ara Evangelii gaudium, 14), prinċipju li bih tgħix f’kull żmien il-komunità li temmen.

 

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħmel mill-komunitajiet tagħna mkejjen fejn nilqgħu u nipprattikaw il-ħajja ġdida, l-opri ta’ solidarjetà u ta’ komunjoni, imkejjen fejn il-liturġiji jsiru laqgħa ma’ Alla, li jsir komunjoni mal-aħwa, imkejjen li jsiru bibien miftuħa fuq Ġerusalemm tas-Sema.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard