IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 25 ta’ Settembru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 9. 

Stiefnu “mimli bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 7:5) bejn diakonia u martyria.

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Permezz tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, inkomplu mexjin tul dan il-vjaġġ: il-vjaġġ tal-Vanġelu fid-dinja. San Luqa, b’realiżmu kbir, jurina kemm il-frott ta’ dan il-vjaġġ u kemm kif inqalgħu xi problemi fi ħdan il-komunità Nisranija. Sa mill-bidu dejjem kien hemm il-problemi. Kif tinstab l-armonija bejn id-differenzi li hemm fiha mingħajr ma jseħħ tilwim u tiċrit?

 

Il-komunità ma laqgħetx biss lil-Lhud, imma anki lill-Griegi, jiġifieri persuni ġejjin mid-djaspora, mhumiex Lhud, b’kultura u sensibbiltajiet tagħhom u b’reliġjon oħra. Kieku llum aħna ngħidu “pagani”. U dawn ġew milqugħa. Din il-preżenza flimkien tiddetermina ekwilibriji dgħajfa u prekarji; u quddiem id-diffikultajiet tispunta s-“sikrana”, u liema hi l-agħar sikrana li teqred komunità? Is-sikrana tat-tgemgim, is-sikrana tat-tpaċpiċ fil-vojt fuq l-oħrajn: il-Griegi jgemgmu għax il-komunità ma tagħtix kas tar-romol tagħhom.

 

L-Appostli jibdew proċess ta’ dixxerniment li fih iqisu sewwa d-diffikultà x’inhi u jfittxu flimkien is-soluzzjonijiet. Isibu soluzzjoni billi jaqsmu d-diversi ħidmiet biex kulħadd jista’ jikber b’mod seren fi ħdan l-istess ġisem ekkleżjali u biex jevitaw li tiġi ttraskurata kemm ir-“rotta” tal-Vanġelu u kemm il-kura tal-membri l-aktar foqra.

 

L-Appostli dejjem huma konxji li l-vokazzjoni prinċipali tagħhom hi t-talb u l-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla: jitolbu u jxandru l-Vanġelu; u jsolvu l-kwistjoni billi jwaqqfu nukleu ta’ “sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf” (Atti 6:3), li, wara li rċivew it-tqegħid tal-idejn, jieħdu ħsieb tal-qadi tal-imwejjed. Dawn huma d-djakni li ġew maħluqa għal dan il-għan, għall-qadi. Id-djaknu fil-Knisja mhuwiex ta’ wara s-saċerdot, imma ħaġa oħra; mhux qiegħed hemm għall-altar, imma għall-qadi. Hu l-ħarries tal-qadi fil-Knisja. Meta djaknu jieħu pjaċir iżżejjed joqgħod mal-altar, jiżbalja. Mhijiex din it-triq tiegħu. Din l-armonija bejn il-qadi tal-Kelma u l-qadi tal-karità tirrappreżenta l-ħmira li tkabbar il-ġisem tal-Knisja.

 

U l-Appostli jfittxu seba’ djakni, u fost is-seba’ “djakni” jingħażlu b’mod partikulari Stiefnu u Filippu. Stiefnu jevanġelizza b’qawwa u parresia, imma l-kelma tiegħu ssib l-aktar reżistenzi stinati. Billi ma sabux mod ieħor kif isikktuh, x’jagħmlu dawk ta’ kontrih? Jagħżlu l-aktar soluzzjoni miskina biex jeqirdu bniedem: jiġifieri, il-kalunnja u x-xhieda falza. U aħna nafu li l-kalunnja dejjem teqred. Dan il-“kankru djaboliku”, li jitwieled mir-rieda li wieħed jeqred il-fama ta’ persuna, jattakka wkoll il-bqija tal-ġisem tal-Knisja u jagħmillu ħsara gravi meta, minħabba fl-interessi msejkna jew biex jgħatti l-ħażen tiegħu stess, jingħaqad ma’ oħrajn biex jagħmel il-ħsara lil xi ħadd.

 

Meħud għand is-Sinedriju u mixli minn xhieda qarrieqa – l-istess kienu għamlulu lil Ġesù u l-istess jagħmlu mal-martri kollha permezz ta’ xhieda foloz u kalunnji – Stiefnu jxandar qari ġdid tal-istorja mqaddsa ċċentrata fi Kristu, biex hekk jiddefendi ruħu. U l-Għid ta’ Ġesù li miet u rxoxta hu l-muftieħ tal-istorja kollha tal-Patt. Quddiem din il-kotra tad-don divin, Stiefnu bil-kuraġġ kollu jikkundanna l-ipokrezija li biha ġew ittrattati l-profeti u Kristu nnifsu. U jfakkarhom l-istorja billi jgħidilhom: “Lil min mill-profeti ma ppersegwitawx missirijietkom? Huma qatlu lil dawk li ħabbru minn qabel il-miġja ta’ dak il-Ġust li issa intom stess ittradejtuh u qtiltuh” (Atti 7:52). Ma joqgħodx jomgħod kliemu, imma jitkellem ċar u tond, jgħid il-verità.

 

Dan jipprovoka r-reazzjoni vjolenti tas-semmiegħa tiegħu, u Stiefnu jiġi kkundannat għall-mewt, ikkundannat għat-tħaġġir. Imma hu juri l-vera “stoffa” tad-dixxiplu ta’ Kristu. Ma jfittixx li jaħrab, ma jitlobx l-għajnuna ta’ personalitajiet li jistgħu jsalvawh, imma jerħi ħajtu f’idejn il-Mulej u t-talba ta’ Stiefnu sabiħa wisq, f’dak il-ħin: “Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi” (Atti 7:59) – u jmut bħala iben ta’ Alla billi jaħfer: “Mulej, tgħoddulhomx dan id-dnub” (Atti 7:60).

 

Dawn il-kelmiet ta’ Stiefnu jgħallmuna li mhumiex id-diskorsi sbieħ li jikxfu l-identità tagħna ta’ wlied Alla, imma biss l-abbandun tal-istess ħajjitna f’dirgħajn il-Missier u l-maħfra lil min joffendina li juru l-kwalità tal-fidi tagħna.

 

Illum għandna martri ħafna iktar milli fil-bidu tal-ħajja tal-Knisja, u l-martri huma kullimkien. Il-Knisja tal-lum hi għanja bil-martri, hi msoqqija mid-demm tagħhom li hu “żerriegħa ta’ Nsara ġodda” (Tertulljanu, Apologeticus, 50,13) u jiżgura li l-Poplu ta’ Alla jikber u jagħmel il-frott. Il-martri mhumiex tas-“santi”, imma rġiel u nisa tad-demm u l-laħam li – kif jgħid l-Apokalissi – “l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (7:14). Huma l-veri rebbieħa.

 

Ejjew nitolbu aħna wkoll lill-Mulej biex, aħna u nħarsu lejn il-martri tal-bieraħ u tal-lum, nistgħu nitgħallmu dejjem ngħixu ħajja sħiħa, nilqgħu l-martirju tal-fedeltà ta’ kuljum lejn il-Vanġelu u tat-twaħħid tagħna ma’ Kristu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard