Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Din hi l-aħħar katekeżi fuq it-tema tat-tama Nisranija, li akkumpanjatna mill-bidu ta’ din is-sena liturġika. U se nagħlaq billi nitkellem fuq il-ġenna, bħala destinazzjoni tat-tama tagħna.

 

“Ġenna” hi waħda mill-aħħar kelmiet imlissna minn Ġesù fuq is-salib, li hu lissen lill-ħalliel it-tajjeb. Ejja nieqfu għal ftit tal-ħin fuq dik ix-xena. Fuq is-salib, Ġesù mhuwiex waħdu. Maġenbu, fuq il-lemin u fuq ix-xellug, hemm żewġ delinkwenti. Forsi, huwa u għaddej minn quddiem dawk it-tliet slaleb weqfin fuq il-Golgota, xi ħadd ħa nifs twil ’il barra, għax ħaseb li fl-aħħar kienet qiegħda ssir ġustizzja la kienu qed jinqatlu nies ta’ dik ix-xorta.

 

Ħdejn Ġesù hemm ukoll kriminal niedem: wieħed li għaraf li kien jixraqlu dak it-turment terribbli. Aħna nsejħulu l-“ħalliel it-tajjeb”, li jeħodha kontra l-ieħor u jgħid: aħna qed nieħdu dak li ħaqqna ta’ għemilna (ara Lq 23:41).

 

Fuq il-Kalvarju, f’dak il-jum traġiku u qaddis tal-Ġimgħa, Ġesù jasal sal-punt estrem tal-inkarnazzjoni tiegħu, tas-solidarjetà tiegħu mal-midinbin. Hemm iseħħ dak li l-profeta Isaija kien qal fuq il-Qaddej sofferenti: “Kien magħdud mal-midinbin” (53:12; ara Lq 22:37).

 

Huwa hemm, fuq il-Kalvarju, li Ġesù għandu l-aħħar appuntament ma’ midneb, biex lilu wkoll jiftaħlu beraħ il-bibien tas-Saltna tiegħu. Dan interessanti: din hi l-unika darba li tidher il-kelma “ġenna” fil-Vanġeli. Ġesù jwegħedha lil “xitan fqajjar” li fuq l-għuda tas-salib kellu l-kuraġġ li jdur lejh u jagħmillu l-aktar talba umli: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (Lq 23:42). Ma kellux opri tajba biex jiddandan, ma kellu xejn, imma jafda ruħu f’idejn Ġesù, li fih jagħraf l-innoċenti, it-twajjeb, hekk differenti minnu (v. 41). Kienet biżżejjed dik il-kelma ta’ ndiema umli biex tmiss il-qalb ta’ Ġesù.

 

Il-ħalliel it-tajjeb ifakkarna kif tassew ninsabu quddiem Alla: li aħna wliedu, li lilu tiġih ħniena minna, li lilu nsibuh żarmat kull darba li nuruh in-nostalġija tagħna għal imħabbtu. Fil-kmamar ta’ tant sptarijiet u fiċ-ċelel tal-ħabsijiet dan il-miraklu jiġi ripetut tant drabi: ma hemmx persuna, għexet kemm għexet ħażin, li fadlilha biss il-qtigħ il-qalb u hi mċaħħda mill-grazzja. Quddiem Alla aħna nidhru kollha b’idejna vojta, xi ftit jew wisq bħall-pubblikan tal-parabbola li waqaf jitlob fuq wara nett tat-Tempju (ara Lq 18:13). U kull darba li wieħed, meta jagħmel l-aħħar eżami tal-kuxjenza ta’ ħajtu, jiskopri li n-nuqqasijiet tiegħu huma bil-wisq iżjed mill-opri tajba, ma għandux għax jaqta’ qalbu, imma jrid jafda ruħu f’idejn il-ħniena ta’ Alla. U dan jimliena bit-tama, dan jiftħilna qalbna!

 

Alla hu Missier, u jistenna sal-aħħar li nerġgħu lura għandu. U lill-iben il-ħali li reġa’ lura, li beda jistqarr ħtijietu, il-missier jagħlaqlu ħalqu b’tgħanniqa (ara Lq 15:20). Dan hu Alla: hekk iħobbna!

 

Il-ġenna mhijiex post tal-ħrejjef, u lanqas ma hi xi ġnien tas-sħarijiet. Il-ġenna hi t-tgħanniqa ma’ Alla, Imħabba bla tarf, u fiha nidħlu grazzi għal Ġesù, li miet fuq is-salib għalina. Fejn hemm Ġesù, hemm il-ħniena u l-ferħ; mingħajru hemm il-kesħa u d-dalma. Fis-siegħa tal-mewt, in-Nisrani jtenni lil Ġesù: “Ftakar fija”. U anki jekk ma jibqa’ ħadd iżjed li jiftakar fina, lil Ġesù ħa nsibuh hemm, maġenbna. Irid jeħodna fl-isbaħ post li jeżisti. Irid jeħodna hemm b’dak il-ftit jew ħafna ġid li għamilna f’ħajjitna, biex xejn ma jintilef minn dak li hu diġà feda. U fid-dar tal-Missier se jieħu wkoll dak kollu li fina għad għandu bżonn jinħeles: in-nuqqasijiet u l-iżbalji ta’ ħajja sħiħa. Din hi d-destinazzjoni ta’ ħajjitna: li kollox jitwettaq, u jinbidel fi mħabba.

 

Jekk dan nemmnuh, il-mewt ma tibqax tbeżżagħna, u nistgħu wkoll nittamaw li nitilqu minn din id-dinja b’mod seren, b’ħafna fiduċja. Min iltaqa’ ma’ Ġesù u sar jafu, ma jibża’ minn xejn iżjed. U nistgħu ntennu aħna wkoll kliem ix-xwejjaħ Xmuni, anki hu mbierek mil-laqgħa ma’ Kristu, wara ħajja sħiħa fl-istennija: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għax għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2:29-30).

 

U f’dak il-waqt, sa fl-aħħar, ma jkollna bżonn ta’ xejn iżjed, ma nibqgħux naraw imċajpar. Ma nibkux iżjed għalxejn, għax kollox ikun għadda; anki l-profeziji, anki l-għarfien. Imma l-imħabba le, dik tibqa’. Għax “l-imħabba ma tintemm qatt” (ara 1 Kor 13:8).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard