UDJENZA
ĠENERALI
Pjazza
San Pietru
L-Erbgħa
24 ta’ Ottubru
2018
Katekeżi
fuq il-Kmandamenti: 12:
La tiżnix
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-mixja
tagħna ta’ katekeżi fuq il-Kmandamenti llum wasalna fis-Sitt Kelma,
li tmiss id-dimensjoni affettiva u sesswali, u taqra: “La tiżnix”.
Mill-ewwel
moħħna jmur fuq il-fedeltà, u fil-fatt l-ebda relazzjoni umana mhi
awtentika mingħajr fedeltà u lealtà.
Ma tistax
tħobb biss sakemm “jaqbillek”; l-imħabba tidher sewwasew lil hemm
mill-għatba tal-vantaġġ personali, meta nagħtu kollox bla
ma nżommu xejn għalina. Kif jafferma l-Katekiżmu: “L-imħabba trid tkun ħaġa
definittiva. Ma tistax tkun imħabba ‘sakemm ikun hemm ordni ieħor’”
(n. 1646). Il-fedeltà hi l-karatteristika ta’ relazzjoni bejn il-bnedmin li hi
ħielsa, matura, responsabbli. Imqar ħabib juri li hu awtentiku
għax jibqa’ ħabib f’kull ċirkustanza, inkella ma hu ħabib
xejn. Kristu jurina l-imħabba vera x’inhi, hu li jgħix
bl-imħabba bla tarf tal-Missier, u bis-saħħa ta’ dan hu
l-Ħabib fidil li jilqagħna għandu anki meta niżbaljaw, u
jrid dejjem il-ġid tagħna, anki meta ma jistħoqqilniex.
Il-bniedem
għandu bżonn li jkun maħbub bla kundizzjonijiet, u meta ma jsibx
din l-akkoljenza jkun iġorr ġo fih ċertu nuqqas ta’ kompletezza,
spiss mingħajr ma jaf għaliex. Il-qalb tal-bniedem tfittex li timla
dan il-vojt b’xi ħaġa oħra, billi taċċetta kompromessi
u medjokritajiet li mill-imħabba għandhom biss togħma vaga.
Ir-riskju huwa dak li relazzjonijiet infantili u immaturi nibdew
insejħulhom “imħabba”, bl-illużjoni li nsibu dawl għal
ħajjitna f’xi ħaġa li, l-iktar l-iktar, hi biss dell
tagħha.
Hekk, ngħidu
aħna, jiġri li nagħtu wisq valur lill-ġibda tal-ġisem,
li fiha nfisha hi don ta’ Alla imma bl-għan li tħejji t-triq
għal relazzjoni awtentika u fidila mal-persuna l-oħra. Kif qal San
Ġwanni Pawlu II, il-bniedem “hu msejjaħ għall-ispontanjetà
sħiħa u matura tar-relazzjonijiet”, li “hi l-frott gradwali
tad-dixxerniment ta’ dak li tħoss il-qalb”. Hi xi ħaġa li rridu niksbuha,
ladarba kull bniedem “għandu jitgħallem, b’perseveranza u koerenza,
x’inhi t-tifsira tal-ġisem” (ara Katekeżi,
12 ta’ Novembru 1980).
Għalhekk,
is-sejħa għall-ħajja konjugali titlob dixxerniment għaqli
tal-kwalità tar-relazzjoni u żmien ta’ għerusija biex wieħed
jivverifikaha. Sabiex jidħlu għas-Sagrament taż-Żwieġ,
l-għarajjes jeħtieġ jimmaturaw fiċ-ċertezza li f’dik
ir-rabta tagħhom hemm l-id ta’ Alla, li jimxi qabilhom u jseħibhom, biex
hekk jistgħu jgħidu: “Bil-grazzja
ta’ Kristu nwiegħed li dejjem inkun fidil lejk”. Ma jistgħux
iwiegħdu fedeltà lil xulxin “fil-ferħ
u fin-niket, fis-saħħa u fil-mard”, u li jinħabbu u jirrispettaw
lil xulxin il-jiem kollha ta’ ħajjithom, jekk sempliċiment jibnu fuq
ir-rieda tajba jew fuq it-tama li “l-ħaġa ħa taħdem”.
Jeħtieġ jibnu fuq l-art soda tal-Imħabba fidila ta’ Alla. U
għalhekk, qabel ma jirċievu s-Sagrament taż-Żwieġ,
hemm bżonn ta’ tħejjija tajba, nissogra ngħid katekumenat,
għax hawn fin-nofs il-ħajja kollha fl-imħabba, u mal-imħabba
ma tilgħabx. Ma tistax issejħilhom “preparazzjoni għaż-żwieġ”
tliet konferenzi jew erbgħa fil-parroċċa; le, din mhijiex
preparazzjoni: din preparazzjoni ta’ biċ-ċajt. U r-responsabbiltà ta’
min jagħmel dan, fuqu taqa’: fuq il-kappillan, fuq l-isqof li jħalli
dawn l-affarijiet għaddejjin. It-tħejjija għandha tkun matura u
trid iż-żmien. Mhuwiex xi att formali: hu Sagrament. Imma għalih
meħtieġa tħejjija b’katekumenat veru.
Fil-fatt,
il-fedeltà hi mod ta’ kif tgħix, stil ta’ ħajja. Wieħed jimxi
b’lealtà, jitkellem b’sinċerità, jibqa’ fidil għall-verità
fil-ħsieb, fl-għemil tiegħu. Ħajja minsuġa bil-fedeltà
tesprimi ruħha fid-dimensjonijiet kollha tagħha u twassalna biex
inkunu rġiel u nisa fidili u ta’ min jafdana f’kull ċirkustanza.
Imma biex naslu
għal ħajja hekk sabiħa mhix biżżejjed in-natura
tagħna ta’ bnedmin, imma hemm bżonn li l-fedeltà ta’ Alla tidħol
fil-ħajja tagħna, nittieħdu minnha. Din is-Sitt Kelma qed
issejħilna biex indawru ħarsitna fuq Kristu, li bil-fedeltà
tiegħu jista’ jneħħi minna qalb żienja u jagħtina qalb
fidila. Fih, u fih biss, hemm l-imħabba bla limiti u bla tidwir,
l-għotja sħiħa bla parentesi u r-rieda soda li tilqa’
lill-ieħor jew lill-oħra sa ġewwa nett.
Mill-mewt u l-qawmien
tiegħu tiġi l-fedeltà tagħna, mill-imħabba tiegħu bla
kundizzjonijiet tiġi l-perseveranza fir-relazzjonijiet. Mill-komunjoni
tagħna miegħu, mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu tiġi
l-komunjoni bejnietna u nitgħallmu ngħixu fil-fedeltà r-rabtiet
kollha tagħna.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard